Language of document : ECLI:EU:C:2015:200

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)

26 ta’ Marzu 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika Soċjali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 31(2) – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 7 – Kunċett ta’ ‘ħaddiem’ – Persuna diżabbli – Dritt għal leave annwali mħallas – Regolament nazzjonali li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni – Rwol tal-qorti nazzjonali”

Fil-kawża C‑316/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Mejju 2013, li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Ġunju 2013, fil-proċedura,

Gérard Fenoll

vs

Centre d’aide par le travail “La Jouvene”,

Association de parents et d’amis de personnes handicapées mentales (APEI) d’Avignon,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, E. Levits (Relatur), M. Berger u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: M. Ferreira, amministratur prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Marzu 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal G. Fenoll, minn G. Delvolvé u A. Delvolvé, avukati,

–        V

–        għaċ-Centre d’aide par le travail “La Jouvene”, minn  L. Cocquebert, avukat,

–        għall-Association de parents et d’amis de personnes handicapées mentales (APEI) d’Avignon, minn  L. Cocquebert, avukat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn N. Rouam kif ukoll  D. Colas u R. Coesme, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi Baxxi, minn  M.K. Bulterman u C. Schillemans, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn  M. Van Hoof u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali u l-konklużjonijiet tiegħu fit-12 ta’ Ġunju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiem” fis-sens tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 299, p. 9) kif ukoll l-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn G. Fenoll u ċ- Centre d’aide par le travail “La Jouvene” (iktar ’il quddiem il-“CAT ‘La Jouvene’”) u l-Association de parents et d’amis de personnes handicapées mentales (APEI) d’Avignon dwar it-talba tal-persuna interessata għal kumpens finanzjarju għal leave annwali mħallas li ma tteħidtx.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Għan u skop”, jipprovdi:

“1.       Din id-Direttiva tistabilixxi ħtiġiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

2.       Din id-Direttiva tapplika għal:

a)       il-perjodi minimi [...] u leave annwali [...]

[...]

3.       Din id-Direttiva għandha tapplika għas-setturi kollha ta’ l-attività, kemm pubblika u wkoll privata, fil-qofol tat-tifsira ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391/KEE [tal-Kunsill, tat-12 ta’ Ġunju 1989, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, p. 1)], mingħarj preġudizzju għall-Artikoli 14, 17, 18 u 19 ta’ din id-Direttiva.

[...]”

4        L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Leave annwali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.       L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2.       Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.”

5        L-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tagħha. Madankollu, l-ebda deroga ma hija permessa fir-rigward tal-Artikolu 7.

6        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391, intitolata “Għan”, jaqra kif ġej:

“1.      Din id-Direttiva għandha tgħodd għas-setturi ta’ attività kollha, kemm pubbliċi u kemm privati (industrijali, agrikoli, kummerċjali, amministrattivi, ta’ servizz, edukattivi, kulturali, ta’ serħan, etċ.).

2.      Din id-Direttiva ma għandhiex tgħodd fejn karatteristiċi partikolari għal ċerti attivitajiet ta’ servizzi pubbliċi speċifiċi, bħall-forzi armati jew il-puliziija, jew għal ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizzi tal-protezzjoni ċivili, b’mod inevitabbli jmorru kontra tagħha.

F’dak il-każ, is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema għandhom ikunu żgurati sa fejn ikun possibbli fid-dawl ta’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva.”

 Id-dritt Franċiż

 Il-kodiċi tax-xogħol

7        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 223-2 tal-kodiċi tax-xogħol, fil-verżjoni fis-seħħ fid-data tal-kawża prinċipali, jipprovdi:

“Il-ħaddiem li, matul is-sena ta’ referenza, juri li kien qed jaħdem mal-istess persuna li timpjega għal żmien ekwivalenti għal minimu ta’ xahar ta’ xogħol effettiv, huwa intitolat għal leave mħallas li jiġi ddeterminat bħala jumejn u nofs għal kull xahar ta’ xogħol, sakemm it-total ta’ leave mħallas ma jeċċedix tletin jum ta’ xogħol.”

