Language of document : ECLI:EU:C:2015:274

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-23 ta’ April 2015 (1)

Kawża C‑366/13

Profit Investment SIM SpA, fi stralċ,

vs

Stefano Ossi,

Andrea Mirone,

Commerzbank AG

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja)]

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja –Regolament (KE) Nru 44/2001 – Artikolu 23 – Estensjoni tal-ġurisdizzjoni – Klawżola inkluża fi prospett tal-ħruġ ta’ titoli indiċjati fuq riskju ta’ kreditu – Infurzabbiltà fir-rigward ta’ terzi li jiksbu dawn it-titoli”





1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 5(1)(a), 6(1) u 23(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (2).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Profit Investment SIM SpA (3), fi stralċ, u, min-naħa l-oħra, il-Commerzbank AG (4), Profit Holding SpA (5), fi stralċ, E3 SA (6), Redi & Partners Ltd (7) kif ukoll S. Ossi, E. Magli, F. Redi, A. Mirone u E. Fiore wara l-ħruġ ta’ strumenti finanzjarji mill-Commerzbank, sottoskritti minn Profit u Profit Holding permezz ta’ Redi.

3.        Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” [iktar ’il quddiem “materja kuntrattwali”] fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, fuq dik tar-rabta ta’ konnessjoni li tippermetti, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, li jiġi mfittex quddiem il-qorti tad-domiċilju ta’ konvenut, kokonvenut bid-domiċilju tiegħu barra mill-pajjiż, kif ukoll fuq il-kundizzjonijiet ta’ validità u ta’ infurzabbiltà fir-rigward ta’ terzi tal-klawżoli ta’ estensjoni tal-ġurisdizzjoni previsti fl-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħtiha l-opportunità tikkonferma l-ideat dominanti tal-interpretazzjoni tagħha, filwaqt li tippermettilha tagħmel kjarifiki supplimentari.

4.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser insostni li, fil-każ ta’ inklużjoni ta’ klawżola ta’ estensjoni tal-ġurisdizzjoni fil-prospett tal-ħruġ ta’ titoli, bħat-titoli indiċjati fuq riskju ta’ kreditu, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-rekwiżit tal-forma bil-miktub stipulat mill-Artikolu 23(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa ssodisfatt biss jekk il-kuntratt iffirmat mill-partijiet isemmi l-aċċettazzjoni ta’ din il-klawżola jew jinkludi riferiment espress għal dan il-prospett u li tali klawżola tista’ tkun inforzata fir-rigward ta’ terz li jkun kiseb it-titoli mingħand intermedjarju finanzjarju biss jekk ikun stabbilit li dan it-terz ikun ta l-kunsens effettiv għal din il-klawżola taħt il-kundizzjonijiet elenkati f’dan l-artikolu. Madankollu, jiena ser insostni li l-validità u l-effikaċità ta’ din il-klawżola jistgħu jiġu rrikonoxxuti ladarba l-inklużjoni tagħha fil-prospett tista’ titqies bħala forma permessa mill-użanza fil-kummerċ internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 23(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, filwaqt li tippermetti li jiġi preżunt il-kunsens ta’ dak li kontra tiegħu din tiġi inforzata.

5.        Barra minn hekk, ser nispjega r-raġunijiet għaliex l-azzjoni intiża sabiex jinkiseb annullament ta’ kuntratt u l-ħlas lura tas-somom imħallsa abbażi tal-att li huwa null għandha titqies bħala waħda li taqa’ taħt il-“materja kuntrattwali” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001.

6.        Fl-aħħar nett, ser nindika li sabiex ikun hemm konnessjoni bejn żewġ talbiet imressqa kontra diversi konvenuti, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, ma huwiex suffiċjenti li l-eventwali rikonoxximent tal-fondatezza ta’ waħda minnhom jista’ potenzjalment jaffettwa l-portata tad-dritt li l-protezzjoni tiegħu hija mitluba fil-każ tal-oħra, anki jekk iż-żewġ talbiet għandhom għan u bażi differenti u ma humiex relatati ma’ xulxin minn rabta ta’ sussidjarjetà jew ta’ inkompatibbiltà.

I –    Il-kuntest ġuridiku

7.        L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li huwa parti mis-Sezzjoni 1 tal-Kapitolu II bit-titolu “Disposizzjonijiet ġenerali” jipprovdi li: “[b]la preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru”.

8.        L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, li jinsab fis-Sezzjoni 2 tal-istess Kapitolu II, intitolat “Ġurisdizzjoni speċjali”, jipprovdi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1.      a) f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt [materji kuntrattwali], fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

[...]”

9.        L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab ukoll fl-istess Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, jipprevedi:

“Persuna li tkun domiċiljata fi Stat Membru tista’ wkoll tiġi mfittxija:

1)      meta tkun waħda minn numru ta’ konvenuti, fil-qrati tal-post fejn wieħed minnhom jkun domiċiljat, basta illi t-talbiet ikunu marbuta hekk mill-qrib li jkun espedjenti li jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex jevitaw ir-riskju ta’ ġudizzji irrikkonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati;”

10.      L-Artikolu 23(1) u (2) tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab fis-Sezzjoni 7 tal-Kapitolu II, intitolat “Prorogazzjoni ta’ ġurisdizzjoni”, jipprovdi:

“1.      Jekk il-partijiet, wieħed jew aktar minnhom ikollu d-domiċilju fi Stat Membru, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollu ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi kwistjonijiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu in konnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dak il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni. Ġurisdizzjoni bħal dik għandha tkun esklussiva sa kemm il-partijiet ma jiftehmux mod ieħor. Ftehim bħal dak li jagħti ġurisdizzjoni għandu jkun jew:

a)      bil-kitba jew ikkonfermat bil-kitba; jew

b)      f’għamla li taqbel mal-prattiċi li l-partijiet ikunu stabbilixxew bejniethom; jew

(ċ)      f’negozju jew kummerċ internazzjonali, fl-għamla li taqbel ma’ l-użanza li biha l-partijiet huma jew li għandhom ikunu konxji u li dwarhom dak in-negozju jew kummerċ ikun magħruf sewwa, u regolarment osservat minn, partijiet għal kuntratti tat-tip involut f’dak in-negozju jew kummerċ partikolari ikkonċernat.

2.      Xi komunikazzjoni b’mezzi elettroniċi li tipprovdi meżż dewwiemi tal-ftehim għandu jkun ekwivalenti għal ‘kitba’.”

II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11.      Fix-xahar ta’ Mejju 2004, id-Dresdner Bank AG, li sar il-Commerzbank, li s-sede rreġistrata tiegħu tinsab fil-Ġermanja, nieda fis-suq programm ta’ ħruġ ta’ titoli ta’ dejn negozjabbli marbuta ma’ riskju tal-kreditu, imsejħa “credit-linked notes” (8). Ir-regolazzjoni ġenerali tal-programm kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-ħruġ kienu stabbiliti fi prospett ta’ bażi tal-5 ta’ Mejju 2004, imsejjaħ “memorandum ta’ informazzjoni” (“Information memorandum”) (9), approvat, skont il-Commerzbank, mill-Irish Stock Exchange [il-Borża ta’ Dublin (l-Irlanda)].

12.      Dan id-dokument kien jinkludi, fil-punt 16 tat-“Termini u l-kundizzjonijiet tat-titoli” (“Terms and conditions of the Notes”), il-klawżola inkluża fil-punt b), intitolata “Dritt u ġurisdizzjoni” (“Law and jurisdiction”), li skontha l-qrati Ingliżi għandhom il-ġurisdizzjoni esklużiva biex jirregolaw kwalunkwe tilwima li tirriżulta mit-titoli jew b’rabta magħhom.

13.      Fil-kuntest ta’ dan il-programm ta’ ħruġ, il-Commerzbank, fit-22 ta’ Ottubru 2004, ikkummerċjalizza fl-ammont totali ta’ EUR 2 300 000 CLNs relatati mal-entità ta’ riferiment E3, bis-sede rreġistrata tagħha fil-Lussemburgu, skont modalitajiet speċifikati f’“nota supplimentari” (“pricing supplement”).

14.      Permezz ta’ Redi, li s-sede rreġistrata tagħha tinsab fir-Renju Unit, u li hija awtorizzata teżerċita l-attività ta’ intermedjarju finanzjarju mill-Financial Services Authority (l-awtorità tar-Renju Unit għas-sorveljanza tas-swieq), dawn it-titoli nkisbu fis-27 ta’ Ottubru 2004, fl-ammont ta’ EUR 100 000 minn Profit, li s-sede rreġistrata tagħha tinsab fl-Italja, u fl-ammont ta’ EUR 1 200 000 minn Profit Holding, kumpannija parent ta’ Profit u li s-sede rreġistrata tagħha wkoll hija stabbilita fl-Italja.

15.      Peress li E3, fir-rebbiegħa tal-2006, ma kinitx wettqet l-obbligi tagħha, il-Commerzbank innotifika dan l-avveniment u pproċeda, fil-5 ta’ Lulju 2006, għat-terminazzjoni tas-CLN billi ta lil Profit in-numru korrispondenti ta’ titoli ta’ E3, li saret insolventi.

