Language of document : ECLI:EU:C:2015:654

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

6 ta’ Ottubru 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Lis alibi pendens — Artikoli 16 u 19(1) u (3) — Proċedura għal separazzjoni legali fl-ewwel Stat Membru u proċedura għal divorzju fit-tieni Stat Membru — Ġurisdizzjoni tal-qorti adita l-ewwel — Kunċett ta’ ġurisdizzjoni ‘stabbilita’ — Skadenza tal-ewwel proċedura u preżentata ta’ proċedura ġdida għal divorzju fl-ewwel Stat Membru — Konsegwenzi — Differenza fil-ħin bejn l-Istati Membri — Effetti fuq il-proċedura ta’ tressiq ta’ kawża quddiem qorti”

Fil-Kawża C‑489/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Family Division [Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), diviżjoni tal-familja, ir-Renju Unit], permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Ottubru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Novembru 2014, fil-proċedura

A,

vs

B,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Ġunju 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal A, minn T. Amos, QC, u H. Clayton, barrister,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn M. Holt, bħala aġent, assistit minn M. Gray, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Settembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(1) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn is-Sinjura A u s-Sur B rigward id-divorzju tagħhom.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 2201/2003

3        L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Il-ġurisdizzjoni ġenerali”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli skont il-post ta’ residenza ta’ wieħed mill-konjuġi jew taż-żewġ konjuġi, in-nazzjonalità tagħhom jew, fil-każ tar-Renju Unit, skont id-“domiċilju” komuni.

4        L-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-Pussess ta’ Qorti [kawża mressqa quddiem qorti]”, jipprevedi:

“Qorti għandha tiġi kkunsidrata li hija fil-pussess [tressqet kawża quddiemha];

a)      fiż-żmien li d-dokument li istitwixxa l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti jiġu ppreżentati l-qorti, dment li l-applikant ma naqasx/sitx sussegwentement milli jieħu/tieħu l-passi neċessarji li kienu dovuti sabiex issir in-notifika fuq il-konvenut;

jew

b)      jekk id-dokument għandu jiġi nnotifikat qabel ma jiġi ppreżentat il-qorti, waqt iż-żmien li jiġi riċevut mill-awtorità responsabbli għas-servizz, dment li l-applikant ma jonqosx milli jieħu l-passi li kellu jieħu biex id-dokument jiġi ppreżentat il-qorti.”

5        L-Artikolu 19 tal-istess regolament, intitolat “Lis pendens u azzjonijiet dipendenti”, jipprevedi:

“1. Fejn il-proċedimenti dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieg bejn l-istess partijiet jinġiebu quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, it-tieni qorti li tkun ħadet il-pussess [il-qorti adita t-tieni] għandha b’mozzjoni proprja żżomm il-proċedimenti sakemm il-ġurisdizzjoni ta’ l-qorti li tkun ħadet il-pussess l-ewwel [il-qorti adita l-ewwel] tigi stabbilita.

2.      Fejn il-proċedimenti dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar l-istess minuri u li tinkludi l-istess kawża se jidħru quddiem qrati fi Stati Membri differenti, it-tieni qorti li ħadet il-pussess għandha b’mozzjoni tagħha stess żżomm il-proċedimenti sakemm il-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti tiġi stabbilita.

3.      Fejn il-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti li ħadet il-pussess tiġi stabbilita, it-tieni qorti bil-pussess għandha iċċedi l-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.

F’dak il-każ, il-parti li tkun ġabet il-kawza relevanti quddiem il-qorti li ħadet il-ta’ l-pussess wara, tista’ ġġib dik il-kawza quddiem il-qorti li ħadet ita’ l-pussess l-ewwel.”

 Ir-Regolament (KE) Nru 44/2001

6        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42) tħassar permezz tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, p. 1).

7        L-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, li kien jagħmel parti mis-Sezzjoni 9 tal-Kapitolu II ta’ dan, intitolat “Lis pendens – azzjonijiet relatati”, kien jipprevedi:

“1. Meta proċedimenti jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet ikunu miġjuba quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, xi qorti apparti mil-ewwel qorti li jkollha quddiema l-każ [qorti adita l-ewwel] għandha bl-inizjattiva tagħha stess tissosspendi l-proċedimenti ta’ quddiemha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata.

