Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija) fis-7 ta’ Ottubru 2015 – Gert Folk

(Kawża C-529/15)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermanja

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Gert Folk

Domandi preliminari

Id-Direttiva 2004/35/KE 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali, kif emendata bid-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006 u bid-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009 (ĠU L 140, 05.06.2009, p. 114) (id-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali), tapplika wkoll għal danni li għalkemm ikunu seħħew wara d-data prevista fl-Artikolu 19(1) tad-direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali jkunu madankollu ġew ikkawżati mill-użu ta’ installazzjoni (impjant idroelettriku) li ġiet awtorizzata u bdiet topera qabel din id-data u li huma koperti minn awtorizzazzjoni konformi mal-leġiżlazzjoni dwar l-ilma?

Id-direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali, b’mod partikolari l-Artikoli 12 u 13 tagħha, tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li ma tippermettix lil persuna li għandha permess għas-sajd milli tibda proċeduri ta’ reviżjoni fis-sens tal-Artikolu 13 tad-direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali dwar dannu ambjentali fis-sens tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva?

Id-direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali, b’mod partikolari l-Artikolu 2(1)(b) tagħha, tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li, fil-każ ta’ dannu li għandu effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istat ekoloġiku, kimiku jew kwantitattiv jew fuq il-potenzjal ekoloġiku tal-ilmijiet ikkonċernati, teskludi l-klassifikazzjoni ta’ “dannu ambjentali” jekk dan id-dannu jkun kopert minn awtorizzazzjoni maħruġa bl-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali?Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv lid-domanda 3:Fil-każijiet fejn il-kriterji tal-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60/KE (jew tat-traspożizzjoni nazzjonali tagħha) ma jkunux ġew ivverifikati fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni maħruġa taħt id-dispożizzjonijiet nazzjonali, sabiex jiġi ddeterminat jekk jeżistix dannu ambjentali fis-sens tal-Artikolu 2(1)(b) tad-direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60/KE huwa direttament applikabbli u li hemm lok li jiġi vverifikat jekk il-kriterji msemmija f’din id-dispożizzjoni humiex issodisfatti?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8, p. 357, fil-verżjoni emendata bid-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15

ta’ Marzu 2006, dwar l-immaniġġar ta’ skart mill-industriji

ta’ estrazzjoni u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE - Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 102, p. 15), kif ukoll bid-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, id-Direttivi 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE, 2008/1/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (ĠU L 140, 05.06.2009, p. 114).