16.      Wara li tqiegħdet fi stralċ amministrattiv sfurzat, Profit ressqet kawża quddiem it-Tribunale di Milano (Qorti ta’ Milan, l-Italja) kontra l-Commerzbank, Profit Holding, Redi u E3, kif ukoll kontra S. Ossi u E. Magli, membru tal-Bord Amministrattiv u Direttur Ġenerali ta’ Profit rispettivament, u E. Fiore, soċju ta’ E3, it-tlieta li huma bid-domiċilju tagħhom fl-Italja.

17.      Profit ippreżentat żewġ talbiet. L-ewwel waħda hija intiża sabiex tikseb in-nullità, minħabba żbilanċ fil-kuntratt, nuqqas jew raġunijiet insuffiċjenti, tal-ftehimiet li wasslu għall-ksib tas-CLN kif ukoll għall-ħlas lura tas-somom imħallsa. It-tieni waħda hija intiża sabiex tiġi rrikonoxxuta, fuq il-bażi tal-Artikolu 2497 tal-Kodiċi Ċivili Taljan (10), ir-responsabbiltà ta’ Profit Holding, ta’ Redi, kif ukoll ta’ S. Ossi, E. Magli u E. Fiore u biex tikseb il-kumpens għad-dannu mġarrab.

18.      Il-Commerzbank sejjaħ fil-kawża lil F. Redi, soċju ta’ Redi, u lil A. Mirone, li kien ikkontribwixxa għat-tfassil u t-twettiq tat-tranżazzjoni f’isem Redi, li għandha d-domiċilju fir-Renju Unit, sabiex jiġu kkundannati jikkumpensaw id-dannu mġarrab għall-każ fejn it-talba prinċipali ta’ Profit tintlaqa’.

19.      Peress li l-Commerzbank kif ukoll S. Ossi u A. Mirone kkontestaw il-ġurisdizzjoni tal-qorti Taljana, Profit talbet lill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Appell, l-Italja) tiddeċiedi b’mod preliminari fuq il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni.

20.      Peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 5(1), 6(1) u 23(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, il-Corte suprema di cassazione ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Ir-rabta bejn kawżi differenti, imsemmija fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament [Nru°]44/2001, tista’, jew le, titqies li teżisti f’każ fejn is-suġġett tal-pretensjonijiet imressqa fiż-żewġ azzjonijiet huwa differenti, bħalma huwa differenti t-titolu li abbażi tiegħu tressqu l-pretensjonijiet, mingħajr ma jkun hemm rabta ta’ sussidjarjetà jew ta’ inkompatibbiltà loġiko-legali bejniethom, iżda fejn l-eventwali rikonoxximent tal-fondatezza ta’ waħda minnhom tista’, fil-fatt, potenzjalment taffettwa l-portata tad-dritt li l-protezzjoni tiegħu hija mitluba fil-kuntest tal-pretensjoni l-oħra?

2)      Il-kundizzjoni li l-klawżola ta’ estensjoni tal-ġurisdizzjoni għandha tkun bil-miktub, stabbilita fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament [Nru°] 44/2001, tista’, jew le, titqies sodisfatta fil-każ ta’ inklużjoni ta’ tali klawżola fil-[memorandum] redatt b’mod unilaterali minn min ħareġ il-bonds, bil-konsegwenza li l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni għall-kawżi li jinvolvu kwalunkwe persuna ulterjuri li takkwista dawn il-bonds fir-rigward tal-validità tagħhom issir applikabbli? Jew jekk le, wieħed jista’ jqis li l-inklużjoni tal-klawżola ta’ estensjoni tal-ġurisdizzjoni fid-dokument li huwa intiż li jirregola ħruġ ta’ bonds iddestinati li jiċċirkolaw b’mod transkonfinali tikkorrispondi għal forma li hija aċċettata mill-użanzi tal-kummerċ internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 23(1)(ċ) tal-istess regolament?

3)      Il-[“materja kuntrattwali”] imsemmija fl-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament għandha tinftiehem bħala li hija limitata biss għall-kawżi fejn wieħed ikollu l-intenzjoni li jinvoka r-relazzjoni legali li tirriżulta mill-kuntratt, kif ukoll għal dawk li jiddependu b’mod mill-qrib minn din ir-relazzjoni, jew testendi ruħha anki għall-kawżi fejn ir-rikorrenti, iktar milli tinvoka l-kuntratt, tikkontesta l-eżistenza ta’ rabta kuntrattwali legalment valida u hija intiża li tikseb ir-restituzzjoni ta’ dak li tħallas abbażi ta’ titolu li, skontha, huwa nieqes minn kull valur legali?”

III – L-evalwazzjoni tiegħi

A –    Osservazzjonijiet preliminari

1.      Il-metodu ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001.

21.      Huwa meħtieġ li mill-ewwel jiġu mfakkra tliet regoli li jirregolaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001.

22.      L-ewwel nett, sa fejn ir-Regolament Nru 44/2001 jissostitwixxi, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (11), kif emendata b’konvenzjonijiet suċċessivi relatati mal-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda ma’ din il-konvenzjoni (12), l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni tapplika wkoll għal dawk tar-Regolament Nru 44/2001, meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-atti leġiżlattivi Komunitarji jistgħu jiġu deskritti bħala ekwivalenti (13). Dan huwa l-każ f’dak li jikkonċerna l-Artikoli 5(1)(a) u 23(1) ta’ dan ir-regolament meta mqabbla mal-Artikoli 5(1) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 rispettivament tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (14). Fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, jekk ma hemmx wieħed ekwivalenti għalih fil-Konvenzjoni ta’ Brussell, dan jillimita ruħu sabiex jistabbilixxi prinċipju li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet mill-Artikolu 6(1) ta’ din il-konvenzjoni (15), b’tali mod li l-interpretazzjoni mogħtija preċedentement mill-Qorti tal-Ġustizzja tippreserva l-interess kollu tagħha.

23.      It-tieni nett, għal raġunijiet li jirriżultaw b’mod partikolari mill-ħtieġa li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-Regolament Nru 44/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, meta jirreferu għas-sistema u għall-għanijiet tiegħu (16).

24.      It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali li jinsabu fis-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu 11 tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati b’mod strett, u ma jippermettux interpretazzjoni li tmur lil hinn mis-sitwazzjonijiet previsti b’mod espliċitu minn dan ir-regolament (17). Hija kkunsidrat ukoll li l-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-validità tal-klawżoli li jagħtu ġurisdizzjoni għandhom jiġu interpretati b’mod strett, sa fejn dawn il-klawżoli jidderogaw mir-regoli ġenerali tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni (18).

25.      Huwa bl-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ta’ interpretazzjoni li għandi nagħti r-risposta tiegħi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

2.      L-ordni ta’ eżami tad-domandi

26.      Il-qorti tar-rinviju ma għandhiex dubju li l-azzjoni sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà mressqa kontra Profit Holding, Redi kif ukoll S. Ossi, E. Magli u E. Fiore taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti Taljana, sakemm diversi konvenuti f’din l-azzjoni għandhom ir-residenza tagħhom l-Italja. Min-naħa l-oħra, hija tqis iktar dubjuż li l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nullità tal-atti li wasslu għall-ksib tas-CLN u għal ħlas lura tal-prezz imħallas tista’ taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti Taljana, ladarba din l-azzjoni għandha, fid-dawl tal-għan tagħha, titqies li tressqet esklużivament kontra l-Commerzbank u Redi, li t-tnejn li huma għandhom is-sede rreġistrata tagħhom barra mill-Italja.

27.      Fil-fehma tagħha, ir-risposta għal din id-domanda tiddependi, fl-ewwel lok, mill-fatt li wieħed ikun jaf jekk teżistix rabta mill-qrib bejn dawn iż-żewġ talbiet, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jimplika li l-qrati Taljani, li għandhom il-ġurisdizzjoni biex jieħdu konjizzjoni tat-talba ta’ kumpens għad-danni, għandhom ukoll ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu dwar it-talba ta’ ħlas lura tal-prezz li tirriżulta min-nullità allegata tat-tranżazzjonijiet.

28.      Huwa biss fil-każ li r-risposta li tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja twassal sabiex teskludi l-eżistenza ta’ tali rabta li tiġġustifika li ż-żewġ talbiet jiġu deċiżi flimkien li jkun xieraq, fit-tieni lok, li jiġi vverifikat jekk it-talba għall-ħlas lura tal-prezz tal-bejgħ tas-CLN tistax tiġi kkunsidrata, fiha nnifisha, bħala waħda li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti Taljana. Il-Corte suprema di cassazione tissuġġerixxi li din il-verifika ssir f’żewġ stadji, l-ewwel billi jiġi mfittex liema valur għandha tingħata l-klawżola ta’ estensjoni tal-ġurisdizzjoni li tinsab fil-memorandum, imbagħad, fil-każ li din il-klawżola ma jkollha l-ebda valur, billi jiġi ddeterminat jekk hijiex relatata ma’ “materja kuntrattwali” fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001, it-tilwima li fiha min jagħmel it-talba jikkontesta l-eżistenza ta’ rabta kuntrattwali valida u jkollu l-ħsieb li jikseb il-ħlas lura ta’ dak li tħallas fuq il-bażi ta’ att li skontu huwa nieqes minn kull valur legali.

29.      Jien inqis li, qabel tingħata risposta għall-ewwel u għat-tielet domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, li huma relatati ma’ ġurisdizzjoni fakultattiva, jeħtieġ li l-ewwel nett tiġi eżaminata t-tieni domanda sa fejn din tikkonċerna ġurisdizzjoni esklużiva. F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza turi li l-effett tal-klawżola ta’ estensjoni tal-ġurisdizzjoni huwa tali li jeskludi kemm il-ġurisdizzjoni ddeterminata mill-prinċipju ġenerali stabbilit mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 44/2001 kif ukoll il-ġurisdizzjoni speċjali tal-Artikoli 5 u 6 ta’ dan ir-regolament (19). Minn dan jirriżulta li, fuq il-bażi tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju jkollha tikkonkludi li l-klawżola ta’ estensjoni tal-ġurisdizzjoni li tinsab fil-memorandum tista’ tiġi inforzata b’mod validu fir-rigward ta’ Profit, neċessarjament hija jkollha tiddikjara n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nullità u għal ħlas lura tal-prezz tal-bejgħ, li għandha titressaq quddiem il-qrati Ingliżi, anki jekk din l-azzjoni tkun relatata ma’ materja kuntrattwali jew ikollha rabta mill-qrib mal-azzjoni sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà.

30.      Il-fatt li l-azzjoni hija intiża għall-konstatazzjoni, b’mod partikolari, tan-nullità tat-tranżazzjonijiet li wasslu għax-xiri tas-CLN minn Profit ma jqajjimx dubju dwar il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, sa fejn, skont il-prinċipju tal-awtonomija ta’ din il-klawżola, il-qorti ta’ Stat kontraenti, kif deskritta b’mod konvenzjonali, hija wkoll l-unika waħda kompetenti meta l-azzjoni tkun intiża għall-konstatazzjoni tan-nullità tal-kuntratt li jinkludi din il-klawżola (20).

31.      Barra minn hekk, għall-kuntrarju tal-Kummissjoni Ewropea, jien ma naħsibx li huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk l-azzjoni għal ħlas lura taqax taħt “materja kuntrattwali”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001, qabel tiġi analizzata l-validità u l-effikaċità tal-klawżola ta’ estensjoni tal-ġurisdizzjoni.

32.      Huwa minnu li, sabiex jiġi ddeterminat jekk dik il-persuna li qed tiġi inforzata l-klawżola kontriha tatx il-kunsens tagħha għall-klawżola li tagħti ġurisdizzjoni, imsemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi d-definizzjoni ġenerali u astratta tal-materja kuntrattwali, żviluppata fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, billi tfittex l-eżistenza ta’ obbligu ġuridiku li għalih ingħata l-kunsens liberu minn persuna fir-rigward ta’ oħra (21).

33.      Madankollu, l-eżistenza ta’ żona ta’ sovrapożizzjoni li tirriżulta minn rekwiżit komuni ta’ rabta kuntrattwali ma jidhirlix li timponi risposta bikrija għat-tielet domanda, minħabba li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din id-domanda hija intiża sabiex telimina dubju tal-Corte suprema di cassazione li ma jikkonċernax l-eżistenza ta’ rabta legali li tirriżulta minn kuntratt, li hija preżunta (22), anki jekk din il-preżunzjoni jistħoqqilha li tiġi diskussa, iżda biss sabiex jiġi stabbilit jekk il-fatt li min jagħmel it-talba ma jkunx qed jaġixxi għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt iżda għan-nullità u għall-ħlas lura tal-prezz imħallas iwassalx sabiex l-azzjoni mressqa toħroġ mill-qasam kuntrattwali.

34.      Għaldaqstant, se nibda billi neżamina t-tieni domanda dwar l-effikaċja tal-klawżola li tagħti ġurisdizzjoni inkluża fil-memorandum.

35.      Peress li l-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li Redi intervjeniet bħala “distributur li biegħ” is-CLN maħruġa mill-Commerzbank lil Profit, inqis li jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn ir-rabtiet li ġew stabbiliti bejn Redi u Profit u relazzjonijiet ta’ Profit mal-Commerzbank.

B –    Fuq it-tieni domanda

36.      Bit-tieni domanda tagħha li, għalkemm hija mqassma f’żewġ partijiet, għandha tiġi diviża fi tliet taqsimiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, l-ewwel nett jekk huwiex issodisfatt ir-rekwiżit tal-forma bil-miktub previst fl-Artikolu 23(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, meta klawżola li tagħti ġurisdizzjoni tkun tinsab fi prospett tal-ħruġ ta’ titoli, bħas-CLN inkwistjoni fil-kawża prinċipali, redatt unilateralment minn min ħareġ dawn it-titoli, u mbagħad, jekk din il-klawżola tistax tiġi inforzata fir-rigward ta’ kull persuna li ssottoskriviet għal dawn it-titoli u, finalment, f’każ ta’ risposta fin-negattiv għaż-żewġ domandi preċedenti, jekk l-inklużjoni ta’ klawżola ta’ estensjoni tal-ġurisdizzjoni f’tali dokument tikkorrispondix għal użanza li tirregola l-qasam tal-kummerċ internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 23(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001.

37.      Din id-diviżjoni fi tliet partijiet tad-domanda hija meħtieġa sa fejn jidhirli li l-ewwel taqsima tikkonċerna esklużivament il-validità tal-klawżola ta’ estensjoni tal-ġurisdizzjoni fir-rabtiet bejn il-partijiet fil-kuntratt li tinsab fih, filwaqt li t-tieni taqsima tirrigwarda t-trażmessibbiltà ta’ din il-klawżola lill-akkwirenti sussegwenti tat-titoli. Fir-rigward tat-tielet taqsima tad-domanda, din tiġbor dawn iż-żewġ aspetti u tikkonċerna, b’mod iktar ġenerali, l-effikaċja tal-klawżola fir-rigward ta’ kull akkwirent jew subakkwirent tat-titoli.

1.      Fuq l-ewwel taqsima tat-tieni domanda

38.      Il-ġurisprudenza tidher konsistentement stretta fl-interpretazzjoni tar-rekwiżiti tal-forma previsti fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, u mbagħad fl-Artikolu 23(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, li jagħmel il-validità tal-klawżola tal-għażla tal-qorti suġġetta għall-eżistenza ta’ ftehim konkluż “bil-kitba jew ikkonfermat bil-kitba”.

39.      Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-inklużjoni ta’ klawżola li tagħti ġurisdizzjoni li tinsab fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ ta’ waħda mill-partijiet, stampati fuq in-naħa ta’ wara ta’ ftehim bil-miktub tissodisfa r-rekwiżit tal-forma bil-miktub biss jekk il-kuntratt iffirmat miż-żewġ partijiet jkollu riferiment espliċitu għal dawn il-kundizzjonijiet ġenerali (23).

40.      Fil-każ ta’ kuntratt konkluż oralment, hija kkunsidrat, filwaqt li warrbet il-każijiet ta’ rabtiet kummerċjali eżistenti bejn il-partijiet, li l-klawżola ta’ estensjoni tal-ġurisdizzjoni setgħet tkun effettiva biss jekk il-konferma bil-miktub tal-bejjiegħ bil-komunikazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ wasslet għal aċċettazzjoni bil-miktub min-naħa tax-xerrej (24).

41.      Filwaqt li assumiet biss il-perspettiva li kien jeżisti kunsens għall-estensjoni tal-ġurisdizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fir-rigward tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li, billi tagħmel il-validità ta’ klawżola li tagħti l-ġurisdizzjoni suġġetta għall-eżistenza ta’ “ftehim” bejn il-partijiet, din id-dispożizzjoni kienet timponi fuq il-qorti li quddiemha titressaq il-kawża l-obbligu li teżamina, fl-ewwel lok, jekk il-klawżola kinitx effettivament is-suġġett ta’ kunsens bejn il-partijiet, li kellu jsir b’mod ċar u preċiż (25). Konformement mal-metodu ta’ interpretazzjoni teleoloġika tagħha, hija qieset li “[kien] hemm lok li l-Artikolu 23(1) tar-Regolament [Nru 44/2001] jiġi interpretat fis-sens li, bħal fil-każ tal-għan tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, ir-realtà tal-kunsens tal-partijiet ikkonċernati huwa wieħed mill-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni” (26).

42.      Għaldaqstant, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta ċar li l-kunsens għall-klawżola tal-estensjoni tal-ġurisdizzjoni ma jistax ikun sempliċiment wieħed taċitu u lanqas dedott miċ-ċirkustanzi. Ħlief fil-każijiet previsti fl-Artikolu 23(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 44/2001, l-effikaċja ta’ tali klawżola hija, għall-kuntrarju, suġġetta għal kunsens espliċitu li jintwera mill-użu ta’ wieħed mill-metodi ta’ espressjoni formali previsti fl-Artikolu 23(1)(a) u (2) ta’ dan ir-regolament.

43.      Għalkemm jidhru stretti, dawn ir-rekwiżiti tal-forma fil-fehma tiegħi huma ġġustifikati, sa fejn dawn jippermettu li tiġi protetta l-iktar parti kontraenti dgħajfa mir-riskju tal-inklużjoni ta’ klawżola ta’ estensjoni tal-ġurisdizzjoni li l-attenzjoni tagħha ma tkunx inġibdet lejha b’mod ċar biżżejjed (27).

