Language of document : ECLI:EU:C:2016:50

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fis-26 ta’ Jannar 2016 (1)

Kawża C‑233/14

Il‑Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

“Moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni – Ugwaljanza fit-trattament – Aċċess għal tariffi preferenzjali għat-trasport pubbliku – Studenti mill-Unjoni Ewropea, inklużi studenti Erasmus – Artikoli 18, 20 u 21 TFUE – Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 – Ammissibbiltà”





1.        Permezz tar-rikors tagħha taħt l-Artikolu 258 TFUE, il-Kummissjoni Ewropea titlob, essenzjalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (iktar 'il quddiem “il-Pajjiżi l-Baxxi”) naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 18, 20 u 21 TFUE u l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38/KE (2) peress li jagħmel disponibbli karti li joffru aċċess għal tariffi orħos għat-trasport pubbliku (iktar 'il quddiem “il-karta tal-istudenti OV”) lil ċittadini tal-Unjoni li ma humiex Olandiżi li jistudjaw fil-Pajjiżi l-Baxxi [jiġifieri, studenti Erasmus u studenti li jistudjaw barra mill-kuntest tal-programm Erasmus (iktar 'il quddiem “studenti regolari”)] (3) taħt kundizzjonijiet inqas favorevoli minn dawk li japplikaw għal ċittadini Olandiżi li jistudjaw fil-Pajjiżi l-Baxxi.

 Id-dritt tal-Unjoni

 It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

2.        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE jipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità “[f]il-kamp ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm [...]”

3.        L-Artikolu 20(1) TFUE jistabbilixxi ċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru hija ċittadina tal-Unjoni. L-Artikolu 20(2) TFUE jiddikjara li ċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom “[...] igawdu d-drittijiet u jintrabtu bid-dmirijiet previsti fit-Trattati”, inkluż “id-dritt ta’ moviment liberu u d-dritt ta’ residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri” (Artikolu 20(2)(a) TFUE). Barra minn hekk, dawn id-drittijiet għandhom ikunu eżerċitati “skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti definiti fit-Trattati u permezz tal-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom”.

4.        L-Artikolu 21(1) TFUE jipprovdi: “Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq.”

5.        L-Artikolu 165(1) TFUE jipprovdi: “Il-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità billi tinkoraġġixxi kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiet tagħhom” filwaqt li tirrispetta għalkollox ir-responsabbiltà tal-Istati Membri “għal dak li hu kontenut ta’ tagħlim u l-organizzazzjoni ta’ sistemi ta’ edukazzjoni [...]” Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 165(2) TFUE, l-azzjoni tal-Unjoni għandha tkun immirata wkoll lejn “l-inkoraġġiment tal-mobilità fost l-istudenti”. Sabiex jikkontribwixxi għall-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 165 TFUE, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 165(4) TFUE jipprovdi li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw inċentivi li ma jinkludux l-armonizzazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti tal-Istati Membri. Dispożizzjoni simili tidher fl-Artikolu 166(4) TFUE fir-rigward tal-politika ta’ formazzjoni vokazzjonali.

 Id-Direttiva 2004/38

6.        Id-Direttiva 2004/38 tapplika għaċ-“[...] ċittadini kollha tal-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu [jirrisjedu] fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom [...] li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom” (Artikolu 3(1)).

7.        Skont il-premessa 10 tad-Direttiva 2004/38, “[d]awk il-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ residenza m’għandhomx [...] ikunu ta’ piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu inizjali ta’ residenza” u “[g]ħalhekk, id-dritt ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom għal perjodi li jaqbżu t-tliet xhur għandu jkun bla ħsara għal kondizzjonijiet”.

8.        Bħala regola ġenerali, skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38, iċ-ċittadini tal-Unjoni jiksbu d-dritt ta’ residenza permanenti fi Stat Membru ospitanti wara ħames snin ta’ residenza legali kontinwa fih. Qabel ma jgħaddu ħames snin, huma għandhom id-dritt li jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur suġġett għal kundizzjonijiet. B’mod partikolari, l-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi għal tali dritt ta’ residenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni li huma “miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali” u li “għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza” (4).

9.        L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi:

“1.      Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu [jirrisjedu] skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ residenza jew għandhom residenza permanenti.

2.      B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru ospitanti m’għandux ikun obbligat li jattribwixxi d-dritt ta’ għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza jew, fejn xieraq, matul il-perjodu itwal previst fl-Artikolu 14(4)(b), lanqas mhu obbligat, qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, li jawtorizza għajnuna ta’ manteniment għall-istudji, inkluż taħriġ professjonali, li jikkonsisti f’konċessjonijiet ta’ l-istudenti jew f’self għal studenti lill-persuni li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja tagħhom” (5).

 Id-dritt tal-Unjoni li jirregola l-programm Erasmus

10.      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/327/KEE (6) stabbilixxiet il-“Programm Erasmus”, li kellu jiġi implementat mill-1 ta’ Lulju 1987 (7), bl-għan li ttejjeb b’mod sinjifikattiv il-mobbiltà tal-istudenti universitarji fil-(kif kienet f’dak iż-żmien) Komunità u tippromwovi iktar kooperazzjoni bejn l-universitajiet (8). Anness ta’ din id-deċiżjoni stabbilixxa kif il-Kummissjoni kellha timplementa l-programm Erasmus (9).

11.      L-implementazzjoni tal-programm Erasmus kienet tinvolvi t-twaqqif ta’ netwerk Ewropew għall-kooperazzjoni bejn l-universitajiet, li kien jinkludi universitajiet li, fil-qafas tal-programm Erasmus, kienu kkonkludew ftehimiet għall-iskambju ta’ studenti u għalliema ma’ universitajiet ta’ Stati Membri oħra u li rrikonoxxew perijodi ta’ studju mwettqa barra mill-università ta’ oriġini. L-għan ta’ dawn il-ftehimiet inter-universitarji kien li l-istudenti ta’ università jingħataw l-opportunità, bħala parti integrali tad-diploma jew kwalifika akkademika tagħhom, li jwettqu perijodu ta’ studju rrikonoxxut kompletament f’mill-inqas Stat Membru ieħor. Għal kull wieħed minn dawn il-programmi konġunti, l-universitajiet parteċipanti kellhom jirċievu sostenn annwali. Il-Komunità kellha wkoll tintroduċi skema ta’ għotjiet għall-istudenti li toffri għajnuna finanzjarja diretta lill-istudenti li jipparteċipaw fil-programm (iktar 'il quddiem, “studenti Erasmus”), li kellha tiġi amministrata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. L-għotjiet kellhom jingħataw taħt ċerti kundizzjonijiet li kienu jinkludu dawn li ġejjin. L-għotjiet kellhom ikopru spejjeż ta’ mobbiltà (jiġifieri, spejjeż għall-ivvjaġġar), preparazzjoni b’lingwi barranin jekk tkun neċessarja u kwalunkwe spejjeż għall-għajxien li huma ogħla fil-pajjiż ospitanti. L-università ospitanti ma setgħetx timponi miżati għat-tagħlim u, fejn kien il-każ, dawk li jingħataw għotja kellhom ikomplu jħallsu l-miżati għat-tagħlim lill-università ta’ oriġini. Għotjiet ta’ manteniment disponibbli għall-istudenti fil-pajjiżi tagħhom kellhom jibqgħu jitħallsu lill-istudenti Erasmus waqt il-perijodu ta’ studju tagħhom fl-Università ospitanti (10).

12.      Filwaqt li l-programm Erasmus għadda minn ħafna bidliet, il-karatteristiċi essenzjali tiegħu jidhru li għadhom l-istess. Fil-preżent, huwa parti mill-programm qafas li jissejjaħ “Erasmus+”, li huwa programm wieħed fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport. Ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 (iktar 'il quddiem ir-“Regolament Erasmus+”) (11) stabbilixxa “Erasmus+” (iktar 'il quddiem il-“Programm Erasmus+”) (12) fuq il-bażi tal-Artikoli 165(4) u 166(4) TFUE. Il-Programm Erasmus+ ikopri, b’mod partikolari, “l-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha, f’perspettiva ta’ tagħlim tul il-ħajja” li tinkludi “l-edukazzjoni għolja (Erasmus)” (13). Il-“mobbiltà fit-tagħlim” (14) tal-individwi huwa wieħed mit-tipi ta’ azzjonijiet li permezz tagħhom dan ir-regolament jippromwovi l-għanijiet tiegħu fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ (15). L-Artikolu 1(2) jipprovdi li l-programm għandu jopera matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u l-31 ta’ Diċembru 2020.

13.      Il-premessa 40 tar-Regolament Erasmus+ tiddikjara li “[b]iex jittejjeb l-aċċess għall-[Programm Erasmus+], l-għotjiet ta’ appoġġ għall-mobbiltà tal-individwi għandhom jiġu aġġustati għall-ispejjeż ta’ għajxien u ta’ sussistenza tal-pajjiż ospitanti”.

14.      Skont l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Erasmus+, il-mobbiltà fit-tagħlim tal-individwi tinvolvi sostenn għall-“[...] mobbiltà tal-istudenti tal-edukazzjoni għolja fiċ-ċikli kollha u ta’ studenti, apprendisti u skulari fit-taħriġ u l-edukazzjoni vokazzjonali [li] tista’ tkun fl-għamla ta’ studji f’istituzzjoni sieħba jew apprendistati jew kisba ta’ esperjenza bħala apprendist, assistent jew trainee barra mill-pajjiż” fil-pajjiżi tal-Programm Erasmus+ imsemmija fl-Artikolu 24(1) (16).

15.      Skont l-Artikolu 18(7) tar-Regolament Erasmus+, il-fondi għall-mobbiltà fit-tagħlim tal-individwi għandhom jiġu ġġestiti minn aġenzija jew aġenziji nazzjonali u għandhom ikunu allokati fuq il-bażi tal-popolazzjoni u l-għoli tal-ħajja fl-Istat Membru, id-distanza bejn il-kapitali tal-Istati Membri u l-prestazzjoni.

16.      Il-Karta tal-istudenti Erasmus+ hija dokument ta’ spjegazzjoni ppreparat mill-Kummissjoni għall-istudenti li jipparteċipaw fil-Programm Erasmus+ (17). Tispjega r-regoli li jirregolaw il-parteċipazzjoni f’tali programm. Kull student għandu jiffirma (i) ftehim ta’ għotja (anki jekk l-istudent ma jirċevix sostenn finanzjarju mill-fondi tal-Unjoni), bħala prinċipju mal-istituzzjoni li tibgħat fl-Istat ta’ oriġini fejn l-istudent huwa rreġistrat, u (ii) ftehim ta’ edukazzjoni mal-istituzzjoni li tibgħat kif ukoll mal-istituzzjoni li tirċievi fl-Istat ospitanti. It-tieni ftehim jistabbilixxi d-dettalji tal-attivitajiet ippjanati tal-istudent barra mill-pajjiż, inklużi l-krediti li għandhom jinkisbu li ser jgħoddu għad-diploma ta’ oriġini tal-istudent. Barra minn hekk, il-Karta tal-istudenti Erasmus+ tiddikjara li l-istituzzjoni li tirċievi ma għandhiex titlob lill-istudent iħallas miżati għat-tagħlim, għar-reġistrazzjoni, għall-eżamijiet jew għall-aċċess għal faċilitajiet ta’ laboratorju jew ta’ librerija waqt il-perijodu li fih l-istudent ikun qed jistudja fl-istituzzjoni li tirċievi fl-Istat ospitanti. Madankollu, l-istudent jista’ jintalab iħallas miżata żgħira fuq l-istess bażi tal-istudenti lokali għal spejjeż bħal assigurazzjoni, aċċess għal sindakati tal-istudenti u l-użu ta’ materjali jew tagħmir relatati mal-istudju. Barra minn hekk, l-għotja jew self mill-Istat ta’ oriġini għandhom jinżammu.

