Language of document : ECLI:EU:C:2015:377

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

11 ta’ Ġunju 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Direttiva 2008/115/KE — Ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jissoġġornaw illegalment — Artikolu 7(4) — Kunċett ta’ ‘riskju għall-ordni pubbliku’ — Ċirkustanzi li fihom l-Istati Membri jistgħu jżommu mill-jagħtu terminu ta’ tluq volontarju jew jagħtu terminu inqas minn sebat ijiem”

Fil-Kawża C‑554/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Ottubru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Ottubru 2013, fil-proċeduri

Z. Zh.

vs

Staatssecretaris voor Veiligheid en Justitie

u

Staatssecretaris voor Veiligheid en Justitie

vs

I. O.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Ottubru 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Z. Zh., minn J.J.D. van Doleweerd, avukat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman, B. Koopman u C. Schillemans, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet u M. Jacobs, kif ukoll minn T. Materne, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčíl, bħala aġenti,

–        għar-Repubblika Ellenika, minn M. Michelogiannaki, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u F.‑X. Bréchot, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna kif ukoll minn K. Pawłowska u M. Pawlicka, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou‑Durande u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Frar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, p. 98).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn naħa, Z. Zh., ċittadin ta’ pajjiż terz, u l-Minister voor Immigratie en Asiel (Ministru tal-immigrazzjoni u l-Ażil), li għalih issuċċeda l-iStaatssecretaris voor Veiligheid en Justitie (Segretarju tal-Istat għas-Sigurtà u l-Ġustizzja) (iktar ʼil quddiem l-“iStaatssecretaris”), u, min-naħa l-oħra, l-iStaatssecretaris u M. O., ċittadin ta’ pajjiż terz, dwar is-suġġett ta’ deċiżjonijiet li jirrifjutaw li jagħtu lil dawn iċ-ċittadini terminu ta’ tluq volontarju u li jobbligawhom li jitilqu mingħajr dewmien it-territorju tal-Unjoni Ewropea.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 2, 4, 6, 10, 11, 20 u 24 tad-Direttiva 2008/115 jipprovdu:

“(2)      Il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell ta’ l-4 u l-5 ta’ Novembru 2004 sejjaħ għat-twaqqif ta’ politika effettiva ta’ tneħħija u ripatrijazzjoni, mibnija fuq standards komuni, għar-ritorn ta’ persuni b’mod uman u b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tagħhom.

[...]

(6)      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tmiem ta’ soġġorn illegali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jitwettaq permezz ta’ proċedura ġusta u trasparenti. Skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi ta’ l-UE, deċiżjonijiet meħuda skond din id-Direttiva għandhom jiġu adottati fuq bażi ta’ każ b’każ u abbażi ta’ kriterji oġġettivi, li jimplika li l-konsiderazzjoni għandha tmur lil hinn mis-sempliċi fatt ta’ soġġorn illegali. Meta jużaw forom standard għal deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, jiġifieri deċiżjonijiet ta’ ritorn u, jekk maħruġa, deċiżjonijiet li jipprojbixxu d-dħul u deċiżjonijiet dwar it-tneħħija, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw dak il-prinċipju u jikkonformaw bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet applikabbli kollha ta’ din id-Direttiva.

[...]

(10)      Fejn ma jkun hemm l-ebda raġuni għal xiex wieħed għandu jaħseb li ritorn volontarju ser jimmina l-għan tal-proċedura tar-ritorn, għandu jkun ippreferut ir-ritorn volontarju iktar milli r-ritorn bil-forza, u għandu jingħata żmien għat-tluq volontarju. Għandha tingħata estensjoni tal-perijodu tat-tluq volontarju meta din titqies meħtieġa minħabba ċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ każ individwali. [...]

(11)      Għandu jiġi stabbilit sett minimu ta’ salvagwardji legali dwar deċiżjonijiet relatati mar-ritorn biex tiġi żgurata protezzjoni effettiva ta’ l-interessi ta’ l-individwi konċernati. [...]

[...]

(24)      Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.”

4        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/50, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment [irregolarment], skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.”

5        L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li:

“Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ Stat membru.”

6        Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

4)      ‘deċiżjoni ta’ ritorn’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn;

[...]

8)      ‘tluq volontarju’ tfisser konformità ma’ l-obbligu ta’ ritorn fi żmien l-iskadenza ffissata għal dak l-iskop fid-deċiżjoni ta’ ritorn;

[...]”

7        L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Disposizzjonijiet iktar favorevoli”, jistabbilixxi fil-paragrafu (3) tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-persuni li għalihom tapplika dment li dawk id-dispożizzjonijiet ikunu kompatibbli ma’ din id-Direttiva.”

8        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 intitolat “Non-refoulement, l-aħjar interessi tat-tfal, il-ħajja tal-familja u l-istat tas-saħħaˮ jipprovdi:

“Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont dovut ta’:

a)      l-aħjar interessi tat-tfal,

b)      il-ħajja familjari,

c)      l-istat tas-saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat u,

jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement.”

9        L-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva jipprevedi dan li ġej:

“1. L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.

2. Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jissoġġornaw illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru u għandhom permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn maħruġa minn Stat Membru ieħor, għandhom jintalbu jmorru fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru minnufih. Fil-każ ta’ non-konformità miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat ma’ din il-ħtieġa, jew fejn it-tluq immedjat taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà nazzjonali, għandu japplika l-paragrafu 1.”

10      L-Artikolu 7 tal-istess direttiva jipprovdi:

“1.      Id-deċiżjoni ta’ ritorn għandha tipprevedi perijodu adegwat għat-tluq volontarju ta’ bejn sebat ijiem u tletin jum, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 u 4. L-Istati Membri għandhom jipprevedu fil-leġislazzjoni nazzjonali li tali perijodu għandu jingħata biss wara applikazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jinformaw liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi konċernati dwar il-possibbiltà li jippreżentaw tali applikazzjoni.

Il-perijodu ta’ żmien previst fl-ewwel subparagrafu ma jeskludix il-possibbiltà li ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz konċernati jitilqu qabel.

2.      L-Istati Membri għandhom, fejn neċessarju, jestendu l-perijodu għat-tluq volontarju għal perijodu adegwat, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ individwali, bħat-tul tas-soġġorn, l-eżistenza ta’ tfal li jattendu l-iskola u l-eżistenza ta’ rabtiet familjari u soċjali oħrajn.

