Language of document : ECLI:EU:F:2015:70

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

tat-30 ta’ Ġunju 2015

Kawża F‑120/14

Caspar Curdt-Christiansen

vs

Il‑Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Remunerazzjoni — Spejjeż ta’ vjaġġ annwali — Artikolu 7(3) u Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal — Stabbiliment tal-post tal-oriġini u taċ-ċentru tal-interessi — Talba għar-reviżjoni tal-post tal-oriġini — Kunċett ta’ ċentru tal-interessi — Tibdil tar-residenza ta’ membru tal-familja — Terminu li ġie fi tmiemu bejn it-tibdil taċ-ċentru tal-interessi u t-talba għar-reviżjoni tal-post tal-oriġini — Natura eċċezzjonali tar-reviżjoni”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA abbażi tal-Artikolu 106a tiegħu, li bih C. Curdt-Christiansen jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li tiċħad it-talba tiegħu li jara ċ-ċentru tal-interessi tiegħu spostat minn Montréal (il-Kanada) għal Singapor u l-post tal-oriġini tiegħu stabbilit, bħala konsegwenza, f’Larnaca (Ċipru).

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. C. Curdt-Christiansen għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-Parlament Ewropew.

Sommarju

Uffiċjali — Post tal-oriġini — Ċentru tal-interessi — Tibdil matul il-karriera — Tressiq ta’ talba għal reviżjoni — Osservanza ta’ terminu raġonevoli — Natura eċċezzjonali tar-reviżjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(1); Anness VII, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(3))

L-osservanza ta’ terminu raġonevoli huwa meħtieġ f’kull każ fejn, fis-silenzju tat-testi, il-prinċipji ta’ ċertezza legali jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprojbixxu li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-persuni fiżiċi u ġuridiċi jaġixxu mingħajr limitu ta’ żmien, fejn b’hekk ikun hemm riskju li tiġi pperikolata s-stabbiltà tas-sitwazzjonijiet legali kweżiti.

B’mod partikolari, fl-azzjonijiet li jistgħu jwasslu għal responsabbiltà finanzjarja għall-istituzzjonijiet, l-osservanza mill-uffiċjal ikkonċernat ta’ terminu raġonevoli biex titressaq talba skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, bħala talba għal reviżjoni tal-post tal-oriġini, huwa ispirat wkoll mir-rieda tal-protezzjoni tal-finanzi pubbliċi. Din ir-rieda timplika dmir tal-persuna kkonċernata li tipproduċi prova ta’ diliġenza billi tressaq it-talba tagħha f’terminu raġonevoli b’effett mill-mument meta tieħu konjizzjoni ta’ att jew ta’ fatt ġdid sostanzjali, li jista’ jbiddel is-sitwazzjoni legali tagħha.

Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, bis-saħħa tan-natura eċċezzjonali ta’ kull deċiżjoni ta’ tibdil taċ-ċentru tal-interessi tal-uffiċjal li jirriżulta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(3) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, anki fil-preżenza ta’ talba li tosserva l-kundizzjonijiet formali sabiex it-tibdil tal-post tal-oriġini jingħata, l-Awtorità tal-Ħatra tista’ tirrifjuta li ssegwi din it-talba billi tibbaża fuq in-natura eċċezzjonali tad-deċiżjoni li tagħti t-tibdil.

(ara l-punti 37, 38 u 44)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, Eagle et vs Il‑Kummissjoni, T‑144/02, EU:T:2004:290, punt 57, u tat-12 ta’ Lulju 2007, Eagle et vs Il-Kummissjoni, T‑144/02, EU:T:2007:222, punti 57 u 59, u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tat-8 ta’ Frar 2011, Skareby vs Il‑Kummissjoni, F‑95/09, EU:F:2011:9, punti 42 sa 46