Language of document : ECLI:EU:F:2015:29

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

15 ta’ April 2015

Kawża F‑96/13

Nikolaos Pipiliagkas

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Trasferiment fl-interess tas-servizz — Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal — Drittijiet tad-difiża”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li bih N. Pipiliagkas jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatraˮ) tal-Kummissjoni Ewropea li tassenjah mill-ġdid permezz ta’ trasferiment, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013, għad-Direttorat “Riżorsi Komuniˮ tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Mobbilità u t-Trasportˮ (iktar ’il quddiem id-“DĠ ‘Mobbilità’ˮ) fi Brussell (il-Belġju).

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tad-19 ta’ Diċembru 2012, li tassenja mill-ġdid lil N. Pipiliagkas għad-Direttorat “Riżorsi Komuniˮ tad-Direttorat Ġenerali “Mobbilità u t-Trasportˮ fi Brussell (il-Belġju), b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013 hija annullata. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti minn N. Pipiliagkas.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja — Miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura — Talba mressqa minn uffiċjal sabiex jiġu rtirati ċerti dokumenti mill-fajl filwaqt li sostna li dawn ma kinux inklużi fil-fajl personali tiegħu — Ċaħda

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 137(2); Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 26)

2.      Uffiċjali — Fajl personali — Dokumenti li kellhom ikunu inklużi — Deċiżjoni li taffettwa s-sitwazzjoni amministrattiva ta’ uffiċjal — Kunċett — Komunikazzjonijiet min-naħa ta’ uffiċjali li jikkritikaw l-attitudni ta’ uffiċjal ieħor li wara ġie assenjat mill-ġdid — Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 26)

3.      Uffiċjali — Deċiżjoni li taffettwa s-sitwazzjoni amministrattiva ta’ uffiċjal — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi li ma humiex fil-fajl individwali tiegħu — Influwenza deċiżiva — Annullament — Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 26 u l-Artikolu 90(1))

4.      Uffiċjali — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Obbligu li l-persuna kkonċernata tinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ att li jikkawżalha preġudizzju — Portata

1.      L-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprojbixxi lill-istituzzjoni milli tuża kontra uffiċjal jew tallega kontrih dokumenti li kellhom ikunu inklużi fil-fajl personali tiegħu iżda li ma jissemmewx fih, b’tali mod li deċiżjoni tal-amministrazzjoni bbażata fuq tali dokumenti għandha tiġi annullata. Madankollu, dan l-artikolu bl-ebda mod ma jirregola l-ammissibbiltà tad-dokumenti fil-kuntest ta’ proċedura kontenzjuża.

Barra minn hekk, l-esklużjoni tad-dokumenti kkomunikati lill-uffiċjal fil-kuntest ta’ tali proċedura jkollha l-konsegwenza li tipprekludi lill-qorti tal-Unjoni milli teżamina l-motivi mqajma quddiemha li jkunu bbażati fuq l-imsemmija dokumenti. F’dan ir-rigward, ma jkunx loġiku li jiġu skartati mill-proċeduri dokumenti li jkunu servew fl-eżami ta’ motiv wara t-trattazzjonijiet li fihom dawn ikunu ġew preċiżament ikkunsidrati sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-imsemmi motiv. Barra minn hekk, tali pass imur kontra l-Artikolu 137(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea li jipprovdi li, fil-każ ta’ appell, ir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jibgħat il-proċess tal-ewwel istanza lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

(ara l-punti 26 u 27)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi Rozand-Lambiotte vs Il-Kummissjoni, T‑96/95, EU:T:1997:25, punt 42, u de Brito Sequeira Carvalho vs Il‑Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs de Brito Sequeira Carvalho, T‑40/07 P u T‑62/07 P, EU:T:2009:382, punt 99

2.      Il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jobbligax, fih innifsu, lill-amministrazzjoni tinkludi fil-fajl personali kwalunkwe dokument li jirrigwarda uffiċjal. Għaldaqstant, huwa jagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, id-“dokumenti” li għandhom ikunu inklużi fil-fajl personali biss jekk jirrigwardaw is-sitwazzjoni amministrattiva tal-uffiċjali ikkonċernat u r-“rapporti” li ma għandhomx ikunu inklużi fih ħlief jekk ma ikunu jikkonċernaw l-abbiltà tiegħu, l-effiċjenza u l-kondotta tiegħu u, min-naħa l-oħra, kwalunkwe dokument ieħor relatat mal-uffiċjal ikkonċernat.