2.      Meta tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata, xi qorti oħra apparti mill-ewwel qorti invokata għandha tastieni mill-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.”

 Il-Konvenzjoni ta’ Brussell

8        Ir-Regolament Nru 44/2001 issostitwixxa, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-qasam ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata permezz tal-konvenzjonijiet suċċessivi rigward l-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda f’din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”).

9        L-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell li kien jinsab fis-Sezzjoni 8, intitolat “Lis pendens – azzjonijiet relatati”, tat-Titolu II ta’ din, kien jipprevedi:

“Meta proċedimenti li jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u jkunu bejn l-istess partijiet jitressqu quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, kwalunkwe qorti apparti mill-ewwel qorti li tkun invokata l-ewwel [qorti adita l-ewwel] għandha bl-inizjattiva tagħha stess tissospendi l-proċedimenti tagħha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti invokata.

Meta l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti invokata tiġi stabbilita, kwalunkwe qorti minbarra l-qorti invokata l-ewwel għandha tirrinunzja l-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.”

 Id-dritt Franċiż

10      L-Artikolu 1111 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprevedi:

“Meta tikkonstata, wara li tkun semgħet kull wieħed mill-konjuġi dwar il-prinċipju tat-tkissir taż-żwieġ, li l-applikant iżomm it-talba tiegħu, il-qorti tista’ tagħti digriet permezz ta’ liema hija tista’ jew tirreferi lill-partijiet, skont l-Artikolu 252‑2 tal-Kodiċi Ċivili, għal tentattiv ġdid ta’ konċiljazzjoni, jew tawtorizza immedjatament lill-konjuġi jippreżentaw proċeduri għal divorzju.

Fiż-żewġ każijiet, hija tista’ tordna l-miżuri provviżorji kollha jew parti minnhom previsti fl-Artikoli 254 sa 257 tal-Kodiċi Ċivili.

Meta tawtorizza li jiġu ppreżentati proċeduri, il-qorti tfakkar fid-digriet tagħha t-termini previsti fl-Artikolu 1113 ta’ dan il-kodiċi.”

11      L-Artikolu 1113 tal-imsemmi kodiċi huwa redatt b’dan il-mod:

“Matul it-tliet xhur mill-għoti tad-digriet, huwa biss il-konjuġi li jkun ressaq it-talba inizjali li jista’ jippreżenta ċitazzjoni għal divorzju.

Fil-każ ta’ rikonċiljazzjoni tal-konjuġi jew jekk il-proċeduri ma jiġux ippreżentati matul it-tletin xahar mill-għoti tad-digriet, id-dispożizzjonijiet kollha jiskadu, inkluża l-awtorizzazzjoni sabiex jiġu ppreżentati proċeduri.”

12      Skont l-Artikolu 1129 tal-istess kodiċi, “Il-proċedura tas-separazzjoni legali hija suġġetta għar-regoli previsti għall-proċedura tad-divorzju”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13      Is-Sinjura A u s-Sur B, it-tnejn ċittadini Franċiżi, iżżewwġu fi Franza fis-27 ta’ Frar 1997 wara li kkonkludew kuntratt ta’ żwieġ taħt id-dritt Franċiż taħt ir-reġim ta’ separazzjoni tal-beni. Huma stabbilixxew ruħhom fir-Renju Unit fis-sena 2000. Il-koppja welldet żewġt itfal, tewmin, fl-1999, u tielet wild fl-2001. Il-familja kompliet tirrisjedi fir-Renju Unit sax-xahar ta’ Ġunju 2010, data li fiha l-konjuġi sseparaw wara li s-Sur B telaq mid-dar matrimonjali.

14      Fit-30 ta’ Marzu 2011, is-Sur B ippreżenta rikors għal separazzjoni legali quddiem il-qorti tal-familja tat-tribunal de grande instance ta’ Nanterre (Franza).

15      Fid-19 ta’ Mejju 2011, b’reazzjoni għal din il-proċedura mibdija minn żewġha, is-Sinjura A ressqet quddiem l-Aġenzija għall-għajnuna għall-wild (Child Support Agency) talba għal manteniment għat-tfal taħt il-kustodja tagħha u mbagħad ressqet talba għal divorzju kif ukoll talba distinta għal ħlas ta’ manteniment quddiem il-qrati tar-Renju Unit tal-24 ta’ Mejju 2011.

16      Il-High Court of Justice (England & Wales), Family Division, ir-Renju Unit [il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), diviżjoni tal-familja] madankollu ċaħdet il-ġurisdizzjoni fuq it-talba għal divorzju, fis-7 ta’ Novembru 2012, abbażi tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003 bil-kunsens tas-Sinjura A.

17      Fil-15 ta’ Diċembru 2011, il-qorti tal-familja tat-tribunal de grande instance ta’ Nanterre adottat id-digriet ta’ non-konċiljazzjoni u ddikjarat li l-kwistjonijiet rigward it-tfal, inklużi t-talbiet rigward obbligi ta’ manteniment, kellhom jiġu ttrattati fir-Renju Unit, iżda li l-qrati Franċiżi kellhom ġurisdizzjoni sabiex jadottaw ċerti miżuri provviżorji. Hija ordnat li s-Sur B għandu jħallas lis-Sinjura A allowance fix-xahar ta’ EUR 5 000. Dan id-digriet ġie kkonfermat f’appell permezz ta’ deċiżjoni tal-qorti tal-appell ta’ Versailles (Franza) tat-22 ta’ Novembru 2012.

18      Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li, fl-assenza ta’ ċitazzjoni fit-terminu ta’ 30 xahar li bdew jgħoddu mill-għoti tad-digriet ta’ non-konċiljazzjoni mill-qorti Franċiża, id-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar skadew fis-16 ta’ Ġunju 2014 f’nofs il-lejl.

19      Fis-17 ta’ Diċembru 2012, is-Sur B ressaq talba għal divorzju quddiem qorti Franċiża. Madankollu, it-talba tiegħu ġiet iddikjarata irregolari fil-11 ta’ Lulju 2013 minħabba li ma setgħetx tintlaqa’, peress li kien hemm diġà proċedura għal separazzjoni legali pendenti.

20      Fit-13 ta’ Ġunju 2014, is-Sinjura A ressqet talba ġdida għal divorzju quddiem qorti tar-Renju Unit. Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li s-Sinjura A kienet ipprovat tikseb, mingħajr suċċess, li din it-talba jkollha effett biss minn nofs il-lejl u minuta, fis-17 ta’ Ġunju 2014.

21      Fit-8.20 ta’ filgħodu, ħin Franċiż, fis-17 ta’ Ġunju 2014, is-Sur B, min-naħa tiegħu, ressaq it-tieni talba għal divorzju quddiem qorti Franċiża. Il-qorti tar-rinviju tosserva li kienu s-7.20 ta’ filgħodu fir-Renju Unit u li ma kienx possibbli, f’dan il-ħin, li jiġi ppreżentat rikors quddiem qorti tar-Renju Unit.

22      Fid-9 ta’ Ottubru 2014, is-Sur B talab quddiem il-qorti tar-rinviju t-tħassir jew iċ-ċaħda tat-talba għal divorzju mressqa mis-Sinjura A fir-Renju Unit, abbażi tal-fatt li l-ġurisdizzjoni tal-qrati Franċiżi kienet stabbilita, mingħajr ambigwità jew kontestazzjoni possibbli, fis-sens tal-Artikolu 19(3) tar-Regolament Nru 2201/2003.

23      Il-qorti tar-rinviju tqis li s-Sur B ipprova, billi ressaq quddiem il-qrati Franċiżi talbiet għal divorzju, jipprekludi lis-Sinjura A milli tkun tista’ tibda proċedura għal divorzju fir-Renju Unit. B’dan il-mod, huwa ma rrinunzjax it-talba tiegħu għal separazzjoni legali qabel ma ressaq talba għal divorzju fi Franza sabiex jevita li, fl-intervall bejn iż-żewġ proċeduri marbuta ma’ dawn it-talbiet, is-Sinjura A tkun tista’ tressaq b’mod validu talba għal divorzju fir-Renju Unit u tikseb deċiżjoni ta’ qorti ta’ dan l-Istat Membru dwar il-kwistjonijiet kollha marbuta mad-divorzju, b’mod partikolari fil-qasam patrimonjali. Skont il-qorti tar-rinviju, is-Sur B, bil-kontra tal-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, abbuża, bl-għażliet proċedurali tiegħu, mid-drittijiet li kellu taħt ir-Regolament Nru 2201/2003.

