Language of document : ECLI:EU:F:2014:240

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

24 ta’ Ottubru 2014

Kawża F‑14/10 DEP

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Proċedura – Taxxa tal-ispejjeż – Rappreżentazzjoni ta’ istituzzjoni minn avukat – Onorarji ta’ avukat – Spejjeż li jistgħu jinġabru – Talba għal interessi moratorji”

Suġġett:      Talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, imressqa skont l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura dakinhar fis-seħħ, mill-Kummissjoni Ewropea wara d-digriet Marcuccio vs Il‑Kummissjoni (F‑14/10, EU:F:2011:99).

Deċiżjoni:      L-ammont totali tal-ispejjeż li għandu jiġi rrimborsat minn L. Marcuccio lill-Kummissjoni Ewropea bħala spejjeż li jistgħu jinġabru fil-Kawża F‑14/10, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, huwa stabbilit għal EUR 5 065. Is-somma msemmija fil-punt 1 għandha tiżdied b’interessi moratorji mid-data tan-notifika ta’ dan id-digriet sad-data tal-ħlas effettiv tiegħu, imħallsa bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid fis-seħħ fl-ewwel jum tal-kalendarju tax-xahar mill-iskadenza tal-ħlas, miżjuda bi tliet punti u nofs perċentwali.

Sommarju

Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Taxxa – Spejjeż li jistgħu jinġabru – Spejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet – Onorarji mħallsa minn istituzzjoni lill-avukat tagħha  – Inklużjoni – Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tat-taxxa

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 u Anness I, Artikolu 7(1))

Kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku skont l-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-imsemmi statut, l-istituzzjonijiet huma liberi li jfittxu l-assistenza ta’ avukat. Ir-remunerazzjoni ta’ dan tal-aħħar għaldaqstant taqa’ fil-kunċett ta’ spejjeż indispensabbli li saru għall-finijiet tal-proċedura, mingħajr ma l-istituzzjoni tkun obbligata li turi li tali assistenza kienet oġġettivament iġġustifikata.

Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont li bih l-onorarji tal-avukat jistgħu jinġabru, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni li tintaxxa l-onorarji dovuti mill-partijiet lill-avukati tagħhom stess, iżda li tiddetermina l-ammont ta’ dawn ir-remunerazzjonijiet li jistgħu jinġabru mingħand il-parti kkundannata għall-ispejjeż. Meta tiddeċiedi dwar talba għal intaxxar tal-ispejjeż, il-qorti tal-Unjoni ma gandhiex tieħu inkunsiderazzjoni ftehim eventwali konkluż bejn il-parti kkonċernata u l-aġenti jew il-konsulenti tagħha.

Fl-istess sens, in-natura fissa tar-remunerazzjoni ma għandhiex impatt fuq l-evalwazzjoni mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-ammont li jista’ jinġabar bħala spejjeż, peress li l-qorti tibbaża ruħha fuq kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza u fuq l-indikazzjonijiet ċari li l-partijiet għandhom jipprovdulha. Għalkemm l-assenza ta’ tali informazzjoni ma tostakolax id-determinazzjoni mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ibbażata fuq evalwazzjoni ekwa, tal-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru, madanakollu din tqiegħdha f’sitwazzjoni li l-evalwazzjoni tagħha tkun neċeessarjament stretta fir-rigward tal-invokazzjonijiet tar-rikorrenti.

Barra minn hekk, fin-nuqqas taʼ dispożizzjonijiet taʼ natura tariffarja fid-dritt tal-Unjoni, hija l-qorti li għandha tevalwa liberament id-data tal-kwistjoni, billi tieħu inkunsiderazzjoni s-suġġett u n-natura tat-tilwima, l-importanza tagħha mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-diffikultajiet tal-kawża, l-ammont taʼ xogħol li l-proċedura kontenzjuża setgħet teħtieġ min-naħa tal-aġenti jew tal-konsulenti li intervjenew u l-interessi ekonomiċi li t-tilwima rrappreżentat għall-partijiet.

Fl-aħħar nett, l-ammont tal-onorarji li jistgħu jinġabru tal-avukat tal-istituzzjoni kkonċernata ma jistax jiġi evalwat mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni x-xogħol imwettaq mid-dipartimenti tagħha, anki qabel mat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiġi adit bil-kawża. Fil-fatt, peress li l-ammissibbiltà ta’ rikors hija suġġett għall-preżentazzjoni ta’ lment u taċ-ċaħda tiegħu mill-Awtorità tal-Ħatra, id-dipartimenti tal-istituzzjoni huma, bħala prinċipju, involuti fl-ipproċessar tat-tilwim, qabel ma dawn jitressqu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

(ara l-punti 17 sa 21)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digrieti Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑278/07 P‑DEP, EU:T:2013:269, punt 20; u Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑366/10 P-DEP, EU:T:2014:63, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digriet Chatzidoukakis vs Il‑Kummissjoni, F‑84/10 DEP; EU:F:2014:41, punti 21 sa 24, u l-ġurisprudenza ċċitata