Language of document : ECLI:EU:F:2014:250

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL‑UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

19 ta’ Novembru 2014

Kawża F‑42/14

EH

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjal — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Regola kontra l-kumulu tal-allowances nazzjonali u statutorji — Ġbir mill-konjuġi tal-uffiċjal ta’ allowances tal-familja nazzjonali — Assenza ta’ dikjarazzjoni tal-uffiċjal tal-bidla tas-sitwazzjoni personali tiegħu lill-amministrazzjoni tiegħu — Proċedura dixxiplinari — Sanzjoni dixxiplinari — Inżul fl-iskala — Proporzjonalità — Motivazzjoni — Ċirkustanzi attenwanti — Nuqqas ta’ diliġenza tal-amministrazzjoni”

Suġġett:      Rikors ippreżentat taħt l-Artikolu 270 TFUE, li japplika għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu EH jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”) tal-Kummissjoni Ewropea, tal-24 ta’ Ġunju 2013, li timponilu sanzjoni ta’ inżul bi tliet skali kif ukoll l-annullament tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2014 li tiċħad l-ilment tiegħu.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. EH għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Allowances nazzjonali — Regola kontra l-kumulu — Obbligu tal-uffiċjal li jiddikjara allowances tal-familja riċevuti minn sorsi oħra — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 67(2))

2.      Uffiċjali — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Allowances nazzjonali — Regola kontra l-kumulu — Obbligu tal-uffiċjal li jiddikjara allowances tal-familja riċevuti minn sorsi oħra — Negliġenza jew żball tal-amministrazzjoni — Assenza ta’ effett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 67(2))

3.      Uffiċjali — Drittijiet u obbligi — Dmir ta’ lealtà — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 11)

4.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Sanzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-Awtorità tal-Ħatra — Teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikolu 10)

5.      Uffiċjali — Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju — Sanzjoni dixxiplinari — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25)

1.      Meta benefiċċju jintalab u jingħata lill-uffiċjal b’rabta mas-sitwazzjoni familjari tiegħu, dan tal-aħħar ma jistax jinvoka allegat assenza ta’ konoxxenza tas-sitwazzjoni tal-konjuġi tiegħu, kemm fir-rigward tal-eżerċizzju minn din tal-aħħar ta’ attività professjonali, kemm tal-ammont ta’ remunerazzjoni riċevut għal din l-attività u anki għall-ġbir minn dan il-konjuġi ta’ benefiċċji nazzjonali ekwivalenti għall-benefiċċji stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, li kieku jiġi aċċettat tali argument, dan jista’ jippermetti li uffiċjali jew membri tal-persunal li jirċievu l-allowances tal-familja stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal fl-intier tagħhom iqisu ruħhom liberi mill-obbligu li jiddikjaraw allowances tal-familja nazzjonali riċevuti minn sorsi oħra, li ma jitħallsux direttament lill-uffiċjal, iżda lill-konjuġi tiegħu, fuq il-kont bankarju personali ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, tali approċċ jista’ jinkoraġġixxi ż-żamma ta’ informazzjoni li tikkawża dannu lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(ara l-punti 99 u 100)

2.      Kull uffiċjal li jibbenefika minn vantaġġi pekunjarji għandu l-obbligu ġenerali li jipprovdi l-informazzjoni kollha dwar is-sitwazzjoni personali tiegħu u li jgħarraf lill-amministrazzjoni tiegħu bil-bidliet kollha li jkun hemm fis-sitwazzjoni personali tiegħu, obbligu li barra minn hekk huwa espressament imfakkar fl-Artikolu 67(2) tar-Regolamenti tal-Persunal b’rabta mar-regola antikumulu ta’ allowances tal-familja. L-eventwali ineffiċjenza jew nuqqas ta’ azzjoni ta’ dipartiment amministrattiv responsabbli mill-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal Unjoni ma tistax tiskonġra lill-uffiċjal mill-ksur tiegħu ta’ dan l-obbligu. Uffiċjali diliġenti, li jaf bid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li abbażi tagħhom huwa jitħallas benefiċċju fuq talba tiegħu, b’mod partikolari meta dawn id-dispożizzjonijiet huma mfakkra fid-deċiżjoni tal-għoti tal-benefiċċju kkonċernat, ma jistax jillimita ruħu li jibqa’ jirċievi fis-silenzju l-imsemmi benefiċċju, filwaqt li l-konjuġi tiegħu tirċievi l-benefiċċji nazzjonali ekwivalenti fl-intier tagħhom fir-rigward tal-istess tfal. F’tali sitwazzjoni, l-uffiċjal ma jistax jiġġustifika s-silenzju tiegħu bil-fatt li tali pagamenti kienu, b’negliġenza, b’mod impliċitu aċċettati jew ittollerati mill-amministrazzjoni tiegħu. Fil-fatt, li tali negliġenza tal-amministrazzjoni tiġi ammessa bħala ċirkustanza attenwanti twassal sabiex tinkoraġġixxi lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal sabiex jibbenefikaw mill-iżbalji ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, huwa f’kull każ l-uffiċjal li jibbenefika mill-benefiċċju stabbilit fir-Regolamenti tal-Persunal li għandu jipprovdi d-dokumenti li huwa diġà għandu fil-pussess tiegħu, u li jinforma lill-amministrazzjoni tiegħu bil-ħlasijiet eventwali ta’ benefiċċji soċjali lill-konjuġi tiegħu min-naħa ta’ organu nazzjonali inkarigat mill-ħlas ta’ dawn tal-aħħar.

