KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
WATHELET
ippreżentati fl-1 ta’ Lulju 2015 (1)
Kawża C‑357/14 P
Electrabel SA,
Dunamenti Erőmű Zrt
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Appell – Għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Ungeriżi lil ċerti produtturi tal-elettriku – Ftehimiet ta’ xiri ta’ elettriku konklużi bejn l-impriża pubblika ‘MVM’ u ċerti produtturi tal-elettriku – Kundizzjonijiet li jqiegħdu lil dawn il-produtturi f’sitwazzjoni ekonomika vantaġġuża – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni”
I – Introduzzjoni
1. Electrabel SA (iktar ’il quddiem “Electrabel”) u Dunamenti Erőmű Zrt (iktar ’il quddiem “Dunamenti Erőmű”) ippreżentaw dan l-appell kontra s-sentenza Dunamenti Erőmű vs Il‑Kummissjoni (T‑179/09, EU:T:2014:236, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), inkwantu din ċaħdet ir-rikors għal annullament ta’ Dunamenti Erőmű indirizzat kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/609/KE, tal-4 ta’ Ġunju 2008, dwar l-għajnuna mill-Istat C 41/05 mogħtija mill-Ungerija fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xiri tal-elettriku (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) (2).
2. Din il-kawża hija ta’ importanza kbira peress li tqajjem tliet kwistjonijiet delikati. L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha l-okkażjoni li tiċċara jekk, f’każ li l-miżura li tista’ tikkostitwixxi tali għajnuna ġiet implementata qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru mal-Unjoni Ewropea, id-data ta’ referenza meħtieġa għall-analiżi tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat hija dik tal-għoti tal-miżura jew tal-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru mal-Unjoni. It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja trid tiddeċiedi dwar jekk, f’każ li d-data tal-adeżjoni tintgħażel bħala d-data ta’ referenza, kull element fattwali qabel din id-data jridx ikun eskluż mill-analiżi tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. It-tielet nett, il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiċċara l-konfini bejn is-sentenzi tagħha Banks (C‑390/98, EU:C:2001:456) u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑277/00, EU:C:2004:238).
II – Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-kuntest attwali
3. Dunamenti Erőmű hija produttur tal-elettriku fis-suq Ungeriż u topera impjant tal-enerġija li jinsab madwar 30 km ’l bogħod min-nofsinhar ta’ Budapest (l-Ungerija). Din kienet impriża pubblika li ġiet ipprivatizzata fix-xahar ta’ Diċembru tal-1995. Fiż-żmien tal-fatti, 74.82 % tal-ishma tagħha kienu proprjetà ta’ Electrabel, li hija parti minn grupp li tiegħu GDF Suez SA hija l-kumpannija parent, u madwar 25 % tal-ishma tagħha kienu proprjetà ta’ Magyar Villamos Művek Zrt (iktar ’il quddiem “MVM”), impriża pubblika Ungeriża attiva kemm fil-produzzjoni tal-elettriku kif ukoll fil-bejgħ bl-ingrossa, it-trażmissjoni u l-bejgħ mill-ġdid ta’ elettriku fuq is-suq Ungeriż.
4. Fix-xhur ta’ Marzu u ta’ Ġunju tal-2014, il-grupp GDF Suez biegħ is-sehem tiegħu lil Dunamenti Erőmű, li llum tagħmel parti mill-grupp MET.
5. F’nofs is-snin disgħin, l-għanijiet l-iktar urġenti stabbiliti fis-settur Ungeriż tal-enerġija kienu dawn: il-garanzija tas-sigurtà tal-provvista bl-orħos prezz possibbli, l-immodernizzar tal-infrastruttura b’ħarsien tal-istandards ta’ protezzjoni ambjentali fis-seħħ u t-twettiq tar-ristrutturar meħtieġ fis-settur tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Madankollu, billi l-impjanti kienu essenzjalment impjanti antiki Sovjetiċi, kien jidher li dawn l-għanijiet ma kinux setgħux jintlaħqu mingħajr is-sostenn ta’ investituri barranin.
6. Kien għalhekk li ġew proposti ftehimiet ta’ xiri ta’ enerġija fuq medda twila ta’ żmien [iktar ’il quddiem il-“PPAs” (Power Purchase Agreements)] lill-investituri barranin li kienu jintrabtu li jinvestu fil-bini u fl-immodernizzar tal-impjanti tal-enerġija Ungeriżi, bl-elettriku jinxtara minn MVM.
7. Il-PPAs ippermettew lil MVM tistabbilixxi portafoll ta’ produzzjoni ekwilibrat u li b’hekk tirrispetta l-obbligu tagħha li tiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista. Huma kienu jippermettulha wkoll li tissodisfa kemm id-domanda għal bżonnijiet bażiċi (b’impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam u bl-enerġija nukleari) kif ukoll id-domanda għal bżonnijiet massimi (b’impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-gass).
8. Il-PPAs kienu jeħtieġu li l-produtturi tal-elettriku jżommu u jħaddmu l-faċilitajiet tal-produzzjoni tagħhom kif suppost. Huma kienu jirriżervaw il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni kollha jew parti kbira minnhom (MW) tal-impjant tal-enerġija għal MVM. Din l-allokazzjoni tal-kapaċità kienet indipendenti mill-użu attwali tal-impjant tal-enerġija. Lil hinn mill-kapaċitajiet irriżervati, il-PPA kien jeħtieġ li MVM tixtri ammont minimu speċifiku ta’ elettriku (MWh) minn kull impjant tal-enerġija.
9. Il-PPAs ġew konklużi fil-qafas tat-tħejjija għall-ipprivatizzar tal-impjanti tal-enerġija u kienu bbażati fuq l-istess mudell ta’ kuntratt imħejji minn ditta ta’ avukati internazzjonali fuq talba tal-Gvern Ungeriż. Għall-kuntrarju tal-ipprivatizzar tal-impjanti tal-enerġija, il-PPAs ma sarux skont proċedura ta’ sejħa għal offerti, iżda mhux ikkontestat li l-PPAs iffirmati qabel l-ipprivatizzar kienu jiffurmaw parti integrali mill-pakkett ta’ miżuri ta’ privatizzazzjoni.
10. Fl-10 ta’ Ottubru 1995, eżatt qabel l-ipprivatizzar tagħha, Dunamenti Erőmű kkonkludiet PPA ma’ MVM, li kien jirrigwarda l-unitajiet “blokk F” u “blokk G2” tal-impjant tal-enerġija tagħha. Dan il-ftehim, li daħal fis-seħħ fl-1996, kellu jdum sal-2010 għall-unitajiet “blokk F”, li jaħdmu bil-gass, u sal-2015 għall-unitajiet “blokk G2”, mgħammra b’turbina tal-gass b’ċiklu kkombinat.
11. Xahrejn wara l-konklużjoni tal-PPA, jiġifieri fix-xahar ta’ Diċembru 1995, Electrabel xtrat Dunamenti Erőmű mingħand l-Istat Ungeriż wara proċedura ta’ sejħa għal offerti kompetittiva u miftuħa.
12. Għandu jiġi osservat li meta ġew iffirmati l-PPAs, is-suq tal-enerġija Ungeriż kien għadu ma ġiex liberalizzat u kien iffokat fuq xerrej wieħed, jiġifieri MVM. Fil-fatt, il-produtturi tal-enerġija setgħu jbiegħu direttament l-enerġija lil MVM biss u din biss kellha d-dritt li tipprovdi l-elettriku lid-distributuri reġjonali. Din is-sistema kienet titħaddem bejn il-31 ta’ Diċembru 1991 u l-31 ta’ Diċembru 2002.
13. Meta l-Ungerija ssieħbet fl-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2004, is-suq Ungeriż tal-enerġija kien jikkonsisti f’settur ta’ servizz pubbliku, li kien jirrappreżenta madwar 70 % tal-produzzjoni tal-enerġija, u settur kompetittiv li kien jirrappreżenta madwar 30 % ta’ din il-produzzjoni. Fl-ewwel settur, MVM kienet l-uniku bejjiegħ bl-ingrossa filwaqt li, fit-tieni settur, kien hemm operaturi oħrajn attivi, u MVM kienet tintervjeni biss biex tbiegħ il-kwantitajiet żejda mixtrija taħt il-PPAs u mhux mitluba fis-settur pubbliku. Din is-sistema l-ġdida daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2003 u tneħħiet bil-Liġi Nru LXXXVI tal-2007, mill-1 ta’ Jannar 2008.
14. Fl-4 ta’ Mejju 2005, b’mod konformi mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (3), il-Kummissjoni rreġistrat ex officio fajl bir-referenza NN 49/2005 dwar għajnuna mill-Istat rigward il-PPAs.
15. Fl-4 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, fejn ħadet id-data tal-adeżjoni tal-Ungerija mal-Unjoni, jiġifieri l-1 ta’ Mejju 2004, bħala d-data ta’ referenza għall-analiżi dwar jekk il-PPAs kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.
16. Permezz tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkwalifikat l-obbligu tax-xiri stabbilit permezz tal-PPAs bħala għajnuna mill-Istat favur produtturi tal-enerġija fit-tifsira tal-Artikolu 107 TFUE, iddikkjaratu inkompatibbli mas-suq komuni u ordnat lill-Ungerija li twaqqfu fi żmien sitt xhur. L-Artikolu 2 impona fuq l-Ungerija l-obbligu li tiġbor lura mingħand il-benefiċjarji l-għajnuna li kienu bbenefikaw minnha mill-1 ta’ Mejju 2004.
17. Fl-10 ta’ Novembru 2008, il-Parlament Ungeriż adotta l-Liġi Nru LXX tal-2008 li temmet il-PPAs mill-31 ta’ Diċembru 2008.
18. F’dak li jirrigwarda l-kalkolu u l-irkupru tal-ammont ta’ għajnuna mingħand il-benefiċjarji, il-Gvern Ungeriż iddeċieda li jimplementa għal tliet benefiċjarji tal-PPAs, fosthom Dunamenti Erőmű, sistema ta’ kumpens tal-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-metodoloġija ta’ analiżi ta’ għajnuna mill-Istat relatata mal-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati (iktar ’il quddiem il-“Metodoloġija”) (4).
19. Skont din is-sistema, li ġiet innotifikata lill-Kummissjoni u approvata minnha (5), l-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati jikkonsistu fid-differenza bejn l-ispejjeż ta’ investiment ta’ kull wieħed mill-benefiċjarji u l-qligħ operattiv storiku (mid-dħul fis-seħħ tal-PPA sat-terminazzjoni bikrija tiegħu) u pproġettat tagħhom (bejn id-data ta’ terminazzjoni bikrija u d-data li fiha l-kuntratt kellu jintemm abbażi tat-test tal-PPA) (6).
20. Din is-sistema kienet tistabbilixxi kumpens f’żewġ fażijiet (7). Fl-ewwel fażi, l-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati ta’ kull benefiċjarju kellhom jitnaqqsu mill-ammont ta’ għajnuna li kellu jitħallas lura lill-Istat Ungeriż. Jekk id-differenza bejn l-għajnuna li kellha titħallas lura u l-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati kienet pożittiva, il-benefiċjarju kellu jħallas lura din id-differenza lill-Istat. F’każ kuntrarju, l-Istat Ungeriż ma kellux iħallas id-differenza lill-benefiċjarju (8).
21. It-tieni fażi kellha sseħħ fid-data meta jiskadi l-PPA ta’ kull benefiċjarju (fil-każ ta’ Dunamenti Erőmű, fil-31 ta’ Diċembru 2015) meta l-awtoritajiet Ungeriżi huma mistennija li jikkalkolaw mill-ġdid l-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati abbażi tal-ispejjeż u tad-dħul attwali. F’każ li l-ispejjeż reali li ma jistgħux jiġu rkuprati jinstabu li huma inqas mill-ammont ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata, il-benefiċjarju jkollu jħallas lura d-differenza lill-Istat Ungeriż. F’każ kuntrarju, l-Istat Ungeriż ma huwiex ser iħallas lill-benefiċjarju tal-PPA l-parti żejda tal-ispejjeż li definittivament ma jistgħux jiġu rkuprati.
