Language of document : ECLI:EU:C:2015:442

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fit-2 ta’ Lulju 2015 (1)

Kawża C‑245/14

Thomas Cook Belgium NV

vs

Thurner Hotel GmbH

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Handelsgericht Wien (l-Awstrija)]

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Kooperazzjoni fil-qasam ċivili — Regolament (KE) Nru 1896/2006 — Proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas — Artikolu 20(2) — Reviżjoni tal-ordni ta’ ħlas Ewropea wara li jkun skada t-terminu għat-tressiq ta’ oppożizzjoni — Informazzjoni falza jew ineżatta — Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti li ħarġet l-ordni ta’ ħlas Ewropea — Kunċett ta’ ‘ċirkostanzi eċċezzjonali’”





1.        Din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiddeċidi, prattikament għall-ewwel darba fuq il-kunċett ta’ “ċirkostanzi eċċezzjonali” li jinsab fl-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006 (2). B’mod partikolari, il-kwistjoni hija ta’ jekk, fil-qafas tal-proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas, in-nuqqas potenzjali ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti li toħroġ ordni ta’ ħlas Ewropea minħabba l-eżistenza possibbli ta’ klawżola għall-għoti ta’ ġurisdizzjoni miftiehma bejn il-partijiet u mhux imsemmija fl-applikazzjoni tal-ordni, jiġġustifikax li r-reviżjoni tagħha titqies bħala “ċirkostanz[a] eċċezzjonali” meta d-debitur, apparentement, kellu l-opportunità li jagħmel oppożizzjoni għal din l-ordni fit-terminu previst u ma għamilx dan.

I –    Il-qafas ġuridiku

2.        Il-premessa 25 tar-Regolament Nru 1896/2006 hija fformulata kif ġej:

“Wara li jiskadi l-limitu ta’ żmien [it-terminu] għas-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni, f’ċerti każijiet eċċezzjonali l-konvenut għandu jkun intitolat japplika għal reviżjoni ta’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea. Ir-reviżjoni f’każijiet eċċezzjonali m’għandux ifisser li l-konvenut ikun qed jingħata opportunità oħra biex jopponi t-talba. Matul il-proċedura ta’ reviżjoni l-merti tat-talba m’għandhomx jiġu valutati lil hinn mir-raġunijiet li jirriżultaw miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali invokati mill-konvenut. Iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali l-oħra jistgħu jinkludu sitwazzjoni fejn l-ordni ta’ ħlas Ewropea kienet ibbażata fuq informazzjoni falza mogħtija fil-formola ta’ l-applikazzjoni.”

3.        L-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Oppożizzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea”, jipprevedi dan li ġej:

“1.      Il-konvenut jista’ jressaq dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea mal-qorti ta’ oriġini bl-użu tal-formola standard F kif stabbilit fl-Anness VI, li għandha tiġi fornuta lilu flimkien ma’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea.

2.      Id-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għandha tintbagħat fi żmien 30 jum min-notifika ta’ l-ordni fuq il-konvenut.

3.      Il-konvenut għandu jindika fid-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni li hu qed jikkontesta t-talba, mingħajr m’għandu għalfejn jispeċifika r-raġunijiet għal dan.

4.      Id-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għandha tiġi sottomessa fuq karta jew bi kwalunkwe mezz ieħor ta’ komunikazzjoni, inkluż il-forma elettronika, aċċettat mill-Istat Membru ta’ oriġini u disponibbli għall-qorti ta’ oriġini.

[…]”

4.        L-Artikolu 20 tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Reviżjoni f’każijiet eċċezzjonali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Wara l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien [tat-terminu] stabbilit fl-Artikolu 16 (2), il-konvenut għandu jkun intitolat biex japplika għal reviżjoni ta’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea quddiem il-qorti kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini fejn:

a)

i)      l-ordni ta’ ħlas ġiet notifikata b’wieħed mill-metodi previsti fl-Artikolu 14, u

ii)      in-notifika ma ġietx effettwata fi żmien suffiċjenti li jippermettilu jipprepara għad-difiża tiegħu, mingħajr l-ebda nuqqas mill-parti tiegħu,

jew

b)      il-konvenut ma tħalliex joġġezzjona għat-talba għal raġuni ta’ force majeure, jew minħabba ċirkostanzi straordinarji mingħajr l-ebda nuqqas min-naħa tiegħu,

sakemm fi kwalunkwe każ hu jaġixxi fil-pront.

2.      Wara l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 16 (2) il-konvenut għandu jkun intitolat ukoll biex japplika għal reviżjoni ta’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea quddiem il-qorti kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini fejn l-ordni ta’ ħlas tkun kjarament inħarġet ħażin, b’kont meħud tar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali oħra.

3.      Jekk il-qorti tirrifjuta l-applikazzjoni tal-konvenut abbażi li l-ebda mir-raġunijiet għal reviżjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ma japplikaw, l-ordni ta’ ħlas Ewropea għandha tibqa’ fis-seħħ.

Jekk il-qorti tiddeċiedi li r-reviżjoni hi ġustifikata għal waħda mir-raġunijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2, l-ordni ta’ ħlas Ewropea għandha tkun nulla u mingħajr effett.”