3.      Ċerti obbligi maħsuba biex jevitaw ir-riskju ta’ ħarba, bħal ma huma r-rappurtar regolari lill-awtoritajiet, id-depożitu ta’ garanzija finanzjarja adegwata, il-preżentazzjoni ta’ dokumenti jew l-obbligu li wieħed jibqa’ f’ċertu post, jistgħu jiġu imposti għat-tul tal-perijodu ta’ tluq volontarju.

4.      Jekk ikun hemm riskju ta’ ħarba, jew jekk applikazzjoni għal soġġorn legali tkun ġiet miċħuda għax kienet bla bażi jew ibbażata fuq frodi jew jekk il-persuna konċernata tippreżenta riskju għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu ma jagħtux perijodu ta’ żmien għat-tluq volontarju, jew jistgħu jagħtu perijodu iqsar minn sebat ijiem.”

 Id-dritt Olandiż

11      Skont il-parti introduttiva u l-punt (d) tal-Artikolu 12(1) tal-Liġi tal-2000 dwar iċ-Ċittadini Barranin (Vreemdelingenwet 2000), fil verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ʼil quddiem il-“Liġi dwar iċ-Ċittadini Barranin”), iċ-ċittadin barrani li waqt il-wasla tiegħu, jissodisfa l-obbligi li għalihom persuna hija suġġetta waqt il-qsim tal-fruntieri huwa awtorizzat li jissoġġorna fil-Pajjiżi l-Baxxi għal perijodu fiss permezz ta’ miżura ġenerali ta’ amministrazzjoni sakemm ma jippreżentax riskju għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà nazzjonali.

12      Skont l-Artikolu 61(1) ta’ din il-liġi, iċ-ċittadin barrani li ma huwiex, jew li ma għadux iktar, f’sitwazzjoni ta’ soġġorn legali għandu jitlaq mill-Pajjiżi l-Baxxi fuq l-inizjattiva tiegħu stess fit-termini prefiss fl-Artikolu 62 ta’ din il-liġi.

13      Konformement mal-Artikolu 62(1) tal-imsemmija liġi, iċ-ċittadin barrani għandu, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn kontra tiegħu, jitlaq mill-Pajjiżi l-Baxxi fuq l-inizjattiva tiegħu stess fi żmien erba’ ġimgħat. Din id-dispożizzjoni ġiet adottata sabiex tittrasponi fid-dritt Olandiż l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/115.

14      Skont l-Artikolu 62(2) ta’ din l-istess liġi, is-Segretarju tal-Istat jista’ jqassar it-terminu applikabbli lil ċittadin barrani msemmi fil-paragrafu 1 jew, b’deroga għall-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jiddeċiedi li ċittadin barrani għandu jħallu l-Pajjiż l-Baxxi immedjatament jekk:

a.      hemm riskju li ċ-ċittadin l-barrani jevadi din is-sorveljanza;

b.      it-talba taċ-ċittadin barrani għall-għoti ta’ permess ta’ soġġorn jew il-proroga tat-tul tal-validità ta’ permess ta’ soġġorn ġiet miċħuda bħala manifestament infondata jew minħabba l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni ineżatta jew inkompleta;

c.      iċ-ċittadin barrani jikkostitwixxi riskju għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali.

15      L-Artikolu 62(2) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadini Barranin ġie adottat sabiex jittrasponi fid-dritt Olandiż l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115.

16      Skont l-Artikolu 62a(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadini Barranin, is-Segretarju tal-Istat jinforma bil-miktub liċ-ċittadin barrani li ma huwiex ċittadin tal-Unjoni li ma għadux f’sitwazzjoni ta’ soġġorn legali bl-obbligu li jħalli l-Pajjiż l-Baxxi fuq l-inizjattiva tiegħu stess kif ukoll bit-terminu li fih għandu jissodisfa dan l-obbligu.

17      B’effett mid-9 ta’ Frar 2012, huwa indikat fil-paragrafu A3/3 taċ-Ċirkolari tal-2000 dwar iċ-Ċittadini Barranin (Vreemdelingencirculaire 2000, iktar ʼil quddiem iċ-“Ċirkolari dwar iċ-Ċittadini Barranin”), li, abbażi tal-Artikolu 62(2) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadini Barranin, it-terminu ta’ tluq jista’ jitqassar, jew ma jingħatax, jekk iċ-ċittadin barrani huwa ta’ riskju għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali. Skont dan il-paragrafu A3/3, kull persuna ssuspettata jew misjuba ħatja inkonnessjoni ma’ att punibbli bħala reat fid-dritt nazzjonali huwa kklassifikat bħala ta’ riskju għall-ordni pubbliku. L-aċċettazzjoni ta’ tranżazzjoni relatata ma’ reat huwa wkoll ikklassifikat bħala ta’ riskju għall-ordni pubbliku. Suspett għandu jkun jista’ jiġi kkonfermat mill-kap tal-korp tal-Pulizija.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

 Il-fatti relatati ma’ Z. Zh.

18      Zh., ċittadin ta’ pajjiż terz, kien arrestat fit-8 ta’ Ġunju 2011 fl-ajruport ta’ Schiphol (il-Pajjiżi l-Baxxi), waqt li kien intranżitu lejn il-Kanada, peress li kien qed jivvjaġġa b’dokument tal-ivvjaġġar falz. B’sentenza tal-Politierechter te Haarlem (Imħallef tal-Pulizija ta’ Haarlem) tal-21 ta’ Ġunju 2011, huwa ġie kkundannat, abbażi tal-Artikolu 231(2) tal-Kodiċi Kriminali Olandiż (Wetboek van Strafrecht), għal sentenza ta’ priġunerija ta’ xahrejn għal żamma ta’ dokument tal-ivvjaġġar li kien jaf li kien iffalsifikat. Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Awwissu 2011, l-iStaatssecretaris ordna li Z. Zh. jitlaq immedjatament mit-territorju tal-Unjoni Ewropea. Fil-5 ta’ Awwissu 2011, wara s-sentenza ta’ priġunerija, Z. Zh tqiegħed, skont il-parti introduttiva u l-punt (a) tal-Artikolu 59(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadini Barranin, f’detenzjoni għall-finijiet ta’ tkeċċija.