 Id-dritt Olandiż

17.      Il-liġi dwar il-finanzjament għall-istudji 2000 (Wet Studiefinanciering 2000, iktar 'il quddiem il-“Wsf 2000”) tistabbilixxi l-portata tal-finanzjament għall-istudji u l-kundizzjonijiet li taħthom jingħata (iktar 'il quddiem il-“finanzjament għall-istudji”) fil-Pajjiżi l-Baxxi u barra mill-pajjiż. Id-digriet dwar il-finanzjament għall-istudji 2000 (Besluit studiefinanciering 2000, iktar 'il quddiem il-“Bsf 2000”) jimplementa lil din il-liġi. L-Artikolu 2.1 tal-Wsf 2000 jistabbilixxi li dawn il-kundizzjonijiet jirrigwardaw in-nazzjonalità (Artikolu 2.2), l-età (Artikolu 2.3) u t-tip ta’ edukazzjoni (Taqsimiet 2.2 sa 2.4) (18).

18.      L-Artikolu 1.1.1 tal-Wsf 2000 jiddefinixxi “student” bħala persuna li ssegwi edukazzjoni għolja u li ma hijiex student estern (19) u “parteċipant” bħala persuna li ssegwi edukazzjoni vokazzjonali (20). Iktar 'il quddiem ser nirreferi għal dawn iż-żewġ gruppi bħala “studenti tal-edukazzjoni ogħla” u “studenti vokazzjonali”, rispettivament.

19.      L-Artikolu 2.2.1 tal-Wsf 2000 jipprovdi li dawk li huma eliġibbli għall-finanzjament għall-istudji huma: studenti vokazzjonali u tal-edukazzjoni ogħla (21) li huma ċittadini Olandiżi; ċittadini li ma humiex Olandiżi li huma ttrattati bħala ċittadini Olandiżi fir-rigward ta’ finanzjament għall-istudji, skont trattat jew deċiżjoni ta’ organizzazzjoni internazzjonali; u ċittadini li ma humiex Olandiżi li jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi u huma parti minn grupp ta’ persuni li għandhom jiġu ttrattati, fir-rigward tal-finanzjament għall-istudji, b’mod ugwali bħaċ-ċittadini Olandiżi. L-Artikolu 2.2.2 tal-Wsf 2000 jipprovdi li, fir-rigward tat-tieni kategorija, miżura separata tista’ tipprovdi li trattament ugwali huwa limitat għal ammont li jkopri l-ispejjeż ta’ aċċess għall-edukazzjoni.

20.      Skont l-Artikolu 2.3 tal-Wsf 2000, studenti vokazzjonali u tal-edukazzjoni ogħla huma, bħala prinċipju, eliġibbli għal finanzjament għall-istudji bejn l-etajiet ta’ 18 u 30.

21.      Il-kundizzjoni dwar l-edukazzjoni fl-Artikolu 2.1(c) tal-Wsf 2000 tirreferi għall-edukazzjoni deskritta fit-Taqsimiet 2.2 sa 2.4 tal-Wsf 2000. Dawn it-taqsimiet ikopru l-edukazzjoni vokazzjonali u l-edukazzjoni ogħla kemm fil-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll barra mill-pajjiż. Minnhom jidher li huwa neċessarju li l-istudenti vokazzjonali u tal-edukazzjoni ogħla jkunu rreġistrati mal-istituzzjonijiet rilevanti sabiex ikunu eliġibbli għal finanzjament għall-istudji.

22.      L-Artikolu 3.1.1 tal-Wsf 2000 jipprovdi li l-finanzjament għall-istudji jista’ jikkonsisti f’għotja bażika, self bażiku u għotja jew self addizzjonali. Finanzjament għall-istudji għal studenti tal-edukazzjoni ogħla (b’differenza mill-istudenti vokazzjonali) jinkludi “collegegeldkrediet” jew kreditu għat-tagħlim f’kulleġġ li huwa ddefinit fl-Artikolu 1.1.1 tal-Wsf 2000 bħala self għall-ħlas ta’ tagħlim f’kulleġġ fl-edukazzjoni ogħla. Skont l-Artikolu 3.1.2 tal-Wsf 2000, il-finanzjament għall-istudji jista’ jingħata kompletament jew parzjalment fil-forma ta’ għotja, self jew “prestatiebeurs” (“għotja għall-prestazzjoni” iddefinita fl-Artikolu 1.1.1 tal-Wsf 2000 bħala self bl-interessi li, taħt ċerti kundizzjonijiet, jista’ jinbidel f’għotja mingħajr il-ħlas ta’ interessi). L-Artikolu 3.1.3 tal-Wsf 2000 jipprovdi li l-ammont ta’ finanzjament għall-istudji huwa stabbilit fuq il-bażi ta’ baġit għal xahar kalendarju; għal studenti tal-edukazzjoni ogħla, jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-kreditu għat-tagħlim f’kulleġġ.

23.      L-Artikolu 3.2.1 tal-Wsf 2000 jistabbilixxi l-baġit ta’ student vokazzjonali għal xahar kalendarju bħala t-total tal-ammonti li jkopru l-ispejjeż għall-għajxien, l-ispejjeż tat-tagħlim u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar. Skont l-Artikolu 3.3.1 tal-Wsf 2000, il-baġit għal student tal-edukazzjoni ogħla huwa t-total tal-ammonti li jkopru l-ispejjeż tal-għajxien u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar.

24.      L-Artikolu 3.6.2 tal-Wsf 2000 jipprovdi li, sakemm ma jkunx iddikjarat b’mod ieħor, l-ammont tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar huwa parti mill-għotja bażika.

25.      Għall-istudji fil-Pajjiżi l-Baxxi (Artikolu 3.7.1 tal-Wsf 2000), l-ammont sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tal-ivvjaġġar jingħata fil-forma ta’ dritt li jintuża t-trasport pubbliku matul parti mill-ġimgħa jew b’xejn jew b’tariffa mnaqqsa. Għall-istudji barra mill-Pajjiżi l-Baxxi (Artikolu 3.7.2 tal-Wsf 2000), jingħata fil-forma ta’ somma ta’ flus kif iddefinit fl-Artikolu 4.8.1 u fl-Artikolu 5.3.1 tal-Wsf 2000. Id-dispożizzjonijiet tal-aħħar jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li taħthom l-ammont għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar għandu jingħata, rispettivament, lill-istudenti vokazzjonali u lill-istudenti tal-edukazzjoni ogħla bħala għotja għall-prestazzjoni.

26.      L-Artikolu 3 tal-Bsf 2000 jistabbilixxi liema ċittadini li ma humiex Olandiżi għandhom jiġu ttrattati b’mod ugwali bħaċ-ċittadini Olandiżi. L-Artikoli 3a u 3b tal-Bsf 2000, li jirrigwardaw (rispettivament) l-istudenti vokazzjonali u l-istudenti tal-edukazzjoni ogħla, jidentifikaw liema ċittadini li ma humiex Olandiżi għandhom jiġu ttrattati f’ċerti aspetti biss bl-istess mod li jiġu ttrattati ċ-ċittadini Olandiżi. L-ewwel paragrafu ta’ kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxi li t-trattament bħala ċittadini Olandiżi skont l-Artikolu 2.2.2 tal-Wsf 2000 huwa limitat għall-għoti ta’ ammont li jkopri l-ispejjeż ta’ aċċess għal edukazzjoni għal studenti li: (i) għandhom in-nazzjonalità ta’ Stat li huwa parti fiż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar 'il quddiem iż-“ŻEE”) jew l-Isvizzera (u l-membri tal-familja tagħhom); (ii) ma humiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li żammew l-istatus ta’ ħaddiem jew ta’ persuna li taħdem għal rasha u l-membri tal-familja tagħhom; u (iii) ma jgawdux residenza permanenti skont it-tifsira tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38. Fir-rigward tal-istudenti vokazzjonali, l-Artikolu 3a.2 tal-Bsf 2000 jistabbilixxi li l-ammont għandu jingħata fil-forma ta’ għotja ekwivalenti għall-ammont tal-għotja bażika ta’ student vokazzjonali li jgħix id-dar. L-aħħar sentenza ta’ dik id-dispożizzjoni tipprovdi wkoll li, b’mod partikolari, l-ammont għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar ma huwiex parti minn dak l-ammont. Fir-rigward tal-istudenti tal-edukazzjoni ogħla, l-Artikolu 3b.2 jipprovdi li dan l-ammont jingħata fil-forma ta’ kreditu għat-tagħlim f’kulleġġ.

27.      L-Artikolu 7.37.2 tal-liġi dwar l-edukazzjoni ogħla u r-riċerka xjentifika (Wet op het hoger onderwijs en wetenschappelijk onderzoek) jispjega x’tikkostitwixxi reġistrazzjoni f’istitut edukattiv irrikonoxxut. Kundizzjoni għar-reġistrazzjoni hija li tiġi prodotta l-prova li l-ispejjeż dovuti għat-tagħlim f’kulleġġ tħallsu jew ser jitħallsu.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

28.      Fit-3 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni rċeviet ilment mingħand ċittadin Brittaniku li l-istudenti Erasmus li jsegwu parti mill-istudji fil-Pajjiżi l-Baxxi jridu jħallsu t-tariffa sħiħa għat-trasport pubbliku intern filwaqt li studenti Olandiżi jgawdu tariffa preferenzjali.

29.      Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni fid-19 ta’ Marzu 2009, fejn ilmentat li l-Pajjiżi l-Baxxi kienu kisru, b’mod partikolari, l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 u l-Artikoli 12, 17 u 18 KE (illum l-Artikoli 18, 20 u 21 TFUE).

30.      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Mejju 2009, il-Pajjiżi l-Baxxi rrispondew li kienu bbażaw ruħhom fuq id-deroga fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38. Barra minn hekk, iddikjaraw ukoll li l-istudenti Erasmus essenzjalment ma jistgħux jiġu pparagunati ma’ studenti regolari li huma rreġistrati f’istituzzjoni edukattiva akkreditata fil-Pajjiżi l-Baxxi u li jittrattaw lill-ħaddiema migranti bl-istess mod li jittrattaw liċ-ċittadini tal-Pajjiżi l-Baxxi.

31.      Fl-opinjoni motivata tagħha tat-28 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni baqgħet issostni l-fehma tagħha li l-Pajjiżi l-Baxxi kienu kisru l-Artikolu 18 TFUE u l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38. Hija argumentat ukoll li l-karta tal-istudenti OV ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, anki jekk aċċettat li dik il-karta tkopri l-ispejjeż ta’ manteniment. Il-Pajjiżi l-Baxxi ntalbu jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom mal-opinjoni motivata fi żmien xahrejn wara li jirċevuha.

32.      Fir-risposta tagħhom tat-28 ta’ Mejju 2010, il-Pajjiżi l-Baxxi rrepetew li l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 kien jippermettilhom jirrifjutaw li jagħtu l-karta tal-istudenti OV lill-istudenti Erasmus. Jekk il-mekkaniżmu ta’ finanzjament għall-istudji jitqies li huwa indirettament diskriminatorju, tali diskriminazzjoni hija ġġustifikata.

33.      Il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata addizzjonali lill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi fis-26 ta’ Jannar 2012. Il-Kummissjoni indikat fiha li l-ilment tagħha kien jikkonċerna lill-istudenti kollha li ma humiex Olandiżi fil-Pajjiżi l-Baxxi u mhux lill-istudenti Erasmus biss. Il-Kummissjoni sostniet li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni kienet tirriżulta f’diskriminazzjoni diretta. Hija rrifjutat ukoll il-ġustifikazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi għal-leġiżlazzjoni indirettament diskriminatorja tagħhom.