22. Bħalissa, l-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati ta’ Dunamenti Erőmű huma stmati li huma HUF 22 171 991 000 (forint Ungeriż) (madwar Eur 73 miljun).
23. Fit-13 ta’ Ġunju 2007, Electrabel bdiet arbitraġġ kontra l-Ungerija quddiem iċ-Ċentru Internazzjonali għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim dwar Investiment (ICSID), fejn il-Kummissjoni intervjeniet bħala parti mhux kontestanti. Electrabel allegat, inter alia, li bil-waqfien tal-PPAs mingħajr kumpens sħiħ tal-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati, l-Ungerija kienet kisret il-garanziji tat-trattament ġust u ugwali tal-investimenti li jinsabu fl-Artikolu 10 tat-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija, tas-17 ta’ Diċembru 1994, li fih issieħbu r-Renju tal-Belġju, l-Ungerija u l-Unjoni (9).
24. Electrabel u l-Ungerija qablu dwar is-separazzjoni (“il-qsim”) tal-proċedura bejn il-fażi “kompetenza u responsabbiltà” u l-fażi ta’ kwantifikazzjoni (“kwantum”).
25. Billi l-ammont definittiv tal-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati ta’ Dunamenti Erőmű u ta’ Electrabel ma jistax ikun ikkalkolat ħlief wara l-31 ta’ Diċembru 2015, it-tribunal tal-arbitraġġ ddeċieda li jipposponi d-deċiżjoni tiegħu dwar jekk is-sistema ta’ kumpens tal-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati implementata mill-Ungerija kinitx tikser l-Artikolu 10 tat-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija fil-fażi proċedurali tal-kwantum(10). Madankollu, it-tribunal tal-arbitraġġ ikkunsidra li fil-“fehma attwali, provviżorja u preliminari […]” tiegħu “in-nuqqas ta’ ħlas, fi tmiem il-leġiżlazzjoni Ungeriża, ta’ [HUF 22 171 991 000] jew ta’ ammont inferjuri għal dan ma jikkostitwixxix neċessarjament ksur tal-istandard ta’ [trattament ġust u ekwu]; iżda li n-nuqqas ta’ ħlas (fi flus jew mod ieħor) ta’ ammont ferm ogħla mill-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati, jista’ jikkostitwixxi ksur” (11).
26. Dan ma jidhirx li kien l-istess approċċ tat-tribunal tal-arbitraġġ adottat fl-arbitraġġ mibdi minn Électricité de France (EDF), azzjonista ta’ Budapesti Erőmű, dwar it-terminazzjoni tal-PPAs, u kkundannat lill-Ungerija tħallas EUR 107 miljuni lil EDF (12).
27. Irrispettivament mir-rikors għal annullament (li ċ-ċaħda tiegħu mill-Qorti Ġenerali huwa s-suġġett ta’ dan l-appell) imressaq minn Dunamenti Erőmű u Electrabel kontra d-deċiżjoni kkontestata, Dunamenti Erőmű u Electrabel ressqu quddiem il-Qorti Ġenerali, fl-10 ta’ Jannar 2014, rikors għad-danni, ibbażat fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, bl-għan li jiksbu kumpens għad-dannu li allegatament ġarrbu minħabba d-deċiżjoni kkontestata.
28. Fit-13 ta’ Novembru 2014, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors bħala inammissibbli fuq il-bażi li kien preskritt (13). Id-digriet tal-Qorti Ġenerali huwa s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (14).
III – Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-s-sentenza appellata
29. Id-deċiżjoni kkontestata kienet is-suġġett ta’ diversi rikorsi għal annullament ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali minn kull benefiċjarju tal-PPAs (15).
30. Permezz tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, Dunamenti Erőmű talbet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.
31. Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ibbażat fuq ksur tal-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE, u permezz tat-tieni motiv tagħha, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kellha tikkwalifika l-miżuri inkwistjoni bħala “għajnuna eżistenti”, fit-tifsira tal-Artikolu 108(1) TFUE, Dunamenti Erőmű kkontestat il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, il-kwalifika ta’ din l-għajnuna bħala għajnuna ġdida kif ukoll id-data rilevanti magħżula għall-valutazzjoni tal-għajnuna fil-PPA inkwistjoni. Dunamenti Erőmű kkontestat l-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq u l-pożizzjoni ta’ MVM, bħala attur fis-suq, fiż-żmien meta l-Ungerija ssieħbet fl-Unjoni. Dunamenti Erőmű invokat ukoll l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll evalwazzjoni żbaljata min-naħa tal-Kummissjoni tal-ispeċifiċitajiet tal-PPA inkwistjoni.
32. Permezz tat-tielet motiv tagħha, Dunamenti Erőmű allegat li l-Kummissjoni kienet żbaljat meta kkunsidrat l-għajnuna fil-PPA inkwistjoni bħala għajnuna operattiva minflok għajnuna għall-investiment, u kkontestat is-sistema ta’ kumpens tal-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati li ġiet implementata mill-awtoritajiet Ungeriżi.
33. Permezz tar-raba’ motiv tagħha, Dunamenti Erőmű kkontestat il-legalità tal-ordni tal-irkupru tal-għajnuna.
34. Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors fit-totalità tiegħu (16).
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
35. Permezz tal-appell tagħhom ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Lulju 2014, Electrabel u Dunamenti Erőmű talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, li tiddeċiedi b’mod definittiv u li tannulla d-deċiżjoni kkontestata jew, sussidjarjament, li tirreferi l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, kif ukoll li tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.
36. Permezz tar-risposta tagħha ppreżentata fl-4 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara l-appell inammissibbli peress li tressaq minn Electrabel, tiċħad l-appell peress li ġie fformulat minn Dunamenti Erőmű u tikkundanna lil din tal-aħħar tħallas l-ispejjeż.
37. Electrabel u Dunamenti Erőmű ppreżentaw ir-replika tagħhom fl-2 ta’ Novembru 2014 li għaliha l-Kummissjoni rrispondiet bil-kontroreplika tagħha ppreżentata fil-25 ta’ Novembru 2014.
38. Fis-26 ta’ Marzu 2015, il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat mistoqsija lill-partijiet skont l-Artikolu 61(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja waqt li talbithom jiffukaw fis-seduta fuq it-tieni u t-tielet aggravji, kif ukoll, skont l-Artikolu 62(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, fuq iż-żewġ mistoqsijiet fis-seduta.
39. Fl-20 ta’ April 2015, saret seduta li matulha Electrabel, Dunamenti Erőmű u l-Kummissjoni ttrattaw oralment.
V – L-appell
40. Ser nibda l-analiżi tiegħi bl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-appell issollevata mill-Kummissjoni inkwantu tressaq minn Electrabel. Imbagħad, l-ewwel ser nitratta r-raba’, il-ħames u l-ewwel aggravji li, fil-fehma tiegħi, jistgħu jiġu miċħuda mingħajr ebda diffikultà. Imbagħad, ser niffoka fuq it-tieni u t-tielet aggravji li, fil-fehma tiegħi, jistgħu jwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tannulla s-sentenza appellata.
A – Fuq l-ammissibbiltà tal-appell inkwantu ġie ppreżentat minn Electrabel
41. Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tal-appell inkwantu ġie ppreżentat minn Electrabel, abbażi li Dunamenti Erőmű biss ippreżentat rikors għal annullament fl-ewwel istanza.
42. Fir-replika tagħhom, Electrabel u Dunamenti Erőmű jikkontestaw din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà billi jispjegaw li meta ġie ppreżentat ir-rikors għal annullament, huma kienu jagħmlu parti mill-istess grupp ta’ impriżi u li l-interess ekonomiku u legali tagħhom seta’ jkun difiż minn kwalunkwe waħda minnhom. Wara l-bejgħ tal-parteċipazzjoni tagħha f’Dunamenti Erőmű, Electrabel kellha tiddaħħal fil-proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja biex tkun tista’ tiddefendi l-interessi tagħha.
43. Fil-fehma tiegħi, inkwantu l-appell ġie ppreżentat minn Electrabel, dan għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.
44. L-ewwel nett, kif tinnota l-Kummissjoni, l-Artikolu 56(2) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li appell kontra sentenza tal-Qorti Ġenerali “jista’ jitressaq minn kwalunkwe parti li tkun tilfet parzjalment jew għal kollox, fit-talbiet tagħha”, li ma huwiex il-każ ta’ Electrabel billi ma kinitx parti fil-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.
45. It-tieni nett, Electrabel lanqas ma tagħmel parti mill-persuni privileġġati li, skont it-tielet paragrafu ta’ dan l-istess artikolu, jistgħu jippreżentaw appell kontra sentenza tal-Qorti Ġenerali mingħajr ma jkunu intervjenew fil-kawża quddiem din tal-aħħar. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tillimita dan il-privileġġ għal “l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet [tal-Unjoni]” li minnhom Electrabel ma tagħmilx parti.
46. Jeħtieġ għalhekk li dan l-appell jiġi analizzat bħallikieku tressaq biss minn Dunamenti Erőmű.
B – Fuq ir-raba’ aggravju li jallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, mingħajr ma wriet il-preżenza ta’ riskju strutturali, li l-obbligu ta’ taxxa minima li kien jorbot lil MVM kien jimplika vantaġġ
47. Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, Dunamenti Erőmű ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u injorat l-obbligu ta’ stħarriġ ġudizzjarju tagħha meta kkunsidrat, mingħajr ma wriet li attwalment kien jeżisti riskju strutturali, li l-obbligu ta’ taxxa minima li kien jorbot lil MVM kien jimplika vantaġġ, meta l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet fil-punt 112 tas-sentenza appellata li MVM kienet regolarment xtrat kwantitajiet ikbar minn dawk li kienet obbligata tixtri minħabba dan l-obbligu.
1. Fuq l-ammissibbiltà
48. Skont il-Kummissjoni, dan l-aggravju huwa inammissibbli peress li Dunamenti Erőmű ma tindikax il-parti tas-sentenza appellata li allegatament hija vvizzjata bi żball ta’ liġi.
49. Fil-fehma tiegħi, jeħtieġ li dan l-argument jiġi miċħud, peress li, inkwantu l-argument ta’ Dunamenti Erőmű jikkonsisti fi kritika li l-Qorti Ġenerali ma wrietx li kien hemm riskju strutturali, ma tistax tiġi akkużata li ma identifikatx partijiet speċifiċi tas-sentenza appellata li suppost jinkludu l-iżball ta’ liġi.
2. Fuq il-mertu
50. Skont il-Kummissjoni, fil-punti 112, 113 u 114 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tat motiv indipendenti biex tirribatti l-argument li l-fatt li, mill-2004, MVM kienet xtrat regolarment iktar elettriku mingħand Dunamenti Erőmű minn dak li kienet mistennija tixtri, juri li Dunamenti Erőmű ma setgħetx kisbet vantaġġ minn dan l-obbligu.
51. Billi Dunamenti Erőmű ma kkontestatx il-punti 113 u 114 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni tinnota li Dunamenti Erőmű lanqas ma tikkontesta l-konstatazzjoni li tidher fl-istess punt 112 li l-obbligu ta’ taxxa minima kien imur lil hinn mill-prattiki kummerċjali tas-soltu fis-swieq Ewropej tal-enerġija, element li proprju serva ta’ bażi biex jiġi kkunsidrat li l-PPA kien jagħtiha vantaġġ.
52. Fir-replika tagħha kif ukoll waqt is-seduta, Dunamenti Erőmű ma kkontestatx l-analiżi tal-Kummissjoni li jiena nikkunsidra ġġustifikata.
53. Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.
C – Fuq il-ħames aggravju li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat il-metodoloġija adottata mill-Kummissjoni għall-kalkolu tal-ammont ta’ għajnuna
54. Permezz tal-ħames aggravju tagħha, li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-ammont ta’ għajnuna, Dunamenti Erőmű ssostni li l-fatt li ġie eżaminat, fil-punti 185 sa 192 tas-sentenza appellata, id-dħul u mhux il-qligħ tagħha, ma jwassalx għal stampa eżatta tal-vantaġġ li allegatament jirriżulta mill-PPA, minħabba li d-dħul li jkopri l-ispejjeż tal-karburant żejjed ġie kkwalifikat bħala vantaġġ li jrid jitħallas lura.
55. Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali kellhiex raġun tikkonferma l-approċċ tal-Kummissjoni li jikkwantifika l-ammont ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata fuq il-bażi tad-dħul u mhux tal-profitti.
56. Fil-fehma tiegħi, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud, għar-raġunijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-punti 187 u 188 tas-sentenza appellata. Dunamenti Erőmű ma tikkontestax li l-irkupru tal-għajnuna għandu l-għan li jtellef lill-benefiċjarju tagħha l-vantaġġ li gawda fis-suq meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu (17). Il-vantaġġ li għandu jiġi rkuprat għandu għalhekk jiġi kkwantifikat b’paragun mal-ammonti li tħallsu lill-benefiċjarju. F’dan il-każ, kif tgħid il-Kummissjoni, huwa korrett li l-Qorti Ġenerali adottat approċċ ibbażat fuq dak li tħallas minn MVM lil Dunamenti Erőmű (jiġifieri d-dħul ta’ din tal-aħħar) minflok fuq il-profitti li għamlet.
57. Fi kwalunkwe każ, kif tinnota l-Kummissjoni, metodu ta’ rkupru bbażat fuq il-profitti, għall-kuntrarju ta’ metodu bbażat fuq id-dħul, jipproduċi riżultati assurdi li jġibu fix-xejn l-effettività tar-regolamenti dwar l-għajnuna mill-Istat. Jekk nieħdu l-loġika ta’ Dunamenti Erőmű fl-estrem, kull darba li impriża tbiegħ il-prodotti jew is-servizzi tagħha bi prezz imbattibbli minħabba sussidji statali, ma jkun hemm ebda għajnuna mill-Istat għax din tkun żiedet biss id-dħul tagħha u mhux il-profitti. Madankollu, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom speċifikament l-għan li jikkontrollaw dan it-tip ta’ distorsjoni fil-kompetizzjoni.
58. Għandu jiġi miċħud ukoll l-argument ta’ Dunamenti Erőmű bbażat fuq is-sentenza Ferring (C‑53/00, EU:C:2001:627), fejn fil-punti 30 sa 33 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet il-prinċipju li, jekk il-miżura ta’ għajnuna twassal kemm għal profitti addizzjonali kif ukoll għal spejjeż addizzjonali, hija d-differenza bejn dawn il-profitti addizzjonali u dawn l-ispejjeż addizzjonali li għandha tiġi rkuprata.
59. F’din is-sentenza, li kienet tirrigwarda l-vantaġġ li distributuri bl-ingrossa kienu qegħdin jieħdu minħabba li ma kinux suġġetti għat-taxxa fuq il-bejgħ dirett ta’ mediċini, u b’hekk kienu jeċċedu l-ispejjeż addizzjonali li kienu jeħlu biex iwettqu l-obbligi ta’ servizz pubbliku tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dan li ġej:
“32. […] jekk jirriżulta li d-distributuri bl-ingrossa, minħabba l-fatt li ma humiex suġġetti għat-taxxa fuq il-bejgħ dirett ta’ mediċini, ikunu qegħdin jieħdu vantaġġ li jeċċedi l-ispejjeż żejda li huma jġarrbu biex iwettqu obbligi ta’ servizz pubbliku impost fuqhom mir-regolamenti nazzjonali, dan il-vantaġġ, fil-parti li teċċedi l-imsemmija spejjeż, ma jistax, fi kwalunkwe każ, jitqies bħala neċessarju biex dawn l-operaturi jwettqu l-kompiti partikolari tagħhom.
33. Konsegwentement, ir-risposta għandha tkun li l-Artikolu [106(2)] tat-Trattat [FUE] għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix vantaġġ fiskali li jibbenefikaw minnu l-impriżi inkarigati mill-ġestjoni ta’ servizz pubbliku bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn dan il-vantaġġ jeċċedi l-ispejjeż addizzjonali tas-servizz pubbliku.”
60. Għalhekk huwa ċar li, għalkemm l-ammont tas-sussidju mill-Istat li jeċċedi l-ispejjeż ta’ servizz pubbliku jikkostitwixxi għajnuna kuntrarja għall-Artikolu 107 TFUE li trid tiġi rkuprata, dan il-prinċipju japplika biss f’każ li l-benefiċjarju jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE, jiġifieri meta jkun inkarigat mill-ġestjoni ta’ servizzi pubbliċi ta’ interess ekonomiku ġenerali jew li jkollhom karattru ta’ monopolju fiskali, li ma huwiex il-każ ta’ Dunamenti Erőmű.
61. Għal dawn ir-raġunijiet, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud.
D – Fuq l-ewwel aggravju li jallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkwalifikat il-PPA inkwistjoni bħala għajnuna ġdida mingħajr ma ddeterminat minn qabel jekk dan il-PPA kienx għajnuna mill-Istat
62. Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Dunamenti Erőmű targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, meta kkwalifikat il-PPA inkwistjoni bħala “għajnuna mill-Istat ġdida” fit-tifsira tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni tal-Ungerija mingħajr ma vverifikat minn qabel jekk l-erba’ kundizzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat kinux issodisfatti kollha. F’dan ir-rigward, Dunamenti Erőmű tikkritika lill-Qorti Ġenerali għal motivazzjoni insuffiċjenti u ċirkolari.
63. Fil-fehma tiegħi, l-ewwel aggravju ma jistax jiġi aċċettat.
64. Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, “il-Qorti Ġenerali hija libera li tistruttura u tiżviluppa r-raġunament tagħha kif tħoss li għandha tagħmel biex twieġeb għall-motivi ppreżentati quddiemha. B’hekk, l-istruttura u l-iżvilupp tar-risposta li tagħżel il-Qorti Ġenerali ma jistgħux jiġu kkontestati fil-kuntest ta’ appell permezz ta’ allegazzjonijiet li jipprovaw jistabbilixxu li l-Qorti Ġenerali kellha tiżvolġi r-raġunament tagħha skont l-aspettattivi tar-rikorrent” (18).
65. F’dan il-każ, anki jekk il-Qorti Ġenerali tabilħaqq iddeċidiet l-ewwel dwar in-natura eżistenti jew ġdida tal-għajnuna inkwistjoni (punti 49 sa 60 tas-sentenza appellata) qabel ma vvalutat jekk il-PPA kienx għajnuna mill-Istat (punti 74 sa 98 u 110 sa 121 tas-sentenza appellata), ma jidhirlix li dan l-istrutturar tal-motivazzjoni kellu xi impatt fuq ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali.
66. Fi kwalunkwe każ, kif tgħid il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet l-argumenti kollha mressqa minn Dunamenti Erőmű fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni motiv tagħha.
67. Naqbel ukoll mal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-PPA inkwistjoni kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat ma kinitx tiddependi fuq il-konklużjoni tagħha minn qabel dwar in-natura ġdida tal-għajnuna inkwistjoni. Għaldaqstant, ma kien hemm l-ebda ċirkularità fir-raġunament tal-Qorti Ġenerali.
68. Għal dawn ir-raġunijiet, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.
E – Fuq it-tieni aggravju li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-erba’ kriterji li jikkwalifikaw miżura bħala għajnuna mill-Istat kellhom ikunu eżaminati fid-data tal-adeżjoni tal-Ungerija fl-Unjoni
69. Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Dunamenti Erőmű takkuża lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta għażlet id-data tal-adeżjoni tal-Ungerija mal-Unjoni, jiġifieri l-1 ta’ Mejju 2004, bħala d-data ta’ referenza biex tiddetermina jekk il-PPA inkwistjoni kienx jikkostitwixxi, kif sostniet il-Kummissjoni fil-premessi 156 sa 173 tad-deċiżjoni kkontestata, għajnuna mill-Istat.
70. Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, Dunamenti Erőmű tgħid li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 55 u 65 tas-sentenza appellata peress li, għall-kuntrarju tal-konklużjonijiet ifformulati f’dawn il-punti, l-ebda dispożizzjoni tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni ma tippermetti li tiġi ddeterminata, kemm direttament, kif ukoll b’deduzzjoni, id-data li fiha miżura tal-Istat għandha tkun evalwata bħala għajnuna mill-Istat.
71. Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, Dunamenti Erőmű targumenta li r-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali biex timmotiva l-għażla tagħha tad-data ta’ referenza sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ għajnuna (u, b’mod partikolari, il-preżenza ta’ vantaġġ għall-benefiċjarju fid-dawl tal-kriterju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq) huwa kontra l-“prassi legali”, jiġifieri l-linji gwida u l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni kif ukoll il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni.
1. Fuq l-ewwel parti
72. Kif innotat il-Qorti Ġenerali fil-punt 50 tas-sentenza Budapesti Erőmű vs Il‑Kummissjoni (T‑80/06 u T‑182/09, EU:T:2012:65), “il-miżuri statali implementati qabel l-adeżjoni, iżda li, minn naħa, jibqgħu japplikaw wara din u li, min-naħa l-oħra, fid-data tal-adeżjoni jissodisfaw l-erba’ kriterji kumulattivi tal-Artikolu [107](1) [TFUE], huma suġġetti għar-regoli speċifiċi stabbiliti fl-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni kemm bħala għajnuna eżistenti fit-tifsira tal-Artikolu [108](1) [TFUE], meta jaqgħu taħt waħda mit-tliet kategoriji msemmija f’dak l-Anness, kif ukoll bħala għajnuna ġdida fid-data tal-adeżjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu [108](3) [TFUE], meta ma jaqgħux taħt waħda mit-tliet kategoriji”.
73. L-Artikolu 1 tat-Titolu 3, intitolat “Il-politika dwar il-kompetizzjoni”, tal-Anness IV għall-Att ta’ Adeżjoni jistipula dan li ġej:
“1. L-iskemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li ġejjin li kienu fis-seħħ fi Stat Membru ġdid qabel id-data ta’ l-adeżjoni u li jkunu għadhom japplikaw wara dik id-data, għandhom jitqiesu ma’ l-adeżjoni bħala għajnuna eżistenti fis-sens ta’ l-Artikolu [108(1)] tat-Trattat [TFUE]:
a) miżuri ta’ għajnuna li daħlu fis-seħħ qabel l- 10 ta’ Diċembru 1994;
b) miżuri ta’ għajnuna elenkati fl-Appendiċi ta’ dan l-Anness;
c) miżuri ta’ għajnuna li qabel id-data ta’ l-adeżjoni kienu vvalutati mill-awtorità li tissorvelja l-għajnuna mogħtija mill-Istat ta’ l-Istat Membru l-ġdid u meqjusa bħala kompatibbli ma’ l-acquis, u li dwarhom il-Kummissjoni ma ressqet l-ebda oġġezzjoni abbażi ta’ dubji serji dwar jekk il-miżura tkunx kompatibbli mas-suq komuni, skond il-proċedura stipulata fil-paragrafu 2.
Kull miżura li tibqa’ tapplika wara d-data ta’ l-adeżjoni li hija miżura ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat u li ma tissodisfax il-kondizzjonijiet stipulati hawn qabel, għandha ma’ l-adeżjoni tiġi meqjusa bħala għajnuna ġdida għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108(3) ] tat-Trattat [TFUE].
[…]”
74. Dunamenti Erőmű tqis li din id-dispożizzjoni ma ssemmix id-data li fiha miżura statali għandha tkun eżaminata fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Hija kienet tirrigwarda biss il-kwistjoni ta’ jekk għajnuna li kienet għadha tapplika fil-mument tal-adeżjoni (li, fis-sens komun “teżisti” f’dan il-mument), għandhiex titqies bħala għajnuna eżistenti jew ġdida fir-rigward tal-Att ta’ Adeżjoni. Għalhekk, skont Dunamenti Erőmű, miżura li ma kinitx għajnuna fil-mument li ngħatat ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, hija tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali kellha tieħu bħala data ta’ referenza dik tal-għoti tal-PPA fix-xahar ta’ Diċembru 1995.
