Language of document : ECLI:EU:F:2014:253

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

25 ta’ Novembru 2014

Kawża F‑82/11 DEP

Nicolaos Loukakis et

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku — Proċedura — Intaxxar tal-ispejjeż”

Suġġett:      Talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, ippreżentata, taħt l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura fis-seħħ dak iż-żmien, minn N. Loukakis u 18-il rikorrent ieħor wara s-sentenza Loukakis et vs Il-Parlament (F‑82/11, EU:F:2013:139).

Deċiżjoni:      L-ammont totali tal-ispejjeż li għandhom jitħallsu lura mill-Parlament Ewropew lil N. Loukakis u lil 18-il rikorrent ieħor li isimhom jidhru fl-anness bħala spejjeż li jistgħu jinġabru fil-Kawża F‑82/11 huwa ffissat fi EUR 20 097.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Taxxa — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Kunċett — Spejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet — Natura neċessarja tas-servizzi ta’ avukat li jistgħu jitnaqqsu mill-atti mwettqa fil-kuntest tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

2.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Taxxa — Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni — Assistenza mill-istess avukat matul il-fażi prekontenzjuża rilevanti għat-tilwima — Tnaqqis taż-żmien ta’ preparazzjoni neċessarju għall-proċedura kontenzjuża — Portata tax-xogħol ta’ kunsillier — Relazzjoni mal-volum tan-noti — Assenza

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

1.      Mill-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirriżulta li l-ispejjeż li jistgħu jinġabru huma biss, minn naħa, dawk sostnuti għall-finijiet tal-proċedura quddiem l-imsemmi Tribunal u, min-naħa l-oħra, dawk li kienu indispensabbli għal dawn il-finijiet.

F’dan ir-rigward, mill-fatt li l-avukat ikun ressaq rikors, ifformula replika u osservazzjonijiet, u jkun ipparteċipa fis-seduta jirriżulta li dan l-avukat ikun effettivament wettaq atti u servizzi neċessarji għall-finijiet tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

(ara l-punti 25 u 26)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Digriet Martinez Erades vs SEAE, F‑64/12 DEP, EU:F:2013:111, punt 21

2.      Il-qorti tal-Unjoni ma hijiex marbuta mal-kalkolu ppreżentat mill-parti li jkollha l-intenzjoni tiġbor l-ispejjeż. Hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni biss in-numru totali ta’ sigħat ta’ xogħol li jistgħu jidhru li jkunu oġġettivament indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura.

Madankollu, meta l-avukat tar-rikorrent ikun diġà assistih matul il-proċeduri jew il-fażijiet li jkunu ppreċedew il-kawża marbuta magħha, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li dan l-avukat ikollu konoxxenza ta’ elementi rilevanti għat-tilwima li tkun tali li tkun iffaċilitat ix-xogħol tiegħu u tkun naqqset iż-żmien tal-preparazzjoni neċessarja għall-proċedura prekontenzjuża.

Fl-aħħar nett, l-ammont tal-onorarji ma għandux neċessarjament jiddependi mit-tul tan-noti prodotti minn kunsillier ta’ parti, li ma għandux bħala prinċipju jiġi analizzat bħala li jikkorrispondi ma’ ammont kbir ta’ xogħol.

(ara l-punti 32, 33 u 38)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Digriet IPK-München vs Il-Kummissjoni, T‑331/94 DEP, EU:T:2006:11, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Digrieti Suvikas vs Il-Kunsill, F‑6/07 DEP, EU:F:2009:74, punt 26; Schönberger vs Il-Parlament, F‑7/08 DEP, EU:F:2010:32, punt 29; u Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni, F‑50/09 DEP, EU:F:2012:147, punt 21