II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

5.        Ir-rikorrent fil-kawża a quo, Thomas Cook Belgium NV (iktar ’il quddiem, “Thomas Cook”), hija aġenzija tal-ivvjaġġar stabbilita f’Ghent (il-Belġju) li toffri diversi servizzi fis-settur tat-turiżmu. Fit-3 ta’ Settembru 2009, Thomas Cook iffirmat kuntratt ma’ Thurner Hotel GmbH (iktar ’il quddiem “Thurner Hotel”), kumpannija Awstrijaka stabbilita f’Sölden (l-Awstrija), fejn kien hemm ftehim dwar il-kundizzjonijiet ġodda tal-kollaborazzjoni tagħhom għall-istaġun tas-sajf tal-2010. Sussegwentement, affaċċjata bin-nuqqas ta’ ħlas min-naħa ta’ Thomas Cook, Thurner Hotel — li kienet offriet akkomodazzjoni turistika f’Sölden taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi kuntratt — talbet lill-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (l-Awstrija) toħroġ ordni ta’ ħlas Ewropea kontra l-aġenzija tal-ivvjaġġar Belġjana għal ammont ta’ iktar minn EUR 15 000. Hija ġġustifikat il-ġurisdizzjoni ta’ dik il-qorti fuq il-fatt li l-post tat-twettiq tal-obbligi kienet l-Awstrija.

6.        Fis-26 ta’ Ġunju 2013, ġiet innotifikata b’mod validu l-ordni ta’ ħlas Ewropea lil Thomas Cook. Din ma għamlet ebda oppożizzjoni fi żmien tletin jum kif previst fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1896/2006 peress li, kif tallega, kienet okkupata tagħmel riċerka fil-fajls tagħha biex taċċerta jekk l-ordni ta’ ħlas inkwistjoni kinitx fondata jew infondata.

7.        Fil-25 ta’ Settembru 2013, Thomas Cook talbet lill-Bezirksgericht für Handelssachen Wien għal reviżjoni tal-ordni ta’ ħlas Ewropea skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006. Thomas Cook essenzjalment argumentat li din l-ordni kienet inħarġet minn qorti li ma kelliex ġurisdizzjoni, peress li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt miftiehma bejn il-partijiet kienu jinkludu ftehim li jagħti ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ Ghent (il-Belġju). Fl-opinjoni tagħha, l-ordni ta’ ħlas Ewropea, li nħarġet ħażin, kellha tiġi ddikjarata nulla skont l-Artikolu 20(3) tar-Regolament Nru 1896/2006 peress li n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti li ħarġet l-ordni jikkostitwixxi kawża għal reviżjoni skont l-Artikolu 20(2) tal-imsemmi regolament.

8.        Permezz ta’ deċiżjoni fit-28 ta’ Ottubru 2013, il-Bezirksgericht für Handelssachen Wien ċaħdet it-talba għal reviżjoni tal-ordni ta’ ħlas Ewropea ppreżentata minn Thomas Cook. Thomas Cook appellat minn din iċ-ċaħda fit-terminu previst quddiem il-qorti nazzjonali tar-rinviju. Hija bbażat dan l-appell fuq il-premessa 25 tar-Regolament Nru 1896/2006, li espliċitament tikklassifika bħala “ċirkostanz[a] eċċezzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 20(2) tal-imsemmi regolament, il-fatt li t-talba għal ordni ta’ ħlas Ewropea kienet ibbażata fuq informazzjoni falza mogħtija fil-formola ta’ applikazzjoni. Fl-opinjoni tagħha, f’dan il-każ il-Bezirksgericht für Handelssachen Wien ma ddeċidietx jekk kinux il-qrati Awstrijaċi jew inkella l-qrati ta’ Ghent (il-Belġju) li kellhom ġurisdizzjoni skont it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali miftiehma bejn il-partijiet. Skont Thomas Cook, l-imsemmija qorti kellha tiddikjara li l-ordni ta’ ħlas Ewropea kienet inħarġet kjarament ħażin fis-sens tal-Artikolu 20(2) tal-imsemmi regolament.

9.        Il-Handelsgericht Wien iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konvenut jista’ wkoll jitlob reviżjoni mill-qorti tal-ordni ta’ ħlas Ewropea, skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006, meta l-ordni ta’ ħlas ġiet effettivament innotifikata lilu, iżda li, fuq il-bażi ta’ informazzjoni relatata mal-kompetenza [ġurisdizzjoni] stabbilita fil-formola ta’ applikazzjoni, hija qorti li ma għandhiex kompetenza li tkun ħarġet l-ordni?

2)      Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda: il-fatt li l-ordni ta’ ħlas Ewropea kienet inħarġet fuq il-bażi ta’ informazzjoni li tinsab fil-formola ta’ applikazzjoni li tista’ sussegwentement tirriżulta li tkun falza, b’mod partikolari meta l-kompetenza [ġurisdizzjoni] ta’ qorti tiddependi minn dan, huwa biżżejjed sabiex jikkaratterizza ċirkustanzi straordinarji fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006 skont il-premessa 25 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tas-7 ta’ Frar 2006?”

10.      F’dan il-każ, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Thurner Hotel, mill-Gvern Awstrijak, mill-Gvern Portugiż, mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Gvern Ġermaniż. Thomas Cook ippreżentat l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha wara li skada t-terminu previst għal dan il-għan, u għalhekk dawn ma ġewx aċċettati. Waqt is-seduta miżmuma fuq talba ta’ Thomas Cook fis-16 ta’ April 2015, il-Kummissjoni biss intervjeniet.