75. Jien ma naqbilx ma’ din l-analiżi li, fil-fehma tiegħi, tħallat id-definizzjoni mogħtija lit-terminu “eżistenti” fl-Att ta’ Adeżjoni mat-tifsira ordinarja ta’ dan it-terminu. Fil-fatt, għajnuna eżistenti f’dan l-aħħar sens, bħall-PPA li kien diġà mogħti meta ġie eżaminat mill-Kummissjoni, tista’ tikkostitwixxi għajnuna ġdida fit-tifsira tal-Att ta’ Adeżjoni għas-sempliċi fatt li din ma taqax taħt id-definizzjoni ta’ “għajnuna eżistenti” mogħti fl-Att ta’ Adeżjoni.
76. Nirreferi għall-punti 60 sa 64 tas-sentenza OTP Bank(C‑672/13, EU:C:2015:185) li kienet tirrigwarda lill-istess dispożizzjoni ta’ dan l-Att ta’ Adeżjoni applikabbli għal garanzija mogħtija mill-Istat Ungeriż fl-2001, jiġifieri tliet snin qabel is-sħubija tagħha fl-Unjoni. Billi l-garanzija inkwistjoni ma kienet tissodisfa l-ebda waħda mit-tliet kundizzjonijiet elenkati fil-punt 3 tal-Anness IV, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din “[kellha], għaldaqstant, fejn xieraq, tiġi kkunsidrata bħala għajnuna ġdida” (19).
77. Bl-istess mod, f’dan il-każ, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 59 tas-sentenza appellata, il-PPA inkwistjoni ma jappartjeni għall-ebda waħda mill-kategoriji ta’ għajnuna kkunsidrati bħala eżistenti fl-Artikolu 1(1) tat-Titolu 3 tal-Anness IV għall-Att ta’ Adeżjoni. Il-PPA ma daħalx fis-seħħ qabel l-10 ta’ Diċembru 1994, ma kienx iċċitat fl-Appendiċi tal-Anness inkwistjoni u ma ġiex eżaminat mill-awtorità Ungeriża inkarigata mis-superviżjoni tal-għajnuna pubblika qabel id-data tal-adeżjoni u kkunsidrat kompatibbli mal-acquis mingħajr oġġezzjoni min-naħa tal-Kummissjoni.
78. Barra minn hekk, jekk titqies data preċedenti, bħad-data tal-għoti tal-PPA inkwistjoni, dan ma jirrispettax ir-rieda tal-awturi tal-Att ta’ Adeżjoni li, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 60 tas-sentenza appellata (20), kellhom l-għan li jiddevjaw mill-ġurisprudenza preċedenti tal-qrati tal-Unjoni li tgħid li “tikkostitwixxi għajnuna eżistenti l-għajnuna stabbilita qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat jew tal-adeżjoni tal-Istat Membru kkonċernat [mal-Unjoni]” (21).
79. Fi kwalunkwe każ, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 65 tas-sentenza appellata, “il-kliem stess tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni jimplika b’mod ċar li miżura li ma kinitx ikkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat, meta ġiet implementata, tista’ sussegwentement tiġi kkunsidrata bħala tali” (22).
80. Fil-fatt, kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata, “l-PPAs, li kienu ddaħħlu f’ċirkustanzi ekonomiċi sostanzjalment differenti (kif rikonoxxut mill-partijiet interessati) qabel l-adeżjoni fis-suq intern liberalizzat tal-enerġija, [setgħu] jsiru għajnuna mill-Istat fiċ-ċirkustanzi legali u ekonomiċi l-ġodda [li jirriżultaw mill-adeżjoni mal-Unjoni]”.
81. Kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 58 fis-sentenza Budapesti Erőmű vs Il‑Kummissjoni (T‑80/06 u T‑182/09, EU:T:2012:65), “wara d-dħul fis-seħħ tal-PPAs, l-Ungerija, li għall-ewwel aġixxiet fuq inizjattiva tagħha stess, imbagħad billi ttrasponiet il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli għas-suq intern tal-enerġija, bidlet b’mod konsiderevoli l-qafas legali li fih il-produtturi tal-elettriku kienu jeżerċitaw l-attività tagħhom”.
82. Għalhekk kienet ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni u mbagħad, fil-kuntest tar-rikors għal annullament, dik tal-Qorti Ġenerali li jeżaminaw jekk il-PPAs kinux jikkostitwixxu, fil-mument tal-adeżjoni tal-Ungerija mal-Unjoni u fil-kuntest ta’ suq tal-enerġija liberalizzat, għajnuna mill-Istat u, jekk ikun il-każ, jekk kinitx għajnuna ġdida jew eżistenti fit-tifsira tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni.
83. Għaldaqstant, inkwantu l-PPA huwa għajnuna, ma hemm l-ebda dubju li jikkostitwixxi għajnuna ġdida fit-tifsira tal-Att ta’ Adeżjoni.
2. Fuq it-tieni parti
84. Rigward l-argumenti ta’ Dunamenti Erőmű bbażati fuq il-“prassi legali” tal-Kummissjoni u tal-qrati tal-Unjoni, infakkar li, kif tinnota l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrakkomandat id-data tal-adeżjoni bħala d-data ta’ referenza.
85. Fil-fatt, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja rigward id-dispożizzjoni tal-Anness V għall-Att ta’ Adeżjoni tal-Bulgarija (li tikkorrispondi għall-Artikolu 1 tat-Titolu 3 tal-Anness IV għall-Att ta’ Adeżjoni tal-Ungerija), “il-miżuri implementati qabel din l-adeżjoni iżda li, minn naħa, huma dejjem applikabbli warajha u li, min-naħa l-oħra, fid-dat a tal-adeżjoni, jissodisfaw il-kriterji kumulattivi tal-Artikolu [107](1) [TFUE], huma suġġetti għar-regoli speċifiċi stabbiliti fl-Anness V tal-Att ta’ Adeżjoni kemm bħala għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu [108](1) [TFUE], meta hija taqa’ taħt waħda mit-tliet kategoriji msemmija f’dan l-anness, kemm bħala għajnuna ġdida fid-data tal-adeżjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu [108](3) [TFUE], meta din ma taqax taħt waħda minn dawn it-tliet kategoriji” (23).
86. Fil-fehma tiegħi, jirriżulta minn din il-ġurisprudenza li l-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali applikaw b’mod korrett f’dan il-każ ir-regoli stabbiliti fl-Anness għall-Att ta’ Adeżjoni tal-Ungerija mal-Unjoni.
87. Fi kwalunkwe każ, kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-ebda sentenza tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata minn Dunamenti Erőmű (24) ma tirrigwarda miżuri adottati minn Stat Membru qabel l-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni u li baqgħu applikabbli wara din l-adeżjoni. Billi l-kwistjoni tar-rispett tal-limiti ta’ żmien tal-kompetenzi tal-Unjoni ma tqajmitx f’dawn il-kawżi, ma huwiex wisq sorprendenti li l-qrati tal-Unjoni ddeċidew li l-eżistenza tal-għajnuna kellha tkun ivvalutata fil-mument tal-għoti tagħha.
88. Rigward il-prassi tal-Kummissjoni, li kienet tikkonsisti (25) fl-analiżi ta’ miżura ta’ għajnuna mogħtija qabel l-adeżjoni ta’ Stat Membru waqt li jiġu kkunsidrati wkoll elementi preċedenti għall-adeżjoni, ninnota li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni ċċitati minn Dunamenti Erőmű (26) ma jsostnux it-teżi ta’ Dunamenti Erőmű li d-data ta’ referenza għandha tkun dik tal-għoti tal-għajnuna inkwistjoni.
89. F’dak li jirrigwarda l-ewwel nett id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/214 fil-każ GE Capital Bank, il-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni kienet tikkonsisti f’garanziji, kollateral u wegħdiet ta’ kumpens kif ukoll opzjoni ta’ bejgħ mogħtija mill-Istat Ċek bħala parti mir-ristrutturar u l-ipprivatizzar tal-bank AGB.
90. Għalkemm dawn il-miżuri kienu ngħataw qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni, huma baqgħu “applikabbli wara l-adeżjoni” (27) fis-sens li l-benefiċjarji setgħu jibqgħu jgawdu minnhom wara l-adeżjoni. Id-data ta’ referenza li ħadet il-Kummissjoni kienet fil-fatt dik tal-adeżjoni.
91. Il-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/174 fil-każ Postabank kienet tikkonsisti f’indennizz għal pretensjonijiet mhux magħrufin mogħti mill-Istat Ungeriż bħala parti mir-ristrutturar u l-ipprivatizzar ta’ Postabank lix-xerrej tiegħu Erste Bank.
92. Kif stmat il-Kummissjoni fil-punt 47 tad-deċiżjoni tagħha, din kienet miżura li baqgħet applikabbli wara l-adeżjoni u li kellha, bħal f’dan il-każ, titqies bħala għajnuna ġdida fit-tifsira tal-istess Att ta’ Adeżjoni.
93. L-istess jgħodd għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/690 fil-każ PZL Hydral li fil-kuntest ta’ pjan ta’ salvataġġ ta’ din il-kumpannija kienet tirrigwarda, fost miżuri oħrajn ta’ għajnuna, in-nuqqas ta’ infurzar għall-perijodu ta’ bejn l-1998 u l-2007 ta’ ammonti riċevibbli mingħand il-kredituri pubbliċi ta’ PZL Hydral.
94. Minkejja l-fatt li l-ammonti riċevibbli mhux infurzati kienu dovuti qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja mal-Unjoni, iżda baqgħu infurzabbli wara l-adeżjoni tagħha, din il-miżura kienet tagħmel parti minn pjan ta’ salvataġġ implementat fl-2007, jiġifieri tliet snin wara l-adeżjoni. Jirriżulta minn dan li d-data ta’ referenza f’dan il-każ kienet ukoll dik tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja mal-Unjoni u mhux dik ta’ meta ngħatat l-għajnuna inkwistjoni.
95. Għandu jiġi nnotat li f’dawn id-deċiżjonijiet kollha, il-Kummissjoni kkunsidrat elementi li seħħew qabel l-adeżjoni, ħaġa li Dunamenti Erőmű takkużha li ma għamlitx fil-każ tagħha. Madankollu, dan il-każ jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk, f’każijiet bħal dak inkwistjoni, il-Kummissjoni għandhiex, meta tapplika l-kriterju tal-investitur privat, tikkunsidra fatti li seħħew qabel l-adeżjoni, bħall-ipprivatizzar u l-għanijiet tagħha kif ukoll ir-rabta intrinsika bejn din u l-PPA. Din il-kwistjoni (li ser nindirizza fil-kuntest tat-tielet aggravju) hija differenti minn dik dwar liema data ta’ referenza għandha tintgħażel sabiex jiġi deċiż jekk miżura tal-Istat tikkwalifikax bħala għajnuna mill-Istat.
96. Għal dawn ir-raġunijiet, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.
F – Fuq it-tielet aggravju li jallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta kkunsidrat li l-PPA inkwistjoni kien jagħti vantaġġ lil Dunamenti Erőmű fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE
97. Permezz tat-tielet aggravju tagħha, Dunamenti Erőmű tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi fil-punti 67 sa 70 tas-sentenza appellata, meta eskludiet mill-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ għajnuna l-ipprivatizzar ta’ Dunamenti Erőmű minħabba l-għażla tal-1 ta’ Mejju 2004 bħala d-data ta’ referenza. Skont Dunamenti Erőmű, l-analiżi biex jiġi ddeterminat jekk il-PPA inkwistjoni kienx għajnuna mill-Istat ma setgħetx issir legalment, mingħajr ma jiġi kkunsidrat l-ipprivatizzar u l-kuntest tagħha, peress li l-PPA kien miżura preliminari għall-ipprivatizzar u, għalhekk, kien parti integrali mill-miżuri kollha ta’ ipprivatizzar.
98. Imbagħad, fil-punti 49 sa 66 tal-appell, Dunamenti Erőmű tressaq tliet argumenti sabiex turi li kieku ċ-ċirkustanzi tal-ipprivatizzar ittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali, din kienet tiddeċiedi li l-PPA ma kienx jikkostitwixxi vantaġġ jew li fi kwalunkwe każ Dunamenti Erőmű ma baqgħetx iżżomm dan il-vantaġġ.
99. Fl-ewwel lok, MVM kienet aġixxiet bħala investitur privat li fittex li jimmassimizza l-qligħ iġġenerat mill-bejgħ ta’ Dunamenti Erőmű (punti 49 sa 54 tal-appell).
100. Fit-tieni lok, anki jekk il-PPA kien jinkludi vantaġġ, l-akkwist ta’ Dunamenti Erőmű minn Electrabel, wara l-proċedura tas-sejħa għal offerti, ikkumpensa l-vantaġġ allegat (punti 55 sa 62 tal-appell).
101. Fit-tielet lok, l-adeżjoni tal-Ungerija ma biddlitx il-konnessjonijiet bejn il-PPA u l-ipprivatizzar ta’ Dunamenti Erőmű u ma kellha l-ebda effett fuq il-fatt li l-PPA ma kien jagħti l-ebda vantaġġ lil Dunamenti Erőmű (punti 63 sa 67 tal-appell moqrija flimkien mal-punti 41 sa 62 ta’ dan l-appell).
1. Fuq l-ammissibbiltà
102. Skont il-Kummissjoni, it-tielet aggravju jirrigwarda kwistjoni ta’ fatt u għalhekk huwa inammissibbli. Billi kkunsidrat kif suppost id-data tal-adeżjoni tal-Ungerija mal-Unjoni bħala d-data ta’ referenza sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ għajnuna, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament fil-punti 68 sa 70 tas-sentenza appellata li d-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti mill-PPA lil Dunamenti Erőmű kellha tkun assoċjata biss ma’ din id-data u mal-iżviluppi tas-sitwazzjoni prevedibbli f’din l-istess data.
103. Jien ma naqbilx ma’ din il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li, fil-fehma tiegħi, hija bbażata fuq qari żbaljat tal-appell. Fil-fatt, dan l-aggravju ma jirrigwardax il-kwistjoni ta’ liema elementi jistgħu jkunu relatati mal-perijodu li jibda mill-1 ta’ Mejju 2004, iżda l-kwistjoni li, anki jekk l-1 ta’ Mejju 2004 hija d-data ta’ referenza, il-Qorti Ġenerali setgħet, ġustament, teskludi ċerti elementi mill-evalwazzjoni tagħha, u b’mod partikolari r-rabta intrinsika bejn l-ipprivatizzar u l-PPA inkwistjoni, sempliċement għax kienu anteċedenti għal din id-data.
2. Fuq il-mertu
a) Fuq it-tielet parti rigward ir-rifjut tal-Qorti Ġenerali li tikkunsidra, waqt ir-reviżjoni tagħha tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna, iċ-ċirkustanzi tal-ipprivatizzar ta’ Dunamenti Erőmű minħabba li seħħew qabel id-data tal-adeżjoni.
104. Permezz tat-tielet aggravju tagħha, Dunamenti Erőmű targumenta li fil-punti 68 sa 70 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-argumenti tagħha stabbiliti fil-punt 67 tas-sentenza appellata, “ibbażati sostanzjalment fuq iċ-ċirkustanzi tal-ipprivatizzar mwettqa f’nofs is-snin disgħin, kellhom ikunu miċħuda f’dak li jirrigwarda l-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tal-PPAs li jibdew mill-1 ta’ Mejju 2004” (28).
105. Għandu jiġi nnotat, preliminarjament, li la l-Kummissjoni u lanqas il-Qorti Ġenerali ma kkontestaw ir-rabta intrinsika bejn l-għoti tal-PPA lil Dunamenti Erőmű u l-ipprivatizzar tagħha. Fil-fatt, il-Kummissjoni rrikonoxxiet, fil-premessa 174 tad-deċiżjoni kkontestata, li “ħafna mill-produtturi tal-enerġija rrikonoxxew […] li huma ma kinux ikunu jistgħu jinvestu f’dawk l-impjanti mingħajr il-garanziji offruti mill-PPAs”, b’wieħed minn dawn il-produtturi jsostni li “[l]-PPAs [kienu] element importanti għall-banek sabiex jiffinanzjaw l-investiment u jipprefinanzjaw l-ispejjeż operattivi fuq bażi kontinwa”.
106. Fil-punt 186 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li “fiċ-ċirkustanzi tas-suq ta’ nofs is-snin disgħin fl-Ungerija, il-prinċipju ewlieni tal-PPAs, jiġifieri l-garanzija tal-profitt fuq l-investiment, kienet il-kundizzjoni essenzjali li biha setgħu jsiru l-investimenti meħtieġa”.
107. Kif diġà spjegajt fil-punti 5 sa 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa ċar li l-għoti tal-PPAs lill-impjanti tal-enerġija u l-ipprivatizzar kienu jagħmlu parti mill-istess operazzjoni u li ma jistax jiġi eżaminat wieħed mingħajr ma jiġi kkunsidrat l-ieħor.
108. Dunamenti Erőmű tikkritika għalhekk lill-Qorti Ġenerali li vvalidat l-approċċ tal-Kummissjoni li kien jikkonsisti, minn naħa, li tirrikonoxxi li, fil-kuntest tal-ipprivatizzar, il-PPA kien “kundizzjoni fundamentali” tal-bejgħ produttiv jew “f’kundizzjonijiet tas-suq” ta’ Dunamenti Erőmű u, min-naħa l-oħra, li tinjora għal kollox din il-“kundizzjoni fundamentali” fl-istess valutazzjoni tal-PPA fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, u li b’hekk applikat b’mod ħażin il-kriterju tal-investitur privat.
109. Skont il-Kummissjoni, dan l-argument għandu jiġi miċħud jekk il-Qorti Ġenerali kienet fondata meta kkonstatat li d-data ta’ referenza rilevanti kienet dik tal-adeżjoni tal-Ungerija mal-Unjoni, f’liema każ ma jkunx pertinenti li jiġu kkunsidrati l-operazzjonijiet li seħħew kważi għaxar snin qabel din id-data.
110. Skont l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni fis-seduta, “jekk inkunu pjuttost skjetti, dak li jseħħ fl-Istat Membru qabel l-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni huwa irrilevanti mill-perspettiva tas-suġġett tal-għajnuna mill-Istat, ħlief jekk dan jaffettwa s-suq intern wara l-adeżjoni” (29). Skont il-Kummissjoni, l-esklużjoni ta’ kwalunkwe element fattwali li jkun seħħ qabel id-data ta’ adeżjoni, b’mod partikolari jekk jirrigwarda l-għanijiet segwiti minn MVM fl-ipprivatizzar tal-1995, hija għażla ddettata mill-Att ta’ Adeżjoni u r-rieda tal-awturi tiegħu li jridu jiġu rrispettati.
111. Jiena ma naqbilx ma’ din il-pożizzjoni tal-Kummissjoni.
112. Fil-fehma tiegħi, l-utilità tad-data tal-adeżjoni bħala data ta’ referenza hija l-ewwel nett sabiex jiġi identifikat il-mument li fih jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-miżura li tista’ tkun għajnuna mill-Istat għadhiex applikabbli jew le. Jekk ma għadhiex, ma tistax tiġi analizzata mill-Kummissjoni skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (30).
113. Meta, bħal f’dan il-każ, il-miżura inkwistjoni tkun għadha applikabbli fl-adeżjoni, id-data ta’ referenza sservi wkoll biex jiġi identifikat il-mument li fih irid jiġi vvalutat jekk tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, fl-għarfien li miżura li ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat meta tkun ingħatat tista’ ssir hekk iktar tard minħabba tibdil fl-istruttura tas-suq ikkonċernat (31).
114. Għall-kuntrarju, meta d-data tal-adeżjoni tittieħed bħala data ta’ referenza dan ma jeskludix fih innifsu u awtomatikament, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 68 sa 70 tas-sentenza appellata, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi li jkunu seħħew qabel din id-data li jkunu rilevanti għall-applikazzjoni korretta tal-kriterju tal-investitur privat.
115. Il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk enfasizzat, ċertament barra mill-kuntest speċifiku ta’ adeżjoni, l-importanza ta’ evalwazzjoni globali tal-fatti rilevanti kollha meta jiġi applikat il-kriterju tal-investitur privat. B’hekk, fil-punt 86 tas-sentenza tagħha Il‑Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, EU:C:2012:318), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “huwa l-obbligu [tal-Kummissjoni] li twettaq evalwazzjoni globali filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-provi prodotti mill-Istat Membru kkonċernat, kwalunkwe prova oħra rilevanti f’dan il-każ li tippermettilha tiddetermina jekk il-miżura inkwistjoni tirriżultax mill-kwalità tal-imsemmi Stat Membru ta’ azzjonist jew minn dik ta’ awtorità pubblika. B’mod partikolari, f’dan ir-rigward jistgħu jkunu rilevanti, […] in-natura u l-iskop ta’ din il-miżura, il-kuntest li din tiġi adottata fih kif ukoll l-għan imfittex u r-regoli li għalihom hija suġġetta l-imsemmija miżura” (32).
116. Il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement żiedet fil-punti 104 u 105 ta’ dik is-sentenza li “[il-Kummissjoni] tista’ tirrifjuta li teżamina tali informazzjoni biss jekk il-provi prodotti jkunu ġew stabbiliti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li twettaq l-investiment inkwistjoni” u li “huma biss rilevanti l-provi disponibbli u l-iżviluppi prevedibbli fil-mument meta d-deċiżjoni li jitwettaq l-investiment tkun ittieħdet [anki meta] bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni teżamina l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat meta mqabbla ma’ investiment li ma ġiex innotifikat lilha u li diġà twettaq mill-Istat Membru kkonċernat fil-mument meta hija twettaq l-eżami tagħha” (33).
117. Fil-punt 41 tas-sentenza L‑Italja u SIM 2 Multimedia vs Il‑Kummissjoni (C‑328/99 u C‑399/00, EU:C:2003:252), fl-evalwazzjoni tagħha tal-kriterju tal-investitur privat rigward operazzjoni ta’ rikapitalizzazzjoni li seħħet fl-1994, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni r-riżultat nett tas-sena fiskali tal-1993 u l-fatt li “dan ir-riżultat kien parti minn riċessjoni ekonomika li kkawżat tnaqqis fit-tkabbir, tisħiħ tal-kompetizzjoni u tnaqqis qawwi fil-prezzijiet fis-settur Ewropew tal-prodott elettroniċi għall-konsumatur, li l-waqgħa tiegħu bdiet fl-1992” biex tikkonkludi li investitur privat ma kienx jagħmel l-injezzjonijiet ta’ kapital inkwistjoni.
118. Ukoll f’kuntest mhux marbut ma’ adeżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat deċiżjoni tal-Kummissjoni, b’mod partikolari, għaliex “il-Kummissjoni [kienet] applikat b’mod żbaljat il-kriterju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq peress li ma [kinitx] eżaminat is-self u l-garanzija mogħtija lil Stardust fil-kuntest taż-żmien meta dawn ingħataw” (34).
119. Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll f’każ, bħal dak preżenti, li l-miżura inkwistjoni ngħatat qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru kkonċernat mal-Unjoni. Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat mill-Kummissjoni u l-approvazzjoni tagħha mill-Qorti Ġenerali u l-analiżi tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat li tirriżulta minnha jirriskjaw li jsiru artifiċjali, kieku kellhom jiġu esklużi elementi rilevanti, kif sostniet il-Qorti Ġenerali fil-punti 68 sa 70 tas-sentenza appellata, għas-sempliċi raġuni li jaqgħu f’perijodu qabel għall-adeżjoni.
120. Din l-artifiċjalità tikkonsisti f’li wieħed jistaqsi, meta japplika l-kriterju tal-investitur privat, “jekk fil-kundizzjonijiet prevalenti meta l-Ungerija ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, operatur fis-suq kienx jagħti lill-produtturi garanzija simili għal dik inkluża fil-PPAs” (35) mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni operatur tas-suq ipotetiku li ried, bħall-Istat Ungeriż fl-1995, ibiegħ impjant tal-enerġija fi stat fiżiku u finanzjarju tali li l-ebda investitur ma seta’ jkollu biżżejjed garanziji biex jissokta l-attivitajiet tiegħu u jkollu viżibbiltà fit-tul tal-investimenti tiegħu, waqt li jkompli fl-għanijiet tiegħu ta’ privatizzazzjoni spjegati fil-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
121. Madankollu, għalkemm fl-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, wieħed irid jistaqsi jekk, fil-mument tal-adeżjoni, operatur tas-suq ipotetiku kienx jaġixxi kif aġixxa l-Istat, ma huwiex possibbli li wieħed jeskludi ċirkustanzi fattwali rilevanti li ddettaw l-għoti tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni għas-sempliċi raġuni li seħħew qabel id-data ta’ adeżjoni, peress li dan iqiegħed lill-Istat u lill-operatur tas-suq ipotetiku f’pożizzjonijiet differenti, li bilfors iwasslu lil kull wieħed minnhom biex jagħmel għażliet differenti.
