Language of document : ECLI:EU:C:2015:16

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fil-15 ta’ Jannar 2015 (1)

Kawża C‑3/14

Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej, Telefonia Dialog sp. z o.o.,

vs

T-Mobile Polska SA, li qabel kienet Polska Telefonia Cyfrowa SA

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Polonja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2002/19/KE — Artikolu 5 — Setgħat u responsabbiltajiet tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għal dak li jikkonċerna l-aċċess u l-interkonnessjoni — Direttiva 2002/21/KE — Artikolu 7(3) — Notifika ta’ abbożi ta’ miżuri previsti mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali — Kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura — Portata tal-kundizzjoni dwar is-suġġett tad-deċiżjoni — Portata tal-kundizzjoni dwar l-effett ta’ dik il-miżura fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri — Deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali adottata fil-kuntest tar-riżoluzzjoni ta’ tilwima bejn żewġ operaturi nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2002/21/KE — Deċiżjoni li timponi fuq wieħed minn dawn l-operaturi l-obbligi ffissati fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 2002/22/KE, dwar l-aċċess għan-numri mhux ġeografiċi”





1.        Permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tippreċiża l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ notifikazzjoni stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (2).

2.        B’mod konformi ma’ din id-dispożizzjoni, awtorità regolatorja nazzjonali (iktar ’il quddiem “ARN”) hija obbligata tinnotifika lill-Kummissjoni kif ukoll lill-ARN tal-Istati Membri l-oħrajn bl-abbozzi ta’ miżuri li, minn naħa waħda, huma adottati fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet imsemmija espressament mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 7(3)(a) tad-Direttiva Qafas u li, min-naħa l-oħra, “jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri”, fis-sens tal-Artikolu 7(3)(b) ta’ din id-direttiva.

3.        Is-Sąd Najwyższy (Qorti Suprema, il-Polonja) titlob, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża l-portata ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet.

4.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej (President tal-Uffiċċju tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, iktar ’il quddiem il-“President tal-UKE”), l-ARN Pollakka u Telefonia Dialog sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “Telefonia Dialog”), u, min-naħa l-oħra, T‑Mobile Polska SA, li qabel kienet Polska Telefonia Cyfrowa SA (iktar ’il quddiem “T-Mobile Polska”), wieħed mill-operaturi prinċipali fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet fil-Polonja. Fuq talba ta’ Telefonia Dialog, u sabiex tiġi riżolta t-tilwima bejn T-Mobile Polska, il-President tal-UKE impona, fil-fatt, obbligi fuq T-Mobile Polska sabiex jiġi żgurat li l-utenti finali jkollhom dritt ta’ aċċess għan-numri mhux ġeografiċi kif iggarantit fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 2002/22/KE (3). Skont l-Artikolu 2(d) u (f) tad-Direttiva “Servizz Universali”, “numru mhux ġeografiku” huwa numru ta’ pjan nazzjonali ta’ numerazzjoni li l-istruttura numerika tiegħu ma jkun fiha ebda sinjifikat ġeografiku użat sabiex jittrasferixxi t-telefonati lejn il-post fiżiku tal-punt tat-terminazzjoni tan-network. Dan jinkludi, b’mod partikolari, numri mobbli, numri ta’ telefonati bla ħlas u numri b’rati primjum. Mill-elementi tal-fajl jirriżulta li l-President tal-UKE ma nnotifikax din il-miżura lill-Kummissjoni Ewropea jew lill-ARN tal-Istati Membri l-oħrajn qabel ma ġiet adottata.

5.        Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni jekk ARN hijiex obbligata tinnotifika, b’mod konformi mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas, miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. B’mod partikolari, hija tistaqsi jekk din il-miżura li permezz tagħha l-ARN imponiet fuq operatur obbligi li jirrigwardaw l-aċċess għan-numri mhux ġeografiċi sabiex tiġi riżolta tilwima, taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura u tissodisfax, b’mod iktar preċiż, iż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(3)(a) u (b) tad-Direttiva Qafas.

6.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nispjega r-raġunijiet għalfejn jidhirli li tali miżura taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas u għandha, għaldaqstant, tkun suġġetta għal notifika lill-Kummissjoni u lill-ARN tal-Istati Membri l-oħrajn peress li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

7.        F’dan ir-rigward, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-kundizzjoni li tirriżulta mill-effett tal-miżura fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva Qafas tippresupponi li jintwera’ li l-miżura inkwistjoni tista’ taffettwa b’mod sostanzjali l-kummerċ bejn l-Istati Membri billi teżerċita influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq it-tendenzi ta’ kummerċ bejn dawn tal-aħħar. Peress li din l-evalwazzjoni tikkostitwixxi kwistjoni ta’ fatt, ser insostni li kull waħda mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandha l-obbligu li twettaq dan l-eżami in concreto, filwaqt li tqis in-natura tal-miżura u tas-servizzi kkonċernati kif ukoll il-pożizzjoni u l-importanza tal-operaturi kkonċernati fis-suq.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva “Aċċess”

8.        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2002/19/KE (4) huwa fformulat hekk:

“Fi ħdan il-qafas stipulat fid-[Direttiva 'Qafas’], din id-Direttiva tarmonizza l-mod li bih l-Istati Membri jirregolaw l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ma’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati. L-għan huwa li jiġi stabbilit qafas regolatorju, skond il-prinċipji tas-suq intern, għar-relazzjonijiet bejn il-fornituri ta’ networks u servizzi li ser jirriżultaw f’kompetizzjoni sostenibbli, interoperabilità ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u benefiċċji għall-konsumatur.”

9.        L-Artikolu 5 tad-Direttiva “Aċċess”, bit-titolu “Setgħat u responsabbiltajiet ta’ l-[ARN] fir-rigward ta’ aċċess u interkonnessjoni”, jipprovdi:

“1. L-[ARN] għandhom, waqt li jaġixxu biex jilħqu l-miri stipulati f’Artikolu 8 tad-[Direttiva Qafas], iħeġġu u fejn xieraq jiżguraw, skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, aċċess u interkonnessjoni adegwati, u interoperabilità ta’ servizzi, waqt li jeżerċitaw ir-responsabbiltà tagħhom b’mod li jippromwovi l-effiċjenza, il-kompetizzjoni sostenibbli, u jagħtu l-benefiċċju massimu lill-utenti finali.

B’mod partikolari, mingħajr preġudizzju għall-miżuri li jistgħu jittieħdu fir-rigward ta’ impriżi b’saħħa sinjifikanti fis-suq skond Artikolu 8, l-[ARN] għandhom ikunu jistgħu jimponu:

a)      sal-limitu li huwa meħtieġ biex tiġ żgurata konnettività tarf sa tarf, obbligi fuq l-impriżi li jikkontrollaw l-aċċess għall-utenti finali, inkluż f’każi ġustifikati l-obbligazzjoni li jagħmlu interkonnessjoni tar-network tagħhom fejn dan ma jkunx diġà l-każ;

[...]

3.      L-obbligi u l-kondizzjonijiet imposti skond il-paragrafi 1 u 2 [...] għandhom jiġu mplimentati skond il-proċedura msemmija f’Artikoli 6 u 7 tad-[Direttiva Qafas].