III – Sommarju tal-pożizzjonijiet tal-partijiet

11.      Thurner Hotel tikkontesta fl-ewwel lok id-dikjarazzjonijiet ta’ Thomas Cook fil-proċedura a quo dwar l-allegat nuqqas ta’ għarfien tagħha dwar in-nuqqas ta’ ħlas, minħabba l-fatt li ma rċevietx il-fatturi korrispondenti (jew, mill-inqas, ma rċevithomx fit-terminu previst), fatt li — skont Thomas Cook — ipprekludiha milli tressaq l-oppożizzjoni tagħha fil-ħin. Fit-tieni lok, hija tikkontesta wkoll il-fatt li l-partijiet kienu qablu li jagħtu ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ Ghent. Fi kwalunkwe każ, fit-talba tagħha bil-miktub għal ordni ta’ ħlas Ewropea indikat b’mod ċar li kienet qed tibbaża l-ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha ġiet ippreżentata din it-talba fuq il-post tat-twettiq tal-obbligi kuntrattwali (skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001), b’tali mod li Thomas Cook setgħet tressaq oppożizzjoni f’terminu ta’ tletin jum.

12.      Thurner Hotel tqis li d-dispożizzjoni inkwistjoni (l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006) għandha tiġi interpretata b’mod strett. Fil-fehma tagħha, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jinkiser jekk, permezz ta’ din id-dispożizzjoni, jiġi permess li jiġu invokati eċċezzjonijiet proċedurali li setgħu (u kellhom) jiġu invokati fit-terminu previst għall-oppożizzjoni.

13.      Il-Gvern Awstrijak huwa favur interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006, li jeskludi li ċirkustanza li setgħet ġiet invokata fl-oppożizzjoni mid-debitur titqies bħala “ċirkostanz[a] eċċezzjonali”, u din hija wkoll il-pożizzjoni tal-Gvern Ġermaniż. Skont il-Gvern Awstrijak, għandhom ikunu suġġetti għar-reviżjoni prevista fl-Artikolu 20(2) tal-imsemmi regolament biss dawk l-ordnijiet ta’ ħlas Ewropej li huma kjarament kontra l-liġi jew li huma miksuba b’mod frawdolenti.

14.      Il-Gvern Portugiż josserva li hemm żewġ każijiet fejn l-Artikolu 20(2) tal-imsemmi regolament jippermetti li tintalab reviżjoni tal-ordni ta’ ħlas Ewropea wara l-iskadenza tat-terminu għat-tressiq ta’ oppożizzjoni: l-ewwel, meta jkun evidenti li dik l-ordni tkun kjarament inħarġet ħażin, b’kont meħud tar-rekwiżiti stabbiliti fl-imsemmi regolament, fis-sens li, meta nħarġet din l-ordni, ma jkunux ġew osservati l-kundizzjonijiet tal-validità għall-ħruġ tagħha stipulati f’dan ir-regolament; u t-tieni, meta sseħħ kwalunkwe ċirkustanza eċċezzjonali oħra. Il-Gvern Portugiż jikkunsidra li l-għan tat-terminu għat-tressiq ta’ oppożizzjoni stabbilit fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1896/2006 huwa li tiġi kkontestata l-leġittimità jew il-validità tad-dejn li tiegħu qed jintalab il-ġbir meta l-ordni ta’ ħlas Ewropea tissodisfa r-rekwiżiti ta’ validità stabbilit fl-imsemmi regolament. B’kuntrast ma’ dan, l-għan tar-reviżjoni tal-Artikolu 20(2) tal-istess regolament huwa l-prevenzjoni tal-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet ta’ ħlas maħruġa bi ksur tar-regolament. Skont il-Gvern Portugiż, il-ħruġ tal-ordni minn qorti li ma għandiex ġurisdizzjoni jikser rekwiżit essenzjali ta’ validità u għandu jkun jista’ jiġi kkontestat f’perijodu itwal minn dak stabbilit fl-Artikolu 16.

15.      Il-Kummissjoni tipproponi li l-ewwel domanda preliminari tingħata risposta pożittiva, fis-sens li, jekk l-ordni kienet effettivament inħarġet minn qorti li ma għandiex ġurisdizzjoni internazzjonali, l-ordni ta’ ħlas tkun inħarġet ħażin, fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament Nru 1896/2006, li jagħti l-possibbiltà li tintalab ir-reviżjoni tal-Artikolu 20(2) ta’ dan ir-regolament. It-tieni domanda preliminari għandha tingħata risposta billi jiġi eluċidat jekk l-ordni nħarġitx “kjarament” ħażin. Fil-każ tal-ġurisdizzjoni internazzjonali, ma huwiex “[evidenti]” fil-maġġoranza tal-każijiet jekk il-qorti li ħarġet l-ordni għandiex ġurisdizzjoni jew le. Barra minn dan, skont il-Kummissjoni, l-obbligu li l-qorti teżamina fi kwalunkwe każ b’mod eżawrjenti jekk għandiex ġurisdizzjoni jew le biex toħroġ ordni jmur kontra l-iskop tar-regolament.

16.      Il-Kummissjoni tipproponi li l-portata tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006 tiġi limitata skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1215/2012 (3), b’tali mod li kontestazzjoni ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea wara li jinqabeż it-terminu previst tkun possibbli biss meta jinkisru d-dispożizzjonijiet li jagħtu ġurisdizzjoni internazzjonali mfassla partikolarment sabiex tiġi protetta l-parti l-iktar dgħajfa f’relazzjoni legali jew fil-każijiet stipulati fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012 (ġurisdizzjoni esklużiva), li jagħmel riferiment għall-Artikolu 45(1)(e)(ii) tiegħu. Ebda wieħed minn dawn il-każijiet ma jinkludi l-ksur potenzjali ta’ ftehim ta’ għoti ta’ ġurisdizzjoni bħal ma huwa l-ftehim li huwa l-bażi ta’ dan il-każ, u għalhekk ma jistax jintqal li l-ordni nħarġet “kjarament” ħażin.

