Language of document : ECLI:EU:C:2014:282

Kawża C‑26/13

Árpád Kásler

u

Hajnalka Káslerné Rábai

vs

OTP Jelzálogbank Zrt

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kúria)

“Direttiva 93/13/KEE — Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur — Artikoli 4(2) u 6(1) — Evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali — Esklużjoni tal-klawżoli li jirrigwardaw is-suġġett prinċipali tal-kuntratt jew l-adegwatezza tal-prezz jew tar-remunerazzjoni jekk dawn huma mfassla b’mod ċar u li jinftiehem — Kuntratti ta’ self lill-konsumatur f’munita barranija — Klawżoli dwar ir-rati tal-kambju — Differenza bejn il-prezz tax-xiri, li japplika fil-mument tal-għoti tas-self, u l-prezz tal-bejgħ, li japplika fil-mument tal-ħlas tiegħu — Setgħat tal-qorti nazzjonali fil-preżenza ta’ klawżola kklassifikata bħala ‘inġusta’ — Sostituzzjoni tal-klawżola inġusta b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari — Ammissibbiltà”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-30 ta’ April 2014

1.        Protezzjoni tal-konsumaturi — Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Direttiva 93/13 — Kamp ta’ applikazzjoni — Klawżoli li jiddefinixxu s-suġġett prinċipali tal-kuntratt jew li jirrigwardaw il-prezz jew ir-remunerazzjoni u s-servizzi jew l-oġġetti li għandhom jiġu pprovduti bħala korrispettiv — Kunċett — Klawżola mdaħħla f’kuntratt ta’ self f’munita barranija konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur li ma ġietx innegozjata b’mod individwali — Esklużjoni

(Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikolu 4(2))

2.        Protezzjoni tal-konsumaturi — Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Direttiva 93/13 — Kamp ta’ applikazzjoni — Klawżoli li jiddefinixxu s-suġġett prinċipali tal-kuntratt jew li jirrigwardaw il-prezz jew ir-remunerazzjoni u s-servizzi jew l-oġġetti li għandhom jiġu pprovduti bħala korrispettiv — Esklużjoni — Kundizzjonijiet — Obbligu li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ intelliġibbiltà u ta’ trasparenza — Portata

(Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikolu 4(2))

3.        Protezzjoni tal-konsumaturi — Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Direttiva 93/13 — Dikjarazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola — Portata — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-qorti nazzjonali, li tikkonstata l-invalidità ta’ klawżola inġusta, li tissostitwixxiha b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali li għandha natura supplimentari — Ammissibbiltà

(Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikolu 6(1))

1.        L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-frażi “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]” ma tkoprix klawżola, imdaħħla f’kuntratt ta’ self f’munita barranija konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur u li ma ġietx innegozjata b’mod individwali, li skontha l-prezz ta’ xiri ta’ din il-munita japplika għall-finijiet tal-kalkolu tal-ħlasijiet tas-self, ħlief jekk jiġi kkonstatat, u dan hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifikah fid-dawl tan-natura, tal-istruttura u tal-istipulazzjonijiet tal-kuntratt kif ukoll tal-kuntest legali u fattwali tiegħu, li l-imsemmija klawżola tistabbilixxi provvista essenzjali ta’ dan il-kuntratt li, bħala tali, tikkaratterizzah. Tali klawżola, sa fejn din tinkludi obbligu pekunjarju li l-konsumatur għandu jħallas, fil-kuntest tal-ħlasijiet tas-self, ammonti li jirriżultaw mid-differenza bejn il-prezz tax-xiri u l-prezz tal-bejgħ tal-munita barranija, ma tistax titqies li tinkludi “remunerazzjoni” li l-adegwatezza tagħha bħala korrispettiv ta’ provvista mwettqa mill-kreditur ma tistax issir evalwazzjoni tan-natura inġusta tagħha skont l-imsemmi artikolu.

B’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura derogatorja tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva u tar-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta ta’ din id-dispożizzjoni li tirriżulta minnha, il-klawżoli tal-kuntratt li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għandhom jinftiehmu bħala li huma dawk li jistabbilixxu l-provvisti essenzjali ta’ dan il-kuntratt u li, bħala tali, jikkaratterizzawh. Min-naħa l-oħra, il-klawżoli li għandhom natura aċċessorja meta mqabbla ma’ dawk li jiddefinixxu l-essenza stess tar-relazzjoni kuntrattwali ma jistgħux jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]”, fis-sens tal-imsemmi artikolu.

F’dan ir-rigward, mill-kliem tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-kategorija ta’ klawżoli li jirrigwardaw l-adegwatezza bejn il-prezz jew ir-remunerazzjoni, minn naħa, u s-servizzi jew l-oġġetti li għandhom jiġu pprovduti bħala korrispettiv, min-naħa l-oħra, li fir-rigward tagħhom ma tistax issir evalwazzjoni tan-natura possibbilment inġusta tagħhom, għandha portata mnaqqsa, peress li din l-esklużjoni tikkonċerna biss l-adegwatezza bejn il-prezz jew ir-remunerazzjoni prevista u s-servizzi jew l-oġġetti li għandhom jiġu pprovduti bħala korrispettiv.