19      Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Settembru 2011, l-iStaatssecretaris ċaħad l-ilment imressaq minn Z. Zh. kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn tal-4 ta’ Awwissu 2011, billi bbaża ruħu fuq il-fatt li l-ksur imwettaq minnu jimponi li ma jingħatax terminu ta’ tluq volontarju. Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2011, ir-Rechtbank ’s-Gravenhage (qorti distrettwali ta’ Den Haag) iddikjarat li r-rikors ippreżentat mill-persuna kkonċernata kontra din id-deċiżjoni huwa infondat.

20      Skont ir-Rechtbank ʼs-Gravenhage, peress li Z. Zh. kien jissoġġorna illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru, ma kellu l-ebda rabta ma’ ċittadin tal-Unjoni u kien barra minn hekk ingħata sentenza ta’ priġunerija ta’ xahrejn għal żamma ta’ dokument tal-ivvjaġġar li kien jaf li kien iffalsifikat, l-iStaatssecretaris seta’ jikkunsidra li l-persuna kkonċernata kienet tikkostitwixxi riskju għall-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115. Għalkemm ir-Rechtbank ʼs-Gravenhage indikat li tali konstatazzjoni ma kinitx tali li tiddispensa lill-iStaatssecretaris mill-obbligu li jispjega r-raġunijiet li għalihom l-ebda terminu ta’ ritorn volontarju ma kien ingħata lil Z. Zh., din l-istess qorti madankollu qieset li ċ-ċirkustanzi invokati minn dan tal-aħħar ma jiġġustifikawx li l-iStaatssecretaris iwarrab il-prinċipju li bih terminu ta’ tluq volontarju ma jingħatax jekk jeżisti riskju għall-ordni pubbliku.

21      Z. Zh. ippreżenta appell mis-sentenza tar-Rechtbank ʼs-Gravenhage quddiem ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat).

22      Fl-14 ta’ Diċembru 2011, il-miżura ta’ detenzjoni imposta fuq Z. Zh. tneħħiet peress li dan tal-aħħar kien suġġett ta’ ordni ta’ tneħħija.

 Il-fatti relatati ma’ I. O.

23      I. O., ċittadin ta’ pajjiż terz, kien daħal fil-Pajjiżi l-Baxxi fis-16 ta’ Jannar 2011 b’viża għal soġġorn qasir validu għal 21 jum. Fit-23 ta’ Novembru 2011, I. O. ġie arrestat abbażi tal-Artikoli 300(1) u 304(1) tal-Kodiċi Kriminali Olandiż, peress li kien issuspettat li wettaq abbuż domestiku fuq mara. Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 2011, l-iStaatssecretaris ordna lil I. O. li jħallu immedjatament it-territorju tal-Unjoni. L-istess jum, il-persuna kkonċernata tqiegħed f’detenzjoni.

24      Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2012, l-iStaatssecretaris ċaħad bħala inammissibbli, prinċipalment, u infondat, sussidjarjament, l-ilment imressaq minn I. O. kontra d-deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 2011. L-iStaatssecretaris ibbaża ruħu fuq il-fatt li I. O. kien ġie arrestat fit-23 ta’ Novembru 2011 abbażi tal-Artikoli 300(1) u 304(1) tal-Kodiċi Kriminali Olandiż, peress li kien issuspettat li wettaq abbuż domestiku fuq mara. L-iStaatssecretaris b’hekk qies li M. O. kien ta’ riskju għall-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115 u li l-ebda terminu ta’ tluq volontarju ma seta’, għal din ir-raġuni, jingħata.

25      Permezz ta’ digriet tal-1 ta’ Frar 2012, il-voorzieningenrechter van de Rechtbank ’s-Gravenhage (qorti ta’ miżuri provviżorji tal-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag) iddikjarat fondat ir-rikors ippreżentat minn I. O. kontra d-deċiżjoni tal-iStaatssecretaris tas-17 ta’ Jannar 2012, annullat din id-deċiżjoni u stiednet lill-iStaatssecretaris jadotta deċiżjoni ġdida waqt li jittieħed inkunsiderazzjoni dak li kien deċiż f’dan id-digriet. B’mod partikolari, din il-qorti, fl-ewwel lok, qieset li I. O. kellu interess iġġustifikat sabiex jingħata deċiżjoni dwar l-ilment li kien ressaq u li kien b’mod żbaljat li l-iStaatssecretaris kien iddikjara inammissibbli dan l-ilment. Fit-tieni lok, l-imsemmija qorti kkonstatat li linji gwida ġenerali dwar it-tqassir ta’ terminu ta’ tluq volontarju fl-interess tal-ordni pubbliku kienu nieqsa u li l-iStaatssecretaris ma mmotivax b’mod suffiċjenti għaliex I. O. kien ta’ riskju għall-ordni pubbliku. Skont din l-istess qorti, il-proċess verbal, li fih ġie ddikjarat, essenzjalment, li M. O. kien ġie arrestat minħabba abbuż, ma huwiex suffiċjenti sabiex jistabbilixxi li l-ordni pubbliku kien jiġġustifika li ma jingħata l-ebda terminu ta’ tluq volontarju. F’dan ir-rigward, ir-Rechtbank ʼs-Gravenhage ħadet ukoll inkunsiderazzjoni l-fatt li l-iStaatssecretaris ma kellu l-ebda dokument li jsostni l-abbuż li bih ġie kkritikat M. O.

26      L-iStaatssecretaris ippreżenta appell minn dan id-digriet tal-voorzieningenrechter van de Rechtbank ’s-Gravenhage quddiem ir-Raad van State.

27      Fit-23 ta’ Frar 2012, il-miżura ta’ detenzjoni imposta fuq I. O. tneħħiet peress li dan tal-aħħar kien suġġett ta’ ordni ta’ tneħħija.

 Id-domandi preliminari

28      Il-qorti tar-rinviju għaqqdet il-kawżi li jikkonċernaw lil Z. Zh. u lil I. O. fis-seduta li saret quddiem din il-qorti fl-10 ta’ Lulju 2013.