44.      Fir-rigward ta’ dawn ir-rekwiżiti, kif interpretati minn ġurisprudenza stabbilita, għad-domanda ppreżentata mill-qorti tar-rinviju tista’ tingħata biss risposta fin-negattiv, peress li l-kundizzjoni dwar il-forma bil-miktub ma tistax tiġi meqjusa bħala ssodisfatta sempliċiment bl-inklużjoni tal-klawżola li tagħti ġurisdizzjoni fil-memorandum redatt b’mod unilaterali minn min ħareġ is-CLN.

45.      Kif innotat il-Kummissjoni, madankollu, jista’ jkun mod ieħor jekk ikun stabbilit li l-klawżola kienet is-suġġett ta’ ftehim meta ġie konkluż il-kuntratt bejn Profit u Redi. Fil-fehma tiegħi, l-adeżjoni espressa ta’ Profit għall-klawżola tista’ tirriżulta kemm mill-fatt li din tkun ġiet inkluża fil-ftehim, kif ukoll minn riferiment espress għall-memorandum. Madankollu, ninnota li mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-kundizzjonijiet li jinsabu fil-memorandum ma jidhrux li kienu inklużi speċifikament fid-dokumenti kuntrattwali ffirmati mill-akkwirenti tas-CLN.

46.      Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel taqsima tat-tieni domanda billi tispeċifika li r-rekwiżit tal-forma bil-miktub stipulat mill-Artikolu 23(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, fil-każ li klawżola ta’ estensjoni tal-ġurisdizzjoni tiġi inkluża fil-prospett tal-ħruġ ta’ titoli, bħas-CLN inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa ssodisfatt biss jekk il-kuntratt iffirmat mill-partijiet isemmi l-aċċettazzjoni ta’ din il-klawżola jew jinkludi riferiment espress għal dan il-prospett.

2.      Fuq it-tieni taqsima tat-tieni domanda

47.      Għall-kwistjoni dwar jekk, fil-kuntest ta’ azzjoni sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà mressqa mis-subakkwirent ta’ oġġett kontra l-produttur tiegħu, il-klawżola li tagħti ġurisdizzjoni miftiehma fil-kuntratt konkluż bejn il-produttur tal-oġġett u l-akkwirent tistax tiġi invokata għas-subakkwirent, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Refcomp (28), tat risposta ċara ħafna billi ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-klawżola ma setgħetx tipproduċi effett fir-rigward tas-subakkwirent li ma kienx ta l-kunsens tiegħu. Fuq il-bażi tan-nuqqas ta’ rabta kuntrattwali bejn is-subakkwirent u l-produttur, hija saħqet li “ma [setgħux] ikunu kkunsidrati bħala li ‘qablu’, fis-sens tal-Artikolu 23(1) [tar-Regolament Nru 44/2001], dwar il-qorti indikata bħala li għandha ġurisdizzjoni fil-kuntratt inizjali konkluż bejn il-produttur u l-ewwel xerrej.” (29)

48.      Madankollu, fis-sentenza tagħha Powell Duffryn (30), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-infurzabbiltà tal-klawżola inkluża fl-istatut ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata fir-rigward tal-azzjonisti futuri, ladarba l-adeżjoni tal-azzjonist fl-istatut tal-kumpannija toħloq relazzjoni li għandha tiġi kkunsidrata bħala kuntrattwali kemm bejn l-azzjonist u l-kumpannija kif ukoll bejn l-azzjonisti stess (31). Fis-sentenza Russ (32), il-Qorti tal-Ġustizzja ppermettiet ukoll, fir-rigward tat-trasport marittimu, l-inforzabbiltà tal-klawżola inkluża f’kuntratt ta’ trasport tal-merkanzija fir-rigward ta’ portatur terz peress li dan ikun daħal fid-drittijiet u l-obbligi tal-ispeditur skont id-dritt nazzjonali applikabbli (33).

49.      Skont din il-ġurisprudenza, jeħtieġ li jiġi ammess, fuq il-mudell ta’ statut ta’ kumpannija jew kuntratt tat-trasport tal-merkanzija bil-baħar, it-trasferiment ta’ din il-klawżola li tagħti ġurisdizzjoni li tidher fil-memorandum għall-akkwirenti suċċessivi tas-CLN jew, għall-kuntrarju, li jiġi miċħud dan it-trasferiment fin-nuqqas ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn min ħareġ it-titoli u s-subakkwirent?

50.      Fil-fehma tiegħi, huwa favur it-tieni taqsima tal-alternattiva li għandha tiġi deċiża din il-kwistjoni.

51.      Il-prinċipju, ikkonfermat b’mod kostanti mill-ġurisprudenza, li skontu l-kunsens tal-partijiet interessati huwa neċessarju sabiex il-klawżola li tagħti ġurisdizzjoni tkun tista’ tapplika jidhirli li jwassal b’mod inevitabbli għal din is-soluzzjoni. Fil-fatt, peress li ma teżisti l-ebda rabta kuntrattwali bejn Profit u Commerzbank, minħabba li dawn ma ħadu ebda obbligu ta’ natura kuntrattwali fir-rigward ta’ xulxin, hemm lok li jiġi dedott li dawn ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li kienu “qablu”, fis-sens tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 44/2001, dwar il-qorti magħżula sabiex ikollha ġurisdizzjoni (34).

52.      L-argument tal-gvern tar-Renju Unit li l-Commerzbank aċċetta li jkun marbut bil-kundizzjonijiet tal-ħruġ stipulati fil-memorandum jidhirli li huwa ineffettiv, peress li l-kwistjoni ma hijiex li wieħed ikun jaf jekk Profit tistax tinforza l-klawżola fir-rigward tal-Commerzbank, iżda, għall-kuntrarju, jekk dan il-bank jistax jinforza l-klawżola fir-rigward ta’ Profit. Fir-rigward tal-argument ta’ dan l-istess gvern, li skontu kien preżunt li Profit kienet tat il-kunsens tagħha għall-klawżola li tagħti ġurisdizzjoni meta xtrat it-titoli, ma jidhirlix li dan huwa preċiż, peress li l-kunsens għandu jingħata b’mod espliċitu, mingħajr ma jkun jista’ jiġi preżunt mill-ksib tat-titoli.

53.      Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Commerzbank, ma naħsibx li l-inforzabbiltà tal-klawżola fir-rigward tas-subakkwirent tista’ tiġi preżunta mir-regola li skontha, ladarba investitur jixtri titoli ta’ bonds, kemm fis-suq primarju kif ukoll fis-suq sekondarju, huwa neċessarjament juri r-rieda tiegħu li jaċċetta bis-sħiħ, kompletament u b’mod inkundizzjonali d-dispożizzjonijiet kollha inklużi fir-regolament dwar il-ħruġ tat-titoli. Fil-fatt, din l-analiżi tiċħad il-karatteristika speċifika tal-klawżola tal-għażla tal-qorti li tobdi regoli speċifiċi bbażati fuq l-adeżjoni neċessarja ta’ dak li kontra tiegħu din tkun qed tiġi invokata.

54.      Jien ma ninjorax il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx daqshekk stretta fil-ġurisprudenza tagħha fil-każ partikolari tal-kuntratt ta’ trasport tal-merkanzija bil-baħar u tal-kuntratt ta’ kumpannija. Minkejja dan, fis-sentenza tagħha Refcomp (35), hija llimitat il-portata tal-ġurisprudenza tagħha billi indikat li din kellha tiġi evalwata billi tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura partikolari ħafna tal-kuntratt tat-trasport tal-merkanzija, li jikkostitwixxi strument tal-kummerċ internazzjonali intiż sabiex jirregola relazzjoni li timplika għall-inqas tliet persuni u titolu negozjabbli li jippermetti lill-proprjetarju li jbigħ il-merkanzija, waqt li tkun qed tiġi ttrasportata, lil akkwirent li jsir it-titolari tad-drittijiet u l-obbligi kollha tal-ispeditur fir-rigward tal-operatur tat-trasport (36).

55.      Din il-ġurisprudenza hija bbażata fuq analiżi tal-kuntratt tat-trasport bħala kuntratt bejn tliet partijiet, li ma jidhirlix li tista’ tiġi trasposta għall-każ tal-ħruġ ta’ titoli, bħas-CLN inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jaqgħu fil-kategorija ta’ titoli ta’ dejn. Lanqas is-soluzzjoni mogħtija għall-azzjonist ta’ kumpannija ma tista’ tiġi trasposta għal min għandu titolu ta’ dejn li, b’differenza mill-azzjonist, li għandu dritt fuq il-kapital tal-kumpannija, għandu biss dritt ta’ dejn. L-eċċezzjoni għal kumpannija tispjega ruħha mill-idea li l-persuni li ssieħbu mal-persuna ġuridika billi xtraw l-ishma saru partijiet għall-kuntratt li jistabbilixxi lil din tal-aħħar. Din il-ġustifikazzjoni ma tinstabx fil-kuntest tal-ksib ta’ titoli, bħas-CLN inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

56.      Dawn huma r-raġunijiet li jwassluni sabiex għat-tieni taqsima tat-tieni domanda nagħti r-risposta li l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola li tagħti ġurisdizzjoni inkluża fid-dokument ta’ informazzjoni redatt b’mod unilaterali minn min ħareġ l-istrumenti finanzjarji ma tistax tiġi invokata fir-rigward ta’ terz li jkun akkwista dawn l-istrumenti mingħand intermedjarju finanzjarju ħlief jekk ikun ġie stabbilit li dan it-terz ikun ta l-kunsens effettiv tiegħu għal din il-klawżola fil-kundizzjonijiet imsemmija f’dan l-artikolu.