34.      Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, li reġa’ ntalab jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mal-opinjoni motivata addizzjonali fi żmien xahrejn mid-data li fiha jirċeviha, irreaġixxa b’ittra tas-27 ta’ Marzu 2012. Huwa enfasizza l-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn studenti Erasmus u regolari u kkontesta l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-istudenti Erasmus huma rreġistrati f’istituzzjoni edukattiva Olandiża.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

35.      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, billi jagħmlu disponibbli biljetti għat-trasport pubbliku b’tariffi preferenzjali għal studenti li jsegwu l-istudji tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi (jiġifieri, il-karti tal-istudenti OV) biss għal (i) studenti Olandiżi li huma rreġistrati fi stabbilimenti edukattivi privati u pubbliċi fil-Pajjiżi l-Baxxi u (ii) studenti minn Stati Membri oħra li huma ekonomikament attivi jew kisbu d-dritt ta’ residenza permanenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-Pajjiżi l-Baxxi naqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 18 TFUE (flimkien mal-Artikoli 20 u 21 TFUE) u l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38. Il-Kummissjoni titlob ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja tordna lill-Pajjiżi l-Baxxi jħallsu l-ispejjeż.

36.      Il-Pajjiżi l-Baxxi jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara r-rikors inammissibbli sa fejn jirrigwarda d-diskriminazzjoni indiretta u l-istudenti Olandiżi li jirrisjedu barra mill-Pajjiżi l-Baxxi. Huma jsostnu wkoll li l-kundizzjonijiet li taħthom tingħata l-karta tal-istudenti OV ma jiddiskriminawx bejn studenti Olandiżi u studenti oħra mill-Unjoni. Barra minn hekk, il-Pajjiżi l-Baxxi jitolbu li l-Kummissjoni tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż.

 L-argumenti tal-partijiet

37.      Kif ser nispjega iktar tard (22), hemm problemi kbar fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors tal-Kummissjoni. Dawn jirriżultaw parzjalment mill-mod kif il-Kummissjoni ppreżentat l-ilment tagħha. Din il-preżentazzjoni taffettwa wkoll, b’mod partikolari, id-deskrizzjoni tiegħi tal-argumenti tal-Kummissjoni.

 L-ammissibbiltà

38.      Il-Pajjiżi l-Baxxi jenfasizzaw li r-rikors u l-opinjoni motivata fi proċeduri skont l-Artikolu 258 TFUE għandhom ikunu bbażati fuq l-istess motivi u sottomissjonijiet u l-ilmenti għandhom jiġu ppreżentati b’mod koerenti u preċiż. Ir-rikors tal-Kummissjoni ma jissodisfax lil dawn ir-rekwiżiti.

39.      F’parti mir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tidher li qed tilmenta li l-istudenti Erasmus Olandiżi fil-Pajjiżi l-Baxxi jbatu diskriminazzjoni indiretta meta mqabbla ma’ studenti li ma humiex Olandiżi li jistudjaw fil-Pajjiżi l-Baxxi. Madankollu, f’parti oħra tar-rikors hija tilmenta dwar it-trattament ta’ studenti Erasmus li ma humiex Olandiżi. Il-Pajjiżi l-Baxxi jsostnu li l-Kummissjoni ma identifikatx kif jixraq il-grupp(i) ta’ studenti li kontrihom il-Pajjiżi l-Baxxi allegatament jiddiskriminaw u b’liema mod. Id-dokumenti mill-fażi prekontenzjuża huma wkoll mhux ċari u joħolqu konfużjoni u jissuġġerixxu li l-ilment tal-Kummissjoni dwar diskriminazzjoni indiretta fir-rikors tagħha huwa ġdid.

40.      Fir-rigward tal-ilment tal-Kummissjoni dwar it-trattament ta’ studenti Olandiżi li jirrisjedu barra mill-pajjiż, il-Pajjiżi l-Baxxi jinnotaw li taqsima tar-rikors tal-Kummissjoni hija intitolata “Studenti barra dawk Erasmus – studenti barranin regolari li jinkludu studenti Olandiżi li qed jgħixu barra mill-pajjiż”. Il-Pajjiżi l-Baxxi ma jistgħux jidentifikaw x’inhi l-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ dawk l-istudenti jew il-bażi tad-diskriminazzjoni allegata. Għall-kompletezza, il-Pajjiżi l-Baxxi jiddikjaraw li l-istudenti Olandiżi li jirrisjedu barra mill-pajjiż huma eliġibbli għal finanzjament għall-istudji (inkluża l-karta tal-istudenti OV) jekk ikunu rreġistrati għal studji full-time f’istituzzjoni edukattiva rrikonoxxuta fil-Pajjiżi l-Baxxi u jkollhom inqas minn 30 sena meta japplikaw għall-finanzjament għall-istudji.

41.      Il-Pajjiżi l-Baxxi jsostnu li n-nuqqas ta’ ċarezza fl-ilment tal-Kummissjoni dwar diskriminazzjoni indiretta jagħmilha diffiċli għalihom, jekk mhux impossibbli, li jippreżentaw difiża: l-ilment ma huwiex ippreżentat b’mod koerenti u preċiż u l-kunsiderazzjonijiet imniżżla fl-opinjoni motivata ma jikkorrispondux għal dawk ippreżentati fir-rikors.

42.      Il-Kummissjoni tirrispondi li l-opinjoni motivata u l-opinjoni motivata addizzjonali juru li, fil-fażi prekontenzjuża, il-Kummissjoni ma eskludietx il-possibbiltà li l-leġiżlazzjoni Olandiża tista’ wkoll tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta. Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni kif imressqa fir-rikors hija biss elaborazzjoni ulterjuri tal-pożizzjoni tagħha fil-fażi prekontenzjuża li ma tistax tiġi kkaratterizzata bħala lment ġdid.

43.      Fid-dawl tal-kjarifika tal-Pajjiżi l-Baxxi li l-istudenti Olandiżi li jirrisjedu barra mill-pajjiż li jirreġistraw għal studji full-time ma’ istituzzjoni edukattiva Olandiża u jissodisfaw il-kundizzjoni tal-età huma intitolati għal finanzjament għall-istudji, inkluża l-karta tal-istudenti OV, il-Kummissjoni taċċetta li ma hemm ebda diskriminazzjoni kontra tali studenti. Filwaqt li l-Kummissjoni għalhekk ma hijiex ser tkompli ssegwi dan il-motiv, hija tibqa’ ssostni l-motiv li jirrigwarda l-istudenti regolari li ma humiex Olandiżi.

 Il-mertu

44.      Il-Kummissjoni ssostni li l-Pajjiżi l-Baxxi jiddiskriminaw direttament kontra studenti li ma humiex Olandiżi li ma humiex ħaddiema jew jaħdmu għal rashom u li ma jżommux dak l-istatus (jew il-membri tal-familja tagħhom) u li ma humiex residenti permanenti fil-Pajjiżi l-Baxxi. B’differenza mill-istudenti Olandiżi, dawn l-istudenti ma jistgħux igawdu l-benefiċċji ta’ karta tal-istudenti OV. Il-fatt li, sabiex tinkiseb il-karta, l-istudenti kollha jridu jissodisfaw żewġ kundizzjonijiet oħra ma jbiddilx din id-diskriminazzjoni diretta.

45.      Billi jċaħħdu lill-istudenti Erasmus li ma humiex Olandiżi li jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi mill-karta tal-istudenti OV (filwaqt li jagħtu l-istess karta lil studenti Olandiżi li jgħixu fil-Pajjiżi l-Baxxi), il-Pajjiżi l-Baxxi kisru l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38. Il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-punti 61, 62 u 64 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija (23) li ngħatat fl-4 ta’ Ottubru 2012 u għaldaqstant wara li ntemmet il-fażi prekontenzjuża.

46.      Filwaqt li l-Kummissjoni taċċetta li l-istudenti Erasmus huma u jibqgħu rreġistrati mal-istituzzjoni edukattiva li tibgħat, hija tikkunsidra li dan il-fatt huwa irrilevanti. Il-Karta tal-istudenti Erasmus+ tirrikjedi li kull student jiġi ttrattat mill-istituzzjoni li tirċievi bl-istess mod li tittratta lill-istudenti tagħha. Huwa minnu li l-istudenti Erasmus ma jħallsux miżati ta’ reġistrazzjoni fl-istituzzjoni li tirċievi. Madankollu, huma jgawdu, waqt il-perijodu li fih jistudjaw barra mill-pajjiż, is-servizzi kollha relatati mar-reġistrazzjoni f’dik l-istituzzjoni, bħal seminars, reġistrazzjoni, eżamijiet, aċċess għal faċilitajiet ta’ laboratorju u għal libreriji. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-istudenti Erasmus huma de facto rreġistrati fil-Pajjiżi l-Baxxi u għaldaqstant jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jirċievu karta tal-istudenti OV. B’risposta għall-pożizzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi li l-istudenti Erasmus ma humiex paragunabbli oġġettivament ma’ studenti regolari, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-punt 61 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija sabiex targumenta li l-istudenti huma paragunabbli oġġettivament jekk l-istudent juri li hemm konnessjoni ġenwina mal-Istat Membru ospitanti.

47.      Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, peress li l-Pajjiżi l-Baxxi huma l-uniċi li jagħtu dan it-tip ta’ benefiċċju, ma hemm l-ebda riskju li student jirċievi sostenn finanzjarju għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar kemm mill-Istat Membru ta’ oriġini kif ukoll minn dak ospitanti. Madankollu, waqt is-seduta, il-Kummissjoni ssuġġerixxiet li numru sinjifikattiv ta’ Stati Membri jipprovdu għal karti simili iżda, għal raġuni jew oħra, jirrifjutaw li jagħtuhom.

48.      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li student Olandiż li jirreġistra sabiex jistudja barra mill-pajjiż iżda jiddeċiedi li jqatta’ parti mill-istudji tiegħu bħala student fil-Pajjiżi l-Baxxi ma huwiex f’sitwazzjoni li tista’ titqabbel ma’ dak li l-Kummissjoni rreferiet għalih bħala student Erasmus “standard” li ma huwiex Olandiż. Dan tal-ewwel huwa intitolat għal finanzjament sabiex jistudja barra mill-pajjiż (“meeneembare studie financiering” jew “MNSF”), jiġifieri, finanzjament għall-istudji “portabbli”, li jinkludi ammont li jikkorrispondi għall-valur ta’ karta tal-istudenti OV. Dan tal-aħħar ma jingħatax dak l-ammont. Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni tikkunsidra li hemm “b’mod ċar”, diskriminazzjoni diretta minħabba n-nazzjonalità, li jmur kontra l-Artikolu 21 TFUE u l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38. Waqt is-seduta, b’risposta għal domanda dwar preċiżament dik il-parti tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat li l-parti tar-risposta tagħha fejn abbandunat l-ilment tagħha dwar diskriminazzjoni kontra studenti Olandiżi li jirrisjedu barra mill-pajjiż li jirreġistraw ma’ istituzzjoni edukattiva biex jistudjaw fil-Pajjiżi l-Baxxi kienet tkopri din il-parti wkoll.

49.      Fil-parti tar-rikors tagħha intitolat “Studenti Erasmus – diskriminazzjoni indiretta”, il-Kummissjoni tiddeskrivi l-pożizzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi bħala dik li fiha ma hemmx diskriminazzjoni indiretta kontra l-istudenti Erasmus li ma humiex Olandiżi, peress li l-istudenti Erasmus Olandiżi rreġistrati sabiex jistudjaw barra mill-pajjiż li jistudjaw fil-Pajjiżi l-Baxxi bħala parti mill-programm Erasmus tagħhom ukoll ma humiex intitolati għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar. Il-Kummissjoni tikkunsidra li, fin-numru limitat ta’ każijiet fejn ċittadin Olandiż li jistudja barra mill-pajjiż jiddeċiedi li jsegwi programm Erasmus fil-Pajjiżi l-Baxxi, tali student ma huwiex ser jirċievi ammont għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar peress li huwa jirċievi wkoll finanzjament għall-istudji portabbli għall-istudji tiegħu barra mill-pajjiż, li jinkludi element li jkopri l-ispejjeż tal-ivvjaġġar. Peress li studenti Erasmus li ma humiex Olandiżi ma humiex intitolati għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar, isegwi li l-Pajjiżi l-Baxxi jiddiskriminaw b’mod indirett kontra dawn l-istudenti, b’mod li jmur kontra l-Artikolu 21 TFUE u l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38.

