Language of document : ECLI:EU:C:2014:2377

Kawża C‑394/14

Sandy Siewert et

vs

Condor Flugdienst GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Rüsselsheim)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regoli tal-proċedura — Artikolu 99 — Trasport bl-ajru — Regolament (KE) Nru 261/2004 — Dewmien twil ta’ titjira — Dritt tal-passiġġieri għal kumpens — Kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni tat-trasportatur tal-ajru mill-obbligu ta’ kumpens tiegħu — Kunċett ta’ ‘ċirkustanzi straordinarji’ — Ajruplan li saritlu ħsara minn taraġ mobbli għat-tlugħ abbord matul titjira preċedenti”

Sommarju — Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-14 ta’ Novembru 2014

Trasport — Trasport bl-ajru — Regolament Nru 261/2004 — Kumpens u assistenza lill-passiġġieri fil-każ ta’ tħassir ta’ titjira — Eżenzjoni tal-obbligu ta’ kumpens — Kundizzjoni — Ċirkustanzi straordinarji — Kunċett — Ajruplan li saritlu ħsara minn taraġ mobbli għat-tlugħ abbord — Esklużjoni — Eċċezzjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 261/2004, Artikolu 5(3))

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li avveniment bħal ħabta ta’ taraġ mobbli għat-tlugħ abbord ta’ ajruport ma’ ajruplan ma jistax jiġi kkwalifikat bħala “ċirkustanza straordinarja” li teżenta lit-trasportatur tal-ajru mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa lil passiġġieri f’każ ta’ dewmien twil ta’ titjira operata minn dan l-ajruplan.

Fil-fatt, taraġ mobbli għat-tlugħ abbord jew kurituri mobbli jintużaw neċessarjament fil-kuntest ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri, li jippermetti li dawn tal-aħħar jitilgħu u li jinżlu mill-ajruplan, b’tali mod li t-trasportaturi tal-ajru jinsabu regolarment f’sitwazzjonijiet li jirriżultaw mill-użu ta’ tali taraġ mobbli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħabta ta’ ajruplan ma’ tali taraġ mobbli għandha titqies bħala avveniment inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività ta’ trasportatur tal-ajru. B’kuntrast, jekk il-ħsara ġiet ikkaġunata minn att estern għas-servizzi normali ta’ ajruport, bħal att ta’ sabotaġġ jew ta’ terroriżmu, din tkun tidħol fil-kunċett ta’ ċirkustanza straordinarja, liema ħaġa t-trasportatur tal-ajru huwa marbut li tipprova quddiem il-qorti nazzjonali.

(ara l-punti 19, 22 u d-dispożittiv)