Language of document : ECLI:EU:F:2015:91

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

15 ta’ Lulju 2015

Kawża F‑94/15 R

Oren Wolff

vs

Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)

“Servizz pubbliku – Proċeduri għal miżuri provviżorji – Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal – Urġenza – Assenza – Bilanċ tal-interessi kontrapposti”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 278 TFUE u 157 KEEA, kif ukoll skont l-Artikolu 279 TFUE applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu O. Wolff jitlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni, tat-23 ta’ April 2015, li biha s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ċaħad it-talba tiegħu intiża għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-riżultat tal-elezzjonijiet tal-membri tal-Kumitat tal-Persunal.

Deċiżjoni:      It-talba għal miżuri provviżorji ta’ O. Wolff hija miċħuda. L‑ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Interess ġuridiku – Kontenzjuż dwar l-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal – Uffiċjal li għandu l-kwalità ta’ elettur meta jinżammu l-elezzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti – Urġenza – Dannu gravi u irreparabbli – Dannu subit minn uffiċjal fil-kwalità tiegħu ta’ elettur waqt elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal – Ċirkustanzi li fihom infushom ma jikkostitwixxux dannu gravi – Effett tad-dritt għal azzjoni ġudizzjarja effettiva – Assenza

(Artikolu 278 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Regolamenti tal-Personal, Artikoli 90 u 91; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 115(2))

3.      Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti – Dannu gravi u irreparabbli – Kunċett

(Artikolu 278 TFUE)

4.      Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti – Urġenza – Dannu gravi u irreparabbli – Dannu subit minn uffiċjal fil-kwalità tiegħu ta’ elettur waqt elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal – Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni – Nuqqas ta’ urġenza

(Artikolu 278 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Anness II, Artikolu 1)

1.      Għal dak li jirrigwarda l-korpi ta’ rappreżentanza tal-persunal u ta’ impjegati oħra, u għal dak li jirrigwarda l-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors għal annullament jew għall-parteċipazzjoni f’tali proċedura, l-eletturi kollha għandhom interess dirett u attwali li l-elezzjonijiet isiru taħt il-kundizzjonijiet u abbażi ta’ sistema elettorali li hija konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li għalihom hija suġġetta l-proċedura elettorali.

F’dan ir-rigward, meta uffiċjal kellu l-kwalità ta’ elettur matul l-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal u jkun invoka din il-kwalità sabiex jitlob l-istħarriġ ġudizzjarju tar-riżultati tagħhom, huwa ma jitlifx l-interess ġuridiku tiegħu minħabba s-sempliċi fatt li, ipotetikament, il-mandat tal-Kumitat tal-Persunal li jirriżulta minn dawn l-elezzjonijiet jiskadi matul il-proċedura.

(ara l-punti 25 u 30)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza tal-24 ta’ Settembru 1996, Marx Esser u del Amo Martinez vs Il-Parlament, T‑182/94, EU:T:1996:130, punt 40

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digriet tad-19 ta’ Lulju 2011, Bömcke vs BEI, F‑105/10, EU:F:2011:122, punti 23 u 24

2.      L-Artikolu 278 TFUE jistabbilixxi l-prinċipju tan-natura mhux sospensiva tar-rikorsi, peress li l-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ legalità. Huwa għaldaqstant biss b’mod eċċezzjonali li l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’ jordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att ikkontestat quddiem qorti li tiddeċiedi dwar il-mertu. Konsegwentement, il-kundizzjoni ta’ urġenza, u b’mod iktar preċiż in-neċessità, li s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni hija suġġetta b’mod partikolari għaliha, li r-rikorrent ikun ġustament jista’ jinvoka riskju ta’ dannu gravi u irreparabbli, ma tistax tiġi mfixkla mar-rekwiżit li, sabiex uffiċjal ikun jista’ jippreżenta b’mod validu rikors skont l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa għandu jiġġustifika interess personali fl-annullament tal-att ikkontestat.

F’dan ir-rigward, il-fatt li uffiċjal ikollu l-kwalità ta’ elettur matul elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal u li jkollu, l-istess bħal kull elettur, interess li r-rappreżentanti tiegħu jiġu eletti taħt kundizzjonijiet regolari, ma huwiex għaldaqstant biżżejjed sabiex jiġi stabbilit riskju ta’ dannu gravi u irreparabbli li jisa’ jiġġustifika s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

Barra minn hekk, għalkemm id-dritt għal azzjoni ġudizzjarja effettiva huwa ggarantit lil kull persuna mill-Artikolu 47 tal-Karta Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, dan id-dritt għandu limitazzjonijiet aċċettati b’mod impliċitu, peress li min-natura tiegħu stess jeħtieġ dixxiplina u għaldaqstant ma jistax jirriżulta f’li jiġu evitati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 278 TFUE, li minnhom jirriżulta li sospensjoni tal-eżekuzzjoni ma tistax tiġi ordnata mingħajr ma jiġi stabbilit riskju ta’ dannu gravi u irreparabbli.