50.      Il-Kummissjoni tattakka wkoll it-trattament mogħti mill-Pajjiżi l-Baxxi lill-istudenti regolari. B’risposta għall-pożizzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi li l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 ikopri l-karta tal-istudenti OV, il-Kummissjoni tirreferi għall-punti 53 sa 55 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija, li minnha (hija ssostni) jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li skont għall-istudenti fuq it-tariffi għat-trasport (i) ma huwiex għotja jew self skont it-tifsira tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 iżda (ii) forma differenti ta’ għajnuna għall-manteniment skont it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni. Il-fatt li l-ispejjeż tal-ivvjaġġar jingħataw inizjalment bħala self ikkundizzjonat ma jwassalx awtomatikament sabiex dak il-benefiċċju jaqa’ taħt l-eċċezzjoni fl-Artikolu 24(2). Peress li s-self irid jitħallas lura biss f’ċirkustanzi limitati, il-benefiċċju għandu jiġi kkaratterizzat bħala għotja kkundizzjonata li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

51.      Il-Pajjiżi l-Baxxi jsostnu li l-ilment li jirrigwarda studenti regolari li ma humiex Olandiżi u studenti Erasmus ma huwiex fondant.

52.      Fir-rigward tal-istudenti regolari li ma humiex Olandiżi, il-Pajjiżi l-Baxxi jibbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38. Huwa paċifiku li l-karta tal-istudenti OV hija għajnuna għall-manteniment; u l-Pajjiżi l-Baxxi jsostnu li tikkostitwixxi għotja għall-istudenti jew self. Jekk l-karta tal-istudenti OV tiġix ikklassifikata bħala self ikkundizzjonat jew, bħalma tipproponi l-Kummissjoni, għotja kkundizzjonata huwa irrilevanti. Xorta jibqa’ l-fatt li l-Pajjiżi l-Baxxi jistgħu jibbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 24(2). Il-Kummissjoni ma għandhiex raġun tibbaża ruħha fuq is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija. Dik il-kawża kienet tirrigwarda skont fuq l-ispejjeż tal-ivvjaġġar għal studenti li l-ġenituri tagħhom kienu jirċievu benefiċċji Awstrijaċi għat-tfal; ma kellha l-ebda rabta mal-finanzjament għall-istudji. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-Pajjiżi l-Baxxi jsostnu li din id-difiża tapplika wkoll għall-istudenti Erasmus li ma humiex Olandiżi, iżda bħala argument sussidjarju biss. Madankollu, waqt is-seduta, il-Gvern Olandiż deher li bbaża ruħu, anki fir-rigward ta’ dan il-grupp, l-ewwel fuq l-Artikolu 24(2) qabel ma daru fuq l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38.

53.      Il-Pajjiżi l-Baxxi jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ilment dwar id-diskriminazzjoni diretta kontra studenti Erasmus li ma humiex Olandiżi bħala infondat. Dak il-grupp ta’ studenti ma jistax jitqabbel b’mod oġġettiv ma’ studenti Olandiżi. Waqt il-mawra Erasmus tagħhom barra mill-pajjiż, huma jibqgħu rreġistrati mal-istituzzjoni edukattiva fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom u ma humiex responsabbli sabiex iħallsu spejjeż għat-tagħlim fl-istituzzjoni edukattiva li tirċievi. L-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom jibqa’ responsabbli għas-sostenn finanzjarju tagħhom. Għaldaqstant, l-ebda student Erasmus, irrispettivament min-nazzjonalità tiegħu, ma jirċievi finanzjament għall-istudji Olandiż (inkluża l-karta tal-istudenti OV). Barra minn hekk, l-istudenti Erasmus jirċievu mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom għotja Erasmus li hija intiża sabiex tiffinanzja l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-istudju barra mill-pajjiż. Il-livell ta’ din l-għotja jiddependi, b’mod partikolari, fuq il-livell ta’ spejjeż ta’ manteniment fl-Istat Membru ospitanti. Għaldaqstant, skont il-Pajjiżi l-Baxxi, ma hemmx diskriminazzjoni.

54.      Il-Pajjiżi l-Baxxi ma jaqblux ukoll mal-argument tal-Kummissjoni li l-istudenti Erasmus huma de facto rreġistrati ma’ istituzzjoni edukattiva fil-Pajjiżi l-Baxxi. Huwa minnu li l-istudenti Erasmus jridu jikkonformaw ruħhom ma’ xi formalitajiet, iżda dawn huma purament amministrattivi u ma humiex suffiċjenti sabiex iwasslu lil student Erasmus biex ikun eliġibbli għall-finanzjament għall-istudji.

55.      Fid-dawl tar-replika tal-Kummissjoni, il-Pajjiżi l-Baxxi jsostnu, barra minn hekk, li l-Kummissjoni interpretat ħażin il-punti 61 sa 64 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija. L-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 ma jeħtieġx li rabta ġenwina mal-Istat Membru ospitanti tintwera permezz ta’ reġistrazzjoni f’istituzzjoni edukattiva hemmhekk. Fi kwalunkwe każ, dawk il-punti tas-sentenza jirrigwardaw il-ġustifikazzjoni tad-diskriminazzjoni indiretta inkwistjoni f’dik il-kawża. Ma jindirizzawx il-kriterji sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx diskriminazzjoni (diretta) jew le.

56.      Skont il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Kummissjoni tapplika metodoloġija żbaljata sabiex tiddetermina x’inhuma l-kategoriji ta’ studenti li huma paragunabbli oġġettivament. Li huwa rilevanti ma huwiex il-grad li fih xi gruppi humiex paragunabbli jew le, iżda jekk, mill-perspettiva tal-liġi nazzjonali inkwistjoni, hemmx sitwazzjoni paragunabbli. Fil-kawża preżenti, il-liġi inkwistjoni hija l-liġi li tirregola l-finanzjament għall-istudji. Studenti Erasmus ma humiex paragunabbli oġġettivament mal-grupp ta’ studenti li ħallsu miżati tal-kulleġġ fil-Pajjiżi l-Baxxi, huma rreġistrati ma’ istituzzjoni edukattiva hemmhekk u, fuq dik il-bażi, huma eliġibbli għall-finanzjament għall-istudji. Sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li ż-żewġ gruppi huma paragunabbli, il-Pajjiżi l-Baxxi jerġgħu jibbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38.

57.      Fl-aħħar nett, b’risposta għad-domandi waqt is-seduta, kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Pajjiżi l-Baxxi ħadu l-pożizzjoni li l-istudenti Erasmus jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi fuq il-bażi tal-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2004/38.

 Analiżi

 Osservazzjonijiet preliminari

58.      Essenzjalment, is-suċċess tar-rikors tal-Kummissjoni jiddependi minn jekk jiġix stabbilit li l-Pajjiżi l-Baxxi jittrattaw lill-istudenti li ma humiex Olandiżi b’mod inqas favorevoli minn studenti Olandiżi li huma paragunabbli fir-rigward tal-karta tal-istudenti OV. Din il-karta tal-istudenti OV hija mezz sabiex tiġi amministrata l-iskema ta’ tariffi mnaqqsa għat-trasport (pubbliku) peress li hija prova tal-eliġibbiltà tal-istudent għal tali tariffi. Il-Wsf 2000 tiddefinixxi l-valur monetarju korrispondenti tal-karta.

59.      It-talba tal-Kummissjoni (li tinsab fl-aħħar paġna tar-rikors tagħha) hija li l-Pajjiżi l-Baxxi jiġu ddikjarati li kisru l-Artikoli 18, 20 u 21 TFUE kif ukoll l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 (24) billi llimitaw il-benefiċċju tal-karta tal-istudenti OV għall-istudenti Olandiżi li huma rreġistrati ma’ istituzzjoni edukattiva privata jew pubblika u studenti ta’ nazzjonalitajiet oħra li huma attivi ekonomikament fil-Pajjiżi l-Baxxi jew kisbu d-dritt ta’ residenza permanenti fil-Pajjiżi l-Baxxi. Din il-formulazzjoni tidentifika min jirċievi l-karta iktar milli min ma jirċevihiex. Madankollu, fuq il-bażi ta’ implikazzjoni, il-Kummissjoni qed tilmenta dwar diskriminazzjoni kontra studenti ta’ nazzjonalitajiet oħra li huma rreġistrati ma’ istituzzjoni edukattiva privata jew pubblika (preżumibbilment fil‑Pajjiżi l-Baxxi) u b’mod iktar wiesa’, kontra l-istudenti kollha ta’ nazzjonalitajiet oħra (irrispettivament mir-reġistrazzjoni ma’ istituzzjoni edukattiva iżda wkoll preżumibbilment qed jistudjaw fil-Pajjiżi l-Baxxi) li ma humiex attivi ekonomikament u/jew ma humiex residenti permanenti fil-Pajjiżi l-Baxxi.

60.      Din il-formulazzjoni hija differenti mid-deskrizzjoni tas-suġġett tar-rikors fuq il-kopertina tar-rikors tal-Kummissjoni, li hija rripetuta fil-paragrafu 1 kemm tar-rikors kif ukoll tar-replika tagħha. Hemmhekk, il-Kummissjoni ssostni essenzjalment li l-Pajjiżi l-Baxxi jagħtu l-karta tal-istudenti OV biss lill-istudenti Olandiżi u lil studenti ta’ nazzjonalitajiet oħra li jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi, li huma ekonomikament attivi jew li kisbu dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. Minn din il-formulazzjoni jidher li l-Kummissjoni qed tilmenta dwar diskriminazzjoni kontra studenti ta’ nazzjonalitajiet oħra (irrispettivament mir-reġistrazzjoni ma’ istituzzjoni edukattiva iżda preżumibbilment qed jistudjaw fil-Pajjiżi l-Baxxi) li ma jirrisjedux fil-Pajjiżi l-Baxxi (u għaldaqstant lanqas ma kisbu dritt ta’ residenza permanenti) u li ma humiex attivi ekonomikament. Dan il-grupp ta’ studenti jidher li huwa kemm usa’ (peress li ma hemmx referenza għar-reġistrazzjoni ma’ istituzzjoni edukattiva) kif ukoll iktar ristrett (peress li jirrigwarda biss studenti li ma għandhom l-ebda forma ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi) minn dak identifikat fit-talba. Fl-aħħar mill-aħħar, dak li huwa rilevanti huma t-talbiet fir-rikors.

61.      Waqt il-proċedura, il-Kummissjoni abbandunat partijiet mill-ilment tagħha (25). Għaldaqstant, fir-replika tagħha, il-Kummissjoni abbandunat il-motiv dwar diskriminazzjoni kontra l-istudenti Olandiżi li jirrisjedu barra mill-pajjiż iżda li huma rreġistrati għal kors full-time ma’ istituzzjoni edukattiva akkreditata fil-Pajjiżi l-Baxxi. Hija taċċetta li tali studenti huma ttrattati bl-istess mod bħal studenti Olandiżi li jirrisjedu u jistudjaw fil-Pajjiżi l-Baxxi. (Jekk dan jimplikax li l-Kummissjoni kienet qed tilmenta inizjalment dwar diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità bejn studenti Olandiżi ma huwiex ċar iżda ma huwiex rilevanti għal din il-kawża). Waqt is-seduta, meta ntalbet tikkjarifika l-parti tar-rikors tagħha li tirrigwarda t-trattament ta’ studenti Erasmus li ma humiex Olandiżi u ċittadini Olandiżi li huma rreġistrati ma’ istituzzjoni edukattiva barra mill-pajjiż iżda jwettqu parti mill-istudji tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi bħala studenti Erasmus, il-Kummissjoni rrispondiet li kienet abbandunat ukoll il-motiv tagħha dwar diskriminazzjoni fir-rigward ta’ dawk l-istudenti Olandiżi. Konsegwentement, jidhirli li, finalment, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tikkunsidra r-rikors tal-Kummissjoni biss sa fejn jallega diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità kontra studenti regolari li ma humiex Olandiżi u studenti Erasmus fil-Pajjiżi l-Baxxi.