3.      Fuq it-tielet taqsima tat-tieni domanda

57.      Ma jidhirlix li t-tielet taqsima tat-tieni domanda tqajjem diffikultajiet partikolari, sa fejn din diġà ngħatat risposta għaliha b’mod wiesa’ fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

58.      F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna l-portata tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ użanza fil-kummerċ internazzjonali, magħrufa mill-partijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kunsens tal-partijiet kontraenti għall-klawżola li tagħti ġurisdizzjoni huwa preżunt li jeżisti meta l-aġir tagħhom jikkorrispondi ma’ użanza li tirregola l-qasam tal-kummerċ internazzjonali li joperaw fih u li huma konxji dwarha jew kellhom ikunu konxji dwarha (37). L-eżistenza ta’ użanza li l-partijiet kellhom ikunu konxji dwarha għaldaqstant twassal sabiex ikun preżunt kunsens għall-klawżola li tagħti ġurisdizzjoni. Hija qieset ukoll, f’dak li jikkonċerna l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ użanza, li huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tevalwa jekk il-kuntratt inkwistjoni jaqax fl-ambitu tal-kummerċ internazzjonali u li tivverifika l-eżistenza ta’ użanza fis-settur tal-kummerċ internazzjonali li fih joperaw il-partijiet involuti (38).

59.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tat lill-qrati nazzjonali direttivi ġenerali dwar il-mod kif jipproċedu għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ użanza u tal-għarfien tagħha mill-partijiet.

60.      Minn naħa, l-eżistenza ta’ użanza, li għandha tiġi kkonstatata fis-settur kummerċjali fejn il-partijiet kontraenti jeżerċitaw l-attività tagħhom, hija stabbilita meta ċertu aġir ikun segwit b’mod ġenerali u regolari mill-operaturi f’dak is-settur meta jiġu konklużi kuntratti ta’ ċertu tip (39).

61.      Min-naħa l-oħra, l-għarfien effettiv jew “preżunt” tal-użanza mill-partijiet kontraenti jista’ jiġi stabbilit, b’mod partikolari, billi jintwera kemm li l-partijiet qabel kellhom relazzjonijiet kummerċjali bejniethom jew ma’ partijiet oħrajn li joperaw fis-settur ikkunsidrat, kif ukoll li, f’dan is-settur, ċertu aġir huwa magħruf biżżejjed, minħabba li huwa segwit b’mod ġenerali u regolari fil-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ ċertu tip, b’tali mod li jkun jista’ jiġi kkunsidrat bħala prattika kkonsolidata (40). B’hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li tat x’tifhem il-Kummissjoni waqt is-seduta, jirriżulta ċar minn din il-ġurisprudenza li l-għarfien tal-użanza ma għandux jiġi ppruvat peress li dan jista’ jiġi preżunt meta jintwera li l-parti kkonċernata “kellha” tkun taf biha.

62.      L-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli twassal sabiex it-tielet taqsima tat-tieni domanda tingħata risposta fis-sens li l-inklużjoni ta’ klawżola ta’ estensjoni tal-ġurisdizzjoni fid-dokument intiż biex jiddefinixxi l-kundizzjonijiet tal-ħruġ ta’ titoli, bħas-CLN inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ titqies bħala forma aċċettata minn użanza tal-kummerċ internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 23(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, li tippermetti li jiġi preżunt il-kunsens ta’ dik il-parti li l-klawżola tkun qed tiġi invokata kontriha, sakemm ikun speċifikament stabbilit, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, minn naħa, li tali aġir huwa segwit b’mod ġenerali u regolari mill-operaturi fis-settur ikkunsidrat waqt il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ dan it-tip u, min-naħa l-oħra, kemm li l-partijiet kellhom relazzjonijiet kummerċjali bejniethom jew ma’ partijiet oħrajn li joperaw fis-settur ikkunsidrat, kif ukoll li l-aġir inkwistjoni huwa magħruf biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat bħala prattika kkonsolidata.

C –    Fuq it-tielet domanda

63.      Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-azzjoni intiża sabiex tikseb l-annullament ta’ kuntratt u l-ħlas lura tas-somom imħallsa fuq il-bażi tal-att null għandhiex titqies bħala relatata ma’ “materji kuntrattwali” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001.

64.      Jiena ser nelimina mill-ewwel il-possibbiltà li tinżamm in-natura kuntrattwali tal-azzjoni mressqa minn Profit kontra l-Commerzbank, peress li, fl-assenza ta’ rabta kuntrattwali li tgħaqqadhom, l-azzjoni tal-ewwel waħda kontra t-tieni ma tistax tiġi kklassifikata bħala waħda “kuntrattwali”, irrispettivament mir-riżultat li tixtieq tikseb. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi d-domanda tirrigwarda biss ir-relazzjonijiet bejn Profit u Redi.

65.      L-eżami ta’ din id-domanda jeħtieġ li tiġi mfakkra l-ġurisprudenza applikabbli.

66.      Fis-sentenza tagħha Sanders (41), li tikkonċerna l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat fejn tinsab il-proprjetà immobbli, fi kwistjonijiet ta’ proprjetà immobbli, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-ġurisdizzjoni esklużiva tibqa’ anki fil-każ li tiġi kkontestata l-eżistenza tal-kuntratt li huwa s-suġġett tat-tilwima (42).

67.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, li quddiemha ġiet ippreżentata talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk il-ġurisdizzjoni speċjali f’materji kuntrattwali għandhiex tapplika meta l-konvenut, li ħa azzjoni fuq il-bażi tat-twettiq ta’ obbligu kuntrattwali, iqajjem eċċezzjoni ta’ inkompetenza billi jikkontesta l-eżistenza nnifisha tal-kuntratt, fis-sentenza tagħha Effer (43), innotat li l-“ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali li tiddetermina kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt tinkludi s-setgħa li tevalwa l-eżistenza tal-partijiet li jikkostitwixxu l-kuntratt stess, peress li tali evalwazzjoni hija indispensabbli biex il-qorti nazzjonali li jkollha quddiemha t-talba tkun tista’ tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha” (44). Minn dan waslet għall-konklużjoni li “r-rikorrent jista’ jinvoka l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt [...] anki jekk il-formazzjoni tal-kuntratt li kien is-suġġett tar-rikors kienet ikkontestata mill-partijiet” (45).

68.      L-ewwel domanda li tirriżulta hija dwar jekk din is-soluzzjoni stabbilita fil-każ li tiġi kkontestata l-eżistenza tal-kuntratt bħala difiża għal azzjoni intiża sabiex jiġi eżegwit dan il-kuntratt tistax tiġi trasposta għall-każ ta’ azzjoni prinċipali sabiex tiġi kkonstatata n-nullità tal-kuntratt.

69.      It-tieni domanda tikkonsisti f’li jiġi ddeterminat, f’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, jekk il-qorti li teżamina jekk il-kuntratt huwiex null għandhiex ukoll il-ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar il-konsegwenzi ta’ din in-nullità, u, b’mod partikolari, dwar il-ħlas lura li jirriżulta bħala konsegwenza ta’ din id-deċiżjoni.

70.      Jiena ser nipproponi li għall-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv. F’dan ir-rigward, jistgħu jitressqu ħames argumenti.

71.      L-ewwel nett, jista’ jkun hemm argument teoretiku fil-fatt li n-nullità hija s-sanzjoni għall-ksur tar-regoli li jifformaw il-kuntratt (46). It-talba għal dikjarazzjoni ta’ nullità, li hija bbażata fuq il-ksur ta’ dawn ir-regoli, li huma relatati mal-materja kuntrattwali, hija marbuta sew ma’ kuntratt, anki jekk ma tkunx intiża biex tikseb l-eżekuzzjoni tiegħu, iżda n-nullità. Skont il-kliem użat minn awtur tad-duttrina, “kawża dwar il-validità tal-kuntratt hija dejjem kawża f’‘materja kuntrattwali’” [traduzzjoni libera] (47).

72.      It-tieni nett, argument teoriku ieħor jista’ jittieħed mill-prinċipju li skontu kull qorti, ladarba quddiemha tkun tressqet domanda, konsegwentement, ikollha l-ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni tagħha stess. Madankollu, ta’ spiss jirriżulta li d-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni timplika l-eżami minn qabel tal-kwistjonijiet ta’ mertu, li fosthom ikun hemm dawk dwar l-eżistenza jew il-validità tal-kuntratt. Jekk qorti li quddiemha jitressaq każ ta’ ġurisdizzjoni tiġi miċħuda l-possibbiltà li tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni, dan jerġa’ jwassal sabiex ma tkunx tista’ tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni tagħha. Dan huwa l-argument li tirreferi għalih il-Qorti tal-Ġustizzja meta tinnota, fis-sentenza tagħha Effer (48), li l-evalwazzjoni tal-“eżistenza tal-partijiet li jikkostitwixxu l-kuntratt stess” (49) hija “indispensabbli biex il-qorti nazzjonali li jkollha quddiemha t-talba tkun tista’ tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha” (50), u ma tantx huwa sinjifikattiv, f’dan ir-rigward, li n-nullità tiġi invokata bħala talba jew difiża.