Konsegwentement, billi l-esklużjoni tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola hija limitata għall-adegwatezza bejn il-prezz u r-remunerazzjoni, minn naħa, u s-servizzi jew l-oġġetti li għandhom jiġu pprovduti, min-naħa l-oħra, din ma tistax tapplika fil-każ ta’ kontestazzjoni ta’ assimetrija bejn il-prezz tax-xiri tal-munita barranija, li għandu jintuża b’applikazzjoni ta’ din il-klawżola għall-kalkolu tal-ħlasijiet, u l-prezz tax-xiri ta’ din il-munita, li għandu jintuża b’applikazzjoni ta’ klawżoli oħra tal-kuntratt ta’ self għall-kalkolu tal-ammont tas-self mogħti.

(ara l-punti 49, 50, 54, 57, 59 u d-dispożittiv 1)

2.        Anki li kieku klawżola tkun taqa’ taħt il-“kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [is-suġġett prinċipali tal-kawża]”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, madankollu din il-klawżola tkun eżentata mill-evalwazzjoni tan-natura inġusta tagħha biss jekk din tkun imfassla b’mod ċar u li jinftiehem.

Fil-fatt, l-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit li klawżola kuntrattwali għandha tkun imfassla b’mod ċar u li jinftiehem għandu jinftiehem bħala li jimponi mhux biss li l-klawżola kkonċernata tkun tista’ tinftiehem mill-konsumatur fuq livell grammatikali, iżda wkoll li l-kuntratt jesponi b’mod trasparenti l-funzjonament konkret tal-mekkaniżmu ta’ konverżjoni tal-munita barranija li għalih tagħmel riferiment il-klawżola kkonċernata kif ukoll ir-relazzjoni bejn dan il-mekkaniżmu u dak stabbilit minn klawżoli oħra dwar l-għoti tas-self, b’mod li dan il-konsumatur jitqiegħed f’pożizzjoni li jkun jista’ jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi li ser jirriżultaw fuqu minn dan il-kuntratt.

Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-partikolaritajiet tal-mekkaniżmu ta’ konverżjoni tal-munita barranija, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, fir-rigward tal-punti ta’ fatt rilevanti kollha, fosthom il-pubbliċità u l-informazzjoni tagħhom ipprovduti mill-kreditur fil-kuntest tan-negozjar ta’ kuntratt ta’ self, konsumatur medju, li huwa informat b’mod normali u li huwa attentiv u avżat b’mod raġonevoli, setax mhux biss isir jaf bid-differenza, ġeneralment osservata fis-suq tat-titoli mobbli, bejn ir-rata tal-kambju tal-bejgħ u r-rata tal-kambju tax-xiri ta’ munita barranija, iżda wkoll jevalwa l-konsegwenzi ekonomiċi, li jistgħu jkunu sinjifikattivi għalih, tal-applikazzjoni tar-rata tal-kambju tal-bejgħ għall-kalkolu tal-ħlasijiet li huwa ser ikollu finalment iħallas u, għaldaqstant, l-ispiża totali tas-self li ħa.

(ara l-punti 61, 74, 75 u d-dispożittiv 2)

3.        L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur ma jistax jibqa’ applikabbli wara t-tneħħija ta’ klawżola inġusta, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix regola ta’ dritt nazzjonali li tippermetti lill-qorti nazzjonali li tirrimedja għall-invalidità ta’ din il-klawżola billi tissostitwixxiha b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari.

Fil-fatt, is-sostituzzjoni ta’ klawżola inġusta b’dispożizzjoni nazzjonali ta’ natura supplimentari hija konformi mal-għan tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, peress li din id-dispożizzjoni għandha t-tendenza li tissostitwixxi l-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-kontraenti b’bilanċ reali ta’ natura li jistabbilixxi l-ugwaljanza mill-ġdid bejn dawn tal-aħħar u mhux li jannulla l-kuntratti kollha li fihom klawżoli inġusti.

Għall-kuntrarju, li kieku ma kienx permess li klawżola inġusta tiġi ssostitwita b’dispożizzjoni ta’ natura supplimentari, u b’hekk il-qorti tkun obbligata tannulla l-kuntratt kollu kemm hu, il-konsumatur jista’ jkun espost għal konsegwenzi li partikolarment jikkawżaw preġudizzju, b’mod li n-natura dissważiva li tirriżulta mill-annullament tal-kuntratt tirriskja li tiġi kompromessa.

Għaldaqstant, fil-prinċipju tali annullament għandu l-konsegwenza li l-ammont tas-self li jkun għad fadal jitħallas isir dovut immedjatament fi proporzjonijiet li jirriskjaw li jaqbżu l-kapaċitajiet finanzjarji tal-konsumatur, u, minn dan il-fatt, għandu t-tendenza li jippenalizza lilu iktar milli lill-kreditur li, konsegwentement, ma jiġix skoraġġut milli jdaħħal tali klawżoli fil-kuntratti li huwa joffri.

(ara l-punti 82-85 u d-dispożittiv 3)