4.      Fir-rigward ta’ l-aċċess u l-interkonnessjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-[ARN] jkollha s-setgħa li tintervjeni fuq l-inizjattiva tagħha stess fejn ġustifikat jew, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn l-impriżi, fuq talba ta’ xi wieħed mill-partijiet involuti, sabiex tiżgura l-għanijiet tal-politika ta’ Artikolu 8 tad-[Direttiva Qafas], skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u l-proċeduri msemmija f’Artikoli 6 u 7, 20 u 21 tad-[Direttiva Qafas].”

10.      L-Artikolu 8 tad-Direttiva “Aċċess”, bit-titolu “Impożizzjoni, emendar jew irtirar ta’ l-obbligi”, huwa fformulat skont kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-[ARN] jkollhom is-setgħa li jimponu l-obbligi identifikati f’Artikoli 9 sa 13.

[...]

4.      L-obbligi imposti skond dan Artikolu għandhom ikunu bbażati fuq in-natura tal-problema identifikata, proporzjonati u ġustifikati fid-dawl tal-miri stipulati f’Artikolu 8 tad-[Direttiva Qafas]. Dawn l-obbligi għandhom ikunu imposti biss wara konsultazzjoni skond Artikoli 6 u 7 ta’ dik id-Direttiva.

[...]”

2.      Id-Direttiva Qafas

11.      Il-premessi 15 u 38 tad-Direttiva Qafas jippreċiżaw dan li ġej:

“(15) Huwa importanti li l-[ARN] jikkonsultaw mal-partijiet kollha interessati dwar id-deċiżjonijiet proposti waqt li jingħata kont tal-kummenti tagħhom qabel ma tiġi adottata deċiżjoni finali. Sabiex jiġi żgurat li deċiżjonijiet f’livell nazzjonali ma jkollhomx effetti kuntrarji fuq is-suq wieħed jew miri oħra tat-Trattat, l-[ARN] għandhom ukoll jinnotifikaw ċerti abbozzi ta’ deċiżjonijiet lill-Kummissjoni u lill-[ARN] oħra biex jagħtuhom l-opportunità li jikkummentaw. Huwa xieraq li l-[ARN] jikkonsultaw mal-partijiet interssati fuq l-abbozzi kollha tal-miżuri li għandhom effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-każi fejn il-proċeduri msemmija f’Artikoli 6 u 7 japplikaw huma definiti f’din id-Direttiva u fid-Direttivi Speċifiċi [...]

[...]

(38)      Miżuri li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri huma miżuri li jista’ jkollhom influwenza, diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq ix-xejra tal-Kummerċ bejn l-Istati Membri b’mod li jista’ jinħoloq ostakolu għas-suq wieħed. Jikkomprendu miżuri li jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq l-operaturi jew l-utenti fi Stati Membri oħra, li jinkludu, fost ħwejjeġ oħra: miżuri li jeffettwaw il-prezzijiet għall-utenti fi Stati Membri oħra; miżuri li jeffettwaw l-abilità ta’ mpriża stabbilita fi Stat Membru ieħor li tipprovdi servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, b’mod partikolari miżuri li jeffettwaw l-abilità li jiġu offruti servizzi fuq bażi transnazzjonali; u miżuri li jeffettwaw l-istruttura tas-suq jew l-aċċess, li jwasslu għal riperkussjonijiet għal impriżi fi Stati Membri oħra.”

12.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva Qafas, bit-titolu “Mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni u trasparenza”, jipprovdi dan li ġej:

“Ħlief fil-każi li jaqgħu taħt Artikoli 7(6), 20 jew 21 l-Istati Membri għandhom jassiguraw li fejn l-[ARN] jkollhom il-ħsieb li jieħu miżuri skond din id-Direttiva jew id-Direttivi Speċifiċi li għandhom impatt sinifikanti fuq is-suq relevanti, jagħti lill-partijiet interessati l-opportunità li jikkummentaw dwar l-abbozz tal-miżuri f’perjodu ta’ żmien raġonevoli [...]”

13.      L-Artikolu 7 tad-Direttiva Qafas, min-naħa l-oħra, huwa intitolat “Konsolidazzjoni tas-suq intern għall-komunikazzjonijiet elettroniċi”. Dan huwa fformulat skont kif ġej:

“1.      Fit-twettieq tax-xogħlijiet tagħhom taħt din id-Direttiva u d-Direttivi Speċifiċi, l-[ARN] għandhom jagħtu l-akbar kont tal-miri stipulati f’Artikolu 8, inkluż sal-limitu li dawn jirrelataw mas-suq intern.

2.      L-[ARN] għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq intern billi jikkoperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni b’mod trasparenti li jiżgura l-applikazzjoni konsistenti, fl-Istati Membri kollha, tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u tad-Direttivi Speċifiċi [...]

3.      B’żieda mal-konsultazzjoni msemmija f’Artikolu 6, fejn [ARN] jkollha l-ħsieb li tieħu miżuri li:

a)      jaqgħu fl-iskop ta’ Artikoli 15 jew 16 ta’ din id-Direttiva, Artikoli 5 jew 8 tad-Direttiva 2002/19/KE [Direttiva ‘Aċċess’] jew Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/22/KE [Direttiva‘Servizz Universali’], u

b)      jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri,

għandha fl-istess żmien tagħmel abbozz tal-miżura aċċessibbli għall-Kummissjoni u għall-[ARN] fl-Istati Membri l-oħra, flimkien mar-raġonament li fuqu tkun bażata l-miżura, skond Artikolu 5(3), u tinforma lill-Kummissjoni u lill-[ARN] l-oħra bih. L-[ARN] u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu l-kummenti lill-[ARN] konċernata fi żmien xahar jew fi żmien il-prjodu msemmi f’Artikolu 6 jekk dak il-perjodu jkun itwal. Il-perjodu ta’ xahar ma jistgħax jiġi mtawwal.

[...]”

14.      L-Artikolu 20 tad-Direttiva Qafas, bit-titolu “Riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn impriżi”, jipprovdi:

“1.      Fil-każ ta’ tilwim li jinqala’ b’konnessjoni ma’ l-obbligazzjonijiet li joħorġu taħt din id-Direttiva jew id-Direttivi Speċifiċi bejn iimpriżi li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jew servizzi fi Stat Membru, l-[ARN] għandha, fuq it-talba ta’ xi waħda mill-partijiet, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2, toħroġ deċiżjoni li torbot biex tirriżolvi t-tilwim f’perjodu ta’ żmien l-anqas possibbli [...]

[...]

3.      Fir-riżoluzzjoni ta’ tilwim, l-[ARN] għandha tieħu deċiżjonijiet immirati lejn il-ksib tal-miri stipulati f’Artikolu 8. Kull obbligazzjonijiet imposti fuq impriża mill-[ARN] fir-riżoluzzjoni ta’ tilwim għandhom jirrispettaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jew id-Direttivi speċifiċi.

[...]”

3.      Id-Direttiva “Servizz Universali”

15.      L-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali” jaqa’ taħt il-Kapitolu IV tiegħu, bit-titolu “Interessi u drittijiet ta’ l-utenti finali”. Dan l-artikolu jikkonċerna l-aċċess għan-numri mhux ġeografiċi u jipprovdi dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-utenti finali mill-Istati Membri l-oħra jkunu jistgħu jaċċessaw numri mhux ġeografiċi ġewwa t-territorju tagħhom [...]”

B –    Id-dritt Pollakk

16.      Il-Liġi dwar id-dritt tat-telekomunikazzjonijiet (Ustawa z dnia Prawo telekomunikacyjne) tas-16 ta’ Lulju 2004 (5), fil-verżjoni li kienet applikabbli meta seħħew il-fatti tal-kawża, tittrasponi, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, id-dispożizzjonijiet adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tal-“pakkett telekom”.