73.      It-tielet nett, jista’ jittieħed argument ta’ analoġija mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (51). Skont din id-dispożizzjoni, li tispeċifika l-ambitu tal-liġi applikabbli, l-eżistenza u l-validità tal-kuntratt jew ta’ dispożizzjoni tiegħu huma, fil-prinċipju, suġġetti għal-liġi li tkun applikabbli għalih taħt dan ir-regolament kieku l-kuntratt jew id-dispożizzjoni kienu validi. Għalhekk, jekk il-kundizzjonijiet ta’ validità tal-kuntratt ma jkunux suġġetti għal rabta partikolari u huma evalwati skont il-liġi tal-kuntratt, huwa loġiku li b’analoġija jiġi kkunsidrat li l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nullità, intiża sabiex tissanzjona l-ksur ta’ dawn il-kundizzjonijiet, taqa’ taħt il-materja kuntrattwali.

74.      Ir-raba’ nett, jidhirli li jista’ jittieħed argument ieħor ta’ analoġija mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ azzjoni għal konstatazzjoni negattiva bl-għan li tistabbilixxi n-nuqqas ta’ responsabbiltà delittwali. Fis-sentenza tagħha Folien Fischer u Fofitec (52), il-Qorti tal-Ġustizzja inkludiet tali azzjoni “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, billi qieset li l-inverżjoni fir-rwoli normalment magħrufin f’materja ta’ delitti ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni (53). Jekk l-azzjoni pożittiva dwar ir-responsabbiltà u l-azzjoni għal dikjarazzjoni negattiva jifformaw iż-żewġ aspetti tal-istess materja ta’ delitt, ma jkunx loġiku li jiġi kkunsidrat ukoll li l-azzjoni b’eżekuzzjoni u l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ kuntratt tkun tikkostitwixxi ż-żewġ naħat tal-istess materja kuntrattwali?

75.      Il-ħames nett, argument ta’ opportunità jikkorrabora din l-analiżi. Fil-fatt, ma nara l-ebda raġuni partikolari għaliex l-attur ma għandux ikollu l-għażla tal-ġurisdizzjoni favur tiegħu bil-pretest illi huwa ma jaġixxix b’eżekuzzjoni tal-kuntratt, iżda bl-għan li jikseb in-nullità tiegħu.

76.      Dawn huma r-raġunijiet għaliex jien inqis li l-persuna li tressaq azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nullità tal-kuntratt tibbenefika mill-ġurisdizzjoni fakultattiva prevista fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

77.      Se nagħti wkoll risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, dwar il-possibbiltà tal-qorti li tiddeċiedi dwar il-konsegwenzi tal-annullament tal-kuntratt.

78.      L-ewwel raġuni hija ta’ natura teoretika. Jekk, kif nissuġġerixxi jien, jeħtieġ li jiġi ammess li meta tiġi kkonstatata n-nullità tal-kuntratt tkun qed tittieħed deċiżjoni f’materja kuntrattwali, allura a fortiori, l-istess għandu jseħħ meta jinsiltu l-konsegwenzi ta’ din in-nullità. Fil-fatt, id-dritt ta’ parti li tikseb il-ħlas lura ta’ servizz jitlob li preċedentement din il-parti tkun wettqet is-servizz li hija qed titlob il-ħlas lura għalih skont il-kuntratt, b’tali mod li dan ikun tassew jaqa’ taħt materja kuntrattwali, fis-sens awtonomu li jassumi dan il-kunċett fil-kuntest tar-Regolament Nru 44/2001.

79.      Minkejja dan, il-Commerzbank iqis li l-azzjoni għall-ħlas lura, li hija separata u awtonoma fir-rigward tal-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nullità, ma tkunx ibbażata fuq obbligu kuntrattwali li għalih ingħata kunsens liberu peress li, billi hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ kawża tal-kontribuzzjoni patrimonjali, is-sors tagħha jkun jinsab direttament fil-liġi.

80.      Dan l-argument ma huwiex konvinċenti. Fil-fatt, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-“materja kuntrattwali”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001, tingħata interpretazzjoni awtonoma, li ma tistax tiddependi mill-bażi ġuridika tal-azzjoni skont id-dritt nazzjonali applikabbli, b’tali mod li ma tantx huwa sinjifikattiv li l-azzjoni għall-ħlas lura jista’ jkollha bażi legali skont dan id-dritt. Jekk ma kinitx teżisti rabta kuntrattwali li l-partijiet assumew liberament, l-obbligu ma jkunx ġie eżegwit u ma jkunx hemm dritt għal ħlas lura. Din ir-rabta ta’ kawżalità bejn id-dritt għall-ħlas lura u r-rabta kuntrattwali hija biżżejjed sabiex l-azzjoni għal ħlas lura tidħol fil-qasam kuntrattwali.

81.      It-tieni raġuni hija ta’ natura prattika. Jekk jiġi kkunsidrat li l-qorti li quddiemha tressqet it-talba skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ikollha, jekk il-kuntratt ikun null, tillimita ruħha sabiex tiddikjara li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi fuq il-mertu, dan iwassal sabiex l-attur ikun obbligat iressaq it-talba tiegħu quddiem qorti oħra sabiex ikunu jistgħu jinsiltu l-konsegwenzi prattiċi ta’ din il-konstatazzjoni. Il-qsim tal-kawża kontenzjuża bejn żewġ qrati, li waħda minnhom tikkonstata n-nullità filwaqt li l-oħra tislet il-konsegwenzi la jkun konformi mal-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u lanqas mal-interess tal-partijiet fil-kawża.

82.      It-tielet raġuni hija ta’ natura analoġika. Din tinsilet mill-Artikolu 12(1)(e) tar-Regolament Nru 593/2008, li jipprevedi li l-liġi applikabbli għall-kuntratt skont dan ir-regolament jirregola, b’mod partikolari, il-konsegwenzi tan-nullità tal-kuntratt. Bħalma jissuġġerixxi l-gvern tar-Renju Unit, jidhirli li huwa rilevanti li dak li jkun jirraġuna b’analoġija fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni, li hija bbażata fuq ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jissuġġetta għal liġi unika l-kawżi kollha li jkollhom x’jaqsmu mal-kuntratt, billi jirrikonoxxi li l-azzjoni għall-ħlas lura hija suġġetta għall-istess qorti tal-kuntratt meta l-attur jagħżel li jeżerċita l-ġurisdizzjoni fakultattiva.

83.      Qabel ma nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb fl-affermattiv għat-tielet domanda ppreżentata mill-qorti tar-rinviju, madankollu, jeħtieġ li neżamina diffikultà prattika li tista’ tirriżulta mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għall-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nullità.

84.      Din hija bbażata fuq il-fatt li l-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 hija stabbilita skont il-post fejn twettaq jew għandu jitwettaq l-obbligu li jikkostitwixxi l-bażi tat-talba. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għal talba għal dikjarazzjoni ta’ nullità tal-kuntratt taffaċċja l-problema, ta’ natura teknika, b’rabta mal-identifikazzjoni tal-obbligu li jifforma l-bażi għat-talba għal annullament.

85.      Din it-talba ma tkunx ibbażata fuq obbligu partikolari, peress li din ikollha l-għan li tħassar ir-rabta kuntrattwali fl-intier tagħha, bl-obbligi kollha li din iġġib magħha. Barra minn hekk, jista’ jkollha ġurisdizzjoni kwalunkwe qorti li fiż-żona tal-ġurisdizzjoni tagħha kwalunkwe wieħed mill-obbligi kuntrattwali ġie eżerċitat jew kellu jiġi eżerċitat. Barra minn hekk, jekk fil-każ ta’ kuntratt ta’ bejgħ bħal dak fil-kawża prinċipali, ma jkunx identifikat obbligu partikolari, ikun permess id-dubju bejn l-obbligu li jingħata l-oġġett mibjugħ, li jikkostitwixxi obbligu karatteristiku tal-kuntratt, u l-obbligu li jitħallas il-prezz, li jservi bħala bażi għall-azzjoni għall-ħlas lura. Mingħajr ma niċħad din id-diffikultà, jidhirli li huwa possibbli li jiġi ammess li, fil-każ partikolari ta’ azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nullità, l-obbligu li jikkostitwixxi l-bażi għat-talba huwa l-obbligu karatteristiku.

86.      Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, il-qorti tar-rinviju tosserva b’mod ġust li, jekk l-applikabbiltà tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 tkun rikonoxxuta, isir kruċjali li jiġi identifikat il-post fejn is-CLN mixtrija minn Profit jingħataw jew kellhom jingħataw.

87.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet differenti jwassluni sabiex inqis li l-azzjoni intiża sabiex tikseb l-annullament ta’ kuntratt u l-ħlas lura tas-somom imħallsa fuq il-bażi tal-att null għandha titqies bħala waħda li taqa’ taħt il-“materja kuntrattwali” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001.

D –    Fuq l-ewwel domanda

88.      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex ikun hemm rabta bejn żewġ talbiet ippreżentati kontra konvenuti differenti, huwiex biżżejjed li l-eventwali rikonoxximent tal-fondatezza ta’ waħda minnhom jista’ potenzjalment jaffettwa l-portata tad-dritt li l-protezzjoni tiegħu hija mitluba fil-każ tal-oħra, anki jekk iż-żewġ talbiet għandhom suġġett u bażi differenti u ma humiex relatati ma’ xulxin minn rabta ta’ sussidjarjetà jew ta’ inkompatibbiltà.