29      L-imsemmija qorti tosserva li d-Direttiva 2008/115 ma fiha ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ “riskju għall-ordni pubbliku” li jinsab fl-Artikolu 7(4) ta’ din id-direttiva u żżid li l-oriġini ta’ dan il-kunċett ma tagħti l-ebda indikazzjoni dwar il-portata tiegħu. Hija tirrileva li, peress li din id-dispożizzjoni barra minn hekk ma għandha l-ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri, l-imsemmi kunċett għandu jingħata, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Ekro, 327/82, EU:C:1984:11, punt 11, u Brouwer, C‑355/11, EU:C:2012:353, punt 36), interpretazzjoni awtonoma u uniformi, skont il-tifsira abitwali ta’ dan l-istess kunċett fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jitqies il-kuntest li fih huwa jintuża u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmel parti minnha.

30      Il-qorti tar-rinviju tiddeduċi mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-iStaatssecretaris, ma huwiex permess għall-Istati Membri li jagħtu lill-kunċett ta’ “riskju għall-ordni pubbliku”, previst fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115, l-interpretazzjoni tagħhom, ibbażata esklużivament fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

31      Din il-qorti tosserva li, abbażi tal-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272), u tal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224), Stat Membru jista’, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u ta’ soġġorn ta’ ċittadin tal-Unjoni jew ta’ membru tal-familja tiegħu, jirrifjuta li jagħti l-istatus ta’ resident fit-tul, jiċħad talba għal dħul u għal soġġorn ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni u jirtira l-permess ta’ soġġorn ta’ membru ta’ din il-familja jew jirrifjuta li jġeddu. Hija tirrileva madankollu li l-kunċett ta’ “raġunijiet ta’ ordni pubbliku” huwa interpretat b’mod differenti f’kull wieħed minn dawn id-direttivi, peress li l-elementi li Stat Membru huwa marbut li jieħu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha ta’ dan il-kunċett ivarjaw.

32      Il-qorti tar-rinviju tinnota, barra minn hekk, li l-għan, il-kuntest u l-formulazzjoni tal-imsemmija direttivi huma differenti sostanzjalment mill-għan, mill-kuntest u mill-formulazzjoni tad-Direttiva 2008/115. Fil-fatt, filwaqt li d-Direttivi 2004/38, 2003/1109 u 2003/86 jikkonċernaw is-soġġorn legali fl-Unjoni taċ-ċittadini tagħha u l-membri tal-familja tagħhom, kif ukoll ir-residenti għat-tul u l-membri tal-familja tagħhom, id-Direttiva 2008/115 hija relatata mar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jissoġġornaw illegalment fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni. In-nuqqas li jingħata perijodu ta’ tluq volontarju lil ċittadini ta’ pajjiż terz, li diġà ġie stabbilit li jissoġġornaw illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru, jikkostitwixxi, skont din il-qorti, miżura inqas restrittiva minn deċiżjoni li għandha l-konsegwenza li tirrifjuta, li tillimita jew ittemm soġġorn legali fit-territorju ta’ Stat Membru abbażi tad-Direttivi 2004/38, 2003/86 u 2003/109.

33      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra għaldaqstant li, minħabba d-differenzi sostanzjali bejn dawn it-tliet direttivi, minn naħa, u d-Direttiva 2008/115, min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ordni pubbliku fis-sens tad-Direttivi 2004/38, 2003/109 u 2003/86 ma għandhiex tkun il-bażi għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ordni pubbliku fis-sens tad-direttiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

34      B’mod partikolari, din il-qorti tqis li l-kunċett ta’ “riskju għall-ordni pubbliku”, li jinsab fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115, jista’ jiġi interpretat b’mod usa’ mill-kunċett ta’ “raġunijiet ta’ politika pubblika [ordni pubbliku]” li jinsab fid-Direttivi 2004/38, 2003/109 u 2003/86, bil-konsegwenza li s-sempliċi suspett li ċittadin ta’ pajjiż terz wettaq att punibbli bħala reat fid-dritt nazzjonali huwa biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li dak iċ-ċittadin jikkostitwixxi “riskju għall-ordni pubbliku” skont l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115. Madankollu, minħabba li għandha dubji dwar dan, l-imsemmija qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tingħata tali interpretazzjoni jew jekk ikunx meħtieġ li tingħata sentenza finali u res judicata kontra l-persuna kkonċernata.

35      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll fuq il-kwistjoni dwar liema ċirkustanzi, minbarra l-fatt li ċittadin ta’ pajjiż terz huwa ssuspettat li wettaq att punibbli kklassifikat bħala reat fid-dritt nazzjonali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtorità nazzjonali, meta hija tevalwa jekk dan iċ-ċittadin jikkostitwixxix riskju għall-ordni pubbliku fis-sens al-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115.

36      F’dan ir-rigward, din il-qorti tippreċiża li, matul is-seduta fil-kuntest tat-tqegħid tiegħu f’detenzjoni għall-finijiet tat-tkeċċija tiegħu, Z. Zh. iddikjara li kien intranżitu lejn il-Kanada u li huwa qatt ma kellu l-intenzjoni li jissoġġorna fit-territorju tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Fir-rigward ta’ I. O., dan tal-aħħar sostna, fil-kuntest tar-rikors tiegħu li, b’mod żbaljat, l-ebda bbilanċjar individwali tal-interessi inkwistjoni ma sar f’dak li jikkonċerna l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ riskju għall-ordni pubbliku. L-imsemmija qorti hija tal-fehma li jista’ eventwalment jiġi dedott mis-sentenza El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268), mid-Direttiva 2008/115, kif ukoll mid-Direttivi 2003/109 u 2003/86 li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi bħan-natura u l-gravità tal-att punibbli bħala reat fid-dritt nazzjonali, iż-żmien li għadda wara t-twettiq ta’ dan l-att u l-intenzjoni tal-persuna kkonċernata li tħalli t-territorju tal-Unjoni.

37      Skont din il-qorti, l-eżitu tal-kawżi li hija adita bihom jiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru jikkostitwixxi riskju għall-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 7(4) tad-[Direttiva tar-Ritorn] sempliċement minħabba l-fatt li jkun issuspettat li wettaq reat kriminali taħt id-dritt nazzjonali, jew huwa neċessarju li jkun instab ħati f’qorti kriminali li wettaq tali reat u, f’dan l-aħħar każ, tali kundanna għandha tkun saret irrevokabbli?  

