Language of document : ECLI:EU:C:2015:262

Kawża C‑96/14

Jean-Claude Van Hove

vs

CNP Assurances SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal de grande instance de Nîmes)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 93/13/KEE — Klawżoli inġusti — Kuntratti ta’ assigurazzjoni — Artikolu 4(2) — Evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali — Esklużjoni tal-klawżoli dwar is-suġġett prinċipali tal-kuntratt — Klawżola li tirrigwarda t-teħid ta’ responsabbiltà għall-ħlasijiet rateali ta’ kuntratt ta’ self immobiljari — Inkapaċità totali għax-xogħol ta’ min jissellef — Esklużjoni mill-benefiċċju ta’ din il-garanzija fil-każ ta’ kompetenza rrikonoxxuta li tiġi jew ma tiġix eżerċitata attività bi ħlas”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-23 ta’ April 2015

Protezzjoni tal-konsumaturi — Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Direttiva 93/13 — Kamp ta’ applikazzjoni — Klawżoli li jiddefinixxu s-suġġett prinċipali tal-kuntratt jew fuq il-prezz jew ir-remunerazzjoni prevista u s-servizzi jew l-oġġetti li għandhom jiġu pprovduti bħala korrispettiv — Kunċett — Klawżola, imdaħħla f’kuntratt ta’ assigurazzjoni u intiża li tiggarantixxi t-teħid ta’ responsabbiltà tal-ħlasijiet rateali dovuti lill-persuna li ssellef f’każ ta’ inkapaċità totali għax-xogħol ta’ min jissellef — Inklużjoni — Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikolu 4(2))

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola stipulata f’kuntratt ta’ assigurazzjoni u intiża li tiggarantixxi t-teħid ta’ responsabbiltà għall-ħlasijiet rateali dovuti lill-persuna li ssellef f’każ ta’ inkapaċità totali għax-xogħol ta’ min jissellef taqa’ taħt l-eċċezzjoni li tissemma f’din id-dispożizzjoni biss jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata:

–        minn naħa, li, fid-dawl tan-natura, tal-istruttura ġenerali u tal-istipulazzjonijiet tat-totalità kuntrattwali kif ukoll tal-kuntest ġuridiku u fattwali tagħha, din il-klawżola tiffissa element essenzjali tal-imsemmija totalità, li fiha hija inkluża, li bħala tali, jikkaratterizzaha u

–        min-naħa l-oħra, li l-imsemmija klawżola hija fformulata b’mod ċar u li jinftiehem, jiġifieri li hija tkun tinftiehem mill-konsumatur fuq livell grammatikali, iżda wkoll li l-kuntratt juri b’mod trasparenti il-funzjonament konkret tal-mekkaniżmu li tagħmel riferiment għalih il-klawżola kkonċernata kif ukoll ir-relazzjoni bejn dan il-mekkaniżmu u dak previst mill-klawżoli l-oħra, b’tali mod li dan il-konsumatur ikun f’qagħda li jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw għalih.

F’dan il-kuntest, tista’ tkun rilevanti wkoll iċ-ċirkustanza li l-kuntratt ta’ assigurazzjoni huwa inkluż f’totalità kuntrattwali iktar vasta u huwa marbut mal-kuntratti ta’ self. Fil-fatt, ma jistax jiġi mitlub mill-konsumatur li, waqt il-konklużjoni ta’ kuntratti marbuta flimkien, ikollu l-istess viġilanza fir-rigward tal-estent tar-riskji koperti minn dan il-kuntratt ta’ assigurazzjoni li huwa kien ikollu li kieku kkonkluda separatament l-imsemmi kuntratt u l-kuntratti ta’ self.


(ara l-punti 48, 50 u d-dispożittiv)