122. Dan jimplika li applikazzjoni korretta tal-kriterju tal-investitur privat tikkonsisti f’li wieħed jistaqsi x’kien jagħmel operatur tas-suq ipotetiku, iffaċċjat biċ-ċirkustanzi ekonomiċi tal-1995, f’suq li kien ser jiġi liberalizzat (36), fl-1 ta’ Mejju 2004 biex ibiegħ lil Dunamenti Erőmű għall-aħjar prezz filwaqt li jfittex l-istess għanijiet ekonomiċi u kummerċjali tal-Istat Ungeriż fl-1995, jiġifieri jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista bl-iktar prezz baxx possibbli, jimmodernizza l-infrastruttura f’konformità mal-istandards ta’ protezzjoni ambjentali fis-seħħ u jagħmel ir-ristrutturar meħtieġ tas-settur tad-distribuzzjoni tal-elettriku.
123. Għall-kuntrarju ta’ dak li allegat il-Kummissjoni waqt is-seduta, ma nqisx li din l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat tmur kontra l-att ta’ adeżjoni jew ir-rieda tal-awturi tagħha. Fil-fatt, għalkemm il-PPA għandha titqies bħala għajnuna ġdida fit-tifsira ta’ dan l-att, jiġifieri għajnuna mogħtija għall-ewwel darba fl-1 ta’ Mejju 2004, ma hemm xejn f’dan l-att li jżomm lill-Kummissjoni milli tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet ekonomiċi u kummerċjali li kellha MVM permezz tal-għoti tal-PPA fl-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju.
124. Għaldaqstant, jien inqis li elementi rilevanti li seħħew qabel l-adeżjoni jistgħu jiġu kkunsidrati meta wieħed japplika l-kriterju tal-investitur privat fil-mument tal-adeżjoni.
125. B’mod paradossali, u kif diġà indikajt (37) bħal ma għamlet Dunamenti Erőmű fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħha, din it-teżi tikkorrispondi għall-prassi tal-Kummissjoni li tinsab b’mod partikolari fid-deċiżjonijiet tagħha GE Capital Bank, Postabank u PZL Hydral, fejn il-Kummissjoni sistematikament ikkunsidrat waqt il-valutazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ għajnuna ċirkustanzi fattwali li kienu seħħew qabel id-data ta’ referenza (38), jiġifieri d-data tal-adeżjoni tal-Istati Membri kkonċernati.
126. Nirreferi b’mod iktar speċifiku għad-Deċiżjoni 2009/174 fil-każ Postabank li wkoll kienet tirrigwarda miżura ta’ għajnuna implementata mill-Ungerija qabel l-adeżjoni tagħha. Fil-punti 55 u 56 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat, ġustament fil-fehma tiegħi, li “[w]aqt il-valutazzjoni tal-azzjoni tal-awtoritajiet Ungeriżi fid-dawl tal-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq fl-2003, kien innotat li l-Kummissjoni ma tpoġġix f’dubju l-mod kif il-Postabnk kien ipprivatizzat u tirrikonoxxi li nbiegħ lill-ogħla offerent bi proċedura ta’ sejħa għall-offerti” u li “Madankollu, dan il-fatt mhuwiex kondizzjoni suffiċjenti biex tkun eskluża l-eżistenza ta’ vantaġġ” (39).
127. Fil-fehma tiegħi, din is-silta tirrappreżenta l-pożizzjoni korretta, jiġifieri li f’każ bħal dak preżenti ċ-ċirkustanzi rilevanti li huma rilevanti u li jkunu seħħu qabel l-adeżjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jiġi applikat il-kriterju tal-investitur privat mingħajr ma dan ikun fih innifsu biżżejjed biex jeskludi l-preżenza ta’ vantaġġ.
128. Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li meta ċaħdet l-argumenti ta’ Dunamenti Erőmű bbażati fuq in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tar-rabta intrinsika bejn il-PPA u l-ipprivatizzar waqt il-monitoraġġ tagħha tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat għas-sempliċi raġuni li dan l-element seħħ qabel id-data ta’ adeżjoni tal-Ungerija, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, u s-sentenza tagħha għandha tkun annullata f’dan ir-rigward.
b) Fuq l-ewwel parti li tirrigwarda l-eżistenza ta’ vantaġġ għal Dunamenti Erőmű minħabba li ngħatat PPA minn MVM li b’dan, aġixxiet bħala investitur privat li jfittex li jimmassimizza l-profitt iġġenerat mill-bejgħ ta’ Dunamenti Erőmű
129. Skont Dunamenti Erőmű, la hi u lanqas Electrabel ma ħadu xi vantaġġ mill-PPA minħabba li meta kkonkludiet il-PPA ma’ Dunamenti Erőmű fl-10 ta’ Ottubru 1995, MVM kienet sempliċement ippruvat timmassimizza d-dħul mill-bejgħ ta’ Dunamenti Erőmű, kif jagħmel operatur privat.
130. Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat peress li l-fatt li Dunamenti Erőmű ġiet ipprivatizzata permezz ta’ sejħa għal offerti miftuħa u kompetittiva u li ntagħżlet l-ogħla offerta (jiġifieri dik ta’ Electrabel) huma kunsiderazzjonijiet rilevanti biss kieku l-miżura li setgħet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kienet il-bejgħ ta’ Dunamenti Erőmű nnifisha. Iżda dan ma huwiex il-każ hawnhekk, peress li l-miżura inkwistjoni kienet il-PPA mogħti minn MVM lil Dunamenti Erőmű.
131. Barra minn hekk, kif tgħid il-Kummissjoni, hemm konfużjoni min-naħa ta’ Dunamenti Erőmű bejn l-eżistenza ta’ vantaġġ għal Electrabel bħala xerrej ta’ Dunamenti Erőmű u l-vantaġġ għaliha stess. Tabilħaqq, il-fatt li ma hemm l-ebda vantaġġ għal Electrabel ma jeskludix li hemm wieħed għal Dunamenti Erőmű.
132. Fil-fehma tiegħi l-argumenti ta’ Dunamenti Erőmű bbażati fuq is-sentenza AceaElectrabel vs Il‑Kummissjoni (T‑303/05, EU:T:2009:312) li huma maħsuba biex juru li Electrabel u Dunamenti Erőmű kienu jiffurmaw entità ekonomika waħda b’ebda mod ma jaffetwaw l-analiżi ta’ hawn fuq. Fil-fatt, anki jekk Electrabel u Dunamenti Erőmű kellhom jitqiesu bħala entità ekonomika waħda, dan ma jeskludix l-eżistenza ta’ vantaġġ għal din l-entità li bbenefikat mill-PPAs.
133. Għaldaqstant, meta ċaħdet l-argument ta’ Dunamenti Erőmű bbażat fuq il-fatt li meta tat il-PPA inkwistjoni lil Dunamenti Erőmű, MVM aġixxiet bħala investitur privat li jfittex li jimmassimizza l-profitt iġġenerat mill-bejgħ tagħha, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi.
c) Fuq it-tieni parti rigward il-kwistjoni jekk l-għajnuna għandhiex tkun irkuprata mingħand l-impriża mibjugħa jew mingħand il-bejjiegħ meta l-prezz tal-ipprivatizzar jinkludi l-valur tal-għajnuna
i) L-argumenti tal-partijiet
134. Skont Dunamenti Erőmű, anki jekk ingħatalha vantaġġ qabel l-ipprivatizzar tagħha, ix-xerrej tagħha ħallas lura dan il-vantaġġ lill-Istat Ungeriż peress li l-PPA kien inkluż fil-prezz imħallas lill-Istat mix-xerrej meta Dunamenti Erőmű ġiet ipprivatizzata permezz ta’ sejħa għal offerti.
135. Dunamenti Erőmű tibbaża fuq il-punt 78 tas-sentenza Banks (C‑390/98, EU:C:2001:456) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “bħala prinċipju, meta kumpannija li tkun ibbenefikat minn għajnuna tkun inbiegħet bil-prezz tas-suq, il-prezz tal-bejgħ jirrifletti l-konsegwenzi tal-għajnuna preċedenti u huwa l-bejjiegħ ta’ dik il-kumpannija li jżomm il-benefiċċju tal-għajnuna. F’dan il-każ, is-sitwazzjoni preċedenti għandha tiġi rrestawrata primarjament permezz tar-rimbors tal-għajnuna mill-bejjiegħ”.
136. Fuq din il-bażi, Dunamenti Erőmű tikkonkludi li peress li l-PPA ġie vvalutat fil-prezz tal-ipprivatizzar mħallas lill-Istat Ungeriż, huwa dan tal-aħħar li żamm il-vantaġġ u għaldaqstant ma setgħetx titqies bħala benefiċjarja ta’ vantaġġ li ġej minn riżorsi tal-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.
137. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tqis li Dunamenti Erőmű qiegħda tfixkel l-għajnuna mogħtija lil entità akkwistata (benefiċjarja ta’ għajnuna) u l-għajnuna mogħtija lix-xerrej ta’ din l-entità.
138. Bil-kwalifika tal-punt 78 tas-sentenza Banks (C‑390/98, EU:C:2001:456) ta’ “obiter dictum”, il-Kummissjoni tibbaża għall-kuntrarju fuq il-punt 81 tas-sentenza Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑277/00, EU:C:2004:238) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “f’dan il-każ, l-impriża li lilha ngħatat għajnuna mill-Istat illegali żżomm il-personalità legali u tkompli twettaq, f’isimha stess, l-attivitajiet issussidjati mill-għajnuna mill-Istat”, u ddeċidiet li għalhekk “hija normalment din l-impriża li żżomm il-vantaġġ kompetittiv marbut ma’ dik l-għajnuna u hija għalhekk din l-impriża li għandha tintalab tħallas lura ammont ugwali għal dak ta’ dik l-għajnuna. Għaldaqstant ix-xerrej ma jistax jintalab iħallas lura tali għajnuna”.
139. Skont il-Kummissjoni, fis-sentenza tagħha Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑277/00, EU:C:2004:238) il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni ċara mis-sentenza Banks (C‑390/98, EU:C:2001:456).
ii) Evalwazzjoni
– Osservazzjonijiet preliminari
140. B’mod preliminari, ninnota li s-sentenzi Banks (C‑390/98, EU:C:2001:456) u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑277/00, EU:C:2004:238) jirrigwardaw it-tnejn li huma l-identifikazzjoni tal-persuna mingħand min għandha tiġi rkuprata l-għajnuna u mhux dik tal-eżistenza ta’ għajnuna.
141. Għaldaqstant, anki jekk Dunamenti Erőmű tressaq l-argumenti tagħha taħt it-tielet aggravju li jirrigwarda l-eżistenza ta’ għajnuna, dawn jikkostitwixxu fir-realtà aggravju separat li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tindirizza anki jekk, kuntrarjament għal dak li nipproponi fil-punt 128 ta’ dawn il-konklużjonijiet, hija tiddeċiedi li l-Qorti Ġenerali kellha raġun tiċħad l-argumenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ kkunsidrar tar-rabta intrinsika bejn il-PPA u l-ipprivatizzar ta’ Dunamenti Erőmű fl-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat.
142. Fil-fatt, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix il-proposta tiegħi, żgur hemm għajnuna li l-Ungerija jkollha twaqqaf u tirkupra. Jekk għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi l-proposta tiegħi, ma huwiex eskluż li applikazzjoni korretta tal-kriterju tal-investitur privat twassal għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna, tal-istess ammont jew ta’ ammont differenti.