24      Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li s-Sur B ma ħa prattikament l-ebda inizjattiva fil-proċedura għal separazzjoni legali u tistaqsi, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk jistax jitqies li l-ġurisdizzjoni tal-qorti Franċiża ġiet “stabbilita” fis-sens tal-Artikolu 19(1) u (3) tal-imsemmi regolament.

25      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-High Court of Justice (England & Wales), Family Division [il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), diviżjoni tal-familja] iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Għall-finijiet tal-Artikolu 19(1) u (3), [tar-Regolament Nru 2201/2003], xi tfisser ‘stabbilita’, f’ċirkustanzi fejn:-

a)      ir-rikorrent, fil-proċeduri quddiem il-qorti tal-ewwel istanza (iktar ’il quddiem il-‘proċeduri fl-ewwel istanza’), ma jieħu virtwalment ebda passi fil-proċeduri fl-ewwel istanza lil hinn mill-ewwel seduta tal-qorti, u b’mod partikolari ma jippreżentax ċitazzjoni (Assignation) fit-terminu għall-iskadenza tar-rikors (Requete), bir-riżultat li l-proċeduri fl-ewwel istanza jiskadu mingħajr deċiżjoni permezz tal-mogħdija taż-żmien u skont il-liġi (Franċiża) lokali tal-proċeduri fl-ewwel istanza, jiġifieri 30 xahar wara l-ewwel seduta ta’ informazzjoni;

b)      il-proċeduri fl-ewwel istanza jiskadu kif intqal iktar ’il fuq ftit wara (3 iġranet) li jitressqu fl-Ingilterra l-proċeduri quddiem il-qorti tat-tieni istanza (iktar ’il quddiem il-‘proċeduri fit-tieni istanza’), bir-riżultat li ma jkun hemm ebda sentenza fi Franza u lanqas il-perikolu ta’ sentenzi irrikonċiljabbli bejn il-proċeduri fl-ewwel istanza u l-proċeduri fit-tieni istanza; u

c)      minħabba ż-żona orarja tar-Renju Unit, ir-rikorrent fil-proċeduri fl-ewwel istanza jkun, wara l-iskadenza tal-proċeduri fl-ewwel istanza, għadu f’pożizzjoni li jibda proċeduri ta’ divorzju fi Franza qabel ma r-rikorrent [fil-proċeduri fit-tieni istanza] ikun jista’ jibda proċeduri ta’ divorzju fl-Ingilterra?

2)      B’mod partikolari, ‘stabbilita’ timplika li r-rikorrent fil-proċeduri fl-ewwel istanza għandu jieħu passi biex ikompli l-proċeduri fl-ewwel istanza bid-diliġenza u bl-ispeditezza dovuta għar-riżoluzzjoni tat-tilwima (kemm jekk permezz tal-qorti jew bi ftehim bonarju), jew ir-rikorrent fil-proċeduri fl-ewwel istanza, ladarba ikun assigura l-ġurisdizzjoni skont l-Artikoli 3 u 19(1), huwa liberu li ma jieħu l-ebda passi sostantivi lejn ir-riżoluzzjoni tal-proċeduri fl-ewwel istanza kif intqal iktar ’il fuq, u huwa għalhekk liberu li sempliċiment jiżgura l-waqfien tal-proċeduri fit-tieni istanza u nuqqas ta’ progress fit-tilwima b’mod ġenerali?”

 Fuq id-domandi preliminari

26      Bid-domandi tagħha li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, fir-rigward ta’ proċeduri għal separazzjoni legali u għal divorzju mibdija bejn l-istess partijiet quddiem qrati ta’ żewġ Stati Membri, jekk l-Artikolu 19(1) u (3) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-proċedura quddiem il-qorti adita l-ewwel fl-ewwel Stat Membru skadiet wara li ġiet adita t-tieni qorti fit-tieni Stat Membru, il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita l-ewwel għandha titqies li ma hijiex stabbilita. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod partikolari jekk, sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, il-fatt li l-imsemmija skadenza seħħet ftit taż-żmien qabel il-preżentata tat-tielet proċedura quddiem qorti tal-ewwel Stat Membru, l-aġir tal-applikanti fl-ewwel proċedura, b’mod partikolari l-assenza ta’ diliġenza min-naħa tagħha, u l-eżistenza ta’ differenza fil-ħin bejn l-Istati Membri kkonċernati, li tippermetti li l-qrati tal-ewwel Stat Membru jiġu aditi qabel dawk tat-tieni Stat Membru, humiex rilevanti.