17.      L-Artikolu 15 ta’ din il-liġi, li jinsab fil-Kapitolu 3, bit-titolu “Proċedura ta’ konsultazzjoni”, huwa intiż li jittrasponi l-Artikolu 6 tad-Direttiva Qafas. L-Artikolu 15 jipprovdi s-segwenti:

“Il-President tal-UKE, qabel ma jieħu:

1)      deċiżjoni dwar l-analiżi tas-suq u d-denominazzjoni ta’ imprenditur tat-telekomunikazzjonijiet bħala li jkollu qawwa sinjifikattiva fis-suq, jew l-annullament ta’ deċiżjoni dwar dan is-suġġett,

2)      deċiżjoni dwar l-impożizzjoni, it-tħassir, il-konferma jew il-modifika ta’ obbligi regolatorji fir-rigward ta’ impriża tat-telekomunikazzjonijiet li jkollha jew ma jkollhiex qawwa sinjifikattiva,

3)      deċiżjoni dwar aċċess għat-telekomunikazzjonijiet, imsemmija fl-Artikoli 28 sa 30,

4)      deċiżjoni dwar suġġetti oħrajn indikati fil-liġi,

wara proċedura ta’ konsultazzjoni li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jippreżentaw bil-miktub, fi żmien ċertu perijodu, il-pożizzjoni tagħhom dwar abbozz ta’ deċiżjoni.”

18.      L-Artikolu 18 tal-imsemmija liġi jinsab, min-naħa tiegħu, fil-Kapitolu 4, bit-titolu “Proċedura ta’ konsolidazzjoni”. Dan huwa intiż biex jittrasponi l-Artikolu 7 tad-Direttiva Qafas u jipprovdi s-segwenti:

“Meta deċiżjoni, fis-sens tal-Artikolu 15, tkun tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, il-President tal-UKE, fl-istess ħin waqt li jkun qiegħed isegwi proċedura ta’ konsultazzjoni, għandu jiftaħ proċedura ta’ konsolidazzjoni u jibgħat l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet immotivati lill-Kummissjoni [...] u lill-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri l-oħrajn.”

19.      L-Artikoli 27 u 28 tal-Liġi dwar id-dritt tat-telekomunikazzjonijiet huma intiżi biex jittrasponu l-Artikolu 5 tad-Direttiva “Aċċess”. Dawn l-Artikoli 27 u 28 huma fformulati kif ġej:

“L-Artikolu 27

1.      Il-President tal-UKE jista’, permezz ta’ deċiżjoni, jistabbilixxi ex officio jew fuq talba bil-miktub minn kull parti li tkun qiegħda tinnegozja kuntratt ta’ aċċess, terminu għall-għeluq tan-negozjati li ma jistax jaqbeż 90 jum mill-preżentata tat-talba għall-konklużjoni ta’ tali kuntratt.

2. Jekk in-negozjati ma jinbdewx, jekk l-aċċess jiġi rrifjutat mill-istabbiliment obbligat li jagħtih jew jekk l-ebda kuntratt ma jiġi konkluż fit-terminu msemmi fil-paragrafu 1, kull parti tista’ titlob lill-President tal-UKE sabiex jiddeċiedi dwar il-punti inkwistjoni jew biex jiddefinixxi l-kundizzjonijiet tal-kooperazzjoni.

[...]

L-Artikolu 28

1.      Il-President tal-UKE jagħti d-deċiżjoni tiegħu dwar l-għoti tal-aċċess fi f’terminu ta’ 90 jum mid-data li fiha titressaq it-talba msemmija fl-Artikolu 27(2), billi jieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji li ġejjin:

1)      l-interess tal-utenti tan-netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet;

2)      l-obbligi imposti fuq l-imprendituri ta’ telekomunikazzjonijiet;

3)      il-promozzjoni ta’ servizzi moderni ta’ telekomunikazzjonijiet;

4)      in-natura tal-kwistjonijiet inkwistjoni eżistenti u l-possibbiltà prattika li jiġu implimentati soluzzjonijiet dwar l-aspetti tekniċi u ekonomiċi tal-aċċess, proposti mill-imprendituri tat-telekomunikazzjonijiet li jkunu partijiet fin-negozjati u li jistgħu jikkostitwixxu alternattivi;

5)      il-garanzija:

a)      tan-netwerks u tal-interoperabbiltà tas-servizzi kollha,

b)      ta’ kundizzjonijiet ta’ aċċess nondiskriminatorji,

c)      tal-iżvilupp tal-kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet;

[...]

4. Id-deċiżjoni dwar l-għoti tal-aċċess tissostitwixxi l-parti tal-kuntratt ta’ aċċess koperta mill-imsemmija deċiżjoni.

[...]

6.      Id-deċiżjoni dwar l-aċċess tista’ tiġi emendata mill-President tal-UKE fuq talba ta’ kull parti kkonċernata jew ex officio meta dan ikun iġġustifikat min-neċessità li tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-interessi tal-utenti finali, ta’ kompetizzjoni effettiva jew tal-interoperabbiltà tas-servizzi.

[...]”

20.      L-Artikolu 79(1) tal-Liġi dwar id-dritt tat-telekomunikazzjonijiet jittrasponi, min-naħa tiegħu, l-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”. Dan huwa fformulat skont kif ġej:

“Operatur ta’ netwerk pubblika tat-telefonija għandu jiżgura li l-utenti finali tan-netwerk tiegħu u ta’ Stati Membri oħrajn jkunu f’pożizzjoni li jaċċedu għan-numri mhux ġeografiċi fit-territorju Pollakk, sa fejn dan l-aċċess ikun teknikament u ekonomikament fattibbli, ħlief meta l-abbonat li jirċievi t-telefonata jkun illimita l-aċċess għal utenti finali li jkunu jinsabu f’ċerti żoni ġeografiċi.”

II – Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Telefonia Dialog talbet lill-President tal-UKE sabiex jieħu l-miżuri meħtieġa bil-għan li jiġu emendati t-termini ta’ kuntratt li hija għandha ma’ T-Mobile Polska dwar l-aċċess tal-utenti finali għan-numri mhux ġeografiċi.

22.      Kien fuq il-bażi tal-Artikolu 28 tal-Liġi dwar id-dritt tat-telekomunikazzjonijiet, li jittrasponi l-Artikolu 5 tad-Direttiva “Aċċess”, li għandu jitfakkar, huwa intitolat “Setgħat u responsabbiltajiet tal-[ARN] fir-rigward ta’ aċċess u interkonnessjoni”, li l-President tal-UKE, b’deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008, impona li Telefonia Dialog għandha tipprovdi servizzi ta’ terminazzjoni tat-telefonati fuq in-netwerk tagħha għal ħlas iddefinit f’din id-deċiżjoni. T-Mobile Polska, min-naħa tagħha, kienet obbligata li tiggarantixxi lill-abbonati tagħha aċċess għal servizzi ta’ informazzjoni u ta’ divertiment ipprovduti min-netwerk Telefonia Dialog għal ħlas li huwa ddefinit ukoll fl-istess deċiżjoni.