(ara l-punti 104, 105, 107 u 108)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Lopez Cejudo vs Il‑Kummissjoni, EU:F:2014:55, F‑28/13, punt 67

3.      Id-dmir ta’ lealtà previst fl-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal jimplika li l-uffiċjali jiffaċilitaw il-funzjoni tal-amministrazzjoni għal dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-portata tad-drittijiet pekunjarji tagħhom stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal. F’dan ir-rigward, uffiċjal normalment diliġenti ma jistax ma jindunax li avviż relatat ma’ bdil tas-sitwazzjoni tal-familja tiegħu, li abbażi tiegħu jirċievi benefiċċji, għandu jintbagħat direttament lid-dipartiment kompetenti tal-istituzzjoni tiegħu, b’mod ċar u inekwivoku, u, f’dan ir-rigward, l-uffiċjal ma jistax jipprevalixxi ruħu mill-fatt li l-amministrazzjoni kisbet ċerta informazzjoni b’mod aċċidentali jew indirett. Dan jgħodd iktar u iktar meta mill-formulazzjoni tal‑Artikolu 67(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta mingħajr ambigwità li ma hijiex l-istituzzjoni li għandha tinforma ruħha b’eventwali ġbir ta’ allowances tal-familja tal-istess natura mħallsa minn sorsi oħra, iżda huma l-membri tal-persunal li għandhom jiddikjaraw li huma jirċievu tali allowances provenjenti minn sorsi oħra. Barra minn hekk, l-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxi waħda mill-espressjonijiet speċifiċi tal-obbligu ta’ lealtà, li jimponi fuq l-uffiċjal mhux biss l-obbligu li jastjeni ruħu minn aġir li jippreġudika d-dinjità tal-funzjonijiet tiegħu u li juri r-rispett dovut lill-istituzzjoni u l-awtoritajiet tagħha, iżda wkoll li juri, iktar u iktar jekk ikollu grad għoli, aġir lil hinn minn kull suspett, sabiex ir-rabtiet ta’ fiduċja eżistenti bejnu u l-istituzzjoni jkunu dejjem ippreżervati.

(ara l-punti 108, 112 u 123)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza Costacurta vs Il-Kummissjoni, T‑34/89 u T‑67/89, punti 45 u 46

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Andreasen vs Il-Kummissjoni, F‑40/05, punt 233, u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      Il-fatt li uffiċjal, wara li jsir jaf bl-avviż tal-Bord Dixxiplinari, impenja ruħu volontarjament li jirrimborsa l-ammonti riċevuti indebitament bħala allowances tal-familja ma jnaqqas xejn mill-klassifikazzjoni tan-nuqqas ikkritikat, b’mod partikolari meta, dan ħareġ biss permezz ta’ verifika tal-Kummissjoni u mhux minħabba dikjarazzjoni magħmula, f’waqtha, fuq inizjattiva tal-uffiċjal. Uffiċjal iwettaq negliġenza kbira meta jwettaq żball li, għalkemm ma kellux intenzjoni deliberata li jibbenefika għad-detriment tal-baġit tal-Unjoni, jibqa’ diffiċli li jkun skużat, fuq kollox fid-dawl tal-funzjonijiet u tar-responsabbiltajiet tal-persuna kkonċernata, tal-grad għoli u tal-anzjanità tiegħu fis-servizz tal-istituzzjoni. Barra minn hekk, xejn fl-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-persunal ma jimponi fuq l-Awtorità tal Ħatra l-obbligu li tikkunsidra bħala ċirkustanza li tiġġustifika tnaqqis tas-sanzjoni imposta l-fatt li r-rikorrent daqt jilħaq l-età tal-irtirar.

(ara l-punti 115, 118, 124 u 125)

5.      Jekk is-sanzjoni dixxiplinari imposta fuq uffiċjal mill-Awtorità tal-Ħatra hija finalment iktar severa minn dik proposta mill-Bord Dixxiplinari, id-deċiżjoni ta’ din l-awtorità għandha madankollu tippreċiża b’mod iddettaljat il-motivi li wasslu lill-imsemmija awtorità ma tadottax l-opinjoni mogħtija minn dan il-Bord.

(ara l-punt 132)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza F. vs Il‑Kummissjoni, 228/83, EU:C:1985:28, punt 35

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza N vs Il-Kummissjoni, T‑198/02, EU:T:2004:101, punt 95, u l-ġurisprudenza ċċitata