Language of document : ECLI:EU:C:2014:2101

Kawża C‑481/13

Mohammad Ferooz Qurbani

(talba għal deċiżjoni preliminari
mressqa mill-Oberlandesgericht Bamberg)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Konvenzjoni ta’ Genève tat-28 ta’ Lulju 1951 dwar l-istatus tar-refuġjati — Artikolu 31 — Ċittadin ta’ Stat terz li daħal fi Stat Membru wara li għadda minn Stat Membru ieħor — Użu ta’ servizzi ta’ traffikant ta’ bnedmin — Dħul irregolari u residenza irregolari — Preżentazzjoni ta’ passaport iffalsifikat — Sanzjonijiet kriminali — Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-17 ta’ Lulju 2014

Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Talba għal interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-istatuts tar-refuġjati — Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li ma jorbtux lill-Unjoni — Assenza ta’ riferiment, fid-domanda preliminari, għal regola tad-dritt tal-Unjoni li tirreferi għall-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni — Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

(Artikolu 267 TFUE; Il-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-istatus tar-refuġjati, Artikolu 31; Direttiva tal-Kunsill 2004/83

Huwa biss meta u sa fejn l-Unjoni tkun assumiet il-kompetenzi preċedentement eżerċitati mill-Istati Membri fil-qasam ta’ applikazzjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali mhux konkluża mill-Unjoni u meta, konsegwentement, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni jkollhom l-effett li jorbtu lill-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta tali konvenzjoni.

Minkejja li fil-kuntest tal-istabbiliment ta’ sistema ta’ ażil Ewropea komuni, ġew ċertament adottati diversi testi tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-istatus tar-refuġjati, huwa paċifiku li l-Istati Membri żammew ċerti kompetenzi li jaqgħu taħt dan il-qasam, b’mod partikolari fir-rigward tas-suġġett kopert mill-Artikolu 31 ta’ din il-konvenzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax ikollha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta direttament l-Artikolu 31 ta’ din il-konvenzjoni.

Il-fatt li l-Artikolu 78 TFUE jispeċifika li l-politika komuni fil-qasam tal-ażil għandha tkun konformi mal-Konvenzjoni ta’ Genève u li l-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jenfasizza li d-dritt għall-ażil huwa ggarantit b’osservanza ta’ din il-konvenzjoni u tal-Protokoll dwar l-istatus tar-refuġjati tal-31 ta’ Jannar 1967 ma huwiex ta’ natura li jqiegħed f’dubju l-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Barra minn hekk, minkejja li ċertament l-Unjoni għandha interess evidenti li, sabiex tevita diverġenzi ta’ interpretazzjoni fil-futur, id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali li ġew riprodotti mid-dritt nazzjonali u mid-dritt tal-Unjoni jkollhom interpretazzjoni uniformi, ikunu liema jkunu ċ-ċirkustanzi li fihom dawn huma mitluba li jiġu applikati, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Genève ma ġiex riprodott f’test tad-dritt tal-Unjoni, billi diversi dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt jirreferu għal dan l-artikolu.

Issa, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja ċertament irrikonoxxiet li kellha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Genève li għalihom id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kien jirreferi, għandu jiġi kkonstatat li, din it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi ebda riferiment għal regola tad-dritt tal-Unjoni li tirreferi għall-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

(ara l-punti 23-26, 28)