23.      Fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn T-Mobile Polska, is-Sąd Okręgowy w Warszawie (Qorti reġjonali ta’ Varsavja) annullat id-deċiżjoni tal-President tal-UKE peress li dan tal-aħħar ma kienx għamel in-notifika meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas. Fil-fatt, is-Sąd Okręgowy w Warszawie kkunsidrat li din id-deċiżjoni kienet tirrigwarda ċittadini ta’ Stati Membri li jużaw is-servizzi tar-roaming ta’ T-Mobile Polska b’mod li hija kellha effett fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-Istati Membri.

24.      Din is-sentenza ġiet ikkonfermata mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie (Qorti tal-appell ta’ Varsavja).

25.      Il-President tal-UKE ppreżenta appell ta’ kassazzjoni quddiem is-Sąd Najwyższy. Huwa tal-fehma li s-Sąd Apelacyjny w Warszawie, billi kkunsidrat li l-miżura inkwistjoni kellha riperkussjonijiet fuq is-suq uniku, ma interpretatx b’mod korrett il-kunċett ta’ miżuri li “jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri” msemmi fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas u, għaldaqstant, kisret din id-dispożizzjoni.

26.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sad Najwyższy ddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva [-Qafas] u dawk tal-Artikolu 28 tad-Direttiva [‘Servizz Universali’] għandhom jiġu interpretati fis-sens li kull miżura adottata minn [ARN] bil-għan li jitwettaq l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 28 tad-Direttiva 2002/22 taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, jekk din il-miżura tippermetti li jiġi ggarantit li l-utenti finali tal-Istati Membri l-oħra jaċċedu għan-numri non-ġeografiċi fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat?

2)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 7(3), 6 u 20 tad-Direttiva [-Qafas] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex tiġi riżolta tilwima bejn impriżi li jipprovdu networks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, dwar il-fatt li jiġi żgurat li waħda minn dawn l-impriżi twettaq l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 28 tad-Direttiva [‘Servizz Universali’], [ARN] ma hijiex awtorizzata ssegwi proċedura ta’ konsolidazzjoni, minkejja li l-miżura taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li, skont id-dritt nazzjonali, l-imsemmija [ARN] tkun obbligata ssegwi proċedura ta’ konsolidazzjoni meta miżura tista’ taffettwa tali kummerċ?

3)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 7(3), 6 u 20 tad-Direttiva [-Qafas], u tal-Artikoli 288 TFUE u 4(3) TUE, ikkunsidrati flimkien, għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti nazzjonali hija obbligata tirrifjuta li tapplika dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jeżiġu li [ARN] ssegwi proċedura ta’ konsolidazzjoni meta din l-[ARN] tadotta miżura li tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri?”

III – Osservazzjonijiet preliminari

27.      Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina d-domandi f’ordni differenti minn dak propost mis-Sąd Najwyższy, u dan għar-raġunijiet li ġejjin.

28.      Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ARN hijiex obbligata tikkonforma ruħha mal-proċedura ta’ notifika msemmija fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas, meta hija timponi, fil-kuntest ta’ tilwima bejn żewġ impriżi li jiżguraw il-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fi Stat Membru wieħed, l-obbligi dwar l-aċċess għan-numri mhux ġeografiċi stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”.

29.      Il-każijiet li fihom l-ARN huma obbligati li jinnotifikaw l-abbozz ta’ miżuri tagħhom huma ddefiniti espressament mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas. Żewġ kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti.

30.      L-ewwel waħda tirrigwarda l-għan tal-miżura. B’hekk, b’mod konformi mal-Artikolu 7(3)(a) tad-Direttiva Qafas, dawn għandhom ikunu miżuri li “jaqgħu fl-iskop ta’ Artikoli 15 jew 16 ta’ [din] id-Direttiva, Artikoli 5 jew 8 tad-Direttiva (‘Aċċess’) jew Artikolu 16 tad-Direttiva [‘Servizz Universali’]”.

31.      It-tieni kundizzjoni tirrigwarda r-riperkussjonijiet tal-miżura fuq is-suq uniku. Skont l-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva Qafas, fil-fatt dawn għandhom ikunu miżuri “[li] jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri”.

32.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata ta’ din it-tieni kundizzjoni. Effettivament, is-Sąd Najwyższy tistaqsi jekk miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija intiża biex tiggarantixxi aċċess għan-numri mhux ġeografiċi, tistax taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, fis-sens tal-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva Qafas.

33.      Barra minn hekk, permezz tat-tieni domanda tagħha, hija tistaqsi dwar il-portata tal-ewwel kundizzjoni dwar in-natura tad-deċiżjoni. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, effettivament, jekk il-proċedura ta’ notifika hijiex applikabbli għal miżura li tkun adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 20 tad-Direttiva Qafas sabiex tiġi riżolta tilwima bejn operaturi nazzjonali.

34.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, b’hekk jidhirli li jkun iktar koerenti jekk tinqeleb l-ordni li fih għandhom jiġu indirizzati dawn iż-żewġ domandi. Fil-fatt, kieku kellna nikkunsidraw li miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tkun adottata fil-kuntest tar-riżoluzzjoni ta’ tilwima bejn impriżi, ma taqax taħt waħda mis-soluzzjonijiet iddefiniti espressament mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 7(3)(a) tad-Direttiva Qafas, ma jkunx neċessarju li jiġi eżaminat jekk din il-miżura tistax, skont il-punt (b) tal-imsemmija dispożizzjoni, ikollha riperkussjonijiet fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

IV – L-analiżi tiegħi

A –    Fuq il-portata tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7(3)(a) tad-Direttiva Qafas, ibbażata fuq in-natura tal-miżura

35.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas, ARN hijiex obbligata li tinnotifika miżura li permezz tagħha hija timponi fuq operatur tat-telekomunikazzjonijiet obbligi dwar l-aċċess għan-numri mhux ġeografiċi, meta din il-miżura tkun adottata fil-kuntest tar-riżoluzzjoni ta’ tilwima, fis-sens tal-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva (6).

36.      Din il-kwistjoni tqum sa fejn, fl-Artikolu 20 tad-Direttiva Qafas, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jippreċiżax li tali deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni u lill-ARN ta’ Stati Membri oħrajn b’mod konformi mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva.

37.      Il-kwistjoni tqum ukoll sa fejn din id-deċiżjoni ma taqax, prima facie, taħt il-każijiet iddefiniti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 7(3)(a) tal-imsemmija direttiva.

38.      Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, ARN hija obbligata tinnotifika l-miżuri li permezz tagħhom hija:

–        tiddefinixxi s-suq rilevanti jew twettaq analiżi tas-suq b’mod konformi mal-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva Qafas;

–        timplementa l-obbligi li jirrigwardaw l-aċċess għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u l-interkonnessjoni tagħhom b’mod konformi mal-Artikolu 5 tad-Direttiva “Aċċess”;

–        timponi, timmodifika jew tħassar, b’mod konformi mal-Artikolu 8 tad-Direttiva “Aċċess”, l-obbligi applikabbli għall-operaturi li huma ddenominati bħala li għandhom qawwa sinjifikattiva f’suq speċifiku, u b’mod partikolari:

–        l-obbligi ta’ trasparenza li jirrigwardaw il-modalitajiet ta’ interkonnessjoni jew ta’ aċċess b’mod konformi mal-Artikolu 9 tad-Direttiva “Aċċess”;

–        l-obbligi ta’ nondiskriminazzjoni b’mod konformi mal-Artikolu 10 tad-Direttiva “Aċċess”;

–        l-obbligi li jirrigwardaw is-separazzjoni tal-kontabbiltà b’mod konformi mal-Artikolu 11 tad-Direttiva “Aċċess”;

–        l-obbligi li jirrigwardaw l-aċċess għal elementi speċifiċi tan-netwerk u għal riżorsi assoċjati b’mod konformi mal-Artikolu 12 tad-Direttiva “Aċċess”; u

–        ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontroll tal-prezzijiet u s-sistema ta’ kontabbiltà tal-ispejjeż b’mod konformi mal-Artikolu 13 tad-Direttiva “Aċċess”, u

–        iżżomm, timmodifika jew trażżan l-obbligi li jirrigwardaw is-swieq tal-bejgħ bl-imnut b’mod konformi mal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva “Servizz Universali”.

