Language of document : ECLI:EU:F:2015:36

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(Imħallef uniku)

29 ta’ April 2015

Kawża F‑17/14

Carlos Ibáñez Martínez

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Attribuzzjoni ta’ punti ta’ mertu — Avviż tal-Kumitat tar-Rapporti — Setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-amministrazzjoni — Ugwaljanza fit-trattament”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEFA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu C. Ibáñez Martínez jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma jingħatawlux żewġ punti ta’ mertu għall-proċedura ta’ promozzjoni 2012 sa fejn din id-deċiżjoni ma tattribwixxilux it-tielet punt ta’ mertu.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. C. Ibánez Martínez għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-Parlament Ewropew.

Sommarju

Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Kunċett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

L-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tevalwa l-merti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ promozzjoni skont l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal u dan japplika wkoll, konsegwentement, fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ attribuzzjoni ta’ punti ta’ mertu. Għaldaqstant, l-istħarriġ ta’ qorti tal-Unjoni għandu jiġi llimitat għall-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-fatturi u tal-motivi li wasslu lill-amministrazzjoni għall-evalwazzjoni tagħha, hija baqgħetx fil-limiti raġonevoli u ma użatx il-poter tagħha b’mod manifestament żbaljat.

Sabiex jiġi stabbilit li l-amministrazzjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti ta’ natura li jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni, il-provi, li għandhom jiġu prodotti mir-rikorrent, għandhom ikunu suffiċjenti sabiex iċaħħdu mill-kredibbiltà l-evalwazzjonijiet tal-awtorità kompetenti. Fi kliem ieħor, il-motiv ibbażat fuq l-iżball manifest għandu jiġi miċħud jekk, minkejja l-provi prodotti mill-uffiċjal ikkonċernat, l-evalwazzjoni kkontestata għadha tista’ tiġi ammessa bħala vera jew valida. Fir-rigward tal-promozzjoni, żball jista’ għalhekk jiġi kklassifikat bħala manifest meta jkun faċilment perċepibbli u jista’ jiġi identifikat mill-ewwel, fid-dawl tal-kriterji li fir-rigward tagħhom il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni jissuġġetta d-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni.

F’dan ir-rigward, l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-importanza rispettiva li hija tagħti lil kull wieħed mit-tliet kriterji previsti fl-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li d-dispożizzjonijiet tiegħu ma jipprekludux il-possibbiltà ta’ ponderazzjoni bejniethom.

(ara l-punti 42 sa 44)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza Canga Fano vs Il-Kunsill, T‑281/11 P, EU:T:2013:252, punt 123

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi Collee vs Il-Parlament, F-148/06, EU:F:2008:169, punti 39 u 40; Canga Fano vs Il-Kunsill, F-104/09, EU:F:2011:29, punt 35; Buxton vs Il-Parlament, F-50/11, EU:F:2012:51, punti 37 u 38, u Bouillez vs Il-Kunsill, F-75/11, EU:F:2012:152, punt 58