Language of document : ECLI:EU:F:2015:117

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

8 ta’ Ottubru 2015

Kawża F‑39/14

FT

vs

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA)

“Servizz pubbliku – Membru tal-persunal temporanju – Kontabilist – Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat – Awtorità kompetenti – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Oneru tal-prova – Regola ta’ konkordanza bejn ir-rikors u l-ilment”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu FT jitlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 2013 tad-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) li ma jġeddidx il-kuntratt ta’ FT bħala membru tal-persunal temporanju għal żmien determinat li kien ser jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2013.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. FT għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq.

Sommarju

Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Kunċett

(Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikoli 47(b), u 119)

Membru tal-persunal bil-kuntratt, li għandu kuntratt għal żmien determinat, ma għandu, fil-prinċipju, l-ebda dritt għat-tiġdid tal-kuntratt tiegħu. Din hija sempliċi possibbiltà, suġġetta għall-kundizzjoni li dan it-tiġdid ikun konformi mal-interess tas-servizz. F’dan ir-rigward, l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam tat-tiġdid ta’ kuntratti. Meta jiġi ppreżentat quddiemu rikors għal annullament dirett kontra att adottat fl-eżerċizzju ta’ tali setgħa, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jillimita ruħu għall-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-modi u tal-mezzi li setgħu jwasslu lill-amministrazzjoni għall-evalwazzjoni tagħha, din baqgħetx fil-limiti li ma jistgħux jiġu kkritikati u ma użatx is-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat.

Żball jista’ jiġi kklassifikat bħala manifest meta jkun perċepibbli faċilment u jkun jista’ jiġi skopert b’mod ċar, fid-dawl tal-kriterji li għalihom il-leġiżlatur ried jissuġġetta l-eżerċizzju mill-amministrazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. L-istabbiliment li l-amministrazzjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti tali li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni adottata abbażi ta’ din l-evalwazzjoni jippresupponi għaldaqstant li l-provi, li għandhom jiġu prodotti mir-rikorrenti, ikunu suffiċjenti sabiex ineħħu l-plawżibbiltà tal-evalwazzjonijiet ikkunsidrati mill-amministrazzjoni. Fi kliem ieħor, il-motiv ibbażat fuq żball manifest għandu jiġi miċħud jekk, minkejja l-provi ppreżentati mir-rikorrenti, l-evalwazzjoni kkontestata tista’ xorta tiġi ammessa bħala ġustifikata u koerenti.

(ara l-punti 72 sa 74)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2012, AI vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, F‑85/10, EU:F:2012:97, punti 152 u 153, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-19 ta’ Frar 2013, BB vs Il-Kummissjoni, F‑17/11, EU:F:2013:14, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata