Language of document : ECLI:EU:F:2015:24

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

26 ta’ Marzu 2015

Kawża F‑41/14

CW

vs

Il‑Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Rapport ta’ evalwazzjoni — Żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni — Użu ħażin ta’ poter — Fastidju psikoloġiku — Deċiżjoni li tagħti punt ta’ mertu”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu CW ippreżentat dan ir-rikors intiż essenzjalment għall-annullament, minn naħa, tar-rapport ta’ evalwazzjoni li jirrigwarda s-sena 2012, fil-verżjoni finalizzata tiegħu permezz tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Mejju 2013 (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ evalwazzjoni 2012”), u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Interpretazzjoni u konferenzi” tal-Parlament, tal-24 ta’ Ġunju 2013, li tagħtiha punt ta’ mertu għas-sena 2012.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. CW għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-Parlament Ewropew.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Leave tal-mard — Soġġorn barra mill-post ta’ assenjazzjoni mingħajr awtorizzazzjoni — Konsegwenzi — Inklużjoni mill-amministrazzjoni ta’ rimarka fir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-uffiċjal ikkonċernat — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 60)

2.      Uffiċjali — Drittijiet u obbligi — Assenzi tal-uffiċjal — Kisba ta’ jiem ta’ leave annwali addizzjonali permezz ta’ dikjarazzjoni falza dwar l-inkapaċità tiegħu għax-xogħol — Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 43 u 60)

3.      Uffiċjali — Drittijiet u obbligi — Obbligu li jiġu eżegwiti l-ordnijiet tas-superjuri — Portata — Limiti — Rifjut minn uffiċjal li ripetutament wera insubordinazzjoni li jeżegwixxi ordni li jitlob skuża lill-kap ta’ diviżjoni tiegħu — Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 21a)

4.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Redazzjoni — Eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku — Illegalità tar-rapport ta’ evalwazzjoni — Neċessità ta’ rabta bejn il-fastidju u l-evalwazzjonijiet negattivi li jinsabu fir-rapport

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 12a, 24, 43, 90 u 91)

5.      Uffiċjali — Fastidju psikoloġiku — Kunċett — Rapport ta’ evalwazzjoni li fih kummenti negattivi, iżda mhux offensivi fil-konfront tal-uffiċjal — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 12a(3) u 43)

1.      Il-formulazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal hija ċara, espliċita u ma tipprovdi għal ebda deroga, marbuta man-natura tal-marda, bħal problema ta’ natura psikoloġika jew psikjatrika, mill-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni minn qabel meta uffiċjal ikun jixtieq iqatta’ l-leave tal-mard tiegħu f’post differenti minn dak tal-assenjazzjoni tiegħu.

Għalhekk, indipendentement mill-fatt li soġġorn barra mill-post ta’ assenjazzjoni jkun qasir u jikkorrispondi għal rakkomandazzjoni medika, l-Awtorità tal-Ħatra għandha dritt tikkonstata li uffiċjal li ma kisibx awtorizzazzjoni minn qabel ma osservax id-dispożizzjoni rilevanti tar-Regolamenti tal-Persunal għas-soġġorni barra mill-post ta’ assenjazzjoni matul leave tal-mard u li, għaldaqstant, din l-assenza ma kinitx awtorizzata.

Għaldaqstant, għalkemm ir-rapport ta’ evalwazzjoni huwa mistenni li jevalwa l-prestazzjoni tal-uffiċjal matul sena sħiħa, xejn ma jipprekludi lill-imsemmija awtorità milli tieħu nota ta’ inċident ta’ darba, b’mod partikolari meta dan tal-aħħar jirrigwarda ksur ta’ regola ċara u speċifika li tirriżulta direttament mir-Regoli tal-Persunal u meta l-uffiċjal ikkonċernat jaħseb li ma huwiex obbligat iressaq talba għal awtorizzazzjoni minn qabel. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-formulazzjoni ta’ rimarka f’rapport ta’ evalwazzjoni mhux biss ma tmurx kontra dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari l-Artikoli 43 tagħhom, iżda jista’ jkollha l-għan leġittimu li twissi lill-persuna kkonċernata u li tiġi evitat repetizzjoni tal-ksur tar-regola inkwistjoni tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan ir-rigward, osservazzjoni li tfakkar l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-uffiċjal fil-kuntest tal-osservanza tar-regoli bl-ebda mod ma hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li t-titjib fil-kondotta fis-servizz tal-uffiċjal evalwat jikkostitwixxi preċiżament għan li r-rapport ta’ evalwazzjoni jfittex li jilħaq.

Barra minn hekk, is-sitwazzjoni professjonali diffiċli li tkun wasslet għal-leave tal-mard ma tistax teżentah mill-obbligu, li japplika għal kull uffiċjal jew membru ieħor tal-persunal, li josserva t-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Persunal.

(ara l-punti 53 sa 56 u 80)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim Istanza: sentenza Österholm vs Il‑Kummissjoni, T‑190/02, EU:T:2004:191, punt 39

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Morgan vs UASI, F‑26/13, EU:F:2014:180, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata, li hija s-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑683/14 P

2.      Ma jistax jiġi aċċettat li uffiċjal jew membru ieħor tal-persunal jagħmilha ta’ bir-ruħu marid u jippretendi indebitament jum ta’ leave annwali addizzjonali. Barra minn hekk, huwa perfettament leġittimu għall-amministrazzjoni li tiżgura, inkluż permezz ta’ kumment f’rapport ta’ evalwazzjoni marbut ma irregolarità ta’ dan it-tip, li l-uffiċjali u l-membri l-oħra tal-persunal jużaw il-leave annwali tagħhom taħt kundizzjonijiet regolari.

(ara l-punt 64)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza CQ vs Il‑Parlament, F‑12/13, EU:F:2014:214, punt 118

3.      Mill-istruttura tal-Artikolu 21a tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li uffiċjal li jirċievi ordnijiet li jikkunsidra li huma irregolari jew x’aktarx se joħolqu diffikultajiet serji għandu, l-ewwel nett, jinforma lis-superjur dirett tiegħu, u sussegwentement, f’każ ta’ bżonn, jekk dan tal-aħħar jikkonferma l-ordnijiet, lill-awtorità ġerarkika ta’ fuq is-superjur dirett tiegħu. Għaldaqstant, skont din id-dispożizzjoni, l-uffiċjal huwa obbligat jeżegwixxi l-ordni, ripetuta jew ikkonfermata mis-superjuri tiegħu skont il-każ, sakemm din l-ordni ma tkunx manifestament illegali jew ma tmurx kontra l-istandards ta’ sigurtà applikabbli.

F’dan ir-rigward, f’kuntest ta’ turija ripetuta ta’ insubordinazzjoni min-naħa ta’ uffiċjal, istruzzjoni mill-awtorità ġerarkika ta’ fuqu li teżiġi li jitlob skuża lill-kap ta’ diviżjoni tiegħu, anki jekk dan il-mod ta’ kif isiru l-affarijiet ma jikkorrispondix neċessarjament għal viżjoni konformi mal-prassi tajba fil-ġestjoni tar-relazzjonijiet umani fl-ambitu professjonali, tista’ tifforma parti minn passi leġittimi meħuda mill-amministrazzjoni sabiex jiżguraw li kull uffiċjal jew membru ieħor tal-persunal josserva r-regoli tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari dawk, bħall-Artikolu 21a tar-Regoli tal-Persunal, li huma intiżi sabiex jippermettu l-iżvolġiment korrett tal-azzjoni amministrattiva ta’ kull dipartiment, fi klima ta’ fiduċja reċiproka, u, għalhekk, tibqa’ fil-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-amministrazzjoni fil-kuntest ta’ dawn il-passi.

(ara l-punti 70 u 72)

4.      Ma huwiex sempliċement minħabba li tkun ġiet ipprovata l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku subit minn uffiċjal jew membru ieħor tal-persunal li kull deċiżjoni li tikkawża preġudizzju lil dan il-membru tal-persunal u li titwettaq f’dan il-kuntest ta’ fastidju hija madankollu illegali. Fil-fatt, minħabba n-natura tagħha, l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku, bħala prinċipju, tista’ tiġi invokata biss insostenn ta’ talbiet għall-finijiet ta’ annullament diretti kontra ċ-ċaħda mill-Awtorità tal-Ħatra ta’ talba għall-assistenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant, huwa biss fuq bażi eċċezzjonali li motiv ibbażat fuq allegat fastidju jista’ jiġi invokat fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità ta’ att li jikkawża preġudizzju, bħal rapport ta’ evalwazzjoni, jekk jidher li teżisti rabta bejn il-fastidju allegat u l-evalwazzjonijiet negattivi li jinsabu f’tali rapport.

(ara l-punt 89)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi Menghi vs ENISA, F‑2/09, EU:F:2010:12, punt 69, u CF vs EASA, F‑40/12, EU:F:2013:85, punt 79

5.      Meta l-kummenti u l-evalwazzjonijiet speċifiċi li jinsabu f’rapport ta’ evalwazzjoni ta’ uffiċjal ma jammontawx għal kritika offensiva jew dannuża fil-konfront tal-persuna stess tal-uffiċjal ikkonċernat, huma ma jistgħux, bħala tali, jitqiesu li huma indizji tal-fatt li r-rapport ta’ evalwazzjoni ġie redatt għall-finijiet ta’ fastidju psikoloġiku.

(ara l-punt 90)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza Magone vs Il‑Kummissjoni, T‑73/05, EU:T:2006:127, punt 80

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi N vs Il‑Parlament, F‑26/09, EU:F:2010:17, punt 86, u CW vs Il‑Parlament, F‑48/13, EU:F:2014:186, punt 129