DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA
(It-Tielet Awla)
18 ta’ Settembru 2014
Kawża F-149/12
Luigi Marcuccio
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Servizz pubbliku – Invalidità – Allowance tal-invalidità – Tnaqqis fuq l-allowance tal-invalidità”
Suġġett: Rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li bih L. Marcuccio jitlob b’mod partikolari l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea li jinsabu fid-dikjarazzjonijiet tal-pensjoni tiegħu għal April, Mejju u Ġunju 2012 li jnaqqsu kull darba EUR 500 mill-allowance tal-invalidità tiegħu, l-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-ilmenti tal-15 ta’ Mejju u tal-10 ta’ Lulju 2012 kif ukoll l-annullament tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Awwissu 2012 u l-kundanna tal-Kummissjoni għar-rimbors tas-somom imnaqqsa, miżjuda bl-interessi moratorji.
Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud, parzjalment, bħala manifestament inammissibbli u, parzjalment, bħala manifestament infondat. L. Marcuccio għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea.
Sommarju
Rikorsi tal-uffiċjali – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Annullament ta’ sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li tannulla d-deċiżjoni ta’ rtirar antiċipat ta’ uffiċjal u li tikkundanna lill-istituzzjoni tikkumpensa d-dannu subit – Ħlas lura tal-ammont imħallas indebitament
Annullament, anki parzjali, mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni, ta’ sentenza jew digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu l-effett li jannulla d-dispożizzjonijiet li bihom dan tal-aħħar adotta d-deċiżjoni f’din is-sentenza jew digriet.
B’hekk, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni li tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li biha dan tal-aħħar kien annulla d-deċiżjoni ta’ rtirar antiċipat ta’ uffiċjal u kien ikkundanna lill-istituzzjoni kkonċernata tħallsu ċertu somma bħala kumpens għad-dannu subit minħabba d-deċiżjoni msemmija, temmet il-bażi legali li fuqha kien ibbażat il-kreditu miżmum mill-uffiċjal fuq l-istituzzjoni.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa l-uffiċjal li għandu jissodisfa t-talba tal-istituzzjoni intiża biex is-somma mħallsa indebitament titħallas lura lilha.
(ara l-punti 27-30)
Referenza:
Il-Qorti tal-Prim Istanza: sentenza Il-Kummissjoni vs Marcuccio, T-20/09 P, EU:T:2011:257, punt 2
It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza De Nicola vs BEI, F-63/12, EU:F:2013:169, punt 24