Language of document : ECLI:EU:F:2015:55

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

21 ta’ April 2015

Kawża F‑31/11 DEP

BI

vs

Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop)

“Servizz pubbliku — Proċedura — Intaxxar tal-ispejjeż — Rappreżentazzjoni ta’ aġenzija tal-Unjoni minn avukat — Remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa — Spejjeż irkuprabbli — Sitwazzjoni ekonomika tar-rikorrent”

Suġġett:      Talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, imressqa miċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Professjonali (Cedefop) wara d-Digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-7 ta’ Marzu 2012, BI vs Cedefop (F‑31/11, EU:F:2012:28).

Deċiżjoni:      L-ammont tal-ispejjeż irkuprabbli miċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Professjonali mingħand BI abbażi tal-Kawża F‑31/11 kien ta’ EUR 5 000.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Talba għall-intaxxar — Terminu għall-preżentata — Obbligu li tiġi ppreżentata talba għall-intaxxar f’terminu raġonevoli

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 92(1))

2.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Intaxxar — Spejjeż irkuprabbli — Spejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet — Kunċett — Onorarji mħallsa minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni lill-avukat tiegħu jew tagħha — Inklużjoni — Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn ir-rikorrenti minħabba l-użu ta’ avukat f’ċerti kawżi u mhux f’oħrajn — Assenza

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 u Anness I, Artikolu 7(1); Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

3.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Intaxxar — Spejjeż irkuprabbli — Spejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet — Onorarji mħallsa minn istituzzjoni lill-avukat tagħha — Inklużjoni — Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-intaxxar — Sitwazzjoni ekonomika tal-parti kkundannata għall-ispejjeż — Esklużjoni

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19, u Anness I, Artikolu 7(1); Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

1.      Talba għall-intaxxar tal-ispejjeż għandha titressaq f’terminu raġonevoli li lil hinn minnu l-parti li ġiet ikkundannata għall-ispejjeż ikollha dritt tikkunsidra li l-kreditur irrinunzja għad-dritt tiegħu. Barra minn hekk, in-natura raġonevoli tat-terminu għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi kollha partikolari għal kull każ u, b’mod partikolari, skont l-interess fil-kwistjoni għall-parti kkonċernata, il-kumplessità tal-każ u l-aġir tal-partijiet involuti.

Fir-rigward tal-aġir tal-partijiet, għalkemm il-preżentata ta’ appell ma għandhiex effett ta’ sospensjoni, huwa komprensibbli li parti li għandha dritt għall-ħlas tal-ispejjeż tista’ tistenna l-iskadenza tat-terminu tal-appell qabel ma tippreżenta t-talba tagħha għar-rimbors tal-ispejjeż.

(ara l-punti 14 u 16)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza Réexamen Arango Jaramillo et vs BEI, C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punti 28, 30 u 33, u d-digriet Dietz vs Il-Kummissjoni, 126/76 DEP, EU:C:1979:158, punt 1

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: digriet Air France vs Il-Kummissjoni, T‑2/93 DEP, EU:T:1996:48, punti 10 et seq

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digriet BI vs Cedefop, F‑31/11, EU:F:2012:28

2.      Mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku skont l-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-imsemmi Statut, jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, fir-rigward tal-mod kif huma jkunu jridu jiġu rrappreżentati jew assistiti quddiem il-Qorti tal-Unjoni, huma liberi li jiddeċiedu li jirrikorru għall-assistenza ta’ avukat. F’dan ir-rigward, ir-remunerazzjoni ta’ dan l-avukat taqa’ taħt il-kunċett ta’ spejjeż indispensabbli sostnuti għall-finijiet tal-proċedura, fejn l-istituzzjoni ma tkunx obbligata li turi li l-intervent ta’ dan l-avukat kienet oġġettivament mhux iġġustifikata. Hemm lok, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-organi tal-Unjoni jiġu assimilati mal-imsemmija istituzzjonijiet.

Barra minn hekk, il-fatt li organu tal-Unjoni jkun talab l-intervent ta’ aġent u avukat estern ma jinċidix fuq in-natura potenzjalment irkuprabbli tal-ispejjeż inkwistjoni, xejn ma jippermetti li dawn jiġu esklużi fil-prinċipju. Dan jista’ madankollu jkollu effett fuq id-determinazzjoni tal-ammont tal-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċedura li għandhom jiġu rkuprati in fine. Għalhekk, ma jistax ikun hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn ir-rikorrenti meta istituzzjoni jew organu tal-Unjoni jiddeċiedi li jirrikorri għas-servizzi ta’ avukat f’ċerti kawżi, filwaqt li, f’oħrajn, din l-istituzzjoni jew dan l-organu jkun irrappreżentat mill-aġenti tiegħu.