27      Qabel kollox għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003 huwa redatt f’termini simili għal dawk użati fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, li ssostitwixxa l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, u jistabbilixxi mekkaniżmu ekwivalenti għal dak previst fiż-żewġ artikoli msemmija l-aħħar sabiex jiġu ttrattati każijiet ta’ lis alibi pendens. Għaldaqstant għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward dawn l-artikoli msemmija l-aħħar.

28      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, bħall-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 u l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-kunċett ta’ “ġurisdizzjoni stabbilita” li jinsab fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu, billi jsir riferiment għall-istruttura u għall-għan tal-att li fih huwa inkluż (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Shearson Lehman Hutton, C‑89/91, EU:C:1993:15, punt 13, kif ukoll Cartier parfums-lunettes u Axa Corporate Solutions assurances, C‑1/13, EU:C:2014:109, punt 32).

29      Fir-rigward tal-għan tar-regoli ta’ lis alibi pendens inklużi fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003, għandu jiġi osservat li dawn ir-regoli huma intiżi sabiex jevitaw proċeduri paralleli quddiem il-qrati ta’ Stati Membri differenti u d-deċiżjonijiet kunfliġġenti li jistgħu jirriżultaw minn dan (ara s-sentenza Purrucker, C‑296/10, EU:C:2010:665, punt 64). Għal dan l-għan, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi mekkaniżmu ċar u effikaċi sabiex jiġu riżolti l-każijiet ta’ lis alibi pendens (ara, b’analoġija, fir-rigward tar-Regolament Nru 44/2001, is-sentenza Cartier parfums-lunettes u Axa Corporate Solutions assurances, C‑1/13, EU:C:2014:109, punt 40).

30      Kif jirriżulta mit-termini “qorti adita l-ewwel” u “qorti adita t-tieni” li jinsabu fl-Artikolu 19(1) u (3) tar-Regolament Nru 2201/2003, dan il-mekkaniżmu huwa bbażat fuq l-ordni kronolġiku li fih il-qrati ġew aditi.

31      Sabiex jiġi ddeterminat il-mument li fih qorti titqies adita u b’hekk biex jiġi stabbilit liema hija l-qorti adita l-ewwel, għandu jsir riferiment għall-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament intitolat “Il-Pussess ta’ Qorti [kawża mressqa quddiem qorti]”.

32      Skont l-Artikolu 16, qorti titqies adita, skont l-għażla magħmula fid-dritt nazzjonali applikabbli, jew fid-data li fiha l-att promotur jew att ekwivalenti jiġi ppreżentat quddiem il-qorti, jew inkella, jekk dan l-att għandu jiġi nnotifikat qabel ma jiġi ppreżentat quddiem il-qorti, fid-data li fiha jiġi riċevut mill-awtorità kompetenti. Madankollu, il-qorti tista’ titqies adita biss bil-kundizzjoni li l-applikant ma jkunx ittraskura t-teħid, sussegwentement, tal-passi li kellu jieħu sabiex, fl-ewwel għażla, l-att jiġi nnotifikat lill-konvenut jew, fit-tieni għażla, l-att jiġi ppreżentat quddiem il-qorti.

33      Sabiex jiġi ddeterminat, imbagħad, jekk teżistix sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens, mill-kliem tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jirriżulta li, bil-kontra tar-regoli tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001, applikabbli għall-materji ċivili u kummerċjali, fi kwistjonijiet matrimonjali, identiċità tal-kawża u tas-suġġett tat-talbiet magħmula quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti ma hijiex mitluba. Kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, filwaqt li t-talbiet għandhom jikkonċernaw l-istess partijiet, dawn jista’ jkollhom suġġett distint, sakemm ikunu jirrigwardaw separazzjoni legali, divorzju jew annullament ta’ żwieġ. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata permezz tal-paragun bejn il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003 li juri li huwa biss dan il-paragrafu 2, dwar azzjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, jissuġġetta l-applikazzjoni tiegħu għal identiċità tas-suġġett u tal-kawża tal-azzjonijiet mibdija. Għaldaqstant, sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens tista’ teżisti meta żewġ qrati ta’ Stati Membri differenti jiġu aditi, bħal fil-kawża prinċipali, bi proċedura għal separazzjoni legali fil-każ ta’ waħda u bi proċedura għal divorzju fil-każ tal-oħra jew meta titressaq quddiem it-tnejn li huma talba għal divorzju.