17.      Għalhekk jifdal li jiġi vverifikat, skont il-Kummissjoni, jekk jeżistux “ċirkostanzi eċċezzjonali oħra” fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006. Il-Kummissjoni tipproponi li dan il-kunċett jiġi interpretat b’mod strett, u jiġi limitat biss għal każijiet ta’ abbuż intenzjonali tal-proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea, li għandu jiġi ppruvat f’kull każ (4).

18.      Il-Gvern Ġermaniż iqis li mhux id-data kollha li tkun żbaljata jew falza fil-formola ta’ applikazzjoni tippermetti li din tal-aħħar tiġi kkontestata permezz tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006. Ir-reviżjoni tal-ordni ta’ ħlas Ewropea hija ġġustifikata biss meta, wara li jiġu evalwati l-interessi taż-żewġ partijiet, l-eżekuzzjoni tagħha tkun intollerabbli (“unerträglich”) għal waħda minnhom. Il-Gvern Ġermaniż jikkwota wkoll il-kawża Novontech-Zala (5), fir-rigward tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tat-terminu għat-tressiq ta’ oppożizzjoni ta’ tletin jum, li “meta, [...] il-qbiż tal-imsemmi terminu jkun dovut għal nuqqas ta’ diliġenza tar-rappreżentant tal-konvenut, tali sitwazzjoni, peress li [setgħet tiġi] faċilment evitata, ma tistax taqa’ taħt iċ-ċirkustanzi straordinarji jew eċċezzjonali fis-sens tal-[Artikolu 20(1)(b) u (2)]”. Skont il-Gvern Ġermaniż, dan ir-raġunament għandu japplika wkoll biex ma titqiesx bħala “ċirkostanz[a] eċċezzjonali” ċirkustanza li min jinvokaha seta’ faċilment evitaha. Barra minn hekk, ikun imur kontra l-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1896/2006 (b’mod partikolari, dawk ta’ veloċità u tnaqqis tal-ispejjeż) li jiġi aċċettat li tista’ ssir reviżjoni ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea li kontriha setgħet tiġi ppreżentata oppożizzjoni fit-terminu previst (oppożizzjoni li, barra minn hekk, ma teħtieġ ebda motivazzjoni skont l-Artikolu 16(3) tal-imsemmi regolament).

19.      Għall-Gvern Ġermaniż, il-fatt li l-applikant għal ordni ta’ ħlas Ewropea u l-parti l-oħra ma jaqblux dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali ma huwiex xi ħaġa assolutament “eċċezzjonali” u, f’dan il-każ, Thomas Cook setgħet issostni mingħajr diffikultà n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti li ħarġet l-ordni billi għamlet oppożizzjoni. Fl-aħħar nett, il-Gvern Ġermaniż iqis li, fi kwalunkwe każ, għalkemm il-qorti li finalment ħarġet l-ordni ma kellhiex ġurisdizzjoni internazzjonali, din xorta hija qorti indipendenti u imparzjali ta’ Stat Membru u li ma hemm xejn x’jindika li d-deċiżjoni tagħha injorat jew kisret l-interessi ta’ Thomas Cook.

IV – Analiżi

A –    Kunsiderazzjonijiet preliminari

20.      Il-qorti tar-rinviju tagħmel żewġ domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Permezz tal-ewwel waħda, tistaqsi jekk permezz tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006, ir-reviżjoni ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea maħruġa minn qorti li ma għandiex ġurisdizzjoni tistax tintalab abbażi tal-informazzjoni dwar il-ġurisdizzjoni li tinsab fil-formola tat-talba; permezz tat-tieni waħda, (li ssir biss fl-eventwalità li l-ewwel waħda tingħata risposta pożittiva), tixtieq tkun taf jekk il-fatt li l-ordni tinħareġ fuq il-bażi ta’ informazzjoni relatata mal-ġurisdizzjoni li sussegwentement tirriżulta li ma kinitx preċiża, jikkostitwixxix “ċirkostanz[a] eċċezzjonali” fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija.

21.      Fil-fehma tiegħi, bi qbil mal-opinjoni tal-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet tiegħu, iż-żewġ domandi jistgħu jingħaqdu f’domanda waħda, li tiġi fformulata kif ġej:

“L-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006, moqrija flimkien mal-premessa 25 tal-istess regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li din l-ordni tkun inħarġet abbażi ta’ informazzjoni li tinsab fil-formola ta’ applikazzjoni li sussegwentement tirriżulta li hija ineżatta, b’mod partikolari meta l-ġurisdizzjoni tal-qorti tiddependi fuq din l-informazzjoni, jikkostitwixxi “ċirkostanz[a] eċċezzjonali” li tippermetti li l-konvenut li jkun ġie debitament innotifikat bl-ordni ta’ ħlas Ewropea jitlob ir-reviżjoni ġudizzjarja tagħha?”

