Language of document : ECLI:EU:F:2014:268

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

10 ta’ Diċembru 2014

Kawża F‑115/13

Christina Helwig

vs

L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (AEA)

“Servizz pubbliku – Membru tal-persunal bil-kuntratt – Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat – Rikors manifestament inammissibbli u manifestament infondat fid-dritt”

Suġġett:      Rikors, imressaq taħt l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu C. Helwig tikkontesta d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (AEA) rrifjutat li ġġedded il-kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt tagħha, u titlob kumpens għad-dannu li din id-deċiżjoni kkawżatilha.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli u manifestament infondat fid-dritt. C. Helwig għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Dmir ta' premura tal-amministrazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tal-impjegat ikkonċernat – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 7; Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikoli 47 u 119)

2.      Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat – Trattament iddifferenzjat ta’ impjegati fl-aħħar tal-kuntratt – Assenza ta’ diskriminazzjoni – Kundizzjonijiet

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikoli 47 u 119)

1.      Il-possibbiltà li jiġġedded kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt għal żmien determinat tikkostitwixxi sempliċi possibbiltà li titħalla fid-diskrezzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, peress li l-istituzzjonijiet għandhom f’dan ir-rigward setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom, skont il-missjonijiet assenjati lilhom, u fl-assenjazzjoni, f’dan ir-rigward, tal-persunal li jkun għad-dispożizzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni li din l-assenjazzjoni ssir fl-interess tas-servizz.

Barra minn hekk, l-awtorità kompetenti għandha, meta hija tieħu deċiżjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ impjegat, tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha, jiġifieri mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll, b’mod partikolari, dak tal-impjegat ikkonċernat. Dan jirriżulta, fil-fatt, mid-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni, li jirrifletti l-ekwilibriju tad-drittijiet u obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u, b’analoġija, il-kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea, stabbilixxew fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-impjegati tagħha.

Madankollu, id-dmir ta’ premura ma jistax jiġi interpretat bħala li jimplika l-obbligu għall-amministrazzjoni li tivverifika, qabel ma tiddeċiedi li ma ġġeddidx il-kuntratt għal żmien determinat ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt, jekk dan tal-aħħar jistax jiġi allokat f’pożizzjoni oħra.

Fi kwalunkwe każ, meta wieħed jikkunsidra s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa mogħtija lill-istituzzjonijiet f’dan ir-rigward, l-istħarriġ tal-qorti huwa limitat għall-verifika tal-assenza ta’ żball manifest jew ta’ użu ħażin ta’ poter.

(ara l-punti 18 sa 20 u 22)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi Kyrpitsis vs CES, T‑13/95, EU:T:1996:50, punt 52; Potamianos vs Il-Kummissjoni, T‑160/04, EU:T:2008:438, punt 30, u ETF vs Landgren, T‑404/06 P, EU:T:2009:313, punt 162

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza Il-Kummissjoni vs Macchia, T‑368/12 P, EU:T:2014:266, punt 59

2.      Id-deċiżjoni ta’ aġenzija tal-Unjoni li ma ġġeddidx il-kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt minkejja li lil membri tal-persunal bil-kuntratt oħrajn ikun ġie offrut, fl-aħħar tal-kuntratt tagħhom għal żmien determinat, it-tiġdid tal-kuntratt tagħhom ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt u l-klassifikazzjoni tagħhom f’xogħol ieħor tal-imsemmija aġenzija ma tikkostitwix nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li ma huwiex stabbilit li, meta wieħed jikkunsidra n-natura tal-funzjonijiet li huwa kien jokkupa qabel, il-kwalità tas-servizzi li huwa wera preċedentement u l-profil tal-pożizzjonijiet li jistgħu jiġu offruti, il-membru tal-persunal bil-kuntratt isib ruħu, fir-rigward ta’ possibbiltà ta’ tiġdid tal-kuntratt tiegħu, f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-membri tal-persunal bil-kuntratt l-oħrajn.

(ara l-punti 28 u 29)