39.      Miżura adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 20 tad-Direttiva Qafas b’hekk ma tissemmiex espressament mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

40.      Għaldaqstant, jiena tal-fehma li dan ma jipprekludix li tali deċiżjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ notifika msemmija fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas, sa mill-mument meta din il-miżura tkun tikkonċerna wieħed mill-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 7(3)(a) tad-Direttiva Qafas u jkollha riperkussjonijiet fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri b’mod konformi mal-Artikolu 7(3)(b) ta’ din id-direttiva.

41.      Fil-fatt, l-Artikolu 20 tad-Direttiva Qafas huwa dispożizzjoni ta’ natura purament proċedurali. Għandu jitfakkar li dan jippreċiża r-regoli u l-proċedura applikabbli meta ARN tintervjeni fil-kuntest ta’ tilwima bejn impriżi li jiżguraw il-provvista ta’ netwerks jew ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fi Stat Membru wieħed u tadotta, għall-finijiet tar-riżoluzzjoni ta’ din it-tilwima, deċiżjoni vinkolanti.

42.      L-implementazzjoni tal-proċedura ta’ notifika ma tiddependix min-natura tal-proċedura li fi tmiemha l-ARN adottat il-miżura inkwistjoni. Kif jirriżulta b’mod ċar mit-termini tal-Artikolu 7(3)(a) tad-Direttiva Qafas, l-implementazzjoni ta’ dik il-proċedura tiddependi biss mill-iskop tal-miżura. Din hija intiża biex tiddefinixxi suq pertinenti, biex tiżgura l-aċċess għal servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jew biex timponi fuq operatur tas-suq obbligi li jirrigwardaw il-kontroll tal-prezzijiet?

43.      Fil-kawża prinċipali, b’hekk huwa rilevanti l-għan proprju tad-deċiżjoni adottata mill-President tal-UKE, irrispettivament mill-qafas proċedurali li fih tkun ittieħdet.

44.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din il-miżura ġiet adottata mill-President tal-UKE bil-għan li jiġu implementati l-obbligi msemmija fl-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”, li jiggarantixxu d-dritt ta’ aċċess tal-utenti finali għan-numri mhux ġeografiċi fit-territorju tagħhom. Tali deċiżjoni b’hekk tikkonċerna l-aċċess għal servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

45.      Għalkemm din il-miżura tittieħed fil-qafas tal-proċedura tar-riżoluzzjoni ta’ tilwim stipulata fl-Artikolu 20 tad-Direttiva Qafas, il-qorti tar-rinviju tikkonferma li din ġiet adottata abbażi tas-setgħat mogħtija lill-President tal-UKE mill-Artikolu 28 tal-Liġi dwar id-dritt tat-telekomunikazzjonijiet, li jittrasponi, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, l-Artikolu 5 tad-Direttiva “aċċess”. Għandu jitfakkar li din l-aħħar dispożizzjoni tagħti lil kull ARN id-dritt, jew l-obbligu, li jimponu fuq l-operaturi tas-suq obbligi li jirrigwardaw l-aċċess għal servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u l-interkonnessjoni tagħhom. Din hija dispożizzjoni sostantiva li taħtha taqa’ b’mod ċar il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

46.      Il-miżura adottata mill-President tal-UKE tibbaża għalhekk, fir-rigward tal-għan tagħha, fuq l-Artikolu 5 tad-Direttiva “Aċċess”, li jiffissa s-setgħat u r-responsabbiltajiet li għandhom l-ARN għal dak li jikkonċerna l-aċċess u l-interkonnessjoni u, rigward il-proċedura, fuq l-Artikolu 20 tad-Direttiva Qafas, li jiffissa r-regoli proċedurali applikabbli fil-kuntest tar-riżoluzzjoni ta’ tilwima.

47.      F’dan ir-rigward, tenfasizza li l-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi rabta stretta ħafna bejn il-miżuri adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 5 tad-Direttiva “Aċċess” u l-mekkaniżmi proċedurali stipulati fl-Artikoli 6, 7, 20 u 21 tad-Direttiva Qafas. Effettivament, kif jirriżulta b’mod ferm ċar mill-Artikolu 5(3) u (4) tad-Direttiva “Aċċess”, l-obbligi u l-kundizzjonijiet imposti fuq l-ARN għal dak li jikkonċerna l-aċċess u l-interkonnessjoni għandhom jiġu implementati b’mod konformi mal-proċeduri ta’ konsultazzjoni u ta’ notifika stipulati fl-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva Qafas u, jekk ikun il-każ, b’osservanza tar-regoli proċedurali stipulati fl-Artikoli 20 u 21 tad-Direttiva Qafas, meta dawn ikunu fil-kuntest tar-riżoluzzjoni ta’ tilwima nazzjonali jew transkonfinali.

48.      Dan premess, issa għandu jiġi enfasizzat li l-miżuri adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 5 tad-Direttiva “Aċċess” jaqgħu espressament taħt il-każijiet imsemmija fl-Artikolu 7(3)(a) tad-Direttiva Qafas. B’hekk l-ARN huma obbligati li jinnotifikawhom lill-Kummissjoni u lill-ARN tal-Istati Membri l-oħrajn meta dawn ikunu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

49.      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għanijiet segwiti mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan il-qasam.

50.      Effettivament, l-għan, kif jirriżulta espressament mill-premessa 15 tad-Direttiva Qafas, huwa li jiġi ggarantit li d-deċiżjonijiet adottati fuq il-livell nazzjonali mill-ARN ma jkollhomx effett negattiv fuq is-suq uniku. Barra minn hekk, b’mod konformi mal-premessa 2 tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Ottubru 2008 (7), dawn id-deċiżjonijiet ma għandhomx jippreġudikaw il-kisba tal-għanijiet segwiti mil-leġiżlatur tal-Unjoni meta stabbilixxa qafas regolatorju għas-suq tat-telekomunikazzjonijiet, li huma msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas. Fi kliem ieħor, il-leġiżlatur tal-Unjoni jeżiġi li l-ARN jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq uniku billi jikkooperaw b’mod trasparenti bejniethom u mal-Kummissjoni, sabiex tiġi ggarantita applikazzjoni koerenti tar-regoli stabbiliti fil-qafas tal-“pakkett telekom” u sabiex b’hekk tiġi evitata kull distorsjoni tal-kompetizzjoni li tista’ tostakola l-iżvilupp tas-suq tat-telekomunikazzjonijiet.