143. Jeħtieġ għalhekk fiż-żewġ każijiet li jiġi ddeterminat jekk l-għajnuna inkwistjoni għandhiex tiġi rkuprata mingħand l-impriża mibjugħa, li hija l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, jew mingħand il-bejjiegħ, li hija l-pożizzjoni ta’ Dunamenti Erőmű, bl-intendiment li “ix-xerrej ma jistax jintalab iħallas lura tali għajnuna” (40) f’każ li l-impriża benefiċjarja tal-għajnuna nbiegħet skont il-kundizzjonijiet tas-suq.
– L-obbligu tar-rimbors tal-għajnuna għandu jaqa’ fuq dak li jżomm il-vantaġġ kompetittiv li tkun ipprovdiet
144. Huwa ċar li s-sentenzi Banks (C‑390/98, EU:C:2001:456) u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑277/00, EU:C:2004:238) isostnu proposti apparentement kontradittorji. L-uniku punt li fuqu jaqblu huwa li x-xerrej ma jistax ikun responsabbli għar-rimbors tal-għajnuna (41).
145. Għalkemm huwa minnu li s-sentenza Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑277/00, EU:C:2004:238) hija sussegwenti għas-sentenza Banks (C‑390/98, EU:C:2001:456), din ngħatat minn awla ta’ ħames imħallfin, jiġifieri s-sitt awla, filwaqt li s-sentenza Banks ingħatat minn formazzjoni ta’ ħdax-il imħallef (l-“Awla Manja” ta’ dak iż-żmien) u mbagħad ġiet iċċitata f’diversi okkażjonijiet (42).
146. Kif qal l-Avukat Ġenerali Tizzano fil-punt 82 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑277/00, EU:C:2003:354), “il-Qorti tal-Ġustizzja trid tiddeċiedi bejn żewġ pożizzjonijiet: dik li l-għajnuna għandha fi kwalunkwe każ tintradd lura mill-kumpannija benefiċjarja u dik li, jekk l-ishma nbiegħu bi prezz li jirrispetta l-valur tas-suq ta’ dik il-kumpannija wara l-għoti ta’ għajnuna, dawn għandhom jintraddu lura mill-bejjiegħ”.
147. Wara s-sentenza tagħha Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑277/00, EU:C:2004:238), il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet issib bilanċ bejn dawn l-istess żewġ pożizzjonijiet. Wara li indikat fil-punt 58 tas-sentenza tagħha Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑214/07, EU:C:2008:619), li “[wara li l-benefiċjarju jkun waqqaf l-attività tiegħu u biegħ l-assi tiegħu,] l-element tal-għajnuna jkun ġie evalwat bil-prezz tas-suq u inkluż fil-prezz tax-xiri, […] x-xerrej ma jistax jitqies li bbenefika minn vantaġġ meta mqabbel mal-operaturi l-oħra fis-suq (sentenza Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni […] punt 80)”, hija ddeċidiet fil-punt 83 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑37/14, EU:C:2015:90) li l-bejgħ tal-benefiċjarju tal-għajnuna f’kundizzjonijiet tas-suq “anki jekk wieħed jassumi li sar, ma jaffettwax, bħala tali, l-obbligu tal-irkupru, billi l-Istat Membru kkonċernat jibqa’ obbligat li jagħmel dan l-irkupru, skont il-każ, mingħand l-impriża mibjugħa (sentenza Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑277/00, EU:C:2004:238, punt 81) jew mingħand il-bejjiegħ (sentenzi Banks, C‑390/98, EU:C:2001:456, punt 78, kif ukoll Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punt 180)” (43), filwaqt li dejjem tħalli miftuħa l-possibbiltà li jirkupra l-għajnuna kemm mingħand il-bejjiegħ, kif ukoll mingħand l-impriża mibjugħa, mingħajr ma tagħti kriterju ta’ distinzjoni biex tapplika l-espressjoni tagħha “skont il-każ”.
148. Biex l-affarijiet ikomplu jikkumplikaw ruħhom, il-fatt li s-sentenza Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑277/00, EU:C:2004:238) kienet tirrigwarda żewġ għajnuniet, waħda mogħtija lil kumpannija li kienu nbiegħu l-ishma tagħha (“share deal”) u l-oħra lil kumpannija li nbiegħu l-assi tagħha (“asset deal”) (44), ħoloq l-impressjoni li kellha ssir distinzjoni bejn iż-żewġ tipi ta’ bejgħ.
149. Huwa għalhekk li fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑214/07, EU:C:2008:343), l-Avukat Ġenerali Sharpston ipprovat tispjega d-differenza bejn is-sentenzi Banks (C‑390/98, EU:C:2001:456) u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑277/00, EU:C:2004:238) bil-fatt li “[il-]Kawża Banks [kienet tikkonċerna] l-bejgħ ta’ ishma. Il-kawża preżenti tikkonċerna assi, u l-eżami xieraq huwa dak li ġie stabbilit f’ Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat l-approċċ li ġie stabbilit f’Banks, immodifikat dak l-approċċ għall-pekuljaretajiet ta’ xiri ta’ assi pjuttost milli ta’ ishma u applikat l-approċċ immodifikat għal bejgħ ta’ assi. Ma nara l-ebda raġuni għalfejn wieħed m’għandux japplika l-approċċ li ġie stabbilit f’ Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni”.
150. L-inċertezza tikber iktar meta wieħed janalizza l-pożizzjonijiet differenti, u saħansitra kontradittorji, adottati mill-Kummissjoni fil-diversi każijiet tagħha.
151. Għalhekk fil-punt 38 tar-replika tagħha fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑214/07, EU:C:2008:619), il-Kummissjoni “[kienet tal-fehma li] huwa xieraq li jiġi mfakkar li, fil-preżenza ta’ trasferiment ta’ assi (Asset deal) għall-kuntrarju ta’ trasferiment ta’ ishma (Share deal), [kien] importanti li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet finanzjarji ta’ dawn it-tranżazzjonijiet. Meta jkun hemm bejgħ ta’ assi f’kundizzjonijiet normali tas-suq, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-element ta’ għajnuna ġie vvalutat fil-prezz tas-suq u inkluż fil-prezz tax-xiri, b’mod li x-xerrej tal-assi ma jistax bħala prinċipju jitqies li bbenefika minn xi vantaġġ, billi l-benefiċċju tal-għajnuna jibqa’ f’idejn iċ-ċedent”.
152. Fil-punti 87 sa 89 tar-rikors tagħha fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑37/14, EU:C:2015:90), il-Kummissjoni argumentat, dwar bejgħ “tal-ishma kollha jew parti mill-ishma ta’ kumpannija benefiċjarja” (45), li “wara l-bejgħ ta’ kumpannija benefiċjarja ta’ għajnuna bil-prezz tas-suq, jeħtieġ li jiġi ddeterminat min huwa l-benefiċjarju reali tal-għajnuna li jrid imbagħad iħallasha lura. Skont iċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, jista’ jkun kemm il-bejjiegħ, kif ukoll l-impriża mibjugħa. Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li bħala prinċipju l-għajnuna għandha tiġi rkuprata mingħand l-impriża mibjugħa […] Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-ammont tal-għajnuna għandu jitħallas lura mill-bejjiegħ jekk huwa jkun żamm il-vantaġġ tal-benefiċċju tal-għajnuna, li kien ikun inkluż fil-prezz tal-bejgħ. Dan huwa partikolarment il-każ meta jintwera b’ċertezza li l-prezz tal-bejgħ jieħu inkunsiderazzjoni l-għajnuna illegali li tista’ tkun suġġetta għal obbligu ta’ rkupru, jew meta l-kuntratt tal-bejgħ tal-kumpannija benefiċjarja tal-għajnuna jipprovdi b’mod espliċitu li l-bejjiegħ ikollu jrodd lura l-għajnuna li tkun irċeviet l-entità mibjugħa jekk tiġi ddikjarata illegali u inkompatibbli” (46).
153. Il-Kummissjoni żiedet tgħid li “[fin-] nuqqas ta’ dan it-tip ta’ klawżola, il-parti l-kbira tal-kuntratti ta’ bejgħ jipprovdu li l-bejjiegħ jiggarantixxi l-obbligazzjonijiet tal-impriża mibjugħa. F’dan il-każ, l-impriża mibjugħa jkollha tħallas lura l-għajnuna illegali u l-klawżola ta’ garanzija tal-obbligazzjonijiet tippermetti lix-xerrej idur lejn il-bejjiegħ. Din il-kwistjoni tiddependi mbagħad mir-regoli kuntrattwali applikabbli u proprjament ma taqax taħt il-[….] proċedura ta’ rkupru”.
154. F’din il-kawża, il-Kummissjoni tiddikjara (47), li s-sentenza Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑277/00, EU:C:2004:238) emendat il-prinċipju msemmi fil-punt 78 tas-sentenza Banks (C‑390/98, EU:C:2001:456), peress li l-irkupru tal-għajnuna għandu jsir mingħand il-benefiċjarju, anki jekk dan tal-aħħar jkun inbiegħ b’kundizzjonijiet tas-suq u l-valur tal-għajnuna jkun inkluż fil-prezz tal-bejgħ.
155. Huwa xieraq fil-fehma tiegħi li napprofittaw minn din il-kawża biex nistabbilixxu b’mod ċar il-prinċipji applikabbli għall-irkupru ta’ għajnuna f’kawża bħal din kif ukoll fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi Banks (C‑390/98, EU:C:2001:456), L‑Italja u SIM 2 Multimedia vs Il‑Kummissjoni (C‑328/99 u C‑399/00, EU:C:2003:252), Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑277/00, EU:C:2004:238) u Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑37/14, EU:C:2015:90), fejn il-benefiċjarju nbiegħ b’kundizzjonijiet tas-suq u f’każ li l-prezz tal-bejgħ jinkludi l-valur tal-għajnuna.
156. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 81 tas-sentenza Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑277/00, EU:C:2004:238), “[l-]impriża li żżomm il-vantaġġ kompetittiv marbut [mal-għajnuna] […]għandha tkun obbligata trodd lura ammont ugwali għal dak ta’ [l-għajnuna]”. L-irkupru għandu għalhekk isegwi l-vantaġġ fis-sens li l-entità li bbenefikat jew li għadha qiegħda tibbenefika mill-vantaġġ għandha troddha lura, kemm jekk kien hemm bejgħ ta’ assi kif ukoll ta’ ishma u dan għar-raġunijiet li ġejjin.
157. Fl-ewwel lok, il-fatti ta’ din il-kawża, jiġifieri l-għoti ta’ għajnuna lil kumpannija segwit mill-ipprivatizzar immedjat tagħha, juru li l-prinċipju msemmi fil-punt 78 tas-sentenza Banks (C‑390/98, EU:C:2001:456), jiġifieri li l-għajnuna hija irkuprabbli mingħand il-bejjiegħ, jiftaħ il-bieb għal abbuż tad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat mingħajr impunità peress li jippermetti lill-Istati Membri jagħtu għajnuna lil impriżi tal-Istat bl-għarfien li, anki jekk l-għajnuna jkollha eventwalment titwaqqaf fil-futur, l-ipprivatizzar jippermetti lill-impriżi jżommu l-vantaġġ storiku akkumulat sakemm titwaqqaf.
158. Fit-tieni lok, “jekk il-kumpannija li tkun irċeviet l-għajnuna ma tiġix stralċata u tibqa’ attiva fis-suq, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni maħluqa mill-għajnuna ma tistax tkun eliminata (jew għall-inqas immitigata) ħlief jekk jiġi impost obbligu ta’ restituzzjoni fuq din il-kumpannija: huwa biss b’dan il-mod li ‘l-benefiċjarju jitlef […] il-vantaġġ li jkun gawda fis-suq meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu, u s-sitwazzjoni ta’ qabel l-għoti tal-għajnuna terġa’ tiġi stabbilita’ [sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑348/93, EU:C:1995:95, punt 27). Fl-istess sens, ara wkoll is-sentenza Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑480/98, EU:C:2000:559, punt 35)]” (48).
