Language of document : ECLI:EU:F:2014:273

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

11 ta’ Diċembru 2014

Kawża F‑14/14

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Artikolu 34(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura – Effett ħażin fuq l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja – Esklużjoni mill-proċedura ta’ avukat”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li japplika għat-Trattat KEEA abbażi tal-Artikolu 106a tiegħu.

Deċiżjoni:      Z huwa eskluż mill-proċedura skont l-Artikolu 34(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura. Kopja ta’ dan id-digriet hija indirizzata lill-awtoritajiet kompetenti Taljani li huwa suġġett għalihom Z.

Sommarju

Proċedura ġudizzjarja – Rappreżentanza tal-partijiet – Esklużjoni mill-proċedura ta’ rappreżentant ta’ parti

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 34(1) u (2))

Hemm lok li jiġi applikat l-Artikolu 34(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jiġi eskluż l-avukat ta’ rikorrent mill-proċedura quddiem l-imsemmi Tribunal u sabiex tiġi indirizzata kopja tad-digriet lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li huwa suġġett għalihom, meta jkun suffiċjentement stabbilit li, bl-aġir tiegħu, dan l-avukat jikkontribwixxi, mingħajr dixxerniment, sabiex ir-rikorrent iżomm l-attitudni gergurija, li, fid-dawl tan-numru partikolarment għoli ta’ rikorsi ppreżentati minn dan tal-aħħar quddiem it-tliet qrati tal-unjoni, numru li ma jistax ma ndunax bih avukat normalment diliġenti, tirriżulta partikolarment ta’ preġudizzju għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-avukat ma jissodisfax b’mod sħiħ ir-rwol tiegħu li għandu jwasslu sabiex jagħti parir lir-rikorrent li jaġixxi b’azzjoni legali b’moderazzjoni u, f’kull każ, li ma jippreżentax rikors repettitiv u superfluwu li għandu mnejn iżid jerġa’ iktar il-piż ta’ xogħol tat-tliet qrati tal-Unjoni, li diġà ġie mgħobbi ħafna u, ta’ spiss, b’mod inutli bir-rikorsi ppreżentati mill-persuna kkonċernata.

L-esklużjoni tobbliga lir-rikorrent jaħtar avukat ieħor skont l-Artikolu 34(3) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, iżda bl-ebda mod ma tippreġudika l-evalwazzjoni li l-imsemmi Tribunal jagħmel dwar il-mertu tar-rikors, li jibqa’ adit bih sakemm ir-rikorrent iżomm interess ġuridiku, jew sakemm jirtira r-rikors jew sakemm ir-rikors isir bla skop.

(ara l-punti 20 sa 23)