B –    Eżami tad-domanda

22.      L-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006, intitolat “Reviżjoni f’każijiet eċċezzjonali”, jipprevedi li “wara l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien [tat-terminu] stabbilit fl-Artikolu 16(2) il-konvenut għandu jkun intitolat ukoll biex japplika għal reviżjoni ta’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea quddiem il-qorti kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini fejn l-ordni ta’ ħlas tkun kjarament inħarġet ħażin, b’kont meħud tar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali oħra”, ċirkustanzi li, skont il-premessa 25 tal-imsemmi regolament, imsemmija espliċitament mill-qorti tar-rinviju (6), tista’ tinkludi l-fatt li “l-ordni ta’ ħlas Ewropea kienet ibbażata fuq informazzjoni falza mogħtija fil-formola ta’ l-applikazzjoni”.

23.      Barra minn hekk, kemm ir-rekwiżit li jinsab fl-istess Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006 li jkun “[evidenti]” li l-ordni tkun “kjarament inħarġet ħażin” kif ukoll l-indikazzjoni fil-premessa 25 li “r-reviżjoni f’każijiet eċċezzjonali m’għandux ifisser li l-konvenut ikun qed jingħata opportunità oħra biex jopponi t-talba” fil-fehma tiegħi jsostnu l-argument li l-għażla ta’ “reviżjoni f’ċirkostanzi eċċezzjonali” għandha tkun suġġetta għal applikazzjoni stretta. Għalhekk, bħala prinċipju, naqbel mal-Gvern Ġermaniż li mhux kull informazzjoni falza jew mhux preċiża li tinsab fil-formola ta’ applikazzjoni tista’ tiġġustifika r-reviżjoni tal-ordni ta’ ħlas Ewropea skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006.

24.      Il-konfigurazzjoni nnifisha tal-proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea, li tipprovdi lid-debitur b’mod ġenerali possibbiltà waħda biex jirreaġixxi għat-talba tal-kreditur — l-oppożizzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1896/2006 — li iżda, minħabba f’dan, hija suġġetta għal ftit rekwiżiti formali (għandha tiġi ppreżentata dikjarazzjoni bil-miktub fi żmien tletin jum) u ebda rekwiżiti materjali (l-ebda motivazzjoni speċifika) (7), topponi wkoll l-applikazzjoni ġeneruża ta’ metodu maħsub biss għal każijiet eċċezzjonali.

25.      Għaldaqstant, inqis li l-Artikolu 20(2), flimkien mal-premessa 25 tal-imsemmi regolament, għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni stretta, punt li jaqblu fuqu l-intervenjenti kollha li ssottomettew osservazzjonijiet, ħlief għall-Gvern Portugiż.

26.      F’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ dan ifisser li, f’dak li jirrigwarda l-informazzjoni pprovduta mill-applikant fil-formola ta’ applikazzjoni, debitur (b’mod partikolari, fil-każ ta’ professjonista, bħal f’dan il-każ) ma għandux jingħata l-possibbiltà ta’ reviżjoni meta seta’ jevalwa diġà, meta eżamina l-ordni ta’ ħlas Ewropea nnotifikata b’mod validu, li l-informazzjoni li fuqha kienet ibbażata l-qorti li tkun ħarġitha (jiġifieri, l-informazzjoni pprovduta mill-applikant) kienet ineżatta, inkorretta jew falza. Fi kliem ieħor, naqbel ma’ Thurner Hotel u mal-Gvern Awstrijak li dik l-informazzjoni falza jew ineżatta li d-debitur seta’ jirreaġixxi kontriha permezz tal-oppożizzjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala “ċirkostanz[a] eċċezzjonali” li tiġġustifika r-reviżjoni tal-ordni. Fil-qosor, nemmen li l-“informazzjoni falza” msemmija fil-premessa 25 tar-Regolament Nru 1896/2006 għandha tkun limitata għal dik il-falsità jew l-ineżattezza tagħha tiġi żvelata jew tista’ tiġi evalwata mid-debitur f’mument effettivament wara dan, wara li jiskadi t-terminu stabbilit fl-Artikolu 16(2) tal-imsemmi regolament, punt li għandu f’kull każ jiġi kkunsidrat mill-qorti nazzjonali.

27.      Għalhekk, bħala konklużjoni provviżorja, nemmen li għandu jitqies bħala “ċirkostanz[a] eċċezzjonali” li tippermetti li d-debitur jitlob ir-reviżjoni tal-ordni ta’ ħlas Ewropea skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006, il-fatt li din l-ordni hija bbażata fuq informazzjoni li tinsab fil-formola ta’ applikazzjoni li iktar tard, wara l-iskadenza tat-terminu għat-tressiq ta’ oppożizzjoni, irriżultat li kienet falza jew ineżatta, fatt li għandu jiġi pprovat mid-debitur f’kull każ. Fi kliem ieħor, jekk l-ordni tkun ibbażata fuq informazzjoni li tinsab fil-formola ta’ applikazzjoni li l-falsità jew l-ineżattezza tagħha setgħet tiġi żvelata mid-debitur fit-terminu previst fl-Artikolu 16(2) tal-imsemmi regolament sabiex jippreżenta oppożizzjoni, fatt li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti nazzjonali, ma jkunx hemm każ ta’ “ċirkostanz[a] eċċezzjonali” li tiġġustifika r-reviżjoni.

