Language of document : ECLI:EU:F:2015:54

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

9 ta’ Ġunju 2015

Kawża F‑126/14

Nicolas Henri Astier

vs

Is‑Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)

u

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Persunal tas-SEAE — Membru tal-persunal bil-kuntratt — Kwistjonijiet proċedurali — Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà — Deċiżjoni tas-SEAE — Rikors ippreżentat parzjalment kontra s-SEAE u parzjalment kontra l-Kummissjoni — Inammissibbiltà parzjali”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu N. H. Astier jitlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) li tiffissa għal EUR 7 960 l-ammont li għandu jiġi rrimborsat lilu għaċ-ċaqliq imwettaq mill-post ta’ assenjazzjoni tiegħu għall-post ta’ oriġini tiegħu, minflok l-ammont ta’ EUR 17 940 mitlub, u li tissuġġetta dan ir-rimbors għal ċerti kundizzjonijiet.

Deċiżjoni:      Ir-rikors fil-Kawża F‑126/14 huwa miċħud bħala inammissibbli sa fejn huwa ppreżentat kontra l-Kummissjoni Ewropea. N. H. Astier għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest tal-proċedura dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Is-Servizz Ewropew għall‑Azzjoni Esterna għandu jbati l-ispejjeż tiegħu sostnuti fil-kuntest tal-proċedura dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. L-ispejjeż fil-proċedura prinċipali huma rriżervati.

Sommarju

Rikorsi tal-uffiċjali — Kwalità ta’ konvenut — Rikors ta’ ex membru tal-persunal bil-kuntratt tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) — Deċiżjoni tas-SEAE dwar ir-rimbors tal-ispejjeż — Rikors ippreżentat kontra l-Kummissjoni — Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 1b(a); Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427, Artikoli 5(2) u 6(5))

F’dak li jirrigwarda l-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Kummissjoni fis-servizz fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni fil-pajjiżi terzi, skont id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-4 ta’ Ġunju 2013, dwar l-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal lill-Awtorità tal-Ħatra u mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea lill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, is-setgħat tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ f’dak li jirrigwarda r-rimbors tal-ispejjeż huma eżerċitati mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE).

Għaldaqstant, rikors għall-annullament tad-deċiżjonijiet tas-SEAE dwar ir-rimbors tal-ispejjeż taċ-ċaqliq ta’ ex membru tal-persunal bil-kuntratt fis-servizz f’delegazzjoni f’pajjiż terz għandu jiġi ddikjarat inammissibbli sa fejn jiġi ppreżentat kontra l-Kummissjoni.

(ara l-punti 22 u 24)