62.      Huwa f’dan l-isfond li ser nikkunsidra l-ewwel nett jekk ir-rikors tal-Kummissjoni huwiex ammissibbli.

 L-ammissibbiltà

63.      Huwa fatt stabbilit li rikors ibbażat fuq l-Artikolu 258 TFUE għandu jindika b’mod ċar u preċiż is-suġġett tal-kawża kif ukoll sunt tal-motivi li fuqhom ikun ibbażat ir-rikors sabiex b’hekk il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ twettaq l-istħarriġ tagħha (26). Il-punti essenzjali ta’ liġi u ta’ fatt għandhom jiġu indikati b’mod koerenti u inekwivoku fir-rikors innifsu u t-talbiet għandhom jiġu ppreżentati b’mod mhux ambigwu (27). Barra minn hekk, tali rikors għandu jiġi kkunsidrat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni biss it-talbiet fir-rikors promotur. Dawn it-talbiet għandhom jiġu fformulati b’mod mhux ambigwu sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew inkella tonqos milli tiddeċiedi fuq ilment (28). Is-suġġett tal-kawża huwa wkoll iddefinit mill-ittra ta’ intimazzjoni u mill-opinjoni motivata u ma jistax jiġi estiż iktar tard (29). Ir-rikors u l-opinjoni motivata (opinjonijiet motivati) għandhom ikunu bbażati fuq l-istess ilmenti (30).

64.      Fil-kawża preżenti, il-Pajjiżi l-Baxxi jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li r-rikors tal-Kummissjoni huwa inammissibbli sa fejn jallega diskriminazzjoni indiretta. Infakkar li, fi kwalunkwe każ, nuqqas li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 258 TFUE jikkostitwixxi ostakolu assolut sabiex titkompla kawża u jista’ jitqajjem mill-Qorti tal-Ġustizzja ex officio anki jekk ma titqajjimx eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà minn waħda mill-partijiet quddiemha (31).

65.      Jien naqbel mal-Pajjiżi l-Baxxi fir-rigward tal-motiv dwar diskriminazzjoni indiretta u ser nindirizza l-ewwel l-ammissibbiltà ta’ dan il-motiv. Fil-fatt, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara ex officio li dik il-parti tar-rikors hija inammissibbli minħabba raġunijiet li ma humiex limitati għal dan il-motiv.

66.      Diskriminazzjoni indiretta minħabba n-nazzjonalità teżisti fejn dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali hija intrinsikament kapaċi taffettwa liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra iktar miċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti u hemm ir-riskju konsegwenti li ser tqiegħed lil tal-ewwel fi żvantaġġ partikolari, sakemm ma tkunx ġustifikabbli oġġettivament u proporzjonata mal-għan segwit (32). Għaldaqstant, meta jiġi ppreżentat tali lment, huwa essenzjali li jiġi identifikat kriterju ieħor barra n-nazzjonalità li l-applikazzjoni tiegħu xorta ser jirriżulta f’diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità.

67.      Il-Kummissjoni naqset milli tagħmel dan.

68.      B’risposta għall-oġġezzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Kummissjoni tgħid biss li l-ilment tagħha dwar diskriminazzjoni indiretta ma huwiex ġdid u li kellu jkun ċar miż-żewġ opinjonijiet motivati li l-Kummissjoni ma eskludietx il-possibbiltà ta’ diskriminazzjoni indiretta.

69.      F’parti minn dawk l-opinjonijiet motivati, il-Kummissjoni ddikjarat li l-kundizzjoni ta’ residenza permanenti taħt il-liġi Olandiża tirriżulta f’diskriminazzjoni indiretta kontra ċ-ċittadini tal-Unjoni li ma humiex Olandiżi b’mod ġenerali (mhux limitata għall-istudenti Erasmus li ma humiex Olandiżi), li tmur direttament kontra l-formulazzjoni tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, u li jsegwi li l-limitazzjoni ta’ aċċess għall-karta tal-istudenti OV għal persuni ekonomikament attivi u għal residenti permanenti kienet tmur kontra l-Artikoli 18, 20 u 21 TFUE kif ukoll l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38. F’parti oħra, il-Kummissjoni allegat diskriminazzjoni diretta biss. Iżda parti oħra tal-opinjonijiet motivati kienet tirrigwarda l-ġustifikazzjoni possibbli għad-diskriminazzjoni indiretta. Fl-aħħar nett, fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha, il-Kummissjoni allegat diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità iżda naqset milli tidentifika l-kriterju li kkawża dik id-diskriminazzjoni. Iffokat biss fuq il-fatt (li ma ġiex ikkontestat) li l-istudenti li ma humiex Olandiżi jridu jħallsu r-rata sħiħa għat-trasport pubbliku, filwaqt li studenti Olandiżi jgawdu tariffi mnaqqsa. Hija mbagħad ikkonkludiet li l-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu japplika għaċ-ċittadini tal-Unjoni kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni, b’mod partikolari, tad-Direttiva 2004/38 u li jistudjaw fl-Istat Membru ospitanti, irrispettivament minn jekk humiex residenti permanenti hemmhekk.

70.      Jekk titwarrab il-kwistjoni dwar jekk il-Pajjiżi l-Baxxi ġewx avżati b’mod adegwat li r-rikors tal-Kummissjoni (fil-każ li jiġi ppreżentat) kien ser jinkludi diskriminazzjoni indiretta, il-Kummissjoni xorta naqset kompletament milli tidentifika liema kriterju użat f’liema dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali jiddiskrimina indirettament fil-kawża preżenti.

71.      Ma tistax tkun kundizzjoni dwar nazzjonalità bħala tali. Dan peress li l-Kummissjoni ssostni li, fir-rigward ta’ diskriminazzjoni diretta, il-Pajjiżi l-Baxxi jittrattaw liċ-ċittadini li ma humiex Olandiżi b’mod inqas favorevoli miċ-ċittadini tagħhom stess. Dawk tal-ewwel huma suġġetti għal kundizzjonijiet ta’ attività ekonomika u/jew residenza permanenti sabiex jiksbu l-karta tal-istudenti OV, filwaqt li dawk tal-aħħar ma humiex. Għaldaqstant, il-motiv tal-Kummissjoni dwar diskriminazzjoni diretta neċessarjament jafferma differenza fit-trattament minħabba n-nazzjonalità: fejn id-differenza hija jekk student huwiex jew le meħtieġ li juri, b’mod partikolari, li għandu residenza permanenti. Iżda jekk dan huwa l-każ, ir-rikors tal-Kummissjoni ma jistax jinftiehem fis-sens li jallega li l-kundizzjoni ta’ residenza permanenti wkoll tirriżulta f’diskriminazzjoni indiretta. Dan kien ikun possibbli biss kieku l-leġiżlazzjoni Olandiża (quod non) applikat il-kundizzjoni ta’ residenza permanenti għall-istudenti kollha li japplikaw għall-finanzjament għall-istudji inkluża l-karta tal-istudenti OV.

72.      Waqt is-seduta, b’risposta għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni identifikat l-Artikolu 7.37 tal-liġi dwar l-edukazzjoni ogħla u r-riċerka xjentifika u l-Artikolu 3(a)(2) tal-Bsf 2000 bħala d-dispożizzjonijiet diskriminatorji. Ma speċifikatx jekk l-applikazzjoni tagħhom wasslitx għal diskriminazzjoni diretta jew indiretta.

73.      Fir-rigward ta’ diskriminazzjoni indiretta, il-Kummissjoni għaldaqstant dehret li qed tissuġġerixxi – mingħajr ma elaborat ulterjorment – li kemm il-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ residenza permanenti (sa fejn tapplika għall-istudenti vokazzjonali) jinvolvu diskriminazzjoni indiretta. Sa fejn dan huwa l-ilment tal-Kummissjoni, ir-rikors għandu b’mod ċar jiġi miċħud bħala inammissibbli. Il-Kummissjoni naqset milli tidentifika l-kriterju allegatament diskriminatorju b’mod koerenti u suffiċjenti u fil-ħin. Inżid li tkun parodija totali tal-proċedura tal-Artikolu 258 kieku l-Kummissjoni titħalla tidentifika l-element allegatament indirettament diskriminatorju tal-liġijiet ta’ Stat Membru għall-ewwel darba fl-istadju tal-fażi orali.

74.      Sa fejn jirrigwarda l-motiv dwar id-diskriminazzjoni diretta, diġà innotajt in-nuqqas ta’ koerenza fir-rikors tal-Kummissjoni u fil-fażi prekontenzjuża fir-rigward tal-kriterju ta’ nazzjonalità. Madankollu, il-Pajjiżi l-Baxxi jaċċettaw li jittrattaw lill-istudenti Olandiżi u lill-istudenti minn, b’mod partikolari, Stati Membri oħra b’mod differenti fir-rigward tal-finanzjament għall-istudji, inkluża l-karta tal-istudenti OV, billi jeħtieġu li dawn tal-aħħar ikunu jew attivi ekonomikament jew residenti permanenti. Is-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom f’dan ir-rigward iċċitaw speċifikament l-Artikolu 3(a)(1) u (2) tal-Bsf 2000.

75.      Fl-opinjoni tiegħi, ma jsegwix neċessarjament li l-motiv tal-Kummissjoni dwar diskriminazzjoni diretta kontra ċ-ċittadini kollha li ma humiex Olandiżi huwa ammissibbli. Ha nħarsu iktar fil-viċin lejn iż-żewġ dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li identifikat il-Kummissjoni waqt is-seduta.

76.      L-Artikolu 7.37 tal-liġi dwar l-edukazzjoni ogħla u r-riċerka xjentifika jiddefinixxi x’tikkostitwixxi r-reġistrazzjoni ma’ istituzzjoni edukattiva rrikonoxxuta. Jeħtieġ prova li turi li tħallsu jew ser jitħallsu l-miżati dovuti għat-tagħlim f’kulleġġ. Ma jagħmel l-ebda referenza għan-nazzjonalità. Għaldaqstant, ma nistax nara kif din id-dispożizzjoni fiha nnifisha tagħti lok għal diskriminazzjoni diretta.

77.      Il-Kummissjoni lanqas ma identifikat dik id-dispożizzjoni bħala direttament diskriminatorja fir-rikors tagħha jew fi kwalunkwe fażi oħra tal-proċedura. Id-dispożizzjonijiet li bbażat ruħha fuqhom il-Kummissjoni fit-taqsima tar-rikors tagħha fejn indirizzat id-diskriminazzjoni diretta kienu l-Artikoli 2.2(1)(b) u 3.6(2) tal-Wsf 2000 u l-Artikolu 3(a) tal-Bsf 2000. Fit-taqsima tar-replika tagħha dwar l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-Artikolu 3.2(1) tal-Wsf 2000 (li jistabbilixxi l-baġit ta’ kull xahar ta’ student vokazzjonali, minkejja li l-bqija tal-argumenti tal-Kummissjoni f’din it-taqsima jidhru li jirrigwardaw il-pożizzjoni ta’ student tal-edukazzjoni ogħla).

78.      L-Artikolu 3(a)(2) tal-Bsf 2000 jirrigwarda studenti vokazzjonali. Billi identifikat din id-dispożizzjoni oralment (u fil-fatt fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha), il-Kummissjoni għaldaqstant tidher li qed tillimita l-ilment tagħha dwar diskriminazzjoni diretta għal studenti vokazzjonali. Meta ġiet mistoqsija jekk dan huwa minnu waqt is-seduta, il-Kummissjoni rrispondiet li ma kienx. Studenti tal-edukazzjoni ogħla kienu koperti wkoll. Madankollu, il-Kummissjoni xorta ma identifikatx id-dispożizzjoni(jiet) tal-liġi nazzjonali li jirriżultaw f’diskriminazzjoni diretta kontra l-istudenti tal-edukazzjoni ogħla.