8        Skont l-Artikolu L. 223-4 ta’ dan il-Kodiċi:

“Għandhom jiġu ttrattati bħala xahar effettiv ta’ xogħol għad-determinazzjoni tat-tul tal-leave l-perijodi ekwivalenti għal erba’ ġimgħat jew erba’ u għoxrin jum ta’ xogħol. Il-perijodi ta’ leave imħallas, il-mistrieħ kunpensatorju [...], il-perijodu ta’ mistrieħ tan-nisa li jwelldu [...], il-jiem ta’ mistrieħ miksuba bis-saħħa ta’ tnaqqis tal-ħin ta’ xogħol u l-perijodi limitati għal tul mhux interrott ta’ sena li matulha l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt tal-impjieg tkun sospiża minħabba inċident fil-post tax-xogħol jew mard ikkawżat mix-xogħol, jitqiesu li huma perijodi ta’ xogħol effettivament maħduma [...]”

9        L-Artikolu L. 323-10 ta’ dan il-kodiċi jiddisponi:

“Titqies li hija ħaddiem diżabbli taħt dan l-artikolu kull persuna li l-opportunitajiet għal kisba jew żamma ta’ impjieg ikunu sostanzjalment imnaqqsa bħala riżultat ta’ alterazzjoni ta’ wieħed jew iktar funzjonijiet fiżiċi, sensorji, mentali jew psikiċi.

Il-ħaddiem diżabbli jiġi rrikonoxxut mill-kummissjoni msemmija fl-Artikolu L. 146-9 tal-kodiċi tal-azzjoni soċjali u tal-familji.

L-orjentament fi stabbiliment jew dipartiment imsemmi fil-paragrafu 5 tal-Artikolu L. 312-1 tal-istess kodiċi jiswa bħala rikonoxximent tal-kwalita ta’ ħaddiem diżabbli.”

Il-kodiċi tal-azzjoni soċjali u tal-familji.

10      L-Artikolu L. 312-1 tal-kodiċi tal-azzjoni soċjali u tal-familji, fil-verżjoni fis-seħħ mis-6 ta’ Settembru 2003, huwa fformulat kif ġej:

“Huma istituzzjonijiet u dipartimenti soċjali u mediko-soċjali, fis-sens ta’ dan il-kodiċi, dawk il-faċilitajiet u d-dipartimenti, kemm jekk ikollhom u kemm jekk le, personalità ġuridika proprja, elenkati iktar ’il quddiem:

[...]

5° L-istituzzjonijiet jew id-dipartimenti:

a) Ta’ għajnuna għax-xogħol, bl-eċċezzjoni tal-istrutturi awtorizzati taħt ftehim għall attivitajiet imsemmija fl-Artikolu L. 322-4-16 tal-kodiċi tax-xogħol u tal-impriżi adattati ddefiniti fl-Artikoli L. 323-30 et seq tal-istess kodiċi;

[...]”

11      L-Artikolu L. 344-2 ta’ dan il-kodiċi, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ bejn it-3 ta’ Jannar 2002 u l-11 ta’ Frar 2005, kien jiddisponi:

“Iċ-ċentri ta’ għajnuna għax-xogħol, bi jew mingħajr dar ta’ akkomodazzjoni, għandhom jilqgħu l-adoloxxenti u l-adulti diżabbli li ma jkunux jistgħu, temporanjament jew permanentement, jaħdmu la f’impriżi ordinarji u lanqas f’workshop protett jew ma’ ċentru ta’ tqassim ta’ xogħol fid-dar jew li jidħlu f’attività professjonali indipendenti. Huma joffrulhom opportunitajiet ta’ attivitajiet diversi ta’ natura professjonali, appoġġ mediko-soċjali u edukattiv u ambjent li jippromwovi l-iżvilupp personali u l-integrazzjoni soċjali tagħhom.

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      G. Fenoll kien użufruwixxa mill-CAT “La Jouvene” mill-1 ta’ Frar 1996 sal-20 ta’ Ġunju 2005. Inizjalment, huwa bbenefika regolarment minn ħames ġimgħat ta’ leave annwali mħallas.

13      Mis-16 ta’ Ottubru 2004 sal-jum li huwa telaq mill-imsemmija CAT, G. Fenoll kien fuq leave tal-mard. Mill-mument li fih dan il-perijodu ta’ inkapaċità seħħ, huwa kien benefiċjarju ta’ bilanċ ta’ 12 il-jum leave annwali mħallas dovuti iżda mhux meħuda, relatati mal-perijodu ta’ xogħol mill-1 ta’ Ġunju 2003 sal-31 ta’ Mejju 2004. Barra minn hekk, G. Fenoll ma setax jibbenefika mil-leave tiegħu għall-perijodu ta’ referenza li jmur mill-1 ta’ Ġunju 2004 sal-31 ta’ Mejju 2005. Dawn id-drittijiet għal leave annwali mħallas għaż-żewġ perijodi msemmija hawn fuq kien jagħtu skont G. Fenoll, dritt għall-ħlas ta’ kumpens finanzjarju għall-ammont ta’ EUR 945. Il-CAT “La Jouvene” irrifjutatlu dan il-pagament.