2)      Fl-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru jikkostitwixxix riskju għall-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva [2008/115], minbarra suspett jew kundanna, fatti jew ċirkustanzi oħra tal-każ għandhom rwol, bħall-gravità u n-natura tar-reat kriminali taħt id-dritt nazzjonali, iż-żmien li ddekorra jew l-intenzjoni tal-persuna kkonċernata?

3)      Il-fatti u ċ-ċirkustanzi tal-kawża li huma rilevanti għall-evalwazzjoni msemmija fit-tieni domanda għandhom ukoll rwol fir-rigward tal-possibbiltà pprovduta fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva [2008/115], fil-każ fejn il-persuna kkonċernata tikkostitwixxi riskju għall-ordni pubbliku fis-sens tal-imsemmi artikolu, tal-għażla bejn, minn naħa, li ma jingħatax il-perijodu ta’ tluq volontarju u, min-naħa l-oħra, li jingħata perijodu ta’ tluq volontarju ta’ inqas minn sebat ijiem?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

39      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prattika nazzjonali li permezz tagħha ċittadin ta’ pajjiż terz, li jissoġġorna illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru, għandu jitqies li jikkostitwixxi riskju għall-ordni pubbliku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għall-motiv biss li dan iċ-ċittadin ikun issuspettat li wettaq att punibbli kklassifikat bħala reat fid-dritt nazzjonali jew kien suġġett ta’ sentenza kriminali għal tali att. Hija talbet barra minn hekk, fil-każ fejn jitqies li sentenza kriminali hija neċessarja, jekk din tal-aħħar għandhiex tkun waħda finali u res judicata.

40      F’din il-kawża, mill-informazzjoni pprovduta mill-gvern Olandiż matul is-seduta jirriżulta li, fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni tal-kawża prinċipali, il-prattika tal-iStaatssecretaris kienet tikkonsisti f’li ssegwi l-approċċ li issa huwa essenzjalment spjegat, essenzjalment, fiċ-Ċirkolari dwar iċ-Ċittadini Barranin, li tipprovdi, kif jirriżulta mill-punt 17 ta’ din is-sentenza, li kwalunkwe suspett ikkonfermat mill-kap tal-korp tal-Pulizija jew kwalunkwe sentenza relatata ma’ att punibbli bħala reat fid-dritt nazzjonali jitqies bħala riskju għall-ordni pubbliku.

41      Għandu qabel kollox jiġi osservat li l-kunċett ta’ “riskju għall-ordni pubbliku” ma huwiex wieħed minn dawk iddefiniti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115, u lanqas ma huwa ddefinit fid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-direttiva.

42      Hija ġurisprudenza stabbilita li d-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata ta’ kliem li ma jingħataw ebda definizzjoni fid-dritt Komunitarju għandha tiġi stabbilita skont it-tifsira komuni tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jifformaw parti. Meta dawn il-kliem jidhru f’dispożizzjoni li tikkostitwixxi deroga minn prinċipju, huma għandhom jinqraw b’mod li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata b’mod strett. Barra minn hekk, il-preambolu ta’ att tal-Unjoni jista’ jippreċiża l-kontenut tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wallentin‑Hermann, C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      B’hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, taħt il-Kapitolu II, intitolat “Terminazzjoni ta’ soġġorn illegali”, id-Direttiva 2008/115 tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom is-soġġorn illegali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru jintemm. Id-dispożizzjonijiet relatati mat-tluq volontarju ta’ dawn iċ-ċittadini, li jinsabu fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, isegwu direttament dawk relatati mad-deċiżjoni ta’ ritorn, stabbiliti fl-Artikolu 6 tagħha.

44      Kif jirriżulta mill-premessa 10 tad-direttiva 2008/115, għandha tingħata prijorità, ħlief f’xi eċċezzjonijiet, għall-eżekuzzjoni volontarja tal-obbligu li jirriżulta minn din id-deċiżjoni ta’ ritorn, peress li l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi terminu xieraq li jmur minn seba’ sa tletin jum għat-tluq volontarju (ara s-sentenza El Dridi, C‑61/11, EU:C:2011:268, punt 36).

45      Skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri għandhom jestendu, fejn neċessarju, il-perijodu għat-tluq volontarju għal perijodu adegwat, b’kont meħud taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ individwali, bħat-tul tas-soġġorn, l-eżistenza ta’ tfal li jattendu l-iskola u l-eżistenza ta’ rabtiet familjari u soċjali oħrajn.

46      L-Artikolu 7(4) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li huwa biss f’ċirkustanzi partikolari, bħall-eżistenza ta’ riskju għall-ordni pubbliku, li l-Istati Membri jistgħu jagħtu terminu ta’ tluq volontarju inferjuri għal sebat ijiem, jew iżommu milli jagħtu tali terminu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza El Dridi, C‑61/11, EU:C:2011:268, punt 37). Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tagħha, sabiex jibbażaw irwieħhom fuq id-deroga prevista f’din id-dispożizzjoni, Stat Membru għandu jkun jista’ juri li l-persuna kkonċernata tikkostitwixxi riskju għall-ordni pubbliku ta’ dan l-Istat.

47      Insegwitu, meta jipprovdi li l-Istati Membri huma, fil-prinċipju, obbligati li jagħtu terminu ta’ tluq volontarju liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jissoġġornaw illegalment, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/11 huwa intiż li jiżgura, b’mod partikolari, ir-rispett għad-drittijiet fundamentali ta’ dawn iċ-ċittadini matul l-implementazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn meħuda taħt l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, skont l-Artikolu 79(2) TFUE, l-għan segwit mill-imsemmija direttiva, kif jirriżulta mill-premessi 2 u 11 tagħha, huwa li tiġi stabbilita politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni bbażata fuq regoli u fuq garanziji ġuridiċi komuni, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu rripatrijati b’mod uman u b’osservanza sħiħa tad-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tagħhom (ara s-sentenza Mahdi, C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punt 38).

48      Minn dan jirriżulta li, għalkemm, essenzjalment, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jistabbilixxu, konformement mal-ħtiġijiet nazzjonali tagħhom li jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor u minn żmien għal ieħor, ir-rekwiżiti tal-ordni pubbliku, xorta jibqa’ l-fatt li, fil-kuntest tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, bħala ġustifikazzjoni għal deroga għal obbligi maħsuba li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet fundamentali ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz meta jitkeċċew mill-Unjoni, dawn ir-rekwiżiti għandhom jiġu interpretati b’mod strett, b’tali mod li l-portata tagħhom ma tistax tiġi ddeterminata unilateralment minn kull wieħed mill-Istati Membri mingħajr kontroll mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Gaydarov, C‑430/10, EU:C:2011:749, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Fl-aħħar nett, skont il-premessa 6 tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tmiem ta’ soġġorn illegali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jitwettaq permezz ta’ proċedura ġusta u trasparenti. Dejjem skont din il-premessa u skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, id-deċiżjonijiet meħuda skont din id-direttiva għandhom jiġu adottati fuq bażi ta’ każ b’każ u abbażi ta’ kriterji oġġettivi, li jimplika li l-kunsiderazzjoni għandha tmur lil hinn mis-sempliċi fatt ta’ soġġorn illegali (ara s-sentenza Mahdi, C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punt 40). B’mod partikolari, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandha tiġi dejjem żgurata matul l-istadji kollha tal-proċedura ta’ ritorn stabbilita mill-imsemmija direttiva, inkluż l-istadju relatat mal-proċedura ta’ ritorn, li fil-kuntest tiegħu l-Istat Membru kkonċernat għandu jippronunzja ruħu dwar l-għoti ta’ terminu ta’ tluq volontarju taħt l-Artikolu 7 ta’ din l-istess direttiva d-Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza El Dridi, C‑61/11, EU:C:2011:68, punt 41).

50      Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li Stat Membru huwa obbligat li jevalwa l-kunċett ta’ “riskju għall-ordni pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115, każ b’każ, sabiex jivverifika jekk il-kondotta personali taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat hijiex riskju reali u attwali għall-ordni pubbliku. Meta jibbaża fuq prattika ġenerali jew kwalunkwe preżunzjoni sabiex jikkonstata tali riskju, mingħajr ma jkun ħa debitament inkunsiderazzjoni l-kondotta personali taċ-ċittadin u tar-riskju li din il-kondotta tirrappreżenta għall-ordni pubbliku, Stat Membru jinjora r-rekwiżiti li jirriżultaw minn eżami individwali tal-każ inkwistjoni u mill-prinċipju ta’ proporzjonalità. Minn dan jirriżulta li l-fatt li ċittadin ta’ pajjiż terz huwa ssuspettat li wettaq att punibbli kklassifikat bħala reat fid-dritt nazzjonali jew kien suġġett ta’ sentenza kriminali għal tali att ma jistax, waħdu, jiġġustifika li dan iċ-ċittadin jitqies ta’ riskju għall-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115.

51      Madankollu, għandu jkun ippreċiżat li Stat Membru jista’ jikkonstata l-eżistenza ta’ riskju għall-ordni pubbliku meta jkun hemm sentenza kriminali, anki jekk ma saritx finali u res judicata, meta din is-sentenza, meħuda flimkien ma’ ċirkustanzi oħra relatati mas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata, tiġġustifika tali konstatazzjoni. Il-fatt li sentenza kriminali ma hijiex finali u res judicata għaldaqstant ma jipprekludix li Stat Membru jista’ juża d-deroga fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115. Fil-fatt, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tagħha, tali kundizzjoni ma ssib ebda bażi fil-formulazzjoni ta’ din id-direttiva u tmur kontra l-għan segwit mill-Artikolu 7 ta’ din tal-aħħar li jikkonsisti f’terminu speċifiku għat-tluq volontarju, peress li t-terminu previst jirriskja li jinqabeż f’diversi każijiet minħabba t-tul tal-proċeduri ġudizzjarji nazzjonali.

52      Barra minn hekk, is-sempliċi suspett li ċittadin ta’ pajjiż terz wettaq att punibbli kklassifikat bħala reat fid-dritt nazzjonali jista’, flimkien ma’ fatturi oħra relatati mal-każ partikolari, jibbaża konstatazzjoni ta’ riskju għall-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115, peress li, kif jirriżulta mill-punt 48 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri jibqgħu essenzjalment liberi li jiddeterminaw ir-rekwiżiti tal-kunċett ta’ ordni pubbliku, konformement mal-ħtiġijiet nazzjonali tagħhom, u li la l-Artikolu 7 u lanqas kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma jippermettu li jitqies li sentenza kriminali tkun neċessarja f’dan ir-rigward.

53      Għaldaqstant, f’din il-kawża, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, kif jidher li jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjonijiet tal-iStaatssecretaris fil-każijiet ta’ Z. Zh. u ta’ I. O., li skonthom dawn tal-aħħar jirrappreżentaw kull wieħed minnhom riskju għall-ordni pubbliku tal-Pajjiż l-Baxxi, kienu bbażati, fil-każ ta’ Z. Zh., fuq l-unika motiv li huwa kien ġie kkundannat talli wettaq att punibbli kklassifikat bħala reat jew delitt fid-dritt Olandiż u, fil-każ ta’ M. O., għall-motiv biss li kien issuspettat li wettaq tali att.

54      Fil-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prattika nazzjonali li permezz tagħha ċittadin ta’ pajjiż terz, li jissoġġorna illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru, għandu jitqies li jikkostitwixxi riskju għall-ordni pubbliku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għall-motiv biss li dan iċ-ċittadin ikun issuspettat li wettaq att punibbli kklassifikat bħala reat fid-dritt nazzjonali jew kien suġġett għal sentenza kriminali għal tali att.

 Fuq it-tieni domanda

55      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115 għandux jiġi interpretat fis-sens, li fil-każ ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jissoġġorna illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru li huwa ssuspettat li wettaq att punibbli kklassifikat bħala reat fid-dritt kriminali u kien suġġett għal sentenza kriminali għal tali att, elementi oħra, bħan-natura u l-gravità ta’ dan l-att, iż-żmien li jkun għadda mit-twettiq tiegħu, kif ukoll il-fatt li dan iċ-ċittadin kien qed jitlaq mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru meta kien arrestat mill-awtoritajiet nazzjonali, jistgħux ikunu rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ jekk l-imsemmi ċittadin jikkostitwixxix riskju għall-ordni pubbliku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

56      Qabel kollox għandu jiġi rrilevat li l-fatturi rilevanti għad-determinazzjoni ta’ jekk hemmx riskju għall-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115 ma humiex essenzjalment l-istess bħal dawk li huma rilevanti għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ riskju ta’ ħarba fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li l-kunċett ta’ “riskju ta’ ħarba” huwa distinta minn dak ta’ “riskju għall-ordni pubbliku” (fuq il-kunċett ta’ “riskju ta’ ħarba” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, ara, b’mod partikolari, is-sentenza Mahdi, C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punti 65 sa 74).