159. Fit-tielet lok, “għalkemm huwa minnu li [l-bejjiegħ tal-]ishma tal-kumpannija benefiċjarja bi prezz li jirrifletti l-valur tagħhom tas-suq wara l-għoti tal-għajnuna jikseb vantaġġ mir-rivalutazzjoni tal-kumpannija, xorta waħda jibqa’ evidenti li dan il-vantaġġ eventwali ma jeliminax dak li tkun kisbet il-kumpannija benefiċjarja fil-konfront tal-kompetituri tagħha. U huwa eżattament dan il-vantaġġ li jiddetermina d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u li jeħtieġ għalhekk li jiġi eliminat permezz tal-irkupru tal-għajnuna, filwaqt li l-vantaġġ finanzjarju li jirriżulta mill-bejgħ tal-ishma jista’ wkoll ma jkollu ebda impatt fuq il-funzjonament kompetittiv tas-swieq, billi mhux bilfors li dak li jbiegħ l-ishma huwa operatur ekonomiku” (49).
160. Fl-aħħar nett, “[it-]teżi opposta, li, f’ċirkustanzi speċifiċi, l-għajnuna għandha tkun irkuprata mingħand il-bejjiegħ, toħloq fil-fatt inċertezzi konsiderevoli, peress li spiss huwa diffiċli li wieħed jistabbilixxi jekk il-prezz tal-bejgħ jirriflettix għal kollox il-valur tas-suq tal-kumpannija benefiċjarja wara l-għoti ta’ għajnuna u mhux eskluż ir-riskju li din il-kumpannija tintalab trodd lura mill-inqas parti mill-għajnuna” (50).
161. Għal dawn ir-raġunijiet, meta “l-impriża li lilha tkun ingħatat għajnuna illegali mill-Istat iżżomm il-personalità ġuridika tagħha u tkompli twettaq, għaliha nnifisha, l-attivitajiet issussidjati permezz tal-għajnuna mill-Istat […], normalment hija din l-impriża li żżomm il-vantaġġ kompetittiv marbut ma’ dik l-għajnuna u għalhekk hija għandha tkun obbligata tħallas lura ammont ekwivalenti għall-għajnuna” (51).
162. Il-prinċipju huwa għalhekk li l-għajnuna għandha tiġi rkuprata mingħand l-impriża mibjugħa, f’dan il-każ Dunamenti Erőmű, u mhux mingħand il-bejjiegħ, f’dan il-każ MVM jew l-Istat Ungeriż.
163. Għandu jingħad ukoll li, kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 84 sa 97 tas-sentenza Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑277/00, EU:C:2004:238), ir-regola li min iżomm il-vantaġġ kompetittiv marbut mal-għajnuna għandu jroddha lura tapplika wkoll f’każijiet fejn, minħabba bejgħ ta’ assi jew tranżazzjoni oħra, il-benefiċjarju jkun battal l-assi kollha tiegħu bl-għan jew bil-konsegwenza li l-irkupru tal-għajnuna jsir impossibbli (li ma huwiex il-każ f’din il-kawża) iżda fejn l-attivitajiet ta’ dan il-benefiċjarju jkunu tkomplew minn impriża oħra li għalhekk, peress li tkun żammet il-vantaġġ kompetittiv, għandha tħallas lura l-għajnuna (52). F’każ kuntrarju, jiġifieri meta l-benefiċjarju jkun waqqaf l-attivitajiet tiegħu mingħajr ma kompliethom impriża oħra, ikun assolutament impossibbli, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jsir l-irkupru (53).
164. F’dan ir-rigward, ta’ min ifakkar li, minkejja l-fatt li fil-punt 81 tas-sentenza Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑277/00, EU:C:2004:238) il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li tagħmel distinzjoni bejn il-benefiċjarji skont jekk iżommux jew le l-personalità ġuridika tagħhom (54), l-Artikolu 107 TFUE, bħad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni, jitkellem dwar impriżi (“undertakings”) u mhux dwar kumpanniji li għandhom personalità ġuridika.
165. F’dan is-sens, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 43 tas-sentenza ETI et (C‑280/06, EU:C:2007:775) dwar ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, “il-forom ġuridiċi rispettivi ta’ l-entità li wettqet ksur u tas-suċċessur tagħha huma irrilevanti. L-impożizzjoni tas-sanzjoni għall-ksur fuq dan is-suċċessur ma tistax, għaldaqstant, tiġi eskluża sempliċement minħabba l-fatt li, bħal fil-kawżi prinċipali, dan għandu status ġuridiku differenti u jopera b’mod differenti mill-entità li lilha huwa ssuċċeda”.
166. Għaldaqstant, il-prinċipju li l-obbligu ta’ rimbors tal-għajnuna jaqa’ fuq l-impriża li żżomm il-vantaġġ kompetittiv marbut magħha jippermetti l-irkupru tal-għajnuna mingħand l-impriża li ħadet f’idejha l-attivitajiet issussidjati mill-Istat.
– L-applikazzjoni f’din il-kawża
167. F’dan il-każ, billi l-vantaġġ inkwistjoni huwa l-PPA, hija Dunamenti Erőmű li bbenefikat minn u żammet il-vantaġġ kompetittiv li jirriżulta minn dan il-PPA, jiġifieri prezzijiet tal-bejgħ tal-elettriku ggarantiti fit-tul. Hija għalhekk Dunamenti Erőmű li għandha trodd lura l-għajnuna mill-Istat.
168. Barra minn hekk ikun assurd li wieħed jippreżumi, minn naħa, li l-vantaġġ qiegħed f’idejn Dunamenti Erőmű, peress li l-PPA huwa parti mill-patrimonju tagħha, iżda, min-naħa l-oħra, l-Istat bejjiegħ ibbenefika minn din l-għajnuna. Huwa ovvjament impossibbli li wieħed jelimina l-vantaġġ f’idejn kumpannija u jemmen li l-vantaġġ kompetittiv jinsab xi mkien ieħor, speċjalment meta f’dan il-każ, kien il-PPA li ħoloq distorsjoni fil-kompetizzjoni u għamel il-liberalizzazzjoni tas-suq Ungeriż tal-enerġija kważi impossibbli billi għamel id-dħul għal parteċipanti ġodda iktar għali.
169. Ċertament, din il-konklużjoni tista’ twassal għas-sitwazzjoni fejn l-Ungerija jkollha, kif diġà għamlet, twaqqaf il-PPA waqt li żżomm il-prezz imħallas mix-xerrej u tinkludi l-valur tal-għajnuna filwaqt li Dunamenti Erőmű għandha tirrimborsa l-valur ta’ din l-għajnuna lill-Istat.
170. Madankollu, kif tgħid il-Kummissjoni fir-rikors tagħha fil-kawża li waslet għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑37/14, EU:C:2015:90), “din il-kwistjoni tiddependi […] fuq ir-regoli kuntrattwali applikabbli u ma taqax taħt […] il-[…] proċedura ta’ rkupru [tal-għajnuna]”. Fil-fatt, “il-parti l-kbira tal-kuntratti ta’ bejgħ jipprovdu li l-bejjiegħ jiggarantixxi l-obbligazzjonijet tal-impriża mibjugħa. F’dan il-każ, l-impriża mibjugħa għandha tħallas lura l-għajnuna illegali u l-klawżola ta’ garanzija tal-passiv tippermetti lix-xerrej fuq il-bejjiegħ”.
171. F’dan il-każ, minbarra dawn ir-rabtiet kuntrattwali mal-Istat Ungeriż, Electrabel tibbenefika wkoll mill-garanziji tat-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija li jippermettulha titlob, kif għamlet, ir-rimbors sħiħ tal-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati quddiem tribunal ta’ arbitraġġ tal-ICSID (55).
iii) Konklużjoni
172. Meta rrifjutat li tanalizza l-argumenti ta’ Dunamenti Erőmű rigward l-irkupru tal-għajnuna eventwali, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.
173. Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-konklużjoni tagħha fuq il-mertu dwar it-tieni parti tat-tielet motiv, għandu jiġi osservat li s-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali (u mill-Kummissjoni) titfa’ fuq Dunamenti Erőmű l-obbligu tar-rimbors tal-għajnuna u għalhekk is-sentenza appellata ma għandhiex għalhekk titħassar fuq dan il-punt.
VI – Effetti tal-annullament
174. Peress li fil-punt 128 ta’ dawn il-konklużjonijiet jiena kkonkludejt li l-Qorti Ġenerali kkommettiet żball ta’ liġi u li kien hemm lok li tiġi annullata s-sentenza appellata, għandhom jiġu analizzati l-effetti ta’ dak l-annullament.
175. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ ta’ annullament ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali “[il-Qorti tal-Ġustizzja tista’] jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha”. Għaldaqstant, għandu jiġi stabbilit jekk il-kawża tinsabx fi stat li tista’ tiġi deċiża.
176. Kawża tkun fi stat li tista’ tiġi deċiża meta l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tkun tista’ tiddeċiedi (56).
177. Kif spjegajt fil-punt 122 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-applikazzjoni korretta tal-kriterju tal-investitur privat tikkonsisti f’li wieħed jistaqsi x’kien jagħmel operatur tas-suq ipotetiku, iffaċċjat biċ-ċirkustanzi ekonomiċi tal-1995, f’suq li kien ser jiġi liberalizzat, fl-1 ta’ Mejju 2004 biex ibiegħ lil Dunamenti Erőmű bl-aħjar prezz filwaqt li jkompli l-istess għanijiet ekonomiċi u kummerċjali li kellu l-Istat Ungeriż fl-1995, jiġifieri li jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista bl-iktar prezz baxx possibbli, jimmodernizza l-infrastruttura b’ħarsien tal-istandards ta’ protezzjoni ambjentali fis-seħħ u jwettaq ir-ristrutturar meħtieġ fis-settur tad-distribuzzjoni tal-elettriku.
178. Applikazzjoni korretta tal-kriterju tal-investitur privat timplika evalwazzjoni ekonomika kumplessa. Skont ġurisprudenza kostanti, “l-eżami mill-Kummissjoni tal-kwistjoni jekk miżura partikolari tistax tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat, għaliex l-Istat ma jkunx aġixxa bħala operatur ekonomiku ordinarju, timplika evalwazzjoni ekonomika kumplessa. Il-Kummissjoni, meta tadotta att li jinvolvi evalwazzjoni bħal din, tibbenefika minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa u l-istħarriġ ġudizzjarju huwa limitat […] għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u tal-motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter. Ċertament għandu jiftakkar li ma huwiex l-obbligu tal-[Qrati tal-Unjoni] li jissostitwixxu l-evalwazzjoni ekonomika tal-Kummissjoni b’tagħhom stess” (57).
179. Peress li l-applikazzjoni korretta tal-kriterju tal-investitur privat ma taqax taħt il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali, l-annullament tas-sentenza appellata jimplika l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ Dunamenti Erőmű.
180. F’dan il-każ, l-iżball ta’ liġi jikkonsisti fin-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tal-elementi rilevanti fl-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, li ma ġiex ikkontestat mill-Qorti Ġenerali.
181. It-tielet parti tat-tielet aggravju hija għalhekk fondata, u dan għandu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ Dunamenti Erőmű.
VII – Fuq l-ispejjeż
182. Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.
183. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1), il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.
184. Peress illi l-Kummissjoni tilfet l-appell, hemm lok li tiġi kkundannata tħallas, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, l-ispejjeż kollha sostnuti mill-appellanti, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell, kif mitlub mill-appellanti.
VIII – Konklużjoni
185. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi skont kif ġej:
1.) Is-sentenza Dunamenti Erőmű vs Il‑Kummissjoni (T‑179/09, EU:T:2014:236) għandha tiġi annullata inkwantu l-Qorti Ġenerali rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni r-rabta intrinsika bejn il-ftehimiet ta’ xiri ta’ enerġija fuq medda twila ta’ żmien u l-ipprivatizzar meta applikat it-test tal-investitur privat sempliċement għaliex dan l-element seħħ qabel id-data tal-adeżjoni tal-Ungerija.
2.) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/609/KE, tal-4 ta’ Ġunju 2008, dwar l-għajnuna mill-Istat C 41/05 mogħtija mill-Ungerija fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xiri tal-elettriku hija annullata fir-rigward ta’ Dunamenti Erőmű.
3.) Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż kemm tal-ewwel istanza kif ukoll tal-appell.