(ara l-punti 26, 27 u 29)

Referenza:

Il-Qorti tal-Unjoni Ewropea: digriet tas-27 April 2010, Il-Parlament vs U, T‑103/10 P(R), EU:T:2010:164, punt 34

3.      Is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ma tiddependix minnha nnifisha fuq il-profitt li l-benefiċjarji tal-att ikkontestat jista’ jkollhom minnha, iżda minn dannu gravi u irreparabbli li dan l-att jista’ jikkawża għall-interessi stess ta’ min jitlob is-sospensjoni.

(ara l-punt 33)

4.      Fil-qasam tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, il-kundizzjoni ta’ urġenza ma hijiex stabbilita għal dak li jirrigwarda talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tiċħad it-talba ta’ uffiċjal intiża għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-riżultat tal-elezzjonijiet għall-membri ta’ Kumitat tal-Persunal, peress li r-riżultat tal-ibbilanċjar tal-interessi preżenti jxaqleb, fi kwalunkwe każ, favur l-istituzzjoni kkonċernata.

Fil-fatt, l-elezzjonijiet isiru b’mod perijodiku minħabba l-ħtieġa li jiġi ggarantit li l-ideat tar-rappreżentanti tal-korp elettorali jirriflettu l-evoluzzjonijiet fundamentali tiegħu, billi jista’ jkun hemm ir-riskju li maż-żmien, rappreżentant jista’ ma jibqax jikkorrispondi mal-aspirazzjonijiet dominanti tal-eletturi. Issa, dan ikun ir-riskju fil-każ li jissejjaħ mill-ġdid fil-kariga l-kumitat tal-persunal preċedenti sakemm il-qorti tal-Unjoni tagħti deċiżjoni dwar ir-rikors għall-annullament tar-riżultati tal-elezzjonijiet għall-imsemmi kumitat, filwaqt li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies, billi adotta l-Artikolu 1 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal, li kumitat tal-persunal għandu jiġġedded mhux iktar tard minn kull tliet snin sabiex tiġi ggarantita r-rappreżentanza tiegħu. Barra minn hekk, l-effiċjenza tar-rappreżentanza tal-Kumitat tal-Persunal preċedenti tiddgħajjef mil-limitazzjoni tal-kompetenzi tiegħu għas-sempliċi ġestjoni tal-affarijiet ta’ kuljum. Madankollu, tali limitazzjoni, intiża għal żmien qasir, tista’ xxekkel il-ġestjoni interna tal-istituzzjoni kkonċernata kull darba li din tkun trid tirrikorri għall-imsemmi kumitat jew għal korpi oħra li l-kompożizzjoni tagħhom tirriżulta minnu, bħall-Kumitat konġunt tal-promozzjoni, il-Kumitat tar-rapporti u l-Kumitat għall-miżuri soċjali.

F’dan ir-rigward, fiċ-ċirkustanzi fejn il-kontestazzjoni tal-elezzjoni għall-Kumitat tal-Persunal attwali tkun ibbażata esklużivament fuq il-fatt li l-uffiċċju elettorali estenda għat-tieni darba l-perijodu tal-votazzjoni, sabiex jintlaħaq il-quorum, minflok ma organizza t-tieni votazzjoni, li kienet tippermetti l-validità tal-elezzjonijiet ibbażati fuq parteċipazzjoni ta’ sempliċi maġġoranza, għandha tiġi bbilanċjata, anki jekk hija kkontestata, ir-rappreżentanza kemm kbira kif ukoll attwali tal-Kumitat tal-Persunal il-ġdid, fil-konfront tar-rappreżentanza obsoleta u tal-effiċjenza mnaqqsa tal-kumitat preċedenti u li jiġi deċiż li l-interess tal-istituzzjoni kkonċernata li jkollha rappreżentanza tal-persunal kontemporanja u li topera bis-sħiħ, inkarigata li tiżgura kuntatt permanenti miegħu u li tikkoopera għall-funzjonament tajjeb tad-dipartimenti, jipprevali fuq l-interess ta’ elettur.

(ara l-punti 37 sa 40)