28.      Fil-fehma tiegħi, għar-raġunijiet li se nesponi iktar ’il quddiem, lanqas il-fatt li l-ġurisdizzjoni tal-qorti li toħroġ l-ordni tiddependi fuq l-informazzjoni falza jew ineżatta inkluża fil-formola ta’ applikazzjoni —li hija s-sitwazzjoni li tirreferi għaliha speċifikament il-Handelsgericht Wien — ma jwassal għal konklużjoni differenti.

29.      Kif huwa stipulat fil-premessa 16 tar-Regolament Nru 1896/2006, “il-qorti għandha teżamina l-applikazzjoni [tal-ordni ta’ ħlas Ewropea], inkluż il-kwistjoni ta’ ġurisdizzjoni [...], abbażi ta’ l-informazzjoni pprovduta fil-formola ta’ applikazzjoni”, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-eżami jsir minn qorti (8). Fost ir-rekwiżiti li, skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1896/2006, għandhom jiġu eżaminati, fuq il-bażi tal-formola korrispondenti, mill-qorti li quddiemha tiġi ppreżentata applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea hemm il-ġurisdizzjoni internazzjonali (Artikolu 6 tal-imsemmi regolament). F’dan is-sens, min jeżamina l-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea jillimita ruħu li jevalwa jekk il-kodiċi numerika (minn possibbiltà ta’ tlettax) tal-kriterju tal-ġurisdizzjoni tal-qorti indikata mill-applikant fil-Formola A tal-Anness I għar-Regolament Nru 1896/2006 hijiex plawżibbli skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 (9), li għalih jagħmel riferiment għall-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1896/2006 fir-rigward ġurisdizzjoni (10).

30.      Min-naħa l-oħra, meta d-debitur jiġi nnotifikat dwar l-ordni ta’ ħlas Ewropea permezz tal-formola E tal-Anness V tar-Regolament Nru 1896/2006, huwa jiġi infurmat fl-ittra c), b’mod viżwalment prominenti, mhux biss li jista’ jippreżenta oppożizzjoni fi żmien tletin jum u tal-implikazzjonijiet tan-nuqqas li jagħmel dan, iżda wkoll li “din l-ordni nħarġet biss abbażi tal-informazzjoni li ġiet ipprovduta mir-rikorrent u ma kinitx ivverifikata mill-qorti.”

31.      Għalhekk, f’dan il-każ, u peress li, skont il-qorti tar-rinviju, l-ordni ta’ ħlas ġiet validament innotifikata lil Thomas Cook, għandu jiġi kkunsidrat li l-kumpannija msemmija kienet taf minn mindu rċeviet in-notifika (il-mument fejn jibda jiddekorri t-terminu għat-tressiq ta’ oppożizzjoni) li din l-ordni kienet inħarġet biss abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn Thurner Hotel fil-Formola A tal-Anness I tar-Regolament Nru 1896/2006. Konsegwentement, għalkemm f’dan il-każ ma huwiex stabbilit jekk Thomas Cook irċevietx effettivament kopja tal-imsemmija formola A, din il-kumpannija Belġjana setgħet tassumi li Thurner Hotel ma kinitx irrappurtat, fl-applikazzjoni tagħha, l-eżistenza ta’ klawżola għall-għoti ta’ ġurisdizzjoni miftiehma bejn il-partijiet (peress li l-ordni nħarġet minn qorti Awstrijaka u mhux minn qorti ta’ Ghent) u li, bħala prinċipju, min għamel l-eżami abbażi tal-informazzjoni li kienet tinstab fil-formola ma kienx neċessarjament jaf bl-eżistenza ta’ din il-klawżola (11).

32.      F’dan ir-rigward, inqis ukoll, fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 ġeneralment jappoġġja estensjoni taċita ta’ ġurisdizzjoni jekk il-konvenut jidher quddiem qorti li ma kinitx dik miftiehma inizjalment bejn il-partijiet (12), li ma għandux iktar jissejjaħ bħala “informazzjoni falza”, fis-sens tal-imsemmija premessa 25, il-fatt li l-applikant għall-ordni ta’ ħlas Ewoprea — fl-istennija li jara r-reazzjoni tad-debitur — jindika bħala kriterju għall-għoti ta’ ġurisdizzjoni lill-qorti Awstrijaka l-post tat-twettiq tal-obbligi (l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001) (13). Kif diġà ntqal mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”) (14), “ma kien hemm ebda raġuni marbuta mal-istruttura ġenerali jew mal-għanijiet tal-imsemmi ftehim sabiex jiġi kkunsidrat li l-partijiet fi ftehim għall-għoti ta’ ġurisdizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 17 [l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001] huma pprojbiti milli jissottomettu kawża b’mod volontarju f’qorti oħra differenti minn dik imsemmija fil-ftehim imsemmi” (15).

33.      Għandu jitqies ukoll li s-sempliċi eżistenza ta’ tali klawżola fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt miftiehma bejn il-partijiet ma timplikax li din tkun valida skont l-Artikolu 23 tal-imsemmi regolament (16). L-evalwazzjoni tal-validità formali tiegħu, fil-każ ta’ tilwima bejn il-partijiet, teħtieġ li l-qorti li quddiema titressaq il-kawża twettaq eżami li jkun iktar fil-fond minn dak li għandu jitwettaq abbażi tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1896/2006, anki jekk tkun ġiet informata bl-eżistenza ta’ tali klawżola fil-formola ta’ applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea. Għalhekk inqis li, fl-eventwalità li l-applikant għal ordni ta’ ħlas Ewropea jkollu xi dubju dwar il-validità jew l-effettività tal-klawżola tal-għoti ta’ ġurisdizzjoni li tinsab fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt, huwa ma jkunx obbligat li jinvokaha fuq il-formola fejn issir it-talba li tinħareġ l-ordni ta’ ħlas Ewropea, peress li dawn l-aspetti fl-ebda każ ma jistgħu jiġu diskussi fil-proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea.