Kull evalwazzjoni li tissuġġetta d-dritt ta’ istituzzjoni jew ta’ organu tal-Unjoni, li jitlob integralment jew parzjalment l-onorarji mħallsa lil avukat, għad-demostrazzjoni ta’ neċessità oġġettiva li jintużaw is-servizzi tiegħu tikkostitwixxi fir-realtà limitazzjoni indiretta tal-libertà ggarantita mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u timplika għall-qorti tal-Unjoni l-obbligu li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-istituzzjonijiet u organi responsabbli mill-organizzazzjoni tas-servizzi tagħhom. Issa, tali kompitu ma huwiex kompatibbli la mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas mas-setgħa ta’ organizzazzjoni interna li jgawdu minnha l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni fir-rigward tal-ġestjoni tal-kawżi tagħhom quddiem il-qrati tal-Unjoni. Isegwi li ċ-ċirkustanza li organu tal-Unjoni għandu dipartiment legali ma tinċidix fuq in-natura rkuprabbli tal-ispejjeż li jikkonsistu fir-remunerazzjoni, minn dan l-organu, ta’ avukat li ma jifformax parti mill-persunal tiegħu.

(ara l-punti 30 sa 33)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: Digriet Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, C‑554/11 P‑DEP, EU:C:2013:706, punt 17

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: Digriet Longinidis vs Cedefop, T‑283/08 P‑DEP, EU:T:2014:1083, punti 24 sa 26 u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Digriet Chatzidoukakis vs Il-Kummissjoni, F‑84/10 DEP, EU:F:2014:41, punt 21

3.      Fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-ispejjeż irkuprabbli, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex awtorizzata li tintaxxa l-onorarji dovuti minn partijiet lill-avukati tagħhom, iżda li tiddetermina l-ammont li fih dawn ir-remunerazzjonijiet jistgħu jiġu rkuprati mingħand il-parti kkundannata għall-ispejjeż. Meta tiddeċiedi fuq it-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, il-Qorti tal-Unjoni la hija obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni tariffa nazzjonali li tistabbilixxi l-onorarji tal-avukati u lanqas ftehim eventwali konkluż f’dan ir-rigward bejn il-parti kkonċernata u l-aġenti jew il-konsulenti tagħha.

Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet ta’ natura tariffarja fid-dritt tal-Unjoni, il-qorti għandha tevalwa liberament il-fatti tal-kawża, hija u tieħu inkunsiderazzjoni s-suġġett u n-natura tal-kawża, l-importanza tagħha mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll id-diffikultajiet tal-kawża, l-ammont ta’ xogħol li l-proċedura kontenzjuża setgħet ħolqot lill-membri tal-persunal jew lill-konsulenti involuti u l-interessi ekonomiċi li l-partijiet kellhom fil-kawża.

F’dan ir-rigward, anki fl-assenza ta’ rendikont tas-servizzi pprovduti mill-avukat u tal-ħin iddedikat għalihom, peress li l-onorarji huma stabbiliti fuq bażi ta’ somma f’daqqa, jista’ jiġi dedott mis-sempliċi fatt tar-redazzjoni tar-risposta li dan l-avukat effettivament ipproduċa l-atti u s-servizzi neċessarji għall-finijiet tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Barra minn hekk, in-natura ta’ somma f’daqqa tar-remunerazzjoni ma tinċidix fuq l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-ammont irkuprabbli tal-ispejjeż, peress li l-qorti tibbaża ruħha fuq kriterji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza stabbilita sew u l-indikazzjonijiet preċiżi li l-partijiet għandhom jipprovdulha. Għalkemm l-assenza ta’ tali informazzjoni ma tostakolax lill-Qorti Ġenerali milli tiffissa, abbażi ta’ evalwazzjoni xierqa, l-ammont tal-ispejjeż irkuprabbli, madankollu din l-assenza tqegħidha f’sitwazzjoni li twettaq evalwazzjoni neċessarjament stretta għal dak li jikkonċerna t-talbiet tar-rikorrent.

Barra minn hekk, is-sitwazzjoni ekonomika ta’ parti kkundannata għall-ispejjeż ma taqax taħt il-kriterji li fid-dawl tagħhom jiġi stabbilit l-ammont tal-ispejjeż irkuprabbli mill-qorti tal-Unjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ intaxxar tal-ispejjeż.

(ara l-punti 35, 36, 41, 42 u 48)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: Digrieti Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑278/07 P‑DEP, EU:T:2013:269, punt 20 u Longinidis vs Cedefop, EU:T:2014:1083, punt 67

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Blais vs BĊE, F‑6/08, EU:F:2008:160, punti 111 sa 116; digrieti Martinez Erades vs SEAE, F‑64/12 DEP, EU:F:2013:111, punt 21 u Chatzidoukakis vs Il-Kummissjoni, EU:F:2014:41, punti 22 u 23 u l-ġurisprudenza ċċitata