34      F’tali ċirkustanzi u f’każ ta’ identiċità tal-partijiet, skont il-kliem tal-Artikolu 19(1) ta’ dan ir-regolament, il-qorti adita t-tieni għandha tissospendi l-proċeduri ex officio sakemm il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita l-ewwel tiġi stabbilita. F’dan ir-rigward, għandu jitqies li l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 tgħodd ukoll għall-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 2201/2003. B’dan il-mod, sabiex il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita l-ewwel tiġi stabbilita fis-sens tal-Artikolu 19(1) ta’ dan ir-regolament, biżżejjed li l-qorti adita l-ewwel ma tkunx ċaħdet ex officio l-ġurisdizzjoni tagħha u li l-ebda waħda mill-partijiet ma tkun ikkontestat tali ġurisdizzjoni qabel jew sal-mument tat-teħid ta’ pożizzjoni kkunsidrat, mid-dritt nazzjonali tagħha, bħala l-ewwel difiża sostantiva ppreżentata quddiem din il-qorti (ara, b’analoġija, is-sentenza Cartier parfums-lunettes u Axa Corporate Solutions assurances, C‑1/13, EU:C:2014:109, punt 44).

35      Meta din il-ġurisdizzjoni titqies stabbilita fir-rigward tar-regoli tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2201/2003, il-qorti adita t-tieni ċċedi l-ġurisdizzjoni tagħha favur il-qorti adita l-ewwel skont l-Artikolu 19(3) ta’ dan ir-regolament.

36      F’dan il-każ, mid-digriet ta’ non-konċiljazzjoni adottat fil-15 ta’ Diċembru 2011 mill-qorti tal-familja tat-tribunal de grande instance ta’ Nanterre fil-kuntest tal-ewwel proċedura, jiġifieri dik għal separazzjoni legali, ippreżentata mis-Sur B fit-30 ta’ Marzu 2011, jirriżulta li l-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti, l-istess bħar-regolarità tat-tressiq tal-kawża quddiemha, ma ġewx ikkontestati.

37      Madankollu, sabiex tkun teżisti lis alibi pendens, il-proċeduri mibdija bejn l-istess partijiet u dwar talbiet għal divorzju, għal separazzjoni legali jew għal annullament ta’ żwieġ għandhom ikunu pendenti simultanjament quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti. Meta żewġ proċeduri jkunu ġew ippreżentati quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, fil-każ ta’ skadenza ta’ waħda minnhom, ir-riskju ta’ deċiżjonijiet irrikonċiljabbli u, b’dan il-mod, is-sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens, fis-sens tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003, jisparixxu. Għaldaqstant, anki jekk jingħad li l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita l-ewwel ġiet stabbilita matul l-ewwel proċedura, is-sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens ma għadhiex teżisti u, għaldaqstant, din il-ġurisdizzjoni ma hijiex stabbilita.

38      Dan huwa l-każ wara l-iskadenza tal-proċedura quddiem il-qorti adita l-ewwel. F’din l-ipoteżi, il-qorti adita t-tieni ssir il-qorti adita l-ewwel fid-data ta’ din l-iskadenza.

39      Il-kawża prinċipali donnha tirrigwarda tali sitwazzjoni.

40      Fil-fatt, talba għal separazzjoni legali kienet diġà tressqet quddiem il-qorti tal-familja tat-tribunal de grande instance ta’ Nanterre meta l-qorti tar-Renju Unit ġiet adita, fit-13 ta’ Ġunju 2014, bi proċedura għal divorzju, li tat lok għal sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens sas-16 ta’ Ġunju 2014 f’nofs il-lejl. Wara din id-data, jiġifieri mis-17 ta’ Ġunju 2014 f’nofs il-lejl, ladarba l-proċedura quddiem il-qorti Franċiża, l-ewwel waħda adita, kienet spiċċat bl-effett tal-iskadenza tad-dispożizzjonijiet tad-digriet ta’ non-konċiljazzjoni li din il-qorti kienet ħarġet, biss il-qorti tar-Renju Unit adita fit-13 ta’ Ġunju 2014 baqgħet adita b’tilwima li taqa’ taħt l-oqsma koperti mill-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 2201/2003. Il-preżentata, fis-17 ta’ Ġunju 2014, ta’ proċedura għal divorzju quddiem qorti Franċiża hija posterjuri għal dik tal-proċedura mibdija quddiem din il-qorti tar-Renju Unit. Fid-dawl tar-regoli kronoloġiċi previsti minn dan ir-regolament, għandu jiġi kkonstatat li din is-sekwenza ta’ avvenimenti għandha bħala effett li l-imsemmija qorti tar-Renju Unit saret, bir-riżerva tar-regolarità tat-tressiq tal-kawża quddiemha fir-rigward tar-regoli tal-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament, il-qorti adita l-ewwel.

