Language of document : ECLI:EU:C:2014:2187

Kawża C‑491/13

Mohamed Ali Ben Alaya

vs

Bundesrepublik Deutschland

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Direttiva 2004/114/KE — Artikoli 6, 7 u 12 — Kundizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ studju — Rifjut ta’ ammissjoni ta’ persuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmija direttiva — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtoritajiet kompetenti”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-10 ta’Settembru 2014

Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni — Politika tal-immigrazzjoni — Ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal finijiet ta’ studju, skambju ta’ studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju — Direttiva 2004/114 — Kundizzjonijiet — Rifjut ta’ ammissjoni ta’ persuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mid-direttiva — Inammissibbiltà — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtoritajiet kompetenti

(Direttiva tal-Kunsill 2004/114, Artikoli 6, 7 u 12)

L-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/114, dwar il kondizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ studju, skambju ta’ studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru kkonċernat għandu jammetti fuq it-territorju tiegħu ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jixtieq jirrisjedi iktar minn tliet xhur fuq dan it-territorju għal finijiet ta’ studju, sakemm dan iċ-ċittadin ikun jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni previsti b’mod eżawrjenti fl-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-direttiva u sakemm dan l-Istat Membru ma jinvokax kontra tiegħu waħda mir-raġunijiet espliċitament elenkati mill-imsemmija direttiva li tkun tiġġustifika r-rifjut tal-permess ta’ residenza.

Fil-fatt, il-marġni ta’ diskrezzjoni li d-Direttiva tirrikonoxxi lill-Istati Membri fl-eżami tat-talbiet ta’ ammissjoni jirrigwarda biss il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-direttiva kif ukoll, f’dan il-kuntest, l-evalwazzjoni tal-fatti rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmija artikoli humiex issodisfatti, u b’mod partikolari jekk ir-raġunijiet relatati mal-eżistenza ta’ theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika jipprekludux l-ammissjoni taċ-ċittadin tal-pajjiż terz.

(ara l-punti 33, 36 u d-dispożittiv)