89.      Speċifikament, għall-Corte suprema di cassazione, id-diffikultà hija li tkun taf jekk teżistix rabta ta’ konnessjoni bejn it-talba għal dikjarazzjoni ta’ nullità u għall-ħlas lura tal-prezz, li hija tqis bħala mressqa esklużivament kontra l-Commerzbank u Redi, li s-sede rreġistrata tagħhom tinsab fi Stati Membri li ma humiex ir-Repubblika Taljana, u t-talba għall-kumpens għad-danni, ibbażata fuq l-amministrazzjoni ħażina imputata lil Profit Holding. Filwaqt li tenfasizza li l-preġudizzju dirett kontra din tal-aħħar jista’ japplika indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk il-kuntratt tal-bejgħ tas-CLN huwiex validu jew għall-kuntrarju, null, il-qorti tar-rinviju tinnota li l-eventwali rikonoxximent tal-fondatezza tat-talba għall-ħlas lura tal-prezz jista’ jħalli impatt fuq l-evalwazzjoni tad-dannu imġarrab b’mod konkret minn Profit. Hija tistaqsi, konsegwentement, jekk il-possibbiltà għall-qorti li testendi l-ġurisdizzjoni tagħha f’każ ta’ diversi konvenuti tiddependix minn kriterju ta’ sempliċi opportunità, li jirriżulta mill-interess marbut ma’ struzzjoni u ma’ deċiżjoni individwali, jew fuq parametru iktar strett li jirriżulta minn riskju ta’ sentenzi irrikonċiljabbli mil-lat loġiku u ġuridiku.

90.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ħadet deċiżjonijiet, diversi drabi, dwar il-portata tar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali msemmija fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jidderoga mill-prinċipju ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tad-domiċilju tal-konvenut imsemmi fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, billi jipprevedi li konvenut jista’ jiġi mfittex, jekk ikun hemm diversi konvenuti, quddiem il-qorti tal-post fejn wieħed minnhom ikun domiċiljat, sakemm it-talbiet ikunu relatati ma’ xulxin b’rabta tant stretta li jkun espedjenti li jinstemgħu u jiġu ddeterminati flimkien sabiex jiġu evitati sentenzi li jistgħu jkunu irrikonċiljabbli jekk il-kawżi jiġu deċiżi separatament.

91.      F’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tan-natura tar-rabta ta’ konnessjoni, jiġifieri tar-riskju ta’ sentenzi irrikonċiljabbli jekk it-talbiet jiġu deċiżi separatament, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-eżistenza ta’ dan ir-riskju u, għal dan il-għan, li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha neċessarji tal-proċess (54). Fil-fehma tiegħi, huwa għaqli li l-Qorti tal-Ġustizzja stipulat din ir-regola peress li din l-evalwazzjoni tiddependi mill-konfigurazzjoni fattwali u ġuridika partikolari ta’ kull waħda mit-talbiet imressqa quddiem il-qorti nazzjonali.

92.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ħarġet kriterji li permezz tagħhom il-qorti nazzjonali tista’ tiddetermina dan.

93.      Fis-sentenza tagħha Roche Nederland et (55), hija kkunsidrat li “sabiex deċiżjonijiet ikunu jistgħu jitqiesu bħala kontradittorji mhux biżżejjed li tkun teżisti differenza fil-mod kif tiġi konkluża l-kawża iżda huwa meħtieġ ukoll li din id-differenza tkun irriżultat mill-istess sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt” (56). Billi kkwalifikat il-kriterju tal-identità ta’ sitwazzjoni ta’ dritt, fis-sentenza tagħha Freeport (57), speċifikat li l-fatt li l-bażijiet ġuridiċi tal-azzjonijiet imressqa kontra numru ta’ konvenuti jkunu identiċi ma kienx waħda mill-kundizzjonijiet previsti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 (58).

94.      Dawn id-direttivi ġenerali ma jagħtux indikazzjoni ċara ħafna fir-rigward tal-portata tal-kundizzjoni intiża sabiex is-sentenzi jkunu irrikonċiljabbli. Huwa minnu li l-evalwazzjoni tar-rabta tal-konnessjoni tiddependi fil-biċċa l-kbira minn ċirkustanzi ta’ fatt ta’ kull tip, u dan jagħmel diffiċli d-determinazzjoni ta’ kriterju ċar li jippermetti li tiġi identifikata l-fruntiera bejn dak li huwa relatat mal-konnessjoni li tiġġustifika d-deroga mill-qorti abitwali u dak li huwa eskluż minnha.

95.      L-ewwel nett, jien neskludi l-possibbiltà li l-qorti nazzjonali testendi l-ġurisdizzjoni tagħha fir-rigward ta’ konvenuti konġunti li jkollhom id-domiċilju barra mill-pajjiż biss fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità, irrispettivament minn kemm ikunu leġittimi, li jinsiltu mir-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Jekk l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha titressaq il-kawża tkun suġġetta għall-kundizzjoni li din tkun iġġustifikata mill-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, dan fil-fatt iwassal sabiex titneħħa kull portata tal-prinċipju ġurisprudenzjali, stabbilit fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li skontu l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li jeżisti riskju ta’ sentenzi irrikonċiljabbli. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni turi r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jikseb bilanċ bejn ir-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u r-rispett neċessarju tal-prinċipju ġenerali tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut, stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

96.      Konsegwentement, naħseb li ma huwiex suffiċjenti, sabiex żewġ talbiet imressqa kontra konvenuti differenti jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala konnessi, li d-deċiżjoni meħuda fir-rigward ta’ waħda tkun tista’ taffettwa r-risposta li tingħata lill-oħra. Ir-rekwiżit ta’ diverġenza mħaddan fil-kuntest ta’ sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt iwassal sabiex jiġi mfittex jekk id-deċiżjonijiet li jistgħu jingħataw miż-żewġ qrati differenti jistgħux ikunu inkoerenti u kontradittorji, anki jekk ma jkunx neċessarju li jiġi stabbilit li huma jipproduċu konsegwenzi ġuridiċi radikalment irrikonċiljabbli.

97.      F’dan ir-rigward, jien nikkondividi l-fehma difiża mill-qorti tar-rinviju, li skontha s-smigħ u l-ġudizzju separati tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ nullità u għall-ħlas lura minħabba żbilanċ fil-kuntratt, nuqqas jew raġunijiet insuffiċjenti, imressqa kontra l-Commerzbank u Redi, u tal-azzjoni sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà mressqa prinċipalment kontra Profit Holding minħabba l-ġestjoni ħażina imputata lil din il-kumpannija ma jinvolvux ir-riskju li jwasslu għal sentenzi irrikonċiljabbli.

98.      Jien diġà niddubita li teżisti sitwazzjoni ta’ fatt identika, anki jekk iż-żewġ talbiet ġeneralment kienu jirrigwardaw il-konsegwenzi tas-sottoskrizzjoni tas-CLN minn Profit. Fil-fatt, l-azzjoni sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà tiddependi, skont il-qorti tar-rinviju, minn ċirkustanza fattwali separata minn sottoskrizzjoni biss, misluta mill-fatt li l-kumpannija parent kienet ikkonkludiet u mexxiet tranżazzjoni fl-interess tagħha stess jew dak ta’ terzi, billi aġixxiet intenzjonalment għad-dannu tal-interessi tas-sussidjarja tagħha.

99.      Fuq kollox, ma nemminx li teżisti sitwazzjoni ta’ dritt identika sa fejn l-azzjonijiet imressqa huma separati mhux biss minħabba l-bażijiet ġuridiċi tagħhom, iżda wkoll minħabba l-għan tagħhom. B’hekk, kif tosserva l-qorti tar-rinviju, l-azzjoni sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà tista’ tirnexxi indipendentement mis-suċċess jew il-falliment tal-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nullità.

100. Is-sempliċi fatt li l-eventwali ħlas lura tal-prezz imħallas, li jirriżulta mir-rikonoxximent tal-fondatezza tal-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nullità, jista’ jkollu impatt fuq l-ammont tad-dannu mġarrab minn Profit, f’każ ta’ rikonoxximent tad-dritt tagħha għal kumpens kontra Profit Holding, ma jidhirlix li jista’ jikkaratterizza riskju ta’ sentenzi irrikonċiljabbli.

101. Għaldaqstant, nissuġġerixxi li għall-ewwel domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex ikun hemm rabta bejn żewġ talbiet ippreżentati kontra diversi konvenuti, ma huwiex suffiċjenti li l-eventwali rikonoxximent tal-fondatezza ta’ waħda minnhom jista’ potenzjalment jaffettwa l-portata tad-dritt li l-protezzjoni tiegħu hija mitluba fil-każ tal-oħra.