41      Għandu jiġi speċifikat li l-fatt li kienet teżisti proċedura oħra quddiem qorti Franċiża fid-data li fiha l-qorti tar-Renju Unit ġiet adita, it-13 Ġunju 2014, bl-ebda mod ma jipprekludi li din tal-aħħar setgħet tiġi adita b’mod validu fir-rigward tar-regoli tal-Artikolu 16 tal-istess regolament.

42      Għaldaqstant, f’sitwazzjoni bħal dik deskritta fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, fejn il-proċedura għal separazzjoni legali quddiem il-qorti Franċiża tispiċċa bl-iskadenza tat-termini legali, il-kriterji ta’ lis alibi pendens ma jibqgħux issodisfatti mid-data ta’ dan it-tmiem u l-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti għandha, għaldaqstant, titqies li ma hijiex stabbilita.

43      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-aġir tal-applikant fl-ewwel proċedura, b’mod partikolari l-eventwali nuqqas ta’ diliġenza min-naħa tiegħu, ma huwiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita l-ewwel hijiex stabbilita.

44      F’dak li jirrigwarda d-differenza fil-ħin bejn l-Istati Membri kkonċernati, li tippermetti li jiġi ppreżentat rikors fi Franza qabel ma dan ikun jista’ jsir fir-Renju Unit u li tista’ tqiegħed fi żvantaġġ ċerti rikorrenti, bħas-Sinjura A, minbarra li tidher li ma taħdimx kontra tali rikorrent f’kawża bħal dik prinċipali, f’kull każ ma tistax tipprekludi l-applikazzjoni tar-regoli ta’ lis alibi pendens li jinsabu fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003, li, flimkien mar-regoli tal-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, huma bbażati fuq il-prijorità kronoloġika.

45      Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li r-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li, fir-rigward ta’ proċeduri għal separazzjoni legali u għal divorzju mibdija bejn l-istess partijiet quddiem qrati ta’ żewġ Stati Membri, l-Artikolu 19(1) u (3) tar-Regolament Nru 2201/2003, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-proċedura quddiem il-qorti adita l-ewwel fl-ewwel Stat Membru tiskadi wara li l-kawża titressaq quddiem it-tieni qorti fit-tieni Stat Membru, il-kriterji ta’ lis alibi pendens ma jibqgħux issodisfatti u, għaldaqstant, il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita l-ewwel għandha titqies li ma hijiex stabbilita.

46      Il-fatt li l-imsemmija skadenza tkun seħħet ftit taż-żmien qabel il-preżentata tat-tielet proċedura quddiem qorti tal-ewwel Stat Membru ma huwiex rilevanti.

47      L-aġir tal-applikanti fl-ewwel proċedura, b’mod partikolari l-assenza ta’ diliġenza min-naħa tagħha, u l-eżistenza ta’ differenza fil-ħin bejn l-Istati Membri kkonċernati, li tippermetti li l-qrati tal-ewwel Stat Membru jiġu aditi qabel dawk tat-tieni Stat Membru, lanqas ma huma rilevanti.

 Fuq l-ispejjeż

48      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Fir-rigward ta’ proċeduri għal separazzjoni legali u għal divorzju mibdija bejn l-istess partijiet quddiem qrati ta’ żewġ Stati Membri, l-Artikolu 19(1) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-proċedura quddiem il-qorti adita l-ewwel fl-ewwel Stat Membru tiskadi wara li l-kawża titressaq quddiem it-tieni qorti fit-tieni Stat Membru, il-kriterji ta’ lis alibi pendens ma jibqgħux issodisfatti u, għaldaqstant, il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita l-ewwel għandha titqies li ma hijiex stabbilita.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.