14      Peress li t-Tribunal d’instance d’Avignon (Franza), fl-aħħar istanza, ċaħad it-talba għal kumpens tiegħu, G. Fenoll ippreżenta appell fil-kassazzjoni.

15      Il-qorti tar-rinviju tfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 kif ukoll dik li tikkonċerna l-kunċett ta’ “ħaddiem”, fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-persuni mqiegħda f’ċentru ta’ għajnuna għax-xogħol li ma jkollhomx l-istatus ta’ impjegat jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “ħaddiem” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni.

16      Il-qorti tar-rinviju tfakkar il-kliem tal-Artikolu 31(2) tal-Karta, li jgħidu li kull ħaddiem għandu dritt b’mod partikolari għal perijodu annwali ta’ leave imħallas u tikkonferma li hija ġurisprudenza kostanti li d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea jistgħu jiġu invokati f’tilwima bejn individwi sabiex jivverifikaw ir-rispett mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u mill-Istati Membri, meta dawn jimplementaw id-dritt tal-Unjoni, ta’ dawn l-istess drittijiet fundamentali.

17      F’dan il-kuntest, il-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi li taqta’ l-kawża u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/391, li jirreferu għalih id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88, li tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna ammessa f’ċentru ta’ għajnuna għax-xogħol tista’ tiġi deskritta bħala “ħaddiem” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 3?

2)      L-Artikolu 31 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna bħal dik deskritta fid-domanda preċedenti tista’ tiġi kklassifikata bħala ‘ħaddiem’ fis-sens tal-imsemmi Artikolu 31?

3)       Persuna bħal dik deskritta fl-ewwel domanda tista’ tagħmel użu direttament mid-drittijiet tagħha taħt il-Karta sabiex tikseb drittijiet għal leave mħallas jekk il-leġislazzjoni nazzjonali ma tipprovdix li hija tgawdi minn tali drittijiet u l-qorti nazzjonali għandha, sabiex tiżgura l-effett sħiħ ta’ dan id-dritt, tħalli mhux applikabbli kwalunkwe dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali kuntrarja?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

18      B’dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u tal-Artikolu 31(2) tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jinkludu persuna ammessa f’CAT, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

19      F’dan ir-rigward għandu qabel xejn jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(3) tad‑Direttiva 2003/88, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391, li għalih jirreferi, l-imsemmija direttivi japplikaw għall-oqsma kollha ta’ attivitajiet, privati jew pubbliċi, sabiex jippromwovu t-titjib tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol u sabiex jirregolaw ċerti aspetti tal‑organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tagħhom.

20      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 89/391 għandu jiġi meqjus b’mod wiesa’, b’mod li l-eċċezzjonijiet għalih, previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, jiġu interpretati b’mod restrittiv (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is‑sentenzi Simap, C‑303/98, EU:C:2000:528, punti 34 u 35, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑132/04, EU:C:2006:18, punt 22). Fil-fatt, dawn l-eċċezzjonijiet ġew adottati biss sabiex jiggarantixxu l-funzjonament tajjeb tas-servizzi indispensabbli għall-protezzjoni tas-sigurtà, tas-saħħa kif ukoll tal-ordni pubbliku fil-każ ta’ ċirkustanzi ta’ gravità u ta’ skala eċċezzjonali (sentenza Neidel, C-337/10, EU:C:2012:263, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Peress li ebda waħda miċ-ċirkustanzi ma hija rilevanti fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ persuna bħalma hija r-rikorrent fil-kawża prinċipali, fl-attività ta’ dan tal-aħħar taqa’ fl-ambitu tad-Direttiva 2003/88.

22      Isegwi li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88, b’mod partikolari l-Artikolu 7, huma applikabbli fir-rigward tal-attività mwettqa minn G. Fenoll.