Meta jirreferi għar-rapporti msemmija iktar ’il fuq, il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal irid jirreferi għal dokumenti formali b’konnotazzjonijiet uffiċjali relatati mal-abbiltà, l-effiċjenza jew il-kondotta tal-uffiċjali. Madankollu, fil-fajl personali għandhom jiġu inklużi wkoll dokumenti li jirreġistraw il-fatti jew l-elementi fattwali li jikkonċernaw il-kondotta tal-uffiċjal li sussegwentement jintużaw għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li taffettwa s-sitwazzjoni amministrattiva tiegħu u l-karriera tiegħu, bħall-opinjoni fil-forma ta’ nota li tinkludi evalwazzjoni dwar l-abbiltà u l-kondotta tiegħu jew id-dokumenti diġà eżistenti li jinkludu kwalunkwe allegazzjoni ta’ fatti kontrih, jew anki kwalunkwe dokument li jista’ jaffettwa s-sitwazzjoni amministrattiva tal-uffiċjal u l-karriera tiegħu. Madankollu, l-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal bl-ebda mod ma jipprekludi lil istituzzjoni milli tiftaħ investigazzjoni u li tistabbilixxi fajl għal dak il-għan u l-uniċi dokumenti relatati ma’ din l-investigazzjoni li għandhom jiġu mehmuża mal-fajl tal-uffiċjal huma l-eventwali deċiżjonijiet ta’ sanzjoni meħuda fuq il-bażi ta’ dan il-fajl ta’ investigazzjoni.

Barra minn hekk, sempliċi posta elettronika ma tistax, fil-prinċipju, titqies bħala rapporti fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal. B’mod simili, nota li l-awtur tagħha ma huwiex awtorità amministrattiva lanqas ma tista’ titqies bħala rapport fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Dokument relatat mas-sitwazzjoni amministrattiva ta’ uffiċjal u li jista’ jkollha effett determinanti fuq id-deċiżjoni għandu, fil-prinċipju, jkun ġie kkomunikat lill-uffiċjal ikkonċernat u sussegwentement imdaħħal fil-fajl personali tiegħu. Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ta’ uffiċjal, minkejja l-fatt li hija ma tikkostitwixxix rapport li jikkonċerna l—abbiltà, l-effiċjenza u l-kondotta tal-uffiċjal ikkonċernat, fis-sens tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal, posta elettronika jew nota ffirmata minn uffiċjali u aġenti li jikkritikaw l-attitudni tal-uffiċjal inkwistjoni għandhom, a priori, jiġu kkomunikati lilu u mdaħħla fil-fajl personali peress li huma jista’ jkollhom influwenza determinanti fuq id-deċiżjoni li jiġi assenjat mill-ġdid jew le.

(ara l-punti 42, 43, 46 u 48)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza Ojha vs Il-Kummissjoni, C‑294/95 P, EU:C:1996:434, punt 67

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi Rozand-Lambiotte vs Il-Kummissjoni, EU:T:1997:25, punt 42; Apostolidis vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑86/97, EU:T:1998:71, punt 36; Ojha vs Il-Kummissjoni, T‑77/99, EU:T:2001:71, punt 57; Recalde Langarica vs Il-Kummissjoni, T‑344/99, EU:T:2001:237, punt 60; Cwik vs Il-Kummissjoni, T‑155/03, T‑157/03 u T‑331/03, EU:T:2005:447, punt 52, u de Brito Sequeira Carvalho vs Il-Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs de Brito Sequeira Carvalho, EU:T:2009:382, punt 96

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi Bianchi vs ETF, F‑38/06, EU:F:2007:117, punti 45 u 48, u Talvela vs Il-Kummissjoni, F‑43/06, EU:F:2007:162, punti 59 sa 62

3.      Is-sempliċi fatt li ċerti dokumenti ma jkunux iddaħħlu fil-fajl personali ta’ uffiċjal ma huwiex tali li jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju jekk il-persuna kkonċernata tkun ġiet effettivament mgħarrfa bihom.