51.      Jekk il-miżuri adottati mill-ARN fil-qafas tar-riżoluzzjoni ta’ tilwima jkunu esklużi mill-proċedura ta’ notifika, dan ikun kontra dawn l-għanijiet. Dawn il-miżuri huma ta’ natura amministrattiva u mhux ġudizzjarja, u n-notifika tagħhom hija parti b’mod ċar mil-kooperazzjoni li jipprova jistabbilixxi l-leġiżlatur tal-Unjoni bejn l-ARN u l-Kummissjoni. Għaldaqstant, jekk dawn il-miżuri jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas, fil-fehma tiegħi dan ikun jista’ jkisser l-armonizzazzjoni mfittxija. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li fil-premessa 32 tad-Direttiva Qafas, il-leġiżlatur tal-Unjoni rrileva espressament li l-“[l]-intervent ta’ [ARN] fir-riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn intrapriżi li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi jew servizzi fi Stat Membru għandu jfittex li jassigura l-konformità ma’ l-obbligazzjonijiet li joħorġu taħt [...] id-Direttiva [-Qafas] jew id-Direttivi Speċifiċi”, li fosthom insibu r-rekwiżit ta’ trasparenza u kooperazzjoni.

52.      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-insegwiment tal-imsemmija għanijiet, il-Kummissjoni ppreċiżat, fil-premessa 4 tar-rakkomandazzjoni tagħha msemmija iktar ’il fuq, li din “tagħti lill-[ARN] li hekk ikunu jixtiequ l-possibbiltà li jiddiskutu dwar kull abbozz ta’ miżura qabel in-notifika formali tagħha skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva [‘Qafas’]”.

53.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jiena għaldaqstant tal-fehma li l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura adottata fil-qafas tar-riżoluzzjoni ta’ tilwima, li permezz tagħha ARN timponi fuq operatur obbligi li jirrigwardaw l-aċċess għan-numri mhux ġeografiċi, b’mod konformi mas-setgħat u r-responsabbiltajiet tiegħu abbażi tal-Artikolu 5 tad-Direttiva “Aċċess”, l-Artikolu 20 tad-Direttiva Qafas u l-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ notifika u b’hekk għandha tiġi nnotifikata meta din il-miżura tkun tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

B –    Fuq il-portata tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva Qafas, ibbażata fuq l-effett tal-miżura fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

54.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas”, miżura li permezz tagħha ARN, b’mod konformi mal-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”, tkun trid tiggarantixxi l-aċċess tal-utenti finali għan-numri mhux ġeografiċi, neċessarjament għandha effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, b’mod li tali miżura għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni kif ukoll lill-ARN tal-Istati Membri l-oħrajn.

55.      Ir-risposta għal din id-domanda teħtieġ li tiġi ddeterminata l-portata tal-kriterju ta’ “miżuri li [...] jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri”, stipulat fl-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva Qafas.

56.      Dan il-kriterju, kif rajna qabel, jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ notifikazzjoni. Għalkemm kien is-suġġett ta’ ġurisprudenza abbondanti fil-kuntest tal-kontenzjuż tal-kompetizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ddeċidietx dwar il-portata tiegħu fil-kuntest ta’ kawżi dwar is-settur tat-telekomunikazzjonijiet.

57.      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlatur tal-Unjoni jiddefinixxi espressament il-portata tal-imsemmi kriterju fil-premessa 38 tad-Direttiva Qafas.

58.      Dan jirrigwarda “[m]iżuri li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri huma miżuri li jista’ jkollhom influwenza, diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq ix-xejra tal-Kummerċ bejn l-Istati Membri b’mod li jista’ jinħoloq ostakolu għas-suq wieħed”, u l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreċiża, barra minn hekk, li dawn il-miżuri “[j]inkludu miżuri li jista’ jkollhom effett sinjifikattiv fuq l-operaturi jew l-utenti fi Stati Membri oħrajn”.

59.      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li din id-definizzjoni hija identika għal dik mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ kawżi dwar id-dritt tal-kompetizzjoni. Effettivament, infakkar li fis-sentenza Völk (8), li kienet l-ewwel waħda dwar dan is-suġġett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “[miżuri li jaffettwaw] il-kummerċ bejn l-Istati Membri”, imsemmi fl-Artikolu 85(1) tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 85(1) tat-Trattat KE, li sussegwentement sar l-Artikolu 81(1) KE u wara l-Artikolu 101(1) TFUE), jippresupponi li l-ftehim inkwistjoni jkun jista’ jeżerċita “influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens li jista’ jippreġudika l-kisba tal-għanijiet ta’ suq uniku bejn l-Istati” (9). Sentejn wara, fis-sentenza Béguelin Import (10), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-kunċett ta’ effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jinkludi l-ftehimiet u l-prattiki li jaffettwaw “b’mod sinifikattiv il-kummerċ bejn l-Istati Membri” (11).

60.      Din id-definizzjoni ġiet riprodotta mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha bit-titolu “Linji gwida dwar il-kunċett ta’ effett fuq il-kummerċ li jinsab fl-Artikoli 81 [KE]u 82 [KE]” (12), li ser nindirizza iktar ’il quddiem.

61.      Għaldaqstant hemm identiċità bejn id-definizzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni tal-kunċett ta’ “miżuri li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri”, fis-sens tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas, u dik mogħtija lill-kunċett ta’ effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, fis-sens tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE.

62.      Din l-identiċità hija perfettament koerenti jekk jitqies li s-suq tat-telekomunikazzjonijiet huwa, illum il-ġurnata, suq kompetittiv li fih l-operaturi jistgħu jadottaw aġir li jista’ jinqabad taħt l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE.

63.      F’dan ir-rigward u kif jirriżulta b’mod ċar mill-qafas regolatorju stabbilit fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, id-definizzjoni u l-analiżi tas-swieq pertinenti, il-pożizzjoni u s-saħħa tal-operaturi ekonomiċi f’dawn is-swieq kif ukoll l-effetti tal-prattiċi adottati minn dawn l-operaturi f’dawn is-swieq huma bbażati fuq analiżi ekonomika msejsa fuq il-metodoloġija tad-dritt tal-kompetizzjoni. Il-leġiżlatur tal-Unjoni, barra minn hekk, irrileva dan espressament fir-rigward tal-obbligi li jirrigwardaw l-aċċess għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u mal-interkonnessjoni tagħhom mal-premessa 13 tad-Direttiva “Aċċess”.

64.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u bl-istess mod bħall-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet fil-kawża prinċipali, jiena tal-fehma li l-kunċett ta’ “miżuri li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri”, użat mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas, għandu jkollu l-istess portata bħall-kunċett ta’ effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri li jservi bħala bażi fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, u b’mod partikolari fl-Artikolu 101 TFUE, u għandu jiġi evalwat skont metodoloġija identika.

65.      Din il-metodoloġija ġiet ippreċiżata fil-linji gwida, li huma bbażati fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan is-suġġett.

66.      Skont dawn il-linji gwida, l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE jippresupponi, kif diġà ntqal qabel, li l-ftehim inkwistjoni jkun jista’ jeżerċita influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri (13). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-eżami ta’ għadd sħiħ ta’ elementi għanijiet ta’ liġi jew ta’ fatt, li jirriżultaw mill-kuntest reali li fih ikun jinsab il-ftehim (14). F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet kompetenti b’hekk għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura tal-ftehim jew prattika inkwistjoni, in-natura tal-prodotti kkonċernati kif ukoll il-pożizzjoni u l-importanza tal-impriżi involuti.