23      Il-kwistjoni li għandha tingħatalha risposta hija, għaldaqstant, li jsir magħruf jekk G. Fenoll iwettaqx din l-attività bħala ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u tal-Artikolu 31(2) tal-Karta.

24      F’dan is-sens, fir-rigward tad-Direttiva 2003/88, għandu jitfakkar li, kif enfasizzat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa ma għamel l-ebda riferiment għall-kunċett ta’ “ħaddiem” kif mogħti mid-Direttiva 89/391, u lanqas għad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett kif jirriżulta mil-leġiżlazzjoni u/jew prattiċi nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Union syndicale Solidaires Isère, C‑428/09, EU:C:2010:612, punt 27).

25      Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88, il-kunċett ta’ “ħaddiem” ma jistax jiġi interpretat b’mod differenti skont il-liġi nazzjonali iżda għandu tifsira indipendenti tiegħu stess fid-dritt tal-Unjoni (sentenza Union syndicale Solidaires Isère, C-428/09, EU:C:2010:612, punt 28).

26      Issa, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 26 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-kostatazzjoni hija neċessarja wkoll għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiem”, fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u tal-Artikolu 31(2) tal-Karta, sabiex tiġi żgurata l-uniformità tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-dritt għal leave imħallas tal-ħaddiema.

27      F’dan il-kuntest, hemm lok jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “ħaddiem” fil-kuntest tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi ddefinit skont kriterji oġġettivi li jiddistingwu r-relazzjoni ta’ impjieg mid-drittijiet u d-dmirijiet tal-persuni kkonċernati. B’hekk, għandha titqies li hija “ħaddiem” kull persuna li teżerċita attivitajiet reali u effettivi, bl-esklużjoni ta’ attivitajiet daqshekk żgħar li jkunu purament marġinali u aċċessorji. Il-karatteristika tar-relazzjoni ta’ impjieg huwa l-fatt li persuna twettaq għal ċertu żmien, favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi inkunsiderazzjoni ta’ remunerazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Union syndicale Solidaires Isère, C‑428/09, EU:C:2010:612, punt 28, u Neidel, C-337/10, EU:C:2012:263, punt 23).

28      Issa, biex wieħed jivverifika jekk tali kunċett jistax jinkludi persuna ammessa f’CAT, bhalma huwa G. Fenoll, l-elementi li ġejjin għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

29      L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-kuntest tal-klassifikazzjoni fir-rigward tal-kunċett ta’ “ħaddiem”, li hija l-qorti nazzjonali li għandha twettaq, din tal-aħħar għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi u evalwazzjoni kumplessiva taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża li jkollha quddiema, u li tkun ġibdet il-konklużjonijiet min-natura kemm tal-attivitajiet ikkonċernati kif ukoll mir-relazzjoni bejn il-partijiet inkwistjoni (sentenza Union syndicale Solidaires Isère, C‑428/09, EU:C:2010:612, punt 29).

30      Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-persuni ammessi f’CAT ma humiex suġġetti għal ċerti dispożizzjonijiet tal-kodiċi tax-xogħol. Madankollu, din iċ-ċirkustanza, li toħloq sitwazzjoni legali ta’ dawn il-persuni li tikkwalifika bħala “sui generis”, ma tistax tkun determinanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol bejn il-partijiet inkwistjoni.

31      Tabilħaqq, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet f’dan ir-rigward li n-natura ġuridika sui generis tar-relazzjoni tax-xogħol fid-dawl tal-liġi nazzjonali ma jista’ jkollha ebda konsegwenza fuq il-kunċett ta’ ħaddiem fis-sens tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza Kiiski, C‑116/06, UE:C:2007:536, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      It-tieni nett, huwa paċifiku li G. Fenoll ipprovda, għal xi żmien, f’dan il-każ mid-dħul fis-servizz tal-CAT “La Jouvene” fl-1996 u għal tal-anqas għal ħames snin konsekuttivi, f’liema żmien huwa ngħata, barra minn hekk, leave annwali mħallas, diversi benefiċċji. Mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn il-benefiċċji, flimkien ma’ appoġġ mediko-soċjali, ġew assenjati u amministrati mill-persunal u mill-amministrazzjoni tal-CAT “La Jouvene”, filwaqt li din tal-aħħar ippruvat tikseb għall-persuna interessata l-iktar stil ta’ ħajja adatta għall-bżonnijiet tagħha. Tali qafas organizzattiv huwa tali li jippermetti lil entità, bħall-CAT inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tiżgura l-iżvilupp personali ta’ persuna bħal G. Fenoll bl-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ persuna b’diżabbiltà gravi permezz tal-valorizzazzjoni tal-kapaċitajiet tagħha u, sa fejn huwa possibbli, li x-xogħol fdat lil dik il-persuna jista’ jiġġenera xi benefiċċju ekonomiku bi profitt għall-entità kkonċernata.

