Language of document : ECLI:EU:F:2015:162

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (Imħallef uniku)

18 ta’ Diċembru 2015

Kawża F‑37/12

Carlo De Nicola

vs

Il‑Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-BEI – Fastidju psikoloġiku – Proċedura ta’ investigazzjoni – Rapport tal-Kumitat ta’ investigazzjoni – Definizzjoni żbaljata tal-fastidju psikoloġiku – Deċiżjoni tal-President tal-BEI li ma jingħatax segwitu għall-ilment – Annullament – Rikors għad-danni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu C. De Nicola jitlob, essenzjalment, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2011 li permezz tagħha l-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI jew iktar ’il quddiem il-“Bank”) ċaħad l-ilment tiegħu għal fastidju psikoloġiku u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-BEI sabiex jikkumpensah għad-danni li huwa jqis li ġarrab minħabba l-imsemmi fastidju.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2011 li permezz tagħha l-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment ċaħad l-ilment għal fastidju psikoloġiku ta’ C. De Nicola hija annullata. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Bank Ewropew tal-Investiment għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti minn C. De Nicola.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Att preparatorju – Opinjoni tal-Kumitat ta’ investigazzjoni fir-rigward ta’ fastidju

(Kodiċi ta’ kondotta tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 3.6; Politika dwar id-dinjità fuq ix-xogħol tal-Bank Ewropew tal-Investiment, punt 5.5)

2.      Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Investigazzjoni interna dwar allegat fastidju psikoloġiku – Opinjoni tal-Kumitat ta’ investigazzjoni vvizzjata b’irregolaritajiet – Nuqqas ta’ osservanza tad-definizzjoni ta’ fastidju stabbilita fit-testi interni tal-Bank – Rekwiżit ta’ intenzjoni doluża tal-persuna li tagħti fastidju – Inammissibbiltà

(Kodiċi ta’ kondotta tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 3.6.1; Politika dwar id-dinjità fuq ix-xogħol tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 2.1)

1.      Huma biss il-miżuri li jipproduċu effetti ġuridiċi vinkolanti b’mod li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrent billi jbiddlu, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu, li jikkawżaw preġudizzju. Meta jkunu inkwistjoni atti jew deċiżjonijiet li t-tfassil tagħhom jitwettaq f’diversi fażijiet, b’mod partikolari fit-tmiem ta’ proċedura interna, bħala prinċipju jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati biss dawk il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-amministrazzjoni fit-tmiem ta’ din il-proċedura, bl-esklużjoni tal-miżuri intermedji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali. L-atti preparatorji ta’ deċiżjoni ma jikkawżawx preġudizzju u huwa biss meta jippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni meħuda fit-tmiem tal-proċedura li r-rikorrent jista’ jsostni l-irregolarità tal-atti preċedenti li jkunu marbuta strettament magħha.

Konsegwentement, peress li l-opinjoni tal-Kumitat ta’ investigazzjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment ma hijiex att li jista’ jiġi kkontestat bħala tali, it-talbiet għall-annullament tagħha għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

Min-naħa l-oħra, l-illegalità tal-opinjoni tal-imsemmi kumitat ta’ investigazzjoni tista’ tiġi invokata insostenn tat-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni finali adottata mill-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment. Fil-fatt, mir-regolament intern intitolat “Politika dwar id-dinjità tal-persuna fuq ix-xogħol”, adottat mill-Bank Ewropew tal-Investiment u msemmi fl-Artikolu 3.6 tal-Kodiċi ta’ kondotta tal-persunal tal-Bank, jirriżulta li l-opinjoni tal-Kumitat ta’ investigazzjoni tikkostitwixxi formalità proċedurali sostanzjali u l-irregolaritajiet ta’ natura sostantiva jew proċedurali li jistgħu jitwettqu matul it-tfassil tagħha jikkostitwixxu difett li jivvizzja l-legalità tad-deċiżjoni finali tal-President tal-Bank adottata minn dan tal-aħħar preċiżament abbażi tal-imsemmija opinjoni.

(ara l-punti 47 sa 49)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tal-11 ta’ Novembru 2014, De Nicola vs BEI, F‑52/11, EU:F:2014:243, punti 144 u 145

2.      Skont l-Artikolu 3.6.1 tal-Kodiċi ta’ kondotta tal-Bank Ewropew tal-Investiment, il-fastidju psikoloġiku huwa ddefinit bħala r-repetizzjoni, matul perijodu pjuttost twil, ta’ rimarki, ta’ attitudnijiet jew ta’ aġir ostili jew mhux f’lokhom, espressi jew immanifestati minn membru tal-persunal wieħed jew iktar fil-konfront ta’ membru tal-persunal ieħor. Il-politika dwar id-dinjità fuq ix-xogħol tal-Bank tispeċifika li l-fatt li l-aġir inkwistjoni jkun intenzjonali jew le ma huwiex rilevanti. Il-prinċipju determinanti huwa li l-fastidju u l-intimidazzjoni huma aġir mhux mixtieq u inaċċettabbli li jippreġudika l-istima tagħha nfisha u l-fiduċja fiha nfisha tal-persuna li tkun suġġetta għalih.

Minn dan isegwi li, fir-rigward tar-regolamentazzjoni interna tal-Bank, ikun hemm fastidju psikoloġiku, li jagħti lok għal obbligu ta’ assistenza min-naħa tal-Bank, meta r-rimarki, l-attitudnijiet jew l-aġir tal-persuna li tagħti fastidju jkunu kkawżaw oġġettivament, u għalhekk minħabba l-kontenut tagħhom, preġudizzju għall-istima tagħha nfisha u għall-fiduċja fiha nfisha tal-persuna li tkun suġġetta għalih fi ħdan il-Bank, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi pprovata l-eżistenza ta’ element intenzjonali min-naħa tal-persuna li tagħti fastidju.

L-opinjoni tal-Kumitat ta’ investigazzjoni fir-rigward ta’ fastidju psikoloġiku li tirrikjedi li aġir ikun intenzjonali sabiex jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku ma hijiex konformi ma’ din ir-regolamentazzjoni interna vinkolanti.

(ara l-punti 53, 54 u 56)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tal-11 ta’ Novembru 2014, De Nicola vs BEI, F‑52/11, EU:F:2014:243, punt 154