67.      In-natura tal-ftehim kif ukoll is-saħħa tal-impriżi fis-suq jipprovdu informazzjoni dwar il-kapaċità ta’ dan il-ftehim li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. In-natura tal-prodotti kkonċernati, min-naħa l-oħra, tagħti informazzjoni dwar il-possibbiltà li jiġi affettwat il-kummerċ intra-Komunitarju. Effettivament, meta x-xiri jew il-bejgħ ta’ prodott isir fil-kuntest ta’ kummerċ transkonfinali jew ikun jirrappreżenta parti sinjifikattiva tal-attività ta’ impriża li tkun tixtieq tistabbilixxi ruħha jew tespandi l-attivitajiet tagħha fi Stati Membri oħrajn, ikun eħfef biex jintwera li tali ftehim jista’ jkollu riperkussjonijiet fuq is-suq uniku.

68.      Barra minn hekk, skont il-linji gwida, l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, fis-sens tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, jimplika li l-ftehim jew il-prattika inkwistjoni jista’ jkollhom livell minimu ta’ effett transkonfinali (15), li jimplika tal-inqas żewġ Stati Membri. Il-kriterju tal-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri effettivament jintegra element kwantitattiv li jillimita l-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni għall-ftehimiet u l-prattiki li jista’ jkollhom effetti ta’ ċerta dimensjoni. L-evalwazzjoni tan-natura sinjifikattiva tiddependi wkoll miċ-ċirkustanzi ta’ kull każ speċifiku, u b’mod partikolari min-natura tal-ftehim jew tal-prattika inkwistjoni, min-natura tal-prodotti kkonċernati kif ukoll mill-pożizzjoni fis-suq tal-impriżi involuti (16).

69.      Kif ġie indikat, jiena tal-fehma li l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ miżura adottata minn ARN fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri għandha ssir fuq il-bażi ta’ metodoloġija identika.

70.      Fil-fehma tiegħi, din l-evalwazzjoni tikkostitwixxi kwistjoni ta’ fatt li għandha tiġi deċiża minn kull waħda mill-awtoritajiet nazzjonali li jkollhom il-kompetenza biex jiddeċiedu f’kull każ speċifiku. Dawn tal-aħħar b’hekk għandhom jevalwaw jekk il-miżura li jkun beħsiebhom jadottaw tistax taffettwa, b’mod sinjifikattiv jew notevoli, il-kummerċ bejn l-Istati Membri billi teżerċita influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq il-kummerċ bejn dawn tal-aħħar. Għal dan il-għan, l-evalwazzjoni tagħhom għandha, b’mod partikolari, tkun ibbażata fuq in-natura tal-miżura u tas-servizzi kkonċernati kif ukoll fuq il-pożizzjoni u l-importanza tal-impriżi inkwistjoni fis-suq (17).

71.      Fil-premessa 38 tad-Direttiva Qafas, il-leġiżlatur tal-Unjoni jagħti lista’ mhux eżawrjenti ta’ miżuri li jista’ jkollhom effett notevoli fuq l-operaturi jew l-utenti ta’ Stati Membri oħrajn. Din tirrigwarda, inter alia, il-miżuri li jippreġudikaw l-istrutturi tas-suq jew li joħolqu ostakolu għall-aċċess tiegħu, u li b’hekk għandhom riperkussjonijiet għall-impriżi stabbiliti fl-Istati Membri l-oħrajn. Tirrigwarda wkoll il-miżuri li jolqtu l-prezzijiet tal-konsum fl-Istati Membri l-oħrajn kif ukoll dawk li jippreġudikaw il-kapaċità ta’ impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor sabiex tipprovdi servizz ta’ komunikazzjoni elettronika.

72.      Għaldaqstant u bħala eżempju, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżuri li jirrigwardaw l-iffissar tat-tariffi għat-terminazzjoni tat-telefonati (18) għandhom riperkussjonijiet fuq l-operaturi tal-Istati Membri l-oħrajn b’mod li tali miżuri għandhom jiġu nnotifikati lilha minn qabel b’mod konformi mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas (19). Fir-rigward tat-tariffi għat-terminazzjoni ta’ telefonata, il-Kummissjoni tqis, effettivament, li dawn huma komponent tal-ispiża ta’ telefonata bejn il-klijenti ta’ operaturi ta’ netwerks differenti u huma inklużi fil-kont telefoniku tal-klijent li jċempel, b’mod li l-miżura tista’ titqies li għandha effett notevoli fuq l-utenti. Hija tqis, barra minn hekk, li l-livell tat-tariffi ta’ terminazzjoni ta’ telefonata jinfluwixxi direttament fuq il-kapaċità tal-operaturi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn li jipprovdu s-servizzi tagħhom fl-Istat Membru inkwistjoni skont it-tariffi tat-terminazzjoni tat-telefonati ffissati.

73.      Bl-istess mod, il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-miżuri li permezz tagħhom ARN tiffissa t-tariffi għall-provvista bl-ingrossa ta’ aċċess b’debitu għoli kif ukoll il-mod kif jiġu kkalkolati għandhom ikunu suġġetti għal notifika minn qabel b’mod konformi mal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas.

74.      Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, għaldaqstant hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa in concreto jekk il-miżura inkwistjoni, adottata bil-għan li tiggarantixxi lill-utenti finali aċċess għan-numri mhux ġeografiċi, bl-istess mod jista’ jkollha effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, b’mod li l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa abbażi tal-proċedura ta’ notifika jkunu ssodisfatti.

75.      Għal dan il-għan, il-qorti nazzjonali b’hekk għandha tqis in-natura ta’ din il-miżura kif ukoll in-natura tas-servizzi kkonċernati.

76.      F’dan ir-rigward, infakkar li l-imsemmija miżura ġġiegħel lil T-Mobile Polska sabiex tiggarantixxi lill-utenti finali li jkunu residenti fit-territorju nazzjonali u li jużaw in-netwerk tagħha abbażi tar-roaming, ikollhom aċċess għan-numri mhux ġeografiċi.

77.      Għandu jitfakkar li, b’mod konformi mal-Artikolu 2(d) u (f) tad-Direttiva “Servizz Universali”, “numru mhux ġeografiku” huwa numru ta’ pjan nazzjonali ta’ numerazzjoni li l-istruttura numerika tiegħu ma jkun fih ebda sinjifikat ġeografiku użat sabiex jittrasferixxi t-telefonati lejn il-post fiżiku tal-punt tat-terminazzjoni tan-network. Dan jinkludi, b’mod partikolari, numri mobbli, numri ta’ telefonati bla ħlas u numri b’rati primjum.

78.      Nifhem ukoll, f’din il-kawża, li l-miżura inkwistjoni tiffissa l-modalitajiet tal-impożizzjoni ta’ tariffi għas-servizz ta’ aċċess għan-numri mhux ġeografiċi fil-qafas tal-kuntratt bejn T-Mobile Polska u Telefonia Dialog.

79.      Dawn l-elementi, fil-fehma tiegħi, juru li din il-miżura tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

80.      Minn naħa waħda, l-aċċess għan-numri mhux ġeografiċi li T-Mobile Polska hija obbligata li tiżgura, jibbenefika mhux biss lill-utenti finali tan-netwerk ta’ dik l-impriża, iżda wkoll lil dawk li jużaw is-servizzi ta’ roaming li toffri. Kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, l-hekk imsejjaħ “roaming” jimplika dimensjoni transnazzjonali tal-komunikazzjoni. Waqt is-seduta, T-Mobile Polska speċifikat, barra minn hekk, li hija kienet ikkonkludiet iktar minn 140 kuntratt ta’ roaming mal-operaturi ta’ Stat Membri differenti.