33      It-tielet nett, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar li s-servizzi pprovduti minn G. Fenoll, li jidħlu fil-programm ekonomiku u soċjali tal-CAT “La Jouvene”, kellhom magħhom, bħala korrispettiv, remunerazzjoni. F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li dan tal-aħħar kien qed jitħallas sew taħt il-paga minima ggarantita fi Franza ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni għall-klassifikazzjoni ta’ G. Fenoll bħala “ħaddiem” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni.

34      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, la l-produttività ftit jew wisq kbira tal-persuna interessata, u lanqas l-oriġini tar-riżorsi għar-remunerazzjoni jew il-livell limitat ta’ dawn tal-aħħar ma jistgħu jwasslu għal xi konsegwenza fuq il-kunċett ta’ ħaddiem skont id-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenzi Bettray, 344/87, EU:C:1989:226, punti 15 u 16; Kurz, C‑188/00, EU:C:2002:694, punt 32, kif ukoll Trojani, C‑456/02, EU:C:2004:488, punt 16).

35      Ir-raba’ nett, huwa importanti li wieħed ikun jaf jekk l-attivitajiet ta’ G. Fenoll, eżerċitati fi ħdan il-CAT “La Jouvene” għandhomx jiġu deskritti bħala “reali u effettivi” jew jekk humiex purament marġinali u anċillari, b’mod li huma ma jkunux, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, iwasslu għall-klassifikazzjoni ta’ “ħaddiem” ta’ dak li jwettaqhom.

36      F’dan ir-rigward, l-Association de parents et d’amis de personnes handicapées mentales d’Avignon (APEI) d’Avignon u l-Gvern Franċiż jiddeduċu miċ-ċirkustanzi fattwali li taw lok għas-sentenza Bettray (344/87, UE:C:1989:226) li, b’analoġija, G. Fenoll ma jistax jiġi kklassifikat bħala “ħaddiem”, peress li l-attivitajiet tiegħu fi ħdan il-CAT “La Jouvene” huma allegatament simili għal dawk imwettqa minn persuni ammessi f’ċentru terapewtiku għal persuni tossikodipendenti, bħal dak inkwistjoni f’din is-sentenza.

37      Dan l-argument ma għandux jiġi aċċettat.

38      Tabilħaqq, għandu jiġi nnotat, qabel kollox, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 17 tas-sentenza Bettray (344/87, EU:C:1989:226) li ma jistgħux jitqiesu li huma attivitajiet ekonomiċi reali dawk l-attivitajiet li jikkostitwixxu biss mezz ta’ rijabilitazzjoni jew reintegrazzjoni tal-persuni li jkunu qed jeżerċitawhom, hija wkoll diġà preċiżat li din il-kunsiderazzjoni hija rilevanti biss fir-rigward taċ-ċirkustanzi fattwali li jkunu taw lok għal din is-sentenza, ikkaratterizzata minn sitwazzjoni ta’ persuna li, minħabba l-vizzju tad-droga tiegħu, ġie ngaġġat abbażi ta’ regoli nazzjonali intiżi biex jipprovdu xogħol għal dawk li, għal perijodu indeterminat, ma jkunux jistgħu, minħabba ċ-ċirkustanzi tas-sitwazzjoni tagħhom, jaħdmu taħt kundizzjonijiet normali (ara s-sentenza Trojani, C-456/02, EU:C:2004:488, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Imbagħad, hemm lok li jiġi kkonstatat li, anki jekk l-impjiegi fil-CAT “La Jouvene” huma, bħal dawk intiżi għat-tossikodipendenti fil-kawża li wasslet għas-sentenza Bettray (334/87, EU:C1989:226), irriżervati għal persuni li minħabba ċ-ċirkustanzi marbuta mas-sitwazzjoni tagħhom, huma ma jkunux jistgħu jokkupaw impjieg taħt kundizzjonijiet normali, huwa madankollu ċar mill-proċess sottomess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-kunċett stess ta’ sistema li tirregola l-operat ta’ CAT u, għaldaqstant, l-attivitajiet imwettqa minn persuni diżabbli, hija tali li l-attivitajiet bħal dawn ma jidhrux bħala purament marġinali u anċillari fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 27 tas-sentenza preżenti.