34.      Għaldaqstant, nemmen li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biss il-fatt li l-ordni ta’ ħlas Ewropea tkun ibbażata fuq informazzjoni li tinsab fil-formola ta’ applikazzjoni li ġiet żvelata bħala falza jew ineżatta iktar tard, wara li jkun skada t-terminu għat-tressiq ta’ oppożizzjoni, anki meta l-ġurisdizzjoni tal-qorti tiddependi fuq din l-informazzjoni, b’mod partikolari, meta l-applikant ma jkunx iddikjara li kien hemm allegata klawżola għall-għoti ta’ ġurisdizzjoni miftiehma bejn il-partijiet, li għandu jitqies bħala “ċirkostanz[a] eċċezzjonali” li tippermetti lid-debitur jitlob reviżjoni tal-ordni ta’ ħlas Ewropea skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006.

35.      Konsegwentement, nemmen li r-risposta li għandha tingħata lid-domanda preliminari ppreżentata mill-Handelsgericht Wien għandha tkun li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006, moqri flimkien mal-premessa 25 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi fatt li l-ordni ta’ ħlas Ewropea tkun inħarġet taħt informazzjoni falza jew ineżatta li tinsab fil-formola tal-applikazzjoni, anki meta l-ġurisdizzjoni tal-qorti tiddependi fuq din l-informazzjoni — b’mod partikolari, meta l-applikant ma jkunx iddikjara li kien hemm allegata klawżola għall-għoti ta’ ġurisdizzjoni miftiehma bejn il-partijiet —, ma jikkostitwixxix “ċirkostanz[a] eċċezzjonali” li tippermetti li l-konvenut li jkun ġie debitament infurmat dwar l-ordni ta’ ħlas Ewropea jitlob ir-reviżjoni ġudizzjarja tagħha, dan kollu bla ħsara għall-fatt li d-debitur ikun jista’ jipprova quddiem il-qorti nazzjonali li kien effettivament biss wara l-iskadenza tat-terminu għat-tressiq ta’ oppożizzjoni, stabbilit fl-Artikolu 16(2) tal-imsemmi regolament, li huwa seta’ jsir jaf bil-falsità jew bl-ineżattezza tal-informazzjoni inkluża fil-formola ta’ applikazzjoni.

V –    Konklużjoni

36.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Handelsgericht Wien:

“L-Artikolu 20(2) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea, moqri flimkien mal-premessa 25 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, is-sempliċi fatt li l-ordni ta’ ħlas Ewropea tkun inħarġet taħt informazzjoni falza jew ineżatta fil-formola tal-applikazzjoni, anki meta l-ġurisprudenza tal-qorti tiddependi fuq din l-informazzjoni — b’mod partikolari, meta l-applikant ma jkunx iddikjara li kien hemm allegata klawżola għall-għoti ta’ ġurisdizzjoni miftiehma bejn il-partijiet —, ma jikkostitwixxix “ċirkostanz[a] eċċezzjonali” li tippermetti li l-konvenut li jkun ġie debitament infurmat dwar l-ordni ta’ ħlas Ewropea jitlob ir-reviżjoni ġudizzjarja tagħha, dan kollu bla ħsara għall-fatt li d-debitur ikun jista’ jipprova quddiem il-qorti nazzjonali li kien effettivament biss wara l-iskadenza tat-terminu għat-tressiq ta’ oppożizzjoni, stabbilit fl-Artikolu 16(2) tal-imsemmi regolament, li huwa seta’ jsir jaf bil-falsità jew bl-ineżattezza tal-informazzjoni inkluża fil-formola ta’ applikazzjoni.”


1 –      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 –      Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU L 399, p. 1). Fil-kawża Novontech-Zala, C‑324/12, EU:C:2013:205, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu sabiex titressaq dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea minħabba nuqqas tar-rappreżentant tal-konvenut ma jiġġustifikax reviżjoni ta’ din l-ordni ta’ ħlas, u għalhekk tali nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ma jistax jiġi kklassifikat bħala ċirkustanza eċċezzjonali fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006. Fis-sentenza eco cosmetics u Raiffeisenbank St. Georgen, C‑119/13 u C‑120/13, EU:C:2014:2144, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-proċedura tal-Artikolu 20 tal-imsemmi regolament ma tapplikax meta ordni ta’ ħlas Ewropea ma tkunx ġiet innotifikata b’mod li jissodisfa r-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-Artikoli 13 sa 15 ta’ dan ir-regolament.


3 –      Regolament (UE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, p. 1).


4 –      Fil-fehma tagħha, ma jidhirx li hemm din iċ-ċirkustanza fil-każ preżenti, fejn Thurner Hotel ibbażat il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-Bezirksgericht für Handelssachen Wien fuq il-post tat-twettiq tal-obbligi kuntrattwali skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001.


5 - C‑324/12, EU:C:2013:205, punt 21.


6 - Fil-kliem tat-tieni domanda preliminari, il-Handelsgericht Wien tirreferi għall-“premessa 25 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tas-7 ta’ Frar [2006].” Nemmen li qed tirreferi għall-Proposta emendata għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Frar 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea [KUMM (2006) 57 finali], li introduċiet fit-test tagħha l-premessa 25 tar-regolament fis-seħħ bħalissa.