IV – Konklużjoni

102. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, jien nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti r-risposta li ġejja għad-domandi mressqa mill-Corte suprema di cassazione:

1)      L-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        fil-każ tal-inklużjoni ta’ klawżola ta’ estensjoni tal-ġurisdizzjoni fil-prospett tal-ħruġ ta’ titoli, bħall-“credit linked notes” inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-rekwiżit tal-forma bil-miktub imsemmi fil-paragrafu 1(a) ta’ dan l-artikolu jkun sodisfatt biss jekk il-kuntratt iffirmat mill-partijiet isemmi l-aċċettazzjoni ta’ din il-klawżola jew jinkludi riferiment espress għal dan il-prospett, u

–        klawżola ta’ estensjoni ta’ ġurisdizzjoni li tinsab fil-prospett tal-ħruġ ta’ titoli, bħall-“credit linked notes” inkwistjoni fil-kawża prinċipali, redatt b’mod unilaterali minn min ħareġ dawn it-titoli ma tistax tiġi inforzata fir-rigward ta’ terz li akkwista dawn it-titoli mingħand intermedjarju finanzjarju sakemm ma jkunx stabbilit li dan it-terz ikun ta l-kunsens effettiv tiegħu għal din il-klawżola fil-kundizzjonijiet imsemmija f’dan l-artikolu.

Madankollu, l-inklużjoni ta’ klawżola ta’ estensjoni tal-ġurisdizzjoni fil-prospett tal-ħruġ ta’ titoli, bħall-“credit linked notes” inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ titqies bħala forma aċċettata minn użanza tal-kummerċ internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 23(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, li jippermetti l-preżunzjoni tal-kunsens ta’ dik il-persuna li fir-rigward tagħha tkun qed tiġi inforzata, sakemm ikun partikolarment stabbilit, li huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tivverifika, minn naħa, li tali aġir huwa segwit b’mod ġenerali u regolari mill-operaturi fis-settur ikkunsidrat waqt il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ dan it-tip u, min-naħa l-oħra, li preċedentement il-partijiet kellhom relazzjonijiet kummerċjali bejniethom jew ma’ partijiet oħrajn li joperaw fis-settur ikkunsidrat, kif ukoll li l-aġir inkwistjoni huwa suffiċjentement magħruf sabiex jitqies li huwa prattika kkonsolidata, li huwa kompitu tal-qorti nazzjonali.

2)      L-azzjoni intiża sabiex tikseb l-annullament ta’ kuntratt u l-ħlas lura tas-somom imħallsa fuq il-bażi tal-att null għandha tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ taħt il-“materja kuntrattwali” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001.

3)      L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex ikun hemm rabta bejn żewġ talbiet ippreżentati kontra diversi konvenuti, ma huwiex biżżejjed li l-eventwali rikonoxximent tal-fondatezza ta’ waħda minnhom jista’ potenzjalment jaffettwa l-portata tad-dritt li l-protezzjoni tiegħu hija mitluba fil-każ tal-oħra.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42.


3 – Iktar ’il quddiem “Profit”.


4 – Iktar ’il quddiem il-“Commerzbank”.


5 – Iktar ’il quddiem “Profit Holding”.


6 – Iktar ’il quddiem “E3”.


7 – Iktar ’il quddiem “Redi”.


8 – Iktar ’il quddiem is-“CLN”. Maħsuba mill-prattika finanzjarja, is-CLN huma strumenti finanzjarji derivattivi li jippermettu lil min joħroġhom, imsejjaħ “akkwirent ta’ protezzjoni”, li jittrasferixxi lil investitur, imsejjaħ “bejjiegħ ta’ protezzjoni”, riskju ta’ kreditu inkambju għal dritt ta’ remunerazzjoni potenzjalment ogħla għal rata ħielsa mir-riskju. Id-dritt għar-rimbors tal-kapital meta jimmatura jiddependi min-nuqqas ta’ inċidenza ta’ wieħed mir-riskji ta’ kreditu li jaffettwaw lil entità sottostanti, imsejħa “entità ta’ riferiment”. It-titoli jistgħu jinħarġu b’kapital iggarantit jew mhux iggarantit. F’dan l-aħħar każ, f’każ li jseħħ avveniment ta’ kreditu li jaffettwa lill-entità ta’ riferiment, il-persuna li ssottoskriviet ruħha tista’ tingħata rimbors kemm skont it-taxxa ta’ rkupru (“ħlas fi flus”), jew f’titoli tal-entità li tonqos (“ħlas fiżiku”). Ara, fir-rigward ta’ dawn l-istrumenti, Henderson, S. K., “Credit Derivatives”, Credit Derivatives – Law, Regulation and Accounting Issues, Sweet & Maxwell, 1999, p. 1, speċjalment p. 4, punt 1.005; Bonneau, T., u Drummond, F., Droit des marchés financiers, it-tielet edizzjoni., Economica, Paris, 2010, punt 145, p. 218, kif ukoll Gauvin, A., Droit des dérivés de crédit, Revue banque, Paris, 2003, p. 103 et seq.


9 – Iktar ’il quddiem il-“memorandum”.


10 – Dan l-artikolu huwa relatat mar-responsabbiltà tal-kumpannija parent f’każ ta’ ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba.


11 – ĠU L 299, 1972, p. 32.


12 – Iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”.


13 – Ara s-sentenzi Refcomp (C‑543/10, EU:C:2013:62, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll Brogsitter (C‑548/12, EU:C:2014:148, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14 – Ara, rigward l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, is-sentenza Brogsitter (C‑548/12, EU:C:2014:148, punt 19), u, rigward l-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament, is-sentenza Refcomp (C‑543/10, EU:C:2013:62, punt 19).


15 – Ara s-sentenza Kalfelis (189/87, EU:C:1988:459).


16 – Ara s-sentenza A (C‑112/13, EU:C:2014:2195, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17 – Ara s-sentenza Kainz (C‑45/13, EU:C:2014:7, punti 21 u 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza OTP Bank (C‑519/12, EU:C:2013:674, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Berghoefer (221/84, EU:C:1985:337, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza MSG (C‑106/95, EU:C:1997:70, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Benincasa (C‑269/95, EU:C:1997:337, punt 32).


21 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Refcomp (C‑543/10, EU:C:2013:62).


22 – Il-kliem tad-domanda juri dan, minħabba li dan jassumi l-eżistenza ta’ kuntratt li l-valur legali tiegħu qed jiġi kkontestat.


23 – Sentenza Estasis Saloti di Colzani (24/76, EU:C:1976:177, punt 10).


24 – Sentenza Galeries Segoura (25/76, EU:C:1976:178, punt 12).


25 – Ara s-sentenzi Coreck (C‑387/98, EU:C:2000:606, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll Refcomp (C‑543/10, EU:C:2013:62, punt 27).


26 – Sentenza Refcomp (C‑543/10, EU:C:2013:62, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza MSG (C‑106/95, EU:C:1997:70, punt 17).


28 – C‑543/10, EU:C:2013:62.


29 – Punt 33.


30 – C‑214/89, EU:C:1992:115.


31 – Punti 15 sa 17.


32 – 71/83, EU:C:1984:217.


33 – Punti 24 sa 26. Din il-ġurisprudenza ġiet ikkonfermata mis-sentenza Coreck (C‑387/98, EU:C:2000:606, punti 23 sa 27).


34 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37), deċiża f’kuntest partikolari relatat max-xiri ta’ ċertifikati trasferibbli lill-portatur.


35 – C‑543/10, EU:C:2013:62.


36 – Punt 35.


37 – Ara s-sentenzi MSG (C‑106/95, EU:C:1997:70, punt 19) u Castelletti (C‑159/97, EU:C:1999:142, punt 21).


38 – Ibidem (il-punt 21 u l-punt 23 rispettivament).


39 – Ibidem (il-punt 23 u l-punt 26 rispettivament).


40 – Ara s-sentenza MSG (C‑106/95, EU:C:1997:70, punt 24).


41 – 73/77, EU:C:1977:208.


42 – Punt 22 li, fir-realtà, jiddeduċi s-soluzzjoni mit-termini espressi fl-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.


43 – 38/81, EU:C:1982:79.


44 – Punt 7.


45 – Punt 8.


46 – Ara Cornu, G., Vocabulaire juridique, id-9 Edizzjoni., PUF, Paris, 2011, li jiddefinixxi n-nullità bħala “[s]anzjoni li jkun suġġett għaliha att legali [...] ivvizzjat b’difett ta’ forma [...] jew b’irregolarità fil-kuntenut [...], li twassal sabiex l-att jitħassar” [traduzzjoni libera].


47 – Ara n-nota ta’ Huet, A., Revue critique de droit international privé, Dalloz, Paris, Vol. Nru 2, 1982, p. 383, speċjalment p. 398.


48 – 38/81, EU:C:1982:79.


49 – Punt 7.


50Idem.


51 – ĠU L 177, p. 6, u r-rettifika, ĠU L 309, 2009, p. 87.


52 – C‑133/11, EU:C:2012:664.


53 – Punti 43 u 44. Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Tatry (C‑406/92, EU:C:1994:400), li tqis li talba intiża sabiex jiġi deċiż li l-konvenut huwa responsabbli għal dannu u sabiex jiġi kkundannat iħallas danni għall-istess kawża u l-istess suġġett bħal talba preċedenti ta’ dan il-konvenut intiża sabiex jiġi deċiż li huwa ma huwiex responsabbli għal dan id-dannu (punt 45).


54 – Ara s-sentenza Solvay (C‑616/10, EU:C:2012:445, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).


55 – C‑539/03, EU:C:2006:458.


56 – Punt 26. Korsiv miżjud minni.


57 – C‑98/06, EU:C:2007:595.


58 – Punti 38 u 47.