79.      Barra minn hekk, minkejja li dawk id-dispożizzjonijiet tal-liġi Olandiża jirreferu wkoll għall-persuni li għandhom in-nazzjonalità ta’ Stat ŻEE jew tal-Isvizzera kif ukoll għaċ-ċittadini tal-Unjoni, ma hemm xejn fir-rikors tal-Kummissjoni li jissuġġerixxi li hija qed tilmenta dwar diskriminazzjoni kontra persuni li ma humiex ċittadini tal-Unjoni. Minn dan isegwi li, jekk l-ilment tal-Kummissjoni dwar diskriminazzjoni diretta jikkonċerna madankollu lil studenti tal-edukazzjoni ogħla u lil studenti li għandhom in-nazzjonalità ta’ Stat ŻEE jew tal-Isvizzera, dan għandu jkun inammissibbli wkoll.

80.      Nikkonkludi li l-unika parti tal-ilment tal-Kummissjoni dwar diskriminazzjoni diretta li hija ammissibbli tirrigwarda l-istudenti vokazzjonali li ma humiex Olandiżi li huma ċittadini tal-Unjoni, inklużi l-istudenti Erasmus.

 Il-mertu

 L-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38

81.      L-Artikolu 18 TFUE jipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità f’sitwazzjonijiet li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati. Madankollu, huwa intiż li japplika indipendentement biss f’sitwazzjonijiet li għalihom it-Trattat ma jipprovdi l-ebda projbizzjoni speċifika tad-diskriminazzjoni (33). L-Artikolu 21 TFEU jikkonċerna s-sitwazzjoni speċifika li fiha ċittadin tal-Unjoni Ewropea jeżerċita l-libertà li jmur jirrisjedi fit-territorju tal-Istati Membri (34). Din tinkludi s-sitwazzjoni ta’ student li huwa ċittadin tal-Unjoni u jmur jgħix fi Stat Membru ieħor sabiex isegwi edukazzjoni ogħla hemmhekk (35). Madankollu, dawn id-drittijiet ta’ moviment liberu huma suġġetti għal-limitazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet mniżżla fit-Trattati u għall-miżuri adottati sabiex jingħataw effett, inkluża d-Direttiva 2004/38 (36). L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 huwa espressjoni iktar speċifika tal-prinċipju ta’ trattament ugwali stabbilit b’mod ġenerali fl-Artikolu 18 TFUE, fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-direttiva (37).

82.      Fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni tallega li hemm diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità kontra studenti li ma humiex Olandiżi li eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom sabiex jistudjaw fil-Pajjiżi l-Baxxi u li huma għaldaqstant koperti mill-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38.

83.      Skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38, iċ-ċittadini tal-Unjoni kollha li jirrisjedu fl-Istat Membru ospitanti fuq il-bażi ta’ din id-direttiva għandhom igawdu trattament ugwali, fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati għal dak li jingħataw iċ-ċittadini ta’ dak l-Istat stess. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-aċċess għall-benefiċċji soċjali turi li din l-espressjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tapplika biss fir-rigward ta’ studenti li huma residenti legalment fl-Istati Membru ospitanti, li jfisser li r-residenza tagħhom tissodisfa l-kundizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 (38).

84.      Madankollu, l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 jippermetti lill-Istati Membri jagħżlu li ma japplikawx dak il-prinċipju fir-rigward ta’ “[...] għajnuna ta’ manteniment għall-istudji, inkluż taħriġ professjonali, li jikkonsisti f’konċessjonijiet ta’ l-istudenti jew f’self għal studenti lill-persuni li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja tagħhom” li għadhom ma kisbux id-dritt ta’ residenza permanenti. Għaldaqstant, l-Artikolu 24(2) jippermetti espressament lill-Istati Membri jidderogaw, għal perijodu ta’ żmien limitat, fi kwalunkwe każ individwali, mill-prinċipju ta’ trattament ugwali (39). Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li din id-deroga għandha tiġi interpretata b’mod strett u skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, inklużi dawk dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-moviment liberu (40).

85.      Stat Membru jista’ jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 biss jekk japplika l-Artikolu 24(1) – jiġifieri – fil-kawża preżenti, jekk ir-residenza tal-istudenti inkwistjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 (41). Iż-żewġ partijiet jaqblu li l-istudenti koperti mir-rikors tal-Kummissjoni kienu jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi fuq il-bażi tal-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2004/38. Għaldaqstant, huwa paċifiku li, bħala prinċipju, l-Artikolu 24(1) japplika.

86.      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ġiet mistoqsija jekk l-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 setax japplika peress li dik id-dispożizzjoni tirrigwarda ċittadini tal-Unjoni li huma “miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti” u li l-istudenti Erasmus ġeneralment jibqgħu rreġistrati fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom. Il-Kummissjoni rrispondiet li seta’ iżda ma elaboratx iktar dwar dan il-punt.

87.      Fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 ma jarmonizzax id-definizzjoni ta’ student jew il-kundizzjonijiet iddettaljati li taħtom Stat Membru jista’ jirreġistra persuna bħala student. Fil-fatt, ir-reġistrazzjoni tiddependi mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti jew mill-prassi amministrattiva tiegħu. Li huwa importanti huwa li ċittadin tal-Unjoni jkun eżerċita l-libertà tal-moviment sabiex jirrisjedi fi Stat Membru ieħor u jirreġistra ruħu f’istituzzjoni privata jew pubblika, akkreditata jew iffinanzjata mill-Istat Membru ospitanti sabiex isegwi kors ta’ studju. L-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 ma jeħtieġx li l-istudent ikun reġistrat hemmhekk sabiex jikseb diploma jew kwalifika akkademika minn dik l-istituzzjoni, għalkemm dan ikun il-każ tipikament. Dak li huwa importanti huwa li r-reġistrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti sseħħ “għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju” u għaldaqstant tippermetti liċ-ċittadin tal-Unjoni jkollu aċċess għall-kors ta’ studju. Il-fatt li l-istudenti Erasmus jibqgħu rreġistrati f’istituzzjoni fi Stat Membru ieħor ma jipprekludix il-possibbiltà li jkunu “miktuba” x’imkien ieħor għall-għanijiet tal-Artikolu 7(1)(ċ).

88.      Fl-aħħar nett, ma hemm xejn fil-każ tal-Kummissjoni kif ġie ppreżentat li jissuġġerixxi li jirrigwarda wkoll l-istudenti (vokazzjonali) li r-residenza tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi ma hijiex ibbażata fuq id-Direttiva 2004/38 jew f’konformità magħha. Għaldaqstant, minix ser nesplora l-konsegwenzi tar-rekwiżit ta’ residenza legali għall-istudenti (vokazzjonali) li r-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor hija bbażata fuq id-dritt nazzjonali jew fuq xi regola tad-dritt tal-Unjoni differenti mid-Direttiva 2004/38.

 L-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38

89.      Il-Kummissjoni tfittex li tikseb dikjarazzjoni li l-Pajjiżi l-Baxxi kisru l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 (42) peress li l-kundizzjonijiet li hemm f’din id-dispożizzjoni ma ġewx issodisfatti. Jekk il-Kummissjoni hija żbaljata dwar l-Artikolu 24(2), ma jibqax neċessarju li jiġi kkunsidrat jekk it-talba tkoprix ukoll impliċitament dikjarazzjoni li l-Pajjiżi l-Baxxi kisru l-prinċipju ta’ trattament ugwali fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38.

90.      Il-kwistjoni dwar jekk japplikax l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 tiddependi minn jekk il-benefiċċju jikkostitwixxix “għajnuna ta’ manteniment għall-istudji” li jingħata fil-forma ta’ “għotja għall-istudenti” jew “self għall-istudenti”.

91.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li skema li tipprevedi tariffi għat-trasport imnaqqsa għall-istudenti tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-TFUE, inkwantu tippermettilhom (direttament jew indirettament) ikopru l-ispejjeż ta’ manteniment tagħhom. L-ispejjeż tat-trasport huma tip wieħed ta’ spejjeż għall-għajxien (43).

92.      Jien nifhem li l-Qorti tal-Ġustizzja, billi għamlet hekk, aċċettat li “għajnuna ta’ manteniment” fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 ma hijiex limitata għall-benefiċċji li jingħataw fi flus. Tkopri wkoll tariffi mnaqqsa, li l-effett tagħhom huwa li flejjes li ġeneralment huma dovuti għas-servizzi tat-trasport ma jkollhomx għalfejn jitħallsu. Għaldaqstant, għajnuna sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tat-trasport ta’ student, kemm jekk jingħataw bħala benefiċċju li jingħata fi flus jew fil-forma ta’ tariffa mnaqqsa, jikkostitwixxu għajnuna għall-manteniment.

93.      Ma nistax nara kif benefiċċju li jingħata fi flus għal għan speċifiku (bħat-trasport, akkomodazzjoni jew spejjeż għall-għajxien inġenerali) għandu jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 filwaqt li benefiċċju in natura li jingħata għall-istess għan ma għandux. Mill-perspettiva tal-istudenti, il-valur tal-għajnuna għall-manteniment u tal-assistenza b’hekk mogħtija għall-ispejjeż għall-għajxien tagħhom huwa l-istess. Bil-kontra, mill-perspettiva tal-Istat, l-offerta ta’ tariffi għat-trasport imnaqqsa (potenzjalment, innegozjati bi prezz imnaqqas m’ min jipprovdi s-servizz) minflok l-għoti ta’ flus għall-ispejjeż għall-għajxien ġenerali jew speċifikament għall-ispejjeż tat-trasport jista’ ikun irħas u jinvolvi inqas spejjeż għall-infurzar (peress li ma jkunx hemm bżonn li jiġi vverifikat jekk benefiċċju li jingħata fi flus intiż għall-ispejjeż tat-trasport huwiex qed jintuża għal dan l-iskop). Madankollu, il-provvista ta’ dan il-benefiċċju huwa spiża għall-Istat. Jekk l-ispejjeż tal-benefiċċji li jingħataw fi flus huma aċċettati bħala li jgħoddu bħala parti mill-piż finanzjarju fuq l-Istat li jiġġustifika d-deroga taħt l-Artikolu 24(2), l-ispejjeż tal-benefiċċji in natura għandhom jgħoddu wkoll. Fil-fatt, jekk id-deroga għandha tinftiehem bħala li tkopri benefiċċji li jingħataw fi flus biss, l-Istati Membri jistgħu jkunu mġiegħla jagħżlu bejn li jipprovdu benefiċċji fi flus li huma inqas effiċjenti fir-rigward tal-ispejjeż li jkunu protetti taħt id-deroga tal-Artikolu 24(2) u li jipprovdu benefiċċji in natura li huma iktar effiċjenti iżda ma jkunux protetti. Dan kieku jkun riżultat pervers.

94.      L-għan tad-deroga jikkonferma li “għajnuna għall-manteniment” fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 għandha tinftiehem fis-sens li tkopri l-benefiċċji in natura, inklużi drittijiet għal tariffi mnaqqsa għat-trasport pubbliku. Din id-deroga essenzjalment hija r-rifless tal-Artikolu 7(1)(ċ) tal-istess direttiva. Iċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom id-dritt li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor għal perijodu ta’ mhux iktar minn tliet xhur għall-għan prinċipali li jistudjaw fih, bil-kundizzjoni li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet li jiżguraw li ma jsirux piż fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti waqt ir-residenza tagħhom (44). Minn naħa, dan il-piż jirriżulta mill-ispejjeż li jiġu inkorsi minn dan l-Istat Membru kieku l-prinċipju ta’ trattament ugwali jiġi applikat kompletament. Jekk is-sors ta’ dawn l-ispejjeż humiex ħlasijiet fi flus jew il-provvista ta’ benefiċċji in natura ma għandux ikun importanti. It-tnejn għandhom ikunu koperti mid-deroga tal-Artikolu 24(2).