7 ‑ Bħala prinċipju, il-konsegwenza tal-oppożizzjoni hija, skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1896/2006, li l-proċedura tkompli quddiem il-qrati kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini skont ir-regoli tal-proċedura ċivili regolari korrispondenti. Fil-qafas ta’ dik il-proċedura tista’ tiġi diskussa, pereżempju, il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali, b’mod partikolari, fir-rigward tal-każ preżenti, il-validità u l-effetti ta’ klawżola għall-għoti tal-ġurisdizzjoni miftiehma bejn il-partijiet.


8 ‑ Barra minn hekk, l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1896/2006 jipprevedi wkoll li dan l-eżami jista’ jieħu l-forma ta’ proċedura awtomatizzata.


9 - Speċifikament, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1896/2006 jipprevedi, f’dak li jirrigwarda dan il-każ (fejn ma hemm l-ebda konsumaturi involuti), li “għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi ddeterminata skond ir-regoli rilevanti tal-liġi Komunitarja, b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 44/2001”. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19 Vol. 4 p. 42), ġie sostitwit mill-10 ta’ Jannar 2015, bir-Regolament Nru 1215/2012, li ma kienx applikabbli fiż-żmien li fih seħħew il-fatti ta’ din il-kawża.


10 - Fil-kliem Kormann, “il-kredibilità tista tiġi eżaminata biss b’paragun mad-data dwar il-kreditu prinċipali” (J.M. Kormann, Das neue Europäische Mahnverfahren im Vergleich zu den Mahnverfahren in Deutschland und Österreich. Jena: Jenaer Wissenschaftliche Verlagsgesellschaft, 2007, p. 96).


11 ‑ Għandu jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 7(2)(e) tar-Regolament Nru 1896/2006, l-applikant għall-ordni ta’ ħlas Ewropea għandu jipprovdi biss f’dan l-istadju deskrizzjoni tal-provi li jakkreditaw id-dejn b’tali mod li huwa iktar probabbli li, fil-ħin tat-twettiq tal-eżami msemmi fl-imsemmi Artikolu 8, il-qorti li quddiema titressaq it-talba lanqas ma jkollha l-kuntratt konkluż bejn il-partijiet.


12 - L-Artikolu 24 tar-regolament imsemmi jipprevedi li, anki jekk ikun hemm klawżola għall-għoti ta’ ġurisdizzjoni miftiehma bejn il-partijiet, ir-rikorrent jista’ jressaq it-talba tiegħu quddiem qorti differenti minn dik miftiehma u l-konvenut jista’ b’mod taċitu jaċċetta l-ġurisdizzjoni tal-imsemmija qorti billi jidher quddiemha, li jagħmel bla effett il-ftehim ta’ għoti tal-ġurisdizzjoni li seta’ ntlaħaq preċedentement (ħlief f’każijiet ta’ ġurisdizzjoni esklużiva skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001). F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat, speċifikament fir-rigward tal-proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea li “oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea li ma tinkludix kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini ma tistax titqies bħala dehra, fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001”, anki fil-każ fejn il-konvenut għamel, fid-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni, allegazzjonijiet dwar il-mertu tal-kawża (sentenza Goldbet Sportwetten, C‑144/12, EU:C:2013:393). Ara wkoll, b’mod ġenerali dwar l-imsemmi Artikolu 24, is-sentenza Cartier parfums-lunettes u Axa Corporate Solutions assurances, C‑1/13, EU:C:2014:109, punti 34 et seq.


13 - B’kont meħud ukoll tal-fatt li Thurner Hotel tikkontesta l-eżistenza tal-klawżola għall-għoti ta’ ġurisdizzjoni li tirreferi għaliha Thomas Cook (ara l-paragrafi 2 u 3 tal-osservazzjonijiet ta’ Thurner Hotel).


14 ‑ ĠU 1972, L 299, p. 32, kif emendata permezz tal-ftehimiet sussegwenti ta’ adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda f’din il-Konvenzjoni.


15 - Sentenza Elefanten Schuh, 150/80, EU:C:1981:148, punt 10. Ara wkoll is-sentenza ČPP Vienna Insurance Group, C‑111/09, EU:C:2010:290, punti 21 etseq. Għandu jitfakkar ukoll f’dan il-punt li l-Artikolu 35(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jiċħadx ir-rikonoxximent ta’ deċiżjoni maħruġa mingħajr ma tkun ġiet irrispettata klawżola għall-għoti ta’ ġuridizzjoni miftiehma skont it-termini tal-Artikolu 23 tiegħu. Huwa jiċħad biss ir-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet mogħtija li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet fis-Sezzjoni 3 (ġurisdizzjoni f’materji li għandhom x’jaqsmu mal-assigurazzjoni), 4 (ġurisdizzjoni f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi) u 6 (ġurisdizzjoni esklużiva) tal-Kapitolu II tal-imsemmi regolament, jew fil-każ previst fl-Artikolu 72 tiegħu.


16 ‑ Ara, f’dan ir-rigward, P. Mankowski, “Artikel 23 Brüssel I-VO”, f’T. Rauscher (ed.): Europäisches Zivilprozess- und Kollisionsrecht - EuZPR / EuIPR. Múnich: Sellier, 2006, pp. 411 et seq., speċjalment il-punti 16 et seq.