57      Sussegwentement, kif jirriżulta mill-punt 50 ta’ din is-sentenza, meta wieħed jevalwa l-kunċett ta’ “riskju għall-ordni pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115, għandha ssir evalwazzjoni każ b’każ sabiex jiġi vverifikat jekk il-kondotta personali taċ-ċittadin ikkonċernat tikkostitwixxix riskju reali u attwali għall-ordni pubbliku tal-Istat Membru kkonċernat.

58      Għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115 ma huwiex ifformulat b’mod identiku fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha, peress li xi wħud jużaw il-kelma “perikolu”, filwaqt li oħrajn jużaw il-kelma “riskju” għandu, fi kwalunkwe każ, jittieħed inkunsiderazzjoni s-sens abitwali tal-kliem “perikolu” u “riskju” fil-lingwa ta’ kuljum, u fid-dawl tal-kuntest li fih huma użati u tal-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li minnha jifformaw parti, kif imsemmija fil-punti 43 sa 49 ta’ din is-sentenza, li dawn il-kliem jinftiehmu bħala fis-sens ta’ theddida.

59      Barra minn hekk, evalwazzjoni speċifika tal-interessi inerenti fis-salvagwardja tal-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115 ma tikkoinċidix neċessarjament mal-evalwazzjonijiet li jifformaw il-bażi ta’ sentenza kriminali (ara, b’analoġija, is-sentenza Bouchereau, 30/77, EU:C:1977:172, punt 27).

60      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-kunċett ta’ “riskju għall-ordni pubbliku”, kif previst fl-Artikolu 7(4) tal-imsemmija direttiva, jippresupponi, fi kwalunkwe każ, l-eżistenza, minbarra t-tfixkil tal-ordni soċjali li jikkostitwixxi kull ksur tal-liġi, ta’ perikolu reali, attwali u suffiċjentement serju, li jaffettwa interess fundamentali tas-soċjetà (ara, b’analoġija, is-sentenza Gaydarov, C‑430/10, EU:C:2011:749, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Minn dan isegwi li huwa rilevanti, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni ta’ dan il-kunċett, kull punt ta’ fatt jew ta’ liġi relatat mas-sitwazzjoni taċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz li jista’ jiċċara l-kwistjoni dwar jekk il-kondotta personali ta’ dan tal-aħħar jikkostitwixxix tali perikolu.

62      Konsegwentement, fil-każ ta’ ċittadin li huwa ssuspettat li wettaq att punibbli kklassifikat bħala reat fid-dritt nazzjonali jew li kien suġġett għal sentenza kriminali għal tali att, fost l-elementi rilevanti f’dan ir-rigward jinsabu n-natura u l-gravità ta’ dan l-att kif ukoll iż-żmien li jkun għadda mit-twettiq tiegħu.

63      Barra minn hekk, f’dan il-każ, mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Z. Zh. kien intranżitu lejn il-Kanada meta kien arrestat mill-awtoritajiet Olandiżi. Iċ-ċirkustanza li huwa kien qed jitlaq mit-territorju tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi meta kien arrestat tista’ tkun rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx jikkostitwixxi, meta ttieħdet id-deċiżjoni ta’ ritorn kontrih, riskju għall-ordni pubbliku ta’ dan l-Istat Membru, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan. F’dan ir-rigward, hija din tal-aħħar li għandha tevalwa kwalunkwe element fattwali u, b’mod partikolari, tevalwa l-piż li għandu jingħata lill-imsemmi fatt fil-kuntest tal-kawża li biha hija adita.

64      Fil-każ ta’ I. O., mit-talba għal deċiżjoni preliminari jidher li l-iStaatssecretaris ma kellu l-ebda dokument li jissostanzja l-allegat abbuż li bih ġiet ikkritikata l-persuna kkonċernata. Din iċ-ċirkustanza hija rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk il-persuna kkonċernata kinitx tikkostitwixxi riskju għall-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115, peress li l-imsemmija ċirkustanza tirrigwarda l-affidabbiltà tas-suspett tal-att li bih ġie kkritikat I. O. u li huwa, konsegwentement, jista’ jiċċara l-kwistjoni dwar jekk il-kondotta personali tiegħu tikkostitwixxix riskju għall-ordni pubbliku fil-Pajjiżi l-Baxxi fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni ta’ ritorn kontra tiegħu.

65      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda li l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jissoġġorna illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru li huwa ssuspettat li wettaq att punibbli kklassifikat bħala reat fid-dritt kriminali jew kien suġġett għal sentenza kriminali għal tali att, elementi oħra, bħan-natura u l-gravità ta’ dan l-att, iż-żmien li jkun għadda mit-twettiq tiegħu, kif ukoll iċ-ċirkustanza li dan iċ-ċittadin kien qed jitlaq mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru meta kien arrestat mill-awtoritajiet nazzjonali, jistgħu jkunu rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ jekk l-imsemmi ċittadin jikkostitwixxix riskju għall-ordni pubbliku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, huwa wkoll rilevanti, jekk ikun il-każ, kull element li jirrigwarda l-affidabbiltà tas-suspett tar-reat li bih ġie kkritikat iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat.

 Fuq it-tielet domanda

66      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-użu mill-possibbiltà, offruta minn din id-dispożizzjoni, li jinżamm milli jingħata terminu ta’ tluq volontarju meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jikkostitwixxi riskju għall-ordni pubbliku jeħtieġx eżami mill-ġdid tal-elementi li diġà ġew eżaminati sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ dan ir-riskju.

67      F’dan il-każ, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi spjega li, fil-prattika, il-konstatazzjoni ta’ riskju għall-ordni pubbliku hija, bħala regola ġenerali, motiv għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex ma jagħtux lill-persuna kkonċernata terminu ta’ tluq volontarju, iżda li dawn l-awtoritajiet jistgħu jevitaw din ir-regola jekk iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża jiġġustifikaw li jingħata terminu ta’ 28 jum.