95.      Lanqas il-fatt li “konċessjonijiet ta’ l-istudenti” u “self għal studenti” huma l-uniċi forom ta’ għajnuna għall-manteniment għall-istudji li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga taħt l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 (45) ma jfisser li l-benefiċċji in natura huma awtomatikament esklużi. Għajnuna għall-manteniment għall-istudji fil-forma ta’ benefiċċju in natura tista’ tingħata wkoll bħala għotja jew self. Jekk tingħata bħala għotja, il-benefiċċju (in natura jew fi flus) jitgawda mingħajr l-obbligu li jingħata lura, bil-kundizzjoni li jistgħu japplikaw xi sanzjonijiet fil-każ ta’ użu mhux xieraq. Jekk jingħata bħala self, il-benefiċċju jitgawda temporanjament u, wara perijodu definit, irid jingħata lura, bl-interessi jew mingħajr interessi. Fejn l-għajnuna għall-manteniment hija benefiċċju in natura u trid tingħata lura, il-valur monetarju korrispondenti ta’ dak il-benefiċċju jkun irid jingħata lura. Dan ma jbiddilx l-istatus tiegħu ta’ self. Inżid li, filwaqt li t-test tal-Artikolu 24(2) tad‑Direttiva 2004/38 jillimita l-portata tal-eċċezzjoni f’xi aspetti, ma jistabbilixxi l-ebda limitu kwantitattiv għall-benefiċċju.

96.      Għaldaqstant, ma naqbilx mal-Avukat Ġenerali Kokott li, fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija, esprimiet l-opinjoni li “[...]l-kunċett ta’ ‘borża ta’ studju’ jingħata sens wiesa’ jekk ikun jinkludi wkoll it-tnaqqis fil-prezzijiet ta’ trasport” u li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li l-Artikolu 24(2) ikopri biss benefiċċji ta’ ċertu daqs li huma intiżi sabiex ikopru l-ispejjeż assoċjati ma’ edukazzjoni universitarja (46). Bil-kontra, jiena ninterpreta l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 fis-sens li jfisser li “għajnuna ta’ manteniment” tkopri l-benefiċċji in natura kif ukoll il-benefiċċji fi flus. Bħala prinċipju, għaldaqstant, tkopri wkoll il-karta tal-istudenti OV li hija essenzjalment karta li turi l-eliġibbiltà sabiex wieħed iħallas tariffa mnaqqsa meta juża t-trasport pubbliku.

97.      Il-partijiet iddiskutew dwar jekk il-karta tal-istudenti OV hijiex għotja kkundizzjonata jew self provviżorju. Peress li l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 japplika kemm għas-self kif ukoll għall-għotjiet, jidhirli li r-risposta għal din id-domanda hija irrilevanti.

98.      Il-Kummissjoni bbażat ruħha sew fuq is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, il-karta tal-istudenti OV hija differenti mit-tariffi mnaqqsa inkwistjoni f’dik il-kawża. Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża enfasizzat li hija biss l-għajnuna għall-manteniment għall-istudji li tikkonsisti f’għotjiet għall-istudenti jew self għall-istudenti li taqa’ taħt l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 (47), ma spjegatx fuq liema bażi hija (impliċitament) iddeċidiet li t-tariffi mnaqqsa għat-trasport ma kinux għotjiet jew self għall-istudenti. Dawn ir-raġunijiet ma setgħux ikunu marbuta mal-għan tal-benefiċċju peress li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li t-tariffi mnaqqsa għat-trasport kienu jaffettwaw l-ispejjeż għall-għajxien.

99.      Pjuttost, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija kienet tikkonċerna speċifikament it-tariffi mnaqqsa għat-trasport li għalihom l-istudenti kienu eliġibbli biss jekk il-ġenituri tagħhom kienu jirċievu allowances tal-familja Awstrijaċi (48). Għaldaqstant, l-għoti tal-benefiċċju kien jiddependi l-ewwel nett mid-dritt tal-ġenituri tal-istudent għal benefiċċju għal tfal minuri u għal tfal adulti taħt l-età ta’ 26 sena li kienu qed isegwu taħriġ vokazzjonali jew taħriġ ogħla f’istituzzjoni edukattiva speċjalizzata fir-rigward ta’ sengħa li huma tgħallmu, bil-kundizzjoni li dan it-taħriġ waqqafhom milli jaħdmu f’dan is-settur.

100. It-tariffi mnaqqsa għat-trasport fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 peress li din l-eċċezzjoni tapplika biss għall-għotjiet u għas-self li l-eliġibbiltà għalihom tiddependi mill-istatus ta’ student tal-individwu li qed jitlobhom u li għandhom jintużaw sabiex ikopru spejjeż ta’ manteniment inkorsi b’rabta mal-istudji tiegħu biss.

101. Fl-aħħar nett, ninnota li l-finanzjament għall-istudji Olandiż kif stabbilit fil-Wsf 2000 (u li għaldaqstant jikkonsisti fl-istess komponenti, inkluża l-karta tal-istudenti OV), kien inkwistjoni fil-kawża Förster (49). Filwaqt li d-Direttiva 2004/38 ma kinitx (f’dak iż-żmien) tapplika għall-fatti inkwistjoni f’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddiskutiet l-Artikolu 24(2) u dehret li aċċettat li l-Pajjiżi l-Baxxi setgħu jillimitaw l-għoti tal-finanzjament għall-istudji sakemm dawn l-istudenti ma kinux kisbu residenza permanenti. Billi għamlet hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà aċċettat indirettament li l-Artikolu 24(2) japplika għal benefiċċju bħall-karta tal-istudenti OV li hija parti integrali ta’ dak il-finanzjament għall-istudji?

102. Għaldaqstant, jien nikkonkludi li l-karta tal-istudent OV taqa’ taħt il-portata ta’ “għajnuna ta’ manteniment għall-istudji” skont it-tifsira tad-deroga mill-prinċipju ta’ trattament ugwali li jinsab fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38. Minn dan isegwi li l-Pajjiżi l-Baxxi ma kisrux dik id-dispożizzjoni billi ma jittrattawx lill-istudenti (vokazzjonali) li ma humiex Olandiżi (kemm studenti regolari kif ukoll studenti Erasmus) bl-istess mod bħall-istudenti (vokazzjonali) Olandiżi fir-rigward tal-kundizzjonijiet li taħtom tagħti l-karta tal-istudenti OV. Għaldaqstant, nikkonkludi li l-ilment tal-Kummissjoni dwar diskriminazzjoni diretta kontra ċ-ċittadini li ma humiex Olandiżi għandu jiġi miċħud bħala infondat.

103. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel, din il-konstatazzjoni tkun suffiċjenti fid-dawl tat-talba li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu l-pożizzjoni li t-talba impliċitament tinkludi wkoll talba għal dikjarazzjoni li l-Pajjiżi l-Baxxi kisru l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38, ser neżamina fl-aħħar nett jekk il-Kummissjoni irnexxilhiex tistabbilixxi li l-Pajjiżi l-Baxxi jiddiskriminaw direttament kontra l-istudenti li ma humiex Olandiżi fir-rigward tal-karta tal-istudenti OV.

 L-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38

104. Id-dritt tal-Unjoni ma tirrikjedix li Stat Membru għandu jipprovdi sistema ta’ fondi għall-edukazzjoni ogħla, kemm jekk din l-edukazzjoni tinkiseb f’istituzzjoni edukattiva fit-territorju tiegħu kemm jekk fi Stat Membru ieħor. Madankollu, fejn Stat Membru jeżerċita l-kompetenza tiegħu skont l‑Artikolu 165(1) TFUE sabiex jipprovdi wieħed jew iż-żewġt tipi ta’ fondi, irid jagħmel dan konformement mad-dritt tal-Unjoni (50).

105. Kif joħroġ b’mod ċar mill-ġurisprudenza, diskriminazzjoni tista’ tirriżulta biss mill-applikazzjoni ta’ regola differenti għal sitwazzjonijiet paragunabbli jew fl-applikazzjoni tal-istess regola għal sitwazzjonijiet differenti (51). Għaldaqstant, fil-kawża preżenti, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi li studenti (vokazzjonali) Olandiżi u dawk li ma humiex Olandiżi qegħdin f’sitwazzjoni paragunabbli fir-rigward tat-trattament inkwistjoni, billi tuża kriterju bbażat fuq fatturi li huma oġġettivi u faċilment identifikabbli u billi tieħu inkunsiderazzjoni l-għan tar-regoli li jistabbilixxu d-differenza fit-trattament (52). Għal dan il-għan, ma huwiex suffiċjenti li jiġi sempliċement sostnut li l-istudenti kollha huma simili f’kull aspett. Pereżempju, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li studenti (vokazzjonali) Erasmus u regolari ma humiex paragunabbli fir-rigward tal-karta tal-istudenti OV, jistgħu xorta waħda jkunu paragunabbli f’aspetti oħra u fir-rigward ta’ forom oħra ta’ trattament.

106. Il-Pajjiżi l-Baxxi ma jidhrux li qed jiċħdu li studenti (vokazzjonali) regolari li ma humiex Olandiżi huma paragunabbli ma’ studenti Olandiżi. Għaldaqstant, l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 jeħtieġ li jittrattawhom bl-istess mod. Il-Pajjiżi l-Baxxi ma għamlux dan. Il-Wsf 2000 u l-Bsf 2000 it-tnejn iwettqu distinzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità u jissuġġettaw liċ-ċittadini li ma humiex Olandiżi għal kundizzjonijiet li ma japplikawx għal ċittadini Olandiżi. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tasal sabiex teżamina l-Artikolu 24(1) mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 24(2), ikollha għaldaqstant tikkonkludi li, fir-rigward ta’ dawn l-istudenti, il-Pajjiżi l-Baxxi kisru l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38.

107. Li huwa kkontestat huwa l-fatt jekk l-istudenti (vokazzjonali) Erasmus li ma humiex Olandiżi humiex paragunabbli ma’ studenti (vokazzjonali) Olandiżi fil-Pajjiżi l-Baxxi.

108. Il-Kummissjoni ssostni li huma paragunabbli. Il-pożizzjoni tagħha hija li, peress li l-istudenti (vokazzjonali) Erasmus għandhom forma ta’ reġistrazzjoni mal-istituzzjoni ospitanti (anki jekk jibqgħu rreġistrati mal-istituzzjoni ta’ oriġini), għandu jiġi preżunt li għandhom rabta ġenwina mal-Pajjiżi l-Baxxi għall-finijiet li jiksbu karta tal-istudenti OV.

109. L-ewwel premessa tal-Kummissjoni hija li l-istudenti (vokazzjonali) huma f’pożizzjoni paragunabbli meta juru rabta ġenwina mal-Pajjiżi l-Baxxi. Hija tallega li s-sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija ssostni l-pożizzjoni tagħha. Madankollu, partijiet minn dik is-sentenza li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuqhom jirrigwardaw il-ġustifikazzjoni ta’ diskriminazzjoni. Din l-analiżi hija neċessarjament ibbażata fuq konstatazzjoni preċedenti li żewġ gruppi ta’ ċittadini tal-Unjoni li huma paragunabbli huma ttrattati b’mod differenti minħabba n-nazzjonalità. Fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li kien hemm trattament mhux ugwali bejn studenti Awstrijaċi u studenti ta’ nazzjonalitajiet oħra tal-Unjoni li studjaw fl-Awstrija peress li dawk tal-ewwel setgħu jissodisfaw iktar faċilment il-kundizzjoni tal-għoti ta’ allowances tal-familja Awstrijaċi sabiex jiksbu t-tariffi mnaqqsa għat-trasport (53). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja assumiet li, fir-rigward tal-benefiċċju inkwistjoni f’dik il-kawża, l-istudenti Awstrijaċi u studenti ta’ nazzjonalitajiet oħra tal-Unjoni kienu paragunabbli. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, din il-konstatazzjoni ma setgħetx tkun ibbażata fuq ir-rabta ġenwina li dawn l-istudenti kollha għandhom mal-Awstrija. Kieku kollha kemm huma diġà kellhom tali rabta, ma kienx ikun hemm raġuni għall-Awstrija li tapplika miżura sabiex, preċiżament, toħloq distinzjoni f’dak il-grupp bejn dawk li setgħu juru tali rabta u dawk li ma setgħux.

