Language of document : ECLI:EU:F:2014:204

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

10 ta’ Settembru 2014

Kawża F-39/09 DEP

Jacqueline Goddijn

vs

L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)

“Servizz pubbliku – Proċedura – Intaxxar tal-ispejjeż”

Suġġett:      Talba għall-intaxxar tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru, imressqa skont l-Artikolu 92 tar-Regoli tal-Proċedura, minn J. Goddijn wara s-sentenza mogħtija fil-Kawża Goddijn vs Europol (F‑39/09, EU:F:2010:65).

Deċiżjoni:      L-ammont totali tal-ispejjeż li għandhom jiġu rrimborsati mill-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija lil J. Goddijn huwa ffissat għal EUR 1 343.18, fejn l-imsemmi ammont jinkludi interessi moratorji mid-data ta’ notifika ta’ dan id-digriet sad-data tal-ħlas, bir-rata kkalkolata abbażi tar-rata ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid applikabbli matul il-perijodu msemmi iktar ’il fuq, miżjuda b’żewġ punti perċentwali.

Sommarju

Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Taxxa – Spejjeż li jistgħu jinġabru – Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni – Ftehim dwar l-onorarji konkluż bejn parti u l-avukat tagħha – Esklużjoni

(Regoli tal-Proċedura għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

Il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex kompetenza tintaxxa l-onorarji dovuti mill-partijiet lill-avukati rispettivi tagħhom, iżda tista’ tistabbilixxi l-ammont ta’ remunerazzjoni li jista’ jiġi rkuprat mingħand il-parti kkundannata għall-ispejjeż. F’dan is-sens il-prova tal-ħlas tal-ispejjeż li fir-rigward tagħhom qed jintalab l-irkupru ma hijiex neċessarja għall-finijiet tal-intaxxar mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-ispejjeż li jistgħu jiġu rkuprati.

Fil-fatt, meta tiddeċiedi dwar talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex għalfejn tieħu inkunsiderazzjoni ftehim eventwali konkluż f’dan ir-rigward bejn il-parti kkonċernata u l-aġenti jew il-konsulenti tagħha.

Sussegwentement, il-fatt li ġie deċiż, skont ftehim li sar bejn ir-rikorrent u l-avukati tiegħu, li tal-ewwel ma għandu jħallas ebda onorarji lil tat-tieni huwa mingħajr effett fuq id-dritt tar-rikorrent li jirkupra l-ispejjeż imsemmi fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali.

(ara l-punti 14, 19 u 20)

Referenza:

Il‑Qorti tal-Ġustizzja: digrietiLeeuwarder Papierwarenfabriek vs Il‑Kummissjoni, 318/82, EU:C:1985:468, punt 2; C.A.S. vs Il‑Kummissjoni, C-204/07, EU:C:2009:526, P‑DEP, punt 13; Kronofrance vs Il‑Ġermanja et, C-75/05 P‑DEP u C‑80/05 P‑DEP, EU:C:2013:458, punt 30