68      Qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri “jistgħu ma jagħtux perijodu ta’ żmien għat-tluq volontarju, jew jistgħu jagħtu perijodu iqsar minn sebat ijiem”, mingħajr madankollu ma jispeċifika b’liema mod din l-għażla għandha ssir.

69      Insegwitu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, mid-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn jirriżulta l-obbligu għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jippermettu l-persuna kkonċernata li tesprimi l-perspettiva tagħha dwar il-modalitajiet tar-ritorn tagħha, jiġifieri t-terminu għal tluq u n-natura volontarja jew vinkolanti tar-ritorn (ara s-sentenza Boudjlida, C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 51). Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessi 2, 6, 11 u 24 tad-Direttiva 2008/115, kif ukoll mill-Artikolu 5 tagħha, u trasparenti, skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, id-deċiżjonijiet meħuda skont din id-direttiva għandhom jiġu adottati fuq bażi ta’ każ b’każ u jieħdu debitament inkunsiderazzjoni d-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata.

70      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li Stat Membru ma jistax iżomm awtomatikament, b’leġiżlazzjoni jew bi prattika, milli jagħti terminu ta’ tluq volontarju fil-każ fejn il-persuna kkonċernata tikkostitwixxi riskju għall-ordni pubbliku. L-eżerċizzju xieraq tal-possibbiltà prevista għal dan il-għan fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115 jirrikjedi li jiġi vverifikat każ b’każ jekk l-assenza ta’ dan il-perijodu jkunx kompatibbli mad-drittijiet fundamentali ta’ din il-persuna.

71      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina sa liema punt il-proċedura ta’ ritorn fis-seħħ fil-Pajjiżi l-Baxxi tissodisfax ir-rekwiżiti spjegati fil-p-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

72      Fl-aħħar nett, għalkemm, kif jirriżulta mill-punt 47 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri huma, fil-prinċipju, obbligati li jagħtu terminu ta’ tluq volontarju liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi suġġetti għal deċiżjoni ta’ ritorn skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/11, sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet fundamentali ta’ dawn iċ-ċittadini waqt l-implementazzjoni ta’ tali deċiżjoni, madankollu mill-formulazzjoni tal-Artikolu 7(4) ta’ din id-direttiva, kif ukoll mill-istruttura ġenerali ta’ dan l-artikolu, jirriżulta li d-deroga prevista minn dan il-paragrafu 4 hija intiża wkoll sabiex tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat li jissorvelja l-osservanza tal-ordni pubbliku tiegħu.

73      Konsegwentement, meta jiġri li, abbażi tal-eżami li fuqhom ġew ippreċiżati r-rekwiżiti fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni domanda preliminari, li l-persuna kkonċernata tikkostitwixxi riskju reali u attwali għall-ordni pubbliku, l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115 jipprovdi għall-possibbiltà li ma jingħatax terminu għat-tluq volontarju lill-persuna kkonċernata. Dan id-dritt huwa l-konsegwenza tal-eżistenza ta’ dan ir-riskju u jista’ għaldaqstant, permezz tal-osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata, jintuża mill-Istat Membru kkonċernat, mingħajr ma jinħtieġ eżami ġdid tal-elementi li tqiesu li huma rilevanti sabiex tkun ikkonstatata l-eżistenza tal-imsemmi riskju.

74      Madankollu, huwa permess għall-Istat Membru kkonċernat li jieħu inkunsiderazzjoni l-imsemmija elementi, li jistgħu b’mod partikolari jkunu rilevanti meta dan l-Istat Membru jevalwax jekk hemmx lok li jingħata terminu għat-tluq volontarju ta’ inqas minn sebat ijiem.

75      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għat-tielet domanda li l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu mill-opportunità, offruta minn din id-dispożizzjoni, li jinżamm milli jingħata terminu ta’ tluq volontarju meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jikkostitwixxi riskju għall-ordni pubbliku ma jeħtieġx eżami mill-ġdid tal-elementi li diġà ġew eżaminati sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ dan ir-riskju. Kwalunkwe leġiżlazzjoni jew prattika ta’ Stat Membru fil-qasam għandha madankollu tiggarantixxi li jiġi vverifikat każ b’każ jekk l-assenza ta’ terminu ta’ tluq volontarju jkunx kompatibbli mad-drittijiet fundamentali ta’ dan iċ-ċittadin.

 Fuq l-ispejjeż

76      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prattika nazzjonali li permezz tagħha ċittadin ta’ pajjiż terz, li jissoġġorna illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru, għandu jitqies li jikkostitwixxi riskju għall-ordni pubbliku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għall-motiv biss li dan iċ-ċittadin ikun issuspettat li wettaq att punibbli kklassifikat bħala reat fid-dritt nazzjonali jew kien suġġett għal sentenza kriminali għal tali att.

2)      L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jissoġġorna illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru li huwa ssuspettat li wettaq att punibbli kklassifikat bħala reat fid-dritt kriminali jew kien suġġett għal sentenza kriminali għal tali att, elementi oħra, bħan-natura u l-gravità ta’ dan l-att, iż-żmien li jkun għadda mit-twettiq tiegħu, kif ukoll iċ-ċirkustanza li dan iċ-ċittadin kien qed jitlaq mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru meta kien arrestat mill-awtoritajiet nazzjonali, jistgħu jkunu rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ jekk l-imsemmi ċittadin jikkostitwixxix riskju għall-ordni pubbliku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, huwa wkoll rilevanti, jekk ikun il-każ, kull element li jirrigwarda l-affidabbiltà tas-suspett tar-reat li bih ġie kkritikat iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat.

3)      L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu mill-opportunità, offruta minn din id-dispożizzjoni, li jinżamm milli jingħata terminu ta’ tluq volontarju meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jikkostitwixxi riskju għall-ordni pubbliku ma jeħtieġx eżami mill-ġdid tal-elementi li diġà ġew eżaminati sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ dan ir-riskju. Kwalunkwe leġiżlazzjoni jew prattika ta’ Stat Membru fil-qasam għandha madankollu tiggarantixxi li jiġi vverifikat każ b’każ jekk l-assenza ta’ terminu ta’ tluq volontarju jkunx kompatibbli mad-drittijiet fundamentali ta’ dan iċ-ċittadin.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.