110. It-tieni premessa tal-Kummissjoni tidher li hija dik li l-istudenti (vokazzjonali) Erasmus huma paragunabbli mal-istudenti Olandiżi peress li huma de facto irreġistrati mal-istituzzjoni li tirċievi (anki jekk jibqgħu rreġistrati uffiċjalment mal-istituzzjoni li tibgħat). Minħabba dan, il-Pajjiżi l-Baxxi ma jistgħux iċaħħduhom minn karta tal-istudenti OV fuq il-bażi li l-Artikolu 2.1(c) tal-Wsf 2000 jissuġġetta l-aċċess għal din il-karta għar-reġistrazzjoni. Din hija, essenzjalment, analiżi ta’ diskriminazzjoni indiretta: kundizzjoni “newtrali” (ir-reġistrazzjoni) hija applikata bi żvantaġġ għal grupp wieħed meta mqabbel mal-ieħor.

111. Madankollu, jiena diġà spjegajt li l-ilment tal-Kummissjoni dwar id-diskriminazzjoni indiretta huwa inammissibbli (54). Il-Kummissjoni ma ressqet l-ebda argument ammissibbli li juri li l-Pajjiżi l-Baxxi indirettament jiddiskriminaw kontra studenti (vokazzjonali) Erasmus li ma humiex Olandiżi billi ma jirreġistrawhomx fis-sens tal-Artikolu 2.1(c) tal-Wsf 2000. Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk il-Pajjiżi l-Baxxi humiex iġġustifikati li ma jittrattawx lill-istudenti Erasmus bħala studenti reġistrati fis-sens tal-Artikolu 2.1(c) tal-Wsf 2000 ma hijiex inkwistjoni f’din il-kawża.

112. Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi, il-Kummissjoni ma pprovatx il-każ tagħha.

113. Il-Kummissjoni setgħet ippreżentat il-każ tagħha b’mod differenti. Pereżempju, setgħet argumentat li l-istudenti Erasmus u l-istudenti regolari huma paragunabbli peress li, irrispettivament mir-reġistrazzjoni u s-sorsi alternattivi ta’ fondi (pubbliċi u privati), il-karta tal-istudenti OV tippermetti lil student (vokazzjonali) fil-Pajjiżi l-Baxxi juża t-trasport pubbliku bi prezz irħas fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-istudenti (vokazzjonali) kollha għandhom interess paragunabbli li jkollhom aċċess għal trasport pubbliku irħas. L-oneru kien imbagħad jgħaddi fuq il-Pajjiżi l-Baxxi sabiex juru (pereżempju) li, bil-kontra ta’ studenti regolari, studenti Erasmus dejjem ser ikollhom fondi, li l-istudenti Olandiżi li huma eliġibbli għall-karta OV taħt kundizzjonijiet favorevoli altrimenti ma għandhom l-ebda fondi oħra u li dan jaffettwa l-grad tal-interess tagħhom sabiex jiksbu dan l-aċċess.

114. Ma għandix opinjoni dwar x’kien ikun ir-riżultat ta’ tali rikors u tali difiża. Is-sempliċi fatt huwa li dan ma huwiex il-mod kif il-Kummissjoni għażlet li tittratta r-rikors tagħha.

 Konklużjoni

115. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jien tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–        tiċħad ir-rikors; u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).


3 – Ara l-punt 61 iktar 'il quddiem.


4 – L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/366/KEE tat-28 ta’ Ġunju 1990, dwar id-dritt ta’ residenza għall-istudenti (ĠU 1990 L 180, p. 30) oriġinarjament stabbilixxa din il-kundizzjoni kif ġej: “[…] meta l-istudent jassigura lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew bil-mezzi alternattivi li l-istudent jagħżel li jkunu mill-anqas ekwivalenti, li jkollu biżżejjed riżorsi sabiex jevita li jsir piż fuq is-sistema ta’ l-assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul il-perijodu ta’ residenza tagħhom, dment li l-istudent ikun irreġistrat fi stabbiliment edukattiv rikonoxxut għall-fini prinċipali li jsegwi kors ta’ taħriġ vokazzjonali hemmhekk u li jkun kopert minn assigurazzjoni fuq il-mard fir-rigward tar-riskji kollha fl-Istat Membru ospitanti”. Wara l-annullament ta’ din id-direttiva (permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑295/90, EU:C:1992:294), ġiet adottata id-Direttiva tal-Kunsill 93/96/KEE, tad-29 ta’ Ottubru 1993, dwar id-dritt ta’ residenza għall‑istudenti (GU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 250). L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva kien fih l-istess kundizzjoni. L-ebda waħda minn dawn id-direttivi ma stabbilixxiet kwalunkwe dritt għall-ħlas ta’ għotjiet ta’ manteniment mill-Istat Membru ospitanti (Artikolu 3). Iż-żewġ direttivi ddikjaraw li l-benefiċjarji ma għandhomx ikunu ta’ piż mhux raġonevoli fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru ospitanti (is-sitt premessa tad-Direttiva 93/96; il-ħames premessa tad-Direttiva 90/366).


5 –      Ara wkoll il-premessa 21 tad-Direttiva 2004/38.


6 – Deċiżjoni tal-Kunsill 87/327/KEE, tal-15 ta’ Ġunju 1987, li tadotta l-Iskema ta’ Azzjoni tal-Komunità Ewropea għall-Mobbiltà tal-Istudenti Universitarji (Erasmus) (ĠU 1987 L 166, p. 20). Din id-deċiżjoni oriġinali ma għadhiex fis-seħħ. Ara l-punti 12 sa 15 iktar 'il quddiem.


7 – Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 87/327.


8 – Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 87/327.


9 – Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 87/327.


10 – Ara l-Azzjonijiet 1 u 2 fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/327.


11 – Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi “Erasmus+”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (ĠU L 347, p. 50).


12 – Artikolu 1(1) tar-Regolament Erasmus+.


13 – Artikolu 1(3)(a) tar-Regolament Erasmus+.


14 – Iddefinita fl-Artikolu 2(7) bħala “iċ-ċaqliq fiżiku minn pajjiż li mhux il-pajjiż tar-residenza, sabiex isir studju, taħriġ jew tagħlim mhux formal jew informali”.


15 – Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament Erasmus+. Ara wkoll il-punt 14 iktar 'il quddiem.


16 – Jiġifieri, l-Istati Membri u ċerti pajjiżi terzi permezz ta’ ftehimiet separati.


17 – http://ec.europa.eu/education/opportunities/higher-education/doc/charter_en.pdf. Għall-għanijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser ninkludi lil dawk l-istudenti meta nitkellem dwar “studenti Erasmus”.


18 – Għalkemm it-terminu “paragrafu” jidher li jintuża għall-intestatura tat-taqsimiet fil-Wsf 2000, ser nuża t-terminu “taqsima” fil-konklużjonijiet tiegħi.


19 – Waqt is-seduta, il-Gvern Olandiż spjega li “student estern” huwa persuna li tista’ tattendi xi lezzjonijiet fuq bażi irregolari mingħajr ma ssegwi edukazzjoni regolari.


20 – Il-kwistjoni jekk l-edukazzjoni vokazzjonali taħt il-Wsf 2000 għandhiex l-istess tifsira bħal “formazzjoni vokazzjonali” taħt id-dritt tal-Unjoni ma hijiex qed tiġi diskussa hawnhekk. Din tal-aħħar tfisser “[...] kwalunkwe forma ta’ edukazzjoni li tipprepara għal kwalifika għal professjoni partikolari, sengħa jew impjieg jew li tipprovdi l-ħiliet partikolari għal tali professjoni, sengħa jew impjieg [...] ikunu xi jkunu l-età jew il-livell ta’ taħriġ tal-istudenti, anki jekk il-programm ta’ taħriġ jinkludi element ta’ edukazzjoni ġenerali”: sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, 242/87, EU:C:1989:217, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata.


21 – Din id-dispożizzjoni tapplika għal dawk li qed jistudjaw jew “studerende” li huwa ddefinit fl-Artikolu 1.1.1 tal-Wsf 2000 bħala student vokazzjonali jew tal-edukazzjoni ogħla.


22 – Ara l-punti 63 sa 79 iktar 'il quddiem.


23 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑75/11, EU:C:2012:605 (iktar 'il quddiem “Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija”).


24 – Ara wkoll il-punt 89 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 42 iktar ’il quddiem.


25 – Ara l-punti 43 u 48 iktar 'il fuq.


26 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑237/12, EU:C:2014:2152, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata.


27 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑67/12, EU:C:2014:5, punti 41 u 42 u l-ġurisprudenza ċċitata.


28 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑252/13, EU:C:2014:2312, punti 28 u 29 u l-ġurisprudenza ċċitata.


29 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑457/07, EU:C:2009:531, punt 55.


30 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑67/12, EU:C:2014:5, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata.


31 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑68/11, EU:C:2012:815, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata.


32 – Ara, bħala eżempju, is-sentenza Bressol et, C‑73/08, EU:C:2010:181, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata.


33 – Ara s-sentenza Hervis Sport- és Divatkereskedelmi, C‑385/12, EU:C:2014:47, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata.


34 – Ara s-sentenza Bressol et, C‑73/08, EU:C:2010:181, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata.


35 – Ara, bħala eżempju, is-sentenza Förster, C‑158/07, EU:C:2008:630, punt 38.


36 – Ara, bħala eżempju, is-sentenza Brey, C‑140/12, EU:C:2013:565, punti 46 u 47 u l-ġurisprudenza ċċitata.


37 – Ara s-sentenzi Dano, C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 61; N., C‑46/12, EU:C:2013:97, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata; u Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija, punti 49 u 54 u l-ġurisprudenza ċċitata.


38 – Sentenza Jobcenter Berlin Neukölln, C‑67/14, EU:C:2015:597, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata.


39 – Sentenza Vatsouras u Koupatantze, C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punt 34.


40 – Ara, bħala eżempju, is-sentenzi N., C‑46/12, EU:C:2013:97, punt 33, u Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija, punt 54.


41 – Sentenza Jobcenter Berlin Neukölln, C‑67/14, EU:C:2015:597, punt 51. Isegwi wkoll li, fejn Stat Membru jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 24(2), ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit qabel kollox li hemm diskriminazzjoni (u għaldaqstant li hemm trattament differenti ta’ kategoriji paragunabbli ta’ ċittadini tal-Unjoni) qabel ma tiġi eżaminata l-applikazzjoni tal-Artikolu 24(2).


42 – Ara l-verżjoni bl-Olandiż tar-rikors u tar-replika tal-Kummissjoni. Il-fatt li l-Kummissjoni tirreferi għall-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 fuq il-kopertina tar-rikors u tar-replika u fit-traduzzjoni bil-Franċiż tat-talbiet magħmula f’dawk id-dokumenti ma jistax ibiddel l-ilment.


43 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija, punti 43 u 55.


44 – Sentenza Dano, C‑333/13, EU:C:2014:2358, punti 77 sa 79. Ara wkoll il- Memorandum ta’ Spjegazzjoni għall-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom għall-moviment liberu u għar-residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri (COM(2001)257 finali – COD 2001/0111), spjegazzjoni dwar l-Artikolu 21.


45 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija, punt 55.


46 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑75/11, EU:C:2012:536, punt 70.


47 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija, punt 55.


48 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija, punt 24.


49 – Sentenza Förster, C‑158/07, EU:C:2008:630, punti 55 sa 59.


50 – Sentenza Martens, C‑359/13, EU:C:2015:118, punti 23 u 24 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll, bħala eżempju, is-sentenza Bressol et, C‑73/08, EU:C:2010:181, punti 28 u 29 u l-ġurisprudenza ċċitata.


51 – Ara, bħala eżempju, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑542/09, EU:C:2012:346, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata.


52 – Ara, bħala eżempju, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑542/09, EU:C:2012:346, punt 42, u Kleist, C‑356/09, EU:C:2010:703, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata.


53 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata.


54 – Ara l-punti 66 sa 73 iktar 'il fuq.