Fil-fatt, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li n-nuqqas ta’ infurzabbiltà fir‑rigward ta’ uffiċjal ta’ dokumenti dwar is-sitwazzjoni amministrattiva tiegħu jolqot biss id-dokumenti li ma jkunux ġew ikkomunikati lilu minn qabel. Dan ma jinkludix id-dokumenti li, għalkemm miġjuba għall‑attenzjoni tiegħu, ikunu għadhom ma ddaħħlux fil-fajl personali tiegħu. Fl-ipoteżi li l-istituzzjoni ma ddaħħalx tali dokumenti fil-fajl personali tal-uffiċjal, huwa dejjem ikun jista’ jressaq talba f’dan is-sens skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u, fil-każ li tiġi miċħuda, jressaq ilment amministrattiv. Iżda, fl-ebda każ, l-istituzzjoni ma tista’ tiġi ostakolata milli tieħu deċiżjoni fl-interess tas-servizz fuq il-bażi ta’ dokumenti li preċedentement ġew ikkomunikati lill-uffiċjal biss minħabba li ma jkunux tqiegħdu fil-fajl personali tiegħu.

(ara l-punt 49)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza Ojha vs Il-Kummissjoni, EU:C:1996:434, punt 68

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza Recalde Langarica vs Il-Kummissjoni, EU:T:2001:237, punt 60

4.      Il-fatt li l-uffiċjal ikkonċernat jiġi biss mgħarraf bil-fatti li huma l-bażi ta’ deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju ma jistax jiġi kkunsidrat bħala prova suffiċjenti li kellu l-possibbiltà li jiddefendi effettivament l-interessi tiegħu qabel l-adozzjoni tagħha. Sabiex jiġi żgurat ir‑rispett tad‑drittijiet tad-difiża tal-uffiċjal, huwa meħtieġ li l-istituzzjoni turi, bi kwalunkwe mezz, li hija qiegħdet lill-uffiċjal minn qabel fil-pożizzjoni li jifhem li l-fatti inkwistjoni, għalkemm mhux inklużi fil-fajl personali tiegħu, kienu tali li jiġġustifikaw deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju. Barra minn hekk, mill-prinċipju ta’ drittijiet tad-difiża, li tiegħu d-dritt ta’ smigħ huwa espressjoni, jirriżulta li l-persuna kkonċernata għandha tkun f’pożizzjoni, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li taffettwaha b’mod negattiv, li tesprimi b’mod effettiv il-perspettiva tagħha fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li abbażi tagħhom din id-deċiżjoni tista’ tittieħed. F’dan ir-rigward, fil-każ li s-superjuri tal-uffiċjal jikkonvokawh għal intervista, l-amministrazzjoni għandha tiżgura li l-uffiċjal ikkonċernat ikun ċarament informat bil-miżura ppjanata u speċjalment bis-suġġett tal-intervista sabiex ikun jista’ jesprimi b’mod effettiv il-perspettiva tiegħu qabel ma tiġi adottata d-deċiżjoni li taffettwah b’mod negattiv.

Madankollu, sabiex ksur tad-dritt għal smigħ ikun jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni li tikkawża preġudizzju, huwa wkoll neċessarju li jiġi eżaminat jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħetx twassal għal riżultat differenti. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u, b’mod partikolari, n-natura tal-ilmenti u l-portata tal-irregolaritajiet proċedurali mwettqa fir-rigward tal-garanziji li l-uffiċjal seta’ jibbenefika minnhom.

F’dan ir-rigward, meta d-deċiżjoni li tikkawża preġudizzju tibbaża fuq ilmenti bbażati fuq deċiżjonijiet ta’ valur suġġettiv, li konsegwentement min-natura tagħhom jistgħu jinbidlu, kieku l-uffiċjal instema’ qabel ma ġiet stabbilita din id-deċiżjoni, huwa seta’ jesprimi l-perspettiva tiegħu u konsegwentement, forsi jikseb bidla tal-evalwazzjonijiet magħmula fil-konfront tiegħu.

(ara l-punti 55, 57, 65 u 66)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza de Brito Sequeira Carvalho vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs de Brito Sequeira Carvalho, EU:T:2009:382, punt 94

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi Nastvogel vs Il-Kunsill, F‑4/10, EU:F:2011:134, punt 94; Possanzini vs Frontex, F‑124/11, EU:F:2013:137, punt 60; CH vs Il-Parlament, F‑129/12, EU:F:2013:203, punt 38; Delcroix vs SEAE, F‑11/13, EU:F:2014:91, punti 35 u 42, u Tzikas vs AFE, F‑120/13, EU:F:2014:197, punt 55