81.      Min-naħa l-oħra, il-miżura inkwistjoni tiffissa l-prezzijiet tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet kif ukoll il-modalitajiet ta’ reviżjoni ta’ dawn it-tariffi. Għalkemm dawn il-modalitajiet huma inklużi fil-qafas tal-kuntratt li jorbot lil T-Mobile Polska, dawn jista’ jkollhom, fil-fehma tiegħi, riperkussjonijiet diretti fuq l-utent finali, peress li jikkostitwixxu komponent tal-ispiża tat-telefonata u, fuq din il-bażi, jinfluwixxu fuq l-ammont tal-kont telefoniku tal-klijent li jċempel. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena nħoss li tali miżura jista’ jkollha effett notevoli fuq l-utenti. Barra minn hekk, ma huwiex impossibbli, kif iddeċidiet is-Sąd Apelacyjny w Warszawie, li hija jkollha wkoll riperkussjonijiet fuq il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għas-suq tal-operaturi, u b’mod partikolari ta’ dawk stabbiliti fi Stati Membri oħrajn.

82.      Barra minn hekk, il-qorti nazzjonali trid tieħu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni u l-importanza fis-suq tal-impriżi kkonċernati, u b’mod partikolari ta’ T-Mobile Polska. Skont id-data disponibbl kif ukoll l-informazzjoni kkomunikata minn T-Mobile Polska waqt is-seduta, din l-impriża hija waħda mill-operaturi prinċipali tat-telekomunikazzjonijiet fil-Polonja u fl-Ewropa tal-Lvant. Fl-2006, u kif jirriżulta mis-sentenza Polska Telefonia Cyfrowa (20), il-President tal-UKE kien diġà kkunsidra lil din l-impriża bħala waħda b’qawwa sinjifikattiva fis-suq tas-servizzi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-vuċi u imponielha, fuq din il-bażi, ċerti obbligi regolatorji (21). Fl-2008, T-Mobile Polska kellha sehem ta’ 29 % tas-suq, u dan żdied għal 27 % fl-2013. Din l-informazzjoni dwar l-importanza ta’ T-Mobile Polska fis-suq turi b’mod ċar li l-volum tal-komunikazzjonijiet li jgħaddu min-netwerk ta’ din l-impriża, fosthom dawk li jsiru lejn numri mhux ġeografiċi, huwa sostanzjali.

83.      Għalkemm dawn l-elementi jagħtuna informazzjoni dwar il-kapaċità tal-miżura inkwistjoni sabiex ikollha riperkussjonijiet fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, fil-fehma tiegħi ma humiex suffiċjenti sabiex wieħed ikun jista’ jikkonkludi li l-kummerċ intra-Komunitarju jista’ jiġi affettwat b’mod sinjifikattiv. Hija l-qorti nazzjonali, fid-dawl tal-elementi kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha fil-kuntest ta’ din il-kawża, li għandha tiddetermina l-grad preċiż ta’ dan l-effett.

84.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għaldaqstant jidhirli li l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura li permezz tagħha ARN, b’mod konformi mal-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”, tkun trid sabiex tiggarantixxi l-aċċess tal-utenti finali għan-numri mhux ġeografiċi, jista’ jkollha effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, meta din il-miżura tkun tista’ taffettwa b’mod dirett, attwali jew potenzjali, il-kummerċ bejniethom.

85.      Din l-evalwazzjoni tikkostitwixxi kwistjoni ta’ fatt, li d-deċiżjoni dwarha taqa’ taħt il-kompetenza ta’ kull waħda mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-miżura u tas-servizzi kkonċernati kif ukoll il-pożizzjoni u l-importanza tal-operaturi kkonċernati fis-suq.

C –    Fuq it-tielet domanda

86.      Fil-fehma tiegħi, ma hemmx lok li tiġi eżaminata t-tielet domanda li tqajjem il-qorti tar-rinviju fid-dawl tar-risposti li nipproponi li għandhom jingħataw għall-ewwel żewġ domandi. Barra minn hekk, u kif diġà indikajt, mit-test tal-leġiżlazzjoni Pollakka, kif seta’ jiġi stabbilit mid-dokumenti disponibbli jirriżulta li dan ma jwarrabx l-obbligi previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas.

V –    Konklużjoni

87.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej lis-Sąd Najwyższy:

1)      L-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva [“Qafas”]), għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura adottata fil-kuntest ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwima, li permezz tagħha awtorità regolatorja nazzjonali timponi fuq operatur obbligi li jirrigwardaw l-aċċess għan-numri mhux ġeografiċi, b’mod konformi mas-setgħat u r-responsabbiltajiet tagħha abbażi tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva “Aċċess”), tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2002/21 u tal-Artikolu 28 tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva “Servizz Universali”), taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ notifika u għandha, għaldaqstant, tiġi nnotifikata meta din il-miżura tkun tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

2)      L-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura li permezz tagħha awtorità regolatorja nazzjonali, b’mod konformi mal-Artikolu 28 tad-Direttiva “Servizz Universali”, tkun trid tiggarantixxi l-aċċess tal-utenti finali għan-numri mhux ġeografiċi, jista’ jkollha effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, meta din il-miżura tkun tista’ taffettwa b’mod dirett, attwali jew potenzjali, il-kummerċ bejniethom.

Din l-evalwazzjoni tikkostitwixxi kwistjoni ta’ fatt, li d-deċiżjoni dwarha taqa’ taħt il-kompetenza ta’ kull waħda mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-miżura u tas-servizzi kkonċernati kif ukoll il-pożizzjoni u l-importanza tal-operaturi kkonċernati fis-suq.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349, iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”.


3 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva “Servizz Universali”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 267).


4 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 323).


5 – Dz. U. Nru 171, pożizzjoni 1800.


6 – Bl-istess mod bħall-Kummissjoni, jidhirli li l-leġiżlazzjoni Pollakka ma twarrabx l-obbligi previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas.


7 – Rakkomandazzjoni dwar in-notifiki, it-termini u l-konsultazzjonijiet previsti mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/21/KE dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349).


8 – 5/69, EU:C:1969:35.


9 – Punt 5.


10 – 22/71, EU:C:1971:113.


11 – Korsiv miżjud minni.


12 – ĠU 2004, C 101, p. 81, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”.


13 – Ara l-punt 23 tal-Linji Gwida.


14 – Sentenza Völk (EU:C:1969:35, punti 5 u 7).


15 – Ara l-punt 13 tal-Linji gwida.


16 – Ara l-punt 28 tal-Linji gwida.


17 – Ara, bħala eżempju, is-sentenza Javico (C‑306/96, EU:C:1998:173, punt 17).


18 – Dawn huma tariffi bl-ingrossa ffatturati mill-operatur tal-abbonat li jirċievi telefonata fuq telefon ċellulari lill-operatur tan-netwerk ta’ min iċempel sabiex tingħadda jew “tintemm” telefonata.


19 – Ara l-komunikazzjonijiet għall-istampa mill-Kummissjoni tal-25 ta’ Ġunju 2009 u l-24 ta’ Ġunju 2010, disponibbli fuq dawn l-indirizzi elettroniċi: http://europa.eu/rapid/press-release_IP-09-1008_fr.htm?locale=FR u http://europa.eu/rapid/press-release_IP-10-804_fr.htm.


20 – C‑410/09, EU:C:2011:294.


21 – Punt 14.