Language of document : ECLI:EU:C:2014:172

Kawża C‑61/12

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika tal-Litwanja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Reġistrazzjoni tal-vetturi bil-mutur — Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE — Direttiva 70/311/KEE — Direttiva 2007/46/KE — Sewqan fuq il-lemin fi Stat Membru — Obbligu, fid-dawl tar-reġistrazzjoni, li jitqiegħed fuq ix-xellug it-tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni tal-vetturi tal-passiġġieri li jinsab fuq il-lemin”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-20 ta’ Marzu 2014

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Vetturi bil-mutur — Proċedura ta’ approvazzjoni Komunitarja — Tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni ta’ vetturi bil-mutur — Direttivi 2007/46 u 70/311 — Reġistrazzjoni tal-vetturi ġodda, li għandhom it-tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni fuq l-istess naħa tad-direzzjoni tat-traffiku — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi għal dawn il-vetturi ċ-ċaqliq tal-isteering wheel lejn in-naħa l-oħra, meta jiġu rreġistrati — Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2007/46, Artikolu 4(3); Direttiva tal-Kunsill 70/311, Artikolu 2a)

2.        Moviment liberu tal-merkanzija — Restrizzjonijiet kwantitattivi — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Reġistrazzjoni tal-vetturi second hand, preċedentement irreġistrati fi Stati Membri oħra li għandhom it-tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni fuq l-istess naħa tad-direzzjoni tat-traffiku — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi għal dawn il-vetturi ċ-ċaqliq tal-isteering wheel lejn in-naħa l-oħra, meta jiġu rreġistrati mill-ġdid — Inammissibbiltà — Ġustifikazzjoni — Sigurtà fit-toroq — Proporzjonalità — Assenza

(Artikolu 34 TFUE)

1.        Billi jissuġġetta r-reġistrazzjoni fit-territorju tiegħu ta’ vetturi tal-passiġġieri ġodda li t-tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni tagħhom jinsab fuq in-naħa tal-lemin, għaċ-ċaqliq tal-isteering wheel lejn in-naħa tax-xellug, Stat Membru jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 2a tad-Direttiva tal-Kunsill 70/311, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46, li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi.

It-tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni tal-vetturi jissemma speċifikament mid-Direttiva 70/311, fejn l-Artikolu 2a tagħha jimponi lill-Istati Membri sabiex ma jipprojbixxux, b’mod partikolari, ir-reġistrazzjoni tal-vetturi minħabba t-tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni tagħhom jekk dawn tal-aħħar jissodisfaw il-preskrizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Ċertament, id-Direttivi 2007/46 u 70/311 jagħmlu riferiment għan-“[n]aħa tas-sewqan: […] xellug/lemin”, li għandha tkun indikata fuq id-dokument ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-approvazzjoni ta’ vettura. Barra minn hekk, l-indikazzjoni għandha ssir fiċ-ċertifikat ta’ konformità, li għandha tgħid li l-vettura hija “adattata” għaċ-ċirkulazzjoni fuq il-lemin jew fuq ix-xellug. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jikkonċernaw elementi fundamentali tal-kostruzzjoni tal-vettura, bħall-pożizzjoni tal-isteering wheel, iżda biss elementi oħra, bħat-tagħmir tad-dawl u l-wipers jew is-sistemi ta’ viżjoni indiretta tal-vetturi. Fil-fatt, l-adattamenti jistgħu jkunu rikjesti mingħajr ma jkunu jikkonċernaw iċ-ċaqliq tal-post ta’ sewqan, liema fatt jikkostitwixxi intervent sostanzjali fuq l-arkitettura tal-kostruzzjoni tal-vettura, li jmur kontra l-kliem u l-għan tad-Direttiva 70/311, iżda biss interventi ta’ natura minima.

Konsegwentement, il-pożizzjoni tal-post ta’ sewqan, parti sħiħa mit-tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni ta’ vettura, taqa’ taħt l-armonizzazzjoni stabbilita mid-Direttivi 2007/46 u 70/311, b’tali mod li l-Istati Membri ma jistgħux jirrikjedu, għal raġunijiet ta’ sigurtà, bil-għan tar-reġistrazzjoni ta’ vettura ġdida fit-territorju tagħhom, iċ-ċaqliq tal-post ta’ sewqan ta’ din il-vettura lejn in-naħa opposta għad-direzzjoni tat-traffiku.

(ara l-punti 44, 48, 50, 52 u d-dispożittiv)

2.        Billi ssuġġettat ir-reġistrazzjoni fit-territorju tagħha ta’ vetturi tal-passiġġieri second hand, preċedentement irreġistrati fi Stati Membri oħra, li għandhom it-tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni tagħhom fuq l-istess naħa tad-direzzjoni tat-traffiku, għaċ-ċaqliq tal-isteering wheel lejn in-naħa l-oħra, Stat Membru jonqos milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu skont l-Artikolu 34 TFUE.

Leġiżlazzjoni nazzjonali bħal din tikkostitwixxi miżura ta’ effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, ipprojbita mill-Artikolu 34 TFUE, sa fejn hija għandha bħala għan li tostakola l-aċċess għas-suq tal-vetturi li huma legalment prodotti u rreġistrati fi Stati Membri oħra. Madankollu, hija tista’ tkun iġġustifikata permezz ta’ rekwiżiti imperattivi, bil-kundizzjoni li din tkun tali li tiggarantixxi t-twettiq tal-għan segwit u li hija ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq. In-neċessità li tiġi żgurata s-sigurtà fit-toroq tikkostitwixxi tali raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija.

Madankollu, jeżistu mezzi u miżuri li jostakolaw inqas il-moviment liberu tal-merkanzija meta mqabbla mal-miżura inkwistjoni u, fl-istess waqt, jistgħu jnaqqsu kunsiderevolment ir-riskju li tista’ tikkomporta ċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi li l-isteering wheel tagħhom jinsab fuq l-istess naħa bħad-direzzjoni tat-traffiku. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni bil-għan li jimponu miżuri li jistgħu, skont l-istat tat-teknika, jiżguraw viżibbiltà suffiċjenti, kemm wara kif ukoll quddiem, lis-sewwieq tal-vettura. Għaldaqstant, il-miżura inkwistjoni ma tistax titqies li hija neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan segwit u ma hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

(ara l-punti 57-59, 68, 69 u d-dispożittiv)