40      Tabilħaqq, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-attivitajiet imwettqa mill-persuni diżabbli fi ħdan il-CAT “La Jouvene” ma humiex maħluqa għall-iskop uniku li jipprovdu xi xogħol, jekk ikun il-każ derivattiv, għall-persuni interessati. Fil-fatt, dawn l-attivitajiet, minkejja li huma adattati għall-kapaċitajiet tal-persuni kkonċernati, għandhom ukoll utilità ekonomika. Huwa ferm iktar minnu peress li dawn l-attivitajiet jgħinu sabiex tittejjeb il-produttività, żgħira kemm hi żgħira, ta’ persuni b’diżabbiltajiet serji u fl-istess ħin, tiżgura li jkollhom il-protezzjoni soċjali li jixirqilhom.

41      B’hekk jirriżulta minn dak li ntqal li, abbażi tal-elementi li joħorġu mill-proċess sottomess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li persuna li twettaq attivitajiet bħal dawk ta’ G. Fenoll fi ħdan il-CAT “La Jouvene” jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ħaddiem” fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u tal-Artikolu 31(2) tal-Karta.

42      F’dan il-kuntest, il-qorti nazzjonali għandha b’mod partikolari tivverifika jekk is-servizzi effettivament imwettqa mill-persuna interessata jistgħux jitqiesu li jaqgħu taħt is-suq normali tax-xogħol. Għal dan il-għan, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss l-istatut u l-prattiċi tal-CAT inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala stabbiliment ta’ akkoljenza kif ukoll l-aspetti differenti tal-għan tal-programm ta’ għajnuna soċjali iżda wkoll in-natura u r-regoli għall-implimentazzjoni tas-servizz. (ara, b’analoġija, is-sentenza Trojani, C-456/02, EU:C:2004:488, punt 24)

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel żewġ domandi li l-kunċett ta’ “ħaddiem” fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u l-Artikolu 31(2) tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jinkludi persuna ammessa f’CAT, bħal dik fil-kawża prinċipali.

 Fuq it-tielet domanda

44      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 31(2) tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jista’ jiġi invokat direttament f’tilwima bejn individwi biex jiżguraw l-effett sħiħ ta’ dan id-dritt għal-leave annwali mħallas u li jħalli mhux applikata kull dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali kuntrarja.

45      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 23 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 31(2) tal-Karta ma kienx maħsub li japplika, rationae temporis, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali.

46      Tabilħaqq, il-pretensjoni ta’ G. Fenoll fir-rigward ta’ leave annwali mħallas tiegħu tikkonċerna perijodu qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u, għalhekk, dak li minnu l-Karta kisbet l-istess valur legali bħat-Trattati, skont l-Artikolu 6(1) tat-Trattat UE.

47      Konsegwentement, l-Artikolu 31(2) tal-Karta ma jistax jiġi invokat, bħala tali, f’tilwima bħal dik fil-kawża prinċipali.

48      Fir-rigward tal-possibbiltà jsir riferiment għall-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, li ssemmi speċifikament għad-dritt għal leave annwali mħallas, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, jekk il-liġi nazzjonali ma tistax tiġi interpretata konformement mad din id-direttiva – ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika – l-Artikolu 7 tagħha ma jistax jiġi invokat f’tilwima bejn individwi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, biex jiġi żgurat l-effett sħiħ ta’ dan id-dritt tal-leave annwali mħallas u li jħalli mhux applikata kull dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja. Barra minn hekk, f’sitwazzjoni bħal din, il-parti leża bin-nuqqas ta’ konformità tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni tista’ xorta tinvoka l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C1991:428) sabiex tikseb, jekk ikun il-każ, kumpens għad-danni subiti (ara s-sentenza Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 43).

49      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ma hemmx iktar lok li tingħata risposta lit-tielet domanda.

 Fuq l-ispejjeż

50      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-kunċett ta’ “ħaddiem” fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, u tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jista’ jinkludi persuna ammessa f’ċentru tal-għajnuna għax-xogħol, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż.