Language of document : ECLI:EU:T:2016:223

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

19 ta’ April 2016 (*)

“Dritt istituzzjonali – Inizjattiva Ewropea għaċ-ċittadini – Politika soċjali –Servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali – Artikolu 352 TFUE – Rifjut ta’ reġistrazzjoni – Nuqqas manifest ta’ setgħat tal-Kummissjoni – Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑44/14,

Bruno Costantini, residenti f’Jesi (l-Italja), u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jinsab fl-anness, irrappreżentati minn O. Brouwer, J. Wolfhagen, avukati, u A. Woods, solicitor,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. Krämer, bħala aġent,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2013) 7612 finali, tal-5 ta’ Novembru 2013, li tiċħad it-talba għar-reġistrazzjoni tal-proposta għal inizjattiva Ewropea għaċ-ċittadini msejħa “Right to Lifelong Care: Leading a life of dignity and independence is a fundamental right !”,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, I. Pelikánová u E. Buttigieg (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-28 ta’ Ottubru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Bruno Costantini u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jinsab fl-anness, ipproponew inizjattiva Ewropea għaċ-ċittadini (iktar ’il quddiem l-“IEĊ” intitolata “Right to Lifelong Care: Leading a life of dignity and independence is a fundamental right !” (“Id-dritt għal kura fit-tul: L-għixien ta’ ħajja dinjituża u indipendenti huwa dritt fundamentali!”, iktar ’il quddiem il-“proposta għal IEĊ kontenzjuża”), trażmessa lill-Kummissjoni Ewropea fil-5 ta’ Settembru 2013 u li l-għan tagħha, kif deskritt fit-talba għal reġistrazzjoni, huwa li tistieden lill-Unjoni Ewropea sabiex “tipproponi leġiżlazzjoni li tipproteġi d-dritt fundamentali għad-dinjità tal-bniedem billi tiggarantixxi protezzjoni soċjali xierqa tul il-ħajja kollha u aċċess għal kura fit-tul ta’ kwalità, sostenibbli u li tmur lil hinn mill-kura tas-saħħa”.

2        Il-proposta għal IEĊ kontenzjuża tirreferi għall-Artikoli 14 TFUE, 153 TFUE u 352 TFUE bħala bażi legali tal-azzjoni proposta.

3        Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Novembru 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni rrifjutat ir-reġistrazzjoni tal-proposta għal IEĊ kontenzjuża minħabba li din ma kinitx taqa’ manifestament fl-ambitu tas-setgħat li jippermettu lill-Kummissjoni tissottometti proposta għall-adozzjoni ta’ att legali tal-Unjoni Ewropea għall-finijiet tal-implementazzjoni tat-Trattati.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

4        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Jannar 2014, ir-rikorrenti bdew din l-azzjoni.

5        Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

6        Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

7        Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2011, dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU L 65, p. 1), it-tieni wieħed, fuq nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u, it-tielet wieħed, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011)

8        Insostenn tal-ewwel motiv, li essenzjalment jinkludi erba’ partijiet, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi rrifjutat ir-reġistrazzjoni tal-proposta għal IEĊ kontenzjuża skont l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu, fil-kuntest tal-ewwel tliet partijiet, li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 14 TFUE, 153 TFUE u 352 TFUE, li jipprovdu bażijiet legali xierqa fir-rigward tal-proposta għal IEĊ kontenzjuża, u jallegaw, fil-kuntest tar-raba’ parti, li hija kisret l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 billi interpretat u billi applikat il-kundizzjoni stipulata f’din id-dispożizzjoni b’mod strett wisq u b’mod li jmur kontra l-objettivi tal-mekkaniżmu tal-IEĊ.

9        F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis opportun li l-ewwel nett tiddeċiedi dwar ir-raba’ parti tal-motiv sabiex tiddefinixxi s-sens u l-portata tal-kundizzjoni għar-reġistrazzjoni tal-proposti għal IEĊ stipulata fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, u sussegwentement teżamina t-tliet partijiet l-oħra tal-motiv.

 Fuq ir-raba’ parti tal-ewwel motiv

10      Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat il-kriterju legali stipulat fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011. B’mod iktar preċiż, huma jsostnu li, meta l-Kummissjoni tinterpreta u tapplika din il-kundizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ proposti għal IEĊ, hija ma tistax, fid-dawl tal-objettivi u tal-ispirtu tar-regolament, twettaq stħarriġ strett wisq, għaliex l-evalwazzjoni li ssir fl-istadju tar-reġistrazzjoni tal-proposti għal IEĊ għandha sempliċement tippermettilha tivverifika jekk il-mertu tal-inizjattiva jirrigwardax suġġett li dwaru l-kumitat taċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet jistgħu jiddjalogaw. L-ewwel nett, evalwazzjoni stretta wisq tal-imsemmija kundizzjoni tmur kontra l-objettiv tal-mekkaniżmu tal-IEĊ, li huwa li tiżdied il-parteċipazzjoni demokratika taċ-ċittadini. Sussegwentement, ir-rikorrenti jsostnu li l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 teħtieġ li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-kwalità tal-persuni li jagħmlu l-proposta għal IEĊ, fis-sens li l-membri tal-kumitati ma għandhomx għarfien perfett tal-mekkaniżmi interni tal-Unjoni u tal-partikolaritajiet tagħhom. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jqisu li, fid-dawl tal-preżenza tal-avverbju “manifestament” fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, ir-reġistrazzjoni ta’ proposta għal IEĊ ma għandhiex tiġi rrifjutata ħlief jekk proposta tkun taqa’ manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li n-natura korretta u xierqa tal-għażla tal-bażi legali hija ta’ spiss kontroversjali.

11      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

12      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li proposta għal IEĊ taqa’ barra mill-ambitu tas-setgħat li permezz tagħhom hija tista’ tissottometti proposta għal att jekk ebda dispożizzjoni tat-trattati li jipprevedu l-adozzjoni ta’ atti legali abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni ma tkun tista’ sservi ta’ bażi legali għal att li jikkonċerna s-suġġett tal-proposta għal IEĊ. Tali sitwazzjoni tkun evidenti meta din il-konklużjoni ma tiddependix minn ċirkustanzi fattwali.

13      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-kundizzjoni li tinsab fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 għandha tiġi eżaminata u ssodisfatta sa mill-istadju tar-reġistrazzjoni. Barra minn hekk, l-istħarriġ legali mwettaq f’dan ir-rigward ma jistax ikun approssimattiv iżda, bil-kontra, għandu jkun komplet sabiex jiġi evitat li l-proċedura titkompla minkejja li jkun evidenti li l-Kummissjoni ma tistax tipproponi l-adozzjoni ta’ att minħabba nuqqas ta’ kompetenza mogħtija mill-Unjoni.

14      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 211/2011, ir-reġistrazzjoni ta’ proposta għal IEĊ mill-Kummissjoni tikkostitwixxi l-prerekwiżit neċessarju għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għall-IEĊ inkwistjoni. Għal dan il-għan, l-organizzaturi membri tal-kumitat taċ-ċittadini għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar, b’mod partikolari, is-suġġett u l-objettivi tal-proposta għal IEĊ sabiex hija tivverifika li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni stipulati fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 211/2011 huma ssodisfatti. Skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 211/2011, jekk il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu ma jkunux issodisfatti, il-Kummissjoni għandha tirrifjuta r-reġistrazzjoni. Tali deċiżjoni tirriżulta fi tmiem il-proċess għall-proposta għal IEĊ.

15      Fost id-diversi kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni stipulati fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 211/2011, tinsab dik li tipprovdi li l-Kummissjoni għandha tipproċedi għar-reġistrazzjoni jekk “l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta ma tkunx taqa’ manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan ta’ implimentazzjoni tat-Trattati”.

16      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 5 TUE, il-limiti tal-kompetenzi tal-Unjoni huma rregolati mill-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi u li skont l-Artikolu 13(2) TUE, kull istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati. Huwa f’dan il-kuntest li l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 jipprevedi l-kundizzjoni li l-proposta għal IEĊ ma għandhiex tkun taqa’ manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan ta’ implementazzjoni tat-Trattati.

17      Mill-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tagħmel l-ewwel eżami tal-elementi quddiemha sabiex tevalwa jekk il-proposta għal IEĊ ma taqax manifestament fl-ambitu tas-setgħat tagħha, fid-dawl tal-fatt li huwa previst li jsir eżami iktar komplet fil-każ ta’ reġistrazzjoni tal-proposta. Fil-fatt, l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011 jipprevedi li, meta l-Kummissjoni tirċievi l-IEĊ, fi żmien tliet xhur, hija għandha tistabbilixxi f’komunikazzjoni l-konklużjonijiet finali legali u politiċi tagħha dwar l-IEĊ, l-azzjoni li biħsiebha tieħu, jekk ser tieħu, u r-raġunijiet għalfejn biħsiebha tieħu jew ma tiħux dik l-azzjoni.

18      F’dan il-każ, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni applikatx b’mod korrett il-kundizzjoni li tinsab fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-proposta għal IEĊ u fil-kuntest tal-ewwel eżami tal-elementi quddiem il-Kummissjoni, din ma setgħetx manifestament tipproponi l-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni bbażat fuq l-Artikoli 14 TFUE, 153 TFUE jew 352 TFUE.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv

19      Ir-rikorrenti jsostnu qabel kollox li l-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni żbaljata tal-Artikolu 14 TFUE peress li, skont din id-dispożizzjoni, partikolarment adatta għat-tieni objettiv tal-proposta għal IEĊ kontenzjuża, hija tista’ tissottometti proposta għal test leġiżlattiv. Insostenn tal-argumenti tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ir-reġistrazzjoni mill-Kummissjoni ta’ proposta għal IEĊ simili, intitolata “L-ilma u s-sanità huma dritt tal-bniedem”, li wieħed mill-objettivi tagħha huwa li l-provvista tal-ilma u l-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma ma jkunux suġġetti għar-regoli tas-suq intern u li s-servizzi tal-ilma jkunu esklużi mil-liberalizzazzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-interpretazzjoni tal-portata tal-Artikolu 14 TFUE fid-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-prinċipji sottostanti tar-Regolament Nru 211/2011 sa fejn il-Kummissjoni ma tistax tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ proposta għal IEĊ li wieħed jew diversi għanijiet tagħha jistgħu jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni u jkunu s-suġġett ta’ diskussjoni bejn il-kumitat taċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-proposta għal IEĊ kontenzjuża hija intiża, b’mod partikolari, sabiex il-kura fit-tul tkun, abbażi tal-Artikolu 14 TFUE, eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern u tiġi kklassifikata bħala servizz universali, b’tali mod li l-Kummissjoni żnaturat is-sustanza tal-proposta għal IEĊ kontenzjuża fid-deċiżjoni kkontestata.

20      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

21      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li l-Artikolu 14 TFUE ma jikkostitwixxix bażi legali valida għall-proposta għal IEĊ, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jimponi fuq l-Istati Membri li jipprovdu servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (iktar ’il quddiem is-“SIEĠ”), iżda għandu biss il-kompetenza jiddetermina l-prinċipji u l-kundizzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw fl-ipoteżi li jiddeċiedu b’mod awtonomu li jipprovdu SIEĠ partikolari.

22      Fir-rigward tat-talba għar-reġistrazzjoni tal-proposta għal IEĊ kontenzjuża, u b’mod iktar preċiż tas-suġġett tagħha, tal-objettivi tagħha u tal-informazzjoni iktar iddettaljata li tinsab fin-nota ta’ spjega, għandu jiġi ddeterminat jekk dik kinitx taqa’ manifestament barra mill-ambitu li fih il-Kummissjoni setgħet tissottometti proposta għal att skont l-Artikolu 14 TFUE.

23      Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-klassifika tas-servizzi ta’ kura fit-tul bħala SIEĠ, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 14 TFUE, bla ħsara għall-Artikolu 4 TUE u l-Artikoli 93 TFUE, 106 TFUE u 107 TFUE, u fid-dawl tal-post okkupat mis-SIEĠ fost il-valuri komuni tal-Unjoni kif ukoll tar-rwol tagħhom li jippromwovu l-koeżjoni soċjali u territorjali tal-Unjoni, l-Unjoni u l-Istati Membri, fil-limiti tal-kompetenzi rispettivi tagħhom u fl-ambitu tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati, għandhom jiżguraw li dawn is-servizzi joperaw fuq il-bażi ta’ prinċipji u kundizzjonijiet, b’mod partikolari ekonomiċi u finanzjarji, li jippermettulhom iwettqu l-missjonijiet tagħhom. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom jistabbilixxu dawn il-prinċipji u jistabbilixxu dawn il-kundizzjonijiet, bla ħsara għall-kompetenza tal-Istati Membri skont it-Trattati, li jipprovdu, jikkummissjonaw u jiffinanzjaw dawn is-servizzi.

24      Għaldaqstant, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Istati Membri huma intitolati, filwaqt li jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni, li jiddefinixxu l-portata u l-organizzazzjoni tas-SIEĠ tagħhom (sentenza tal-20 ta’ April 2010, Federutility et, C‑265/08, Ġabra, EU:C:2010:205, punt 29). Huma għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa rigward id-definizzjoni ta’ dawk li huma jqisu bħala SIEĠ u d-definizzjoni ta’ dawn is-servizzi minn Stat Membru ma tistax tiġi mminata mill-Kummissjoni ħlief f’każ ta’ żball manifest. Din il-prerogattiva tal-Istat Membru fir-rigward tad-definizzjoni tas-SIEĠ hija kkonfermata mill-assenza kemm ta’ kompetenza speċjalment attribwita lill-Unjoni kif ukoll ta’ definizzjoni preċiża u kompleta tal-kunċett ta’ SIEĠ fid-dritt tal-Unjoni (sentenzi tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni, T‑289/03, Ġabra, EU:T:2008:29, punti 166 u 167; tas-7 ta’ Novembru 2012, CBI vs Il‑Kummissjoni Commission, T‑137/10, Rec, EU:T:2012:584, punt 99, u tas-16 ta’ Lulju 2014, Zweckverband Tierkörperbeseitigung vs Il‑Kummissjoni, T‑309/12, EU:T:2014:676, punt 105).

25      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonkludi fid-deċiżjoni kkontestata li hija ma setgħetx manifestament tippreżenta proposta għal att ibbażata fuq l-Artikolu 14 TFUE u intiża sabiex il-kura fit-tul tiġi kklassifikata bħala SIEĠ.

26      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li ebda dispożizzjoni tat-Trattati ma tawtorizzaha tipproponi l-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni li jeżenta servizz mill-applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern. Fil-fatt, mill-Artikolu 14 TFUE jirriżulta li r-regoli speċifiċi li huwa jistipula huma applikabbli għas-SIEĠ bla ħsara għall-Artikolu 106 TFUE. Issa, skont l-Artikolu 106(2), anki l-impriżi inkarigati sabiex joperaw tali servizzi huma suġġetti għar-regoli tat-Trattati u b’mod partikolari għar-regoli dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni, prinċipju li minnu ma jistax ikun hemm deroga ħlief taħt kundizzjonijiet stretti, li l-eżistenza tagħhom tiddependi miċ-ċirkustanzi legali u fattwali prevalenti f’kull Stat Membru u li għandha tiġi pprovata f’kull każ konkret mill-Istat Membru jew mill-impriża li tinvokaha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑159/94, Ġabra, EU:C:1997:501, punt 94, u tas-17 ta’ Mejju 2001, TNT Traco, C‑340/99, Ġabra, EU:C:2001:281, punt 59). Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma tistax tipproponi b’mod ġenerali li jiġu eżenti mill-applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern servizzi li l-klassifika tagħhom bħala SIEĠ tiddependi mill-politika nazzjonali ta’ kull Stat Membru.

27      Konsegwentement, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonkludi fid-deċiżjoni kkontestata li hija ma setgħetx manifestament tippreżenta proposta għal att ibbażata fuq l-Artikolu 14 TFUE u intiża sabiex il-kura fit-tul tiġi eskluża mill-applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern.

28      Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi mminata mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti.

29      L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 14 TFUE jikkostitwixxi bażi legali xierqa sabiex jiġu ddeterminati l-prinċipji li jirregolaw il-provvista ta’ SIEĠ u jallegaw, f’dan ir-rigward, li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi bażi legali tad-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Frar 2008, li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji (ĠU L 52, p. 3).

30      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-Artikolu 16 KCE, li essenzjalment sar l-Artikolu 14 TFUE, huwa mfakkar fil-premessa 3 tad-Direttiva 2008/6, inkwantu jenfasizza l-post okkupat mis-SIEĠ fost il-valuri komuni tal-Unjoni kif ukoll ir-rwol tagħhom li jippromwovu l-koeżjoni soċjali u territorjali, u jippreċiża li għandu jiġi żgurat li dawn is-servizzi joperaw fuq il-bażi ta’ prinċipji u kundizzjonijiet li jippermettulhom iwettqu l-missjonijiet tagħhom, l-imsemmija direttiva ssemmi b’mod iktar speċifiku bħala bażi legali l-Artikolu 47(2) KE u l-Artikoli 55 KE u 95 KE. Dan l-argument għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala infondat.

31      Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni interpretat l-Artikolu 14 TFUE b’mod kuntrarju għall-prinċipji sottostanti tar-Regolament Nru 211/2011għandu jiġi miċħud inkwantu l-mekkaniżmu tal-IEĊ ma għandux bħala suġġett jew objettiv, bil-kontra ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, li jibda sempliċi djalogu bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet, iżda li jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tas-setgħat tagħha, tissottometti proposta għal att.

32      Sussegwentement, ir-rikorrenti jqisu li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 14 TFUE tiżnatura s-sustanza tal-proposta għal IEĊ kontenzjuża, li skont it-tieni objettiv hija intiża sabiex is-servizzi ta’ kura fit-tul ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ċerti regoli tas-suq intern u jkunu kklassifikati bħala servizz universali. Għaldaqstant, is-sustanza tal-proposta għal IEĊ kontenzjuża hija li azzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni tiggarantixxi l-kontinwazzjoni tas-servizzi ta’ kura fit-tul eżistenti.

33      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li la s-suġġett u lanqas l-objettivi tal-proposta għal IEĊ kontenzjuża ma jsemmu l-kunċett ta’ servizz universali u li huwa minnu li n-nota ta’ spjega tirreferi għas-servizz universali, iżda fil-kuntest tal-aċċenn tal-Artikolu 14 TFUE li bis-saħħa tiegħu l-kura fit-tul tista’ tiġi kklassifikata bħala SIEĠ. Għaldaqstant, billi fid-deċiżjoni kkontestata indikat li l-Artikolu 14 TFUE ma kienx bażi legali li tippermetti li l-Istati Membri jiġu obbligati jikklassifikaw servizz bħala SIEĠ u billi ddikjarat li hija ma setgħetx tissottometti proposta għal att intiż sabiex servizz jiġi eskluż mill-applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern, il-Kummissjoni ma żnaturatx il-proposta għal IEĊ kontenzjuża. Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

34      Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq ir-reġistrazzjoni tal-proposta għal IEĊ intitolata “L-ilma u s-sanità huma dritt tal-bniedem” ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, sa fejn ir-reġistrazzjoni ta’ din il-proposta għal IEĊ li ssemmi l-Artikolu 14 TFUE bħala bażi legali proposta hija rilevanti, ma jfissirx madankollu li l-Kummissjoni qieset espressament li l-Artikolu 14 TFUE kien jikkostitwixxi bażi legali xierqa sabiex jiġi propost att li jeskludi s-servizzi marbuta mal-ilma mill-applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern. Fil-fatt, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipproċedi għar-reġistrazzjoni ta’ din il-proposta għal IEĊ tikkonferma sempliċement li, għall-Kummissjoni, l-imsemmija proposta għal IEĊ ma kinitx taqa’ manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan ta’ implementazzjoni tat-Trattati.

35      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata rigward l-Artikolu 14 TFUE sa fejn huwa ċar li hija ma setgħetx tipproponi, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, l-adozzjoni ta’ test li jikklassifika s-servizzi ta’ kura fit-tul bħala SIEĠ u li jeskludi dawn is-servizzi mill-applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv

36      Ir-rikorrenti jsostnu li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma evalwatx b’mod korrett l-Artikolu 153 TFUE li, flimkien mal-Artikolu 14 TFUE, jipprovdi bażi legali xierqa għall-proposta għal IEĊ kontenzjuża inkwantu jippermetti li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi dwar is-sigurtà soċjali tal-ħaddiema. Għalkemm ir-rikorrenti jammettu li, fir-rigward ta’ persuni mhux ħaddiema, din id-dispożizzjoni ma tikkostitwixxix l-iktar bażi legali solida, huma jsostnu li huwa neċessarju li din tingħaqad flimkien mal-Artikolu 14 TFUE sabiex jiġi żgurat li l-ikbar numru possibbli ta’ persuni, fosthom il-ħaddiema, ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-kura fit-tul.

37      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

38      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-Artikolu 153 TFUE ma setax jikkostitwixxi bażi legali xierqa għall-adozzjoni ta’ att li s-suġġett tiegħu huwa dak tal-proposta għal IEĊ kontenzjuża, peress li l-Artikolu 153 TFUE jippermetti biss l-adozzjoni ta’ rekwiżiti minimi dwar is-sigurtà u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema, bl-esklużjoni tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul għall-persuni mhux ħaddiema.

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 153 TFUE jkopri biss parzjalment il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri mistennija fil-proposta għal IEĊ kontenzjuża, peress li din id-dispożizzjoni, li ssemmi espliċitament u esklużivament lill-ħaddiema, ma tippermettix l-adozzjoni ta’ atti legali dwar kategoriji oħra ta’ persuni. Għaldaqstant, l-Artikolu 153 TFUE fih innifsu ma jistax jikkostitwixxi bażi legali għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ att li s-suġġett tiegħu huwa dak tal-proposta għal IEĊ kontenzjuża u li huwa intiż sabiex jiggarantixxi l-provvista universali ta’ kura fit-tul fl-Unjoni.

40      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif jenfasizzaw ir-rikorrenti u kif jirriżulta min-nota ta’ spjega annessa mat-talba għar-reġistrazzjoni, li l-Artikolu 153 TFUE huwa invokat, fil-proposta għal IEĊ kontenzjuża, bħala bażi legali addizzjonali għall-azzjoni li għandha tittieħed abbażi tal-Artikolu 14 TFUE.

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, peress li l-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni setgħet tirrifjuta r-reġistrazzjoni tal-proposta għal IEĊ kontenzjuża inkwantu din ma kinitx taqa’ manifestament taħt l-Artikolu 14 TFUE, il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 153 TFUE ppreżentat fit-talba għar-reġistrazzjoni bħala bażi legali addizzjonali, għandha neċessarjament tiġi approvata.

 Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv

42      Ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li, minn naħa, l-Artikolu 352 TFUE ma kienx ġie analizzat fid-deċiżjoni kkontestata u li, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tista’ tuża din id-dispożizzjoni għall-adozzjoni ta’ miżuri konformi mas-suġġett u l-objettivi tal-proposta għal IEĊ kontenzjuża.

43      L-ewwel nett, mill-argumentazzjoni tar-rikorrenti jirriżulta li huma jikkuntestaw prinċipalment in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata rigward l-Artikolu 352 TFUE. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-istħarriġ tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni bħala rekwiżit proċedurali essenzjali huwa distint mill-istħarriġ tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li jaqa’ taħt l-istħarriġ tal-legalità tal-mertu tal-att (sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra, EU:C:1998:154, punt 67).

44      Konsegwentement, l-argumenti tar-rikorrenti mqajma taħt dan il-motiv, iżda intiżi sabiex jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-Artikolu 352 TFUE, għandhom jiġu eżaminati fil-kuntest tat-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

45      It-tieni nett, sa fejn abbażi ta’ din il-parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jixtiequ juru li l-Artikolu 352 TFUE jikkostitwixxi bażi legali xierqa, il-Kummissjoni kkonfermat, b’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali matul is-seduta, li hija kienet teċċepixxi l-inammissibbiltà ta’ din l-argumentazzjoni abbażi tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991.

46      Għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li japplika għall-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53(1) tal-istess Statut u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, ir-rikors għandu jinkludi b’mod partikolari espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Din l-informazzjoni għandha tkun ċara biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra sabiex issostniha. Bl-għan li tkun żgurata ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja, huwa meħtieġ li sabiex rikors ikun ammissibbli, il-punti essenzjali ta’ fatti u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat ir-rikors għandhom jirriżultaw, għall-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu (ara s-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2006, Galileo International Technology et vs Il-Kummissjoni, T‑279/03, Ġabra, EU:T:2006:121, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-argumentazzjoni dwar l-Artikolu 352 TFUE hija fformulata fl-ewwel motiv, relattiv għall-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, li fih ir-rikorrenti jimminaw, minn naħa, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni fir-rigward tal-bażijiet legali proposti fit-talba għar-reġistrazzjoni tal-proposta għal IEĊ kontenzjuża. Barra minn hekk, is-sustanza tal-argumenti tar-rikorrenti, sa fejn huma jallegaw li l-Artikolu 352 TFUE jikkostitwixxi bażi legali xierqa għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ att li jimplementa l-objettivi tal-proposta għal IEĊ kontenzjuża, tirriżulta b’ċarezza suffiċjenti mir-rikors b’tali mod li l-Kummissjoni setgħet, hekk kif jirriżulta mill-atti tagħha, tippreżenta d-difiża tagħha b’mod utli. Konsegwentement, it-tielet parti tal-ewwel motiv, sa fejn hija bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tal-Artikolu 352 TFUE, ma tistax tiġi ddikjarata inammissibbli u l-allegazzjoni tal-Kummissjoni għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda.

48      It-tielet nett, mill-argumentazzjoni tar-rikorrenti jirriżulta li huma jqisu li l-proposta għal IEĊ kontenzjuża ma taqax manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 352 TFUE li bis-saħħa tagħhom hija tista’ tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan ta’ implementazzjoni tat-Trattati.

49      Għal dan il-għan, ir-rikorrenti jiddikjaraw, l-ewwel nett li, jekk l-Artikoli 14 TFUE u 153 TFUE ma kinux suffiċjenti għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ att li l-suġġett tiegħu huwa dak tal-proposta għal IEĊ kontenzjuża, allura l-Kummissjoni setgħet tipproponi test ibbażat fuq l-Artikolu 352 TFUE. Barra minn hekk, huma jsostnu li jista’ jintuża l-Artikolu 352 TFUE fil-kuntest ta’ proposta għal IEĊ kontenzjuża. Fl-aħħar nett, huma jsostnu li jmur kontra l-ispirtu tar-Regolament Nru 211/2011 jekk ikun meħtieġ li ċ-ċittadini tal-Unjoni juru kif l-adozzjoni ta’ att legali li jikkonċerna s-suġġett ta’ proposta għal IEĊ hija neċessarja sabiex jintlaħqu l-objettivi msemmija mit-trattati.

50      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 352 TFUE, jekk tidher meħtieġa azzjoni tal-Unjoni, fil-qafas tal-politika definita fit-Trattati, għall-kisba ta’ wieħed mill-objettivi previsti mit-Trattati, u t-Trattati ma jkunux stabbilixxew is-setgħat meħtieġa għal dan l-għan, il-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni u wara l-approvazzjoni tal-Parlament, għandu jadotta d-dispożizzjonijiet xierqa.

51      Skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 352 TFUE, li jifforma parti integrali mill-ordinament istituzzjonali bbażat fuq il-prinċipju ta’ allokazzjoni ta’ kompetenzi, ma jistax jikkostitwixxi bażi sabiex jitwessa’ l-qasam ta’ kompetenzi tal-Unjoni lil hinn mill-kuntest ġenerali li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat u, b’mod partikolari, ta’ dawk li jiddefinixxu l-missjonijiet u l-azzjonijiet tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, din id-dispożizzjoni ma tistax isservi ta’ bażi għall-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet li l-effett tagħhom essenzjalment ikun li t-Trattat jiġi emendat mingħajr ma tiġi segwita l-proċedura prevista fit-Trattat għal dan il-għan (Opinjoni 2/94, tat-28 ta’ Marzu 1996, Ġabra, EU:C:1996:140, punt 30). Minn dan isegwi li l-użu ta’ din id-dispożizzjoni huwa suġġett għal ċerti kundizzjonijiet sabiex tiġi osservata d-delimitazzjoni ta’ kompetenzi ddeterminati fit-Trattati u li jiġi evitat li tiġi mminati mill-adozzjoni ta’ att tad-dritt sekondarju.

52      Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li la l-Artikolu 352 TFUE u lanqas ir-Regolament Nru 211/2011 ma jeskludu l-użu tal-Artikolu 352 TFUE fil-kuntest tal-IEĊ.

53      Madankollu, l-għan ta’ parteċipazzjoni demokratika taċ-ċittadini tal-Unjoni sottostanti għall-mekkaniżmu tal-IEĊ ma jistax jostakola l-prinċipju ta’ allokazzjoni ta’ kompetenzi u jawtorizza lill-Unjoni tilleġiżla f’qasam li għalih ma ngħatat ebda kompetenza, b’tali mod li l-osservanza tal-kundizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 352 TFUE hija meħtieġa wkoll fil-kuntest ta’ proposta għal IEĊ. Għaldaqstant, huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li tivverifika jekk, fir-rigward ta’ proposta għal IEĊ, huwiex manifest li hija mhux ser tkun tista’ tipproponi att legali bbażat fuq din id-dispożizzjoni. Dan madankollu huwa bla ħsara għall-evalwazzjoni mill-istituzzjonijiet tan-neċessità ta’ tali att legali sa fejn din l-evalwazzjoni tista’ ssir wara r-reġistrazzjoni tal-proposta għal IEĊ u tinsab, jekk ikun il-każ, fil-komunikazzjoni prevista fl-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011.

54      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li t-talba għar-reġistrazzjoni ma tinkludix elementi xierqa sabiex jintwera li l-kundizzjonijiet għall-użu tal-Artikolu 352 TFUE huma ssodisfatti. Għaldaqstant, minkejja li min-nota ta’ spjega annessa mat-talba għar-reġistrazzjoni jirriżulta li r-rikorrenti sostnew il-proposti tagħhom relattivi għall-Artikoli 14 TFUE u 153 TFUE, huma ma spjegawx għal liema raġunijiet l-użu tal-Artikolu 352 TFUE huwa ġġustifikat. Barra minn hekk jirriżulta l-iktar minn dan l-anness li jekk il-Kummissjoni kellha tqis li l-Artikolu 14 TFUE ma jikkostitwixxix bażi legali xierqa, kellu jintuża l-Artikolu 352 TFUE. Konsegwentement, anki jekk ir-rikorrenti ma jistgħux jiġu kkritikati li fit-talba għar-reġistrazzjoni ma stabbilixxewx li l-att mitlub kien neċessarju, huma kien messhom ipprovaw, għall-inqas, li l-imsemmi att kien jagħmel parti mill-politiki ddefiniti mit-Trattati u kien intiż sabiex jintlaħaq għan imsemmi minn dawn tal-aħħar, u dan kien jippermetti lill-Kummissjoni tevalwa fid-dettall it-talba tagħhom intiża sabiex għall-att propost jintuża l-Artikolu 352 TFUE.

55      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment tar-rikorrenti intiż sabiex jikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-Artikolu 352 TFUE ma kienx manifestament jikkostitwixxi bażi legali xierqa għall-finijiet tal-proposta ta’ att legali bl-għan li jimplementa l-objettivi tal-proposta għal IEĊ kontenzjuża, ma jistax jintlaqa’.

56      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni la kisret l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 u lanqas wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-Artikoli 14 TFUE, 153 TFUE u 352 TFUE. Minn dan isegwi li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu hemm hu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

57      Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jirriżulta f’obbligu ta’ koerenza li jippreżupponi li l-kawżi simili għandhom jiġu trattati bl-istess mod ħlief għall-ġustifikazzjoni ta’ kwalunkwe distinzjoni u li l-Kummissjoni naqset minn dan l-obbligu meta rrifjutat ir-reġistrazzjoni tal-proposta għal IEĊ kontenzjuża minkejja li kienet irreġistrat proposti oħra għal IEĊ. Fil-fatt, permezz tar-reġistrazzjoni ta’ proposti għal IEĊ preċedenti, il-Kummissjoni stabbilixxiet prassi fejn, fil-każijiet fejn ir-rilevanza ta’ bażi legali tkun dubjuża, il-proposti għal IEĊ huma rreġistrati sabiex jinbeda djalogu bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet u interpretat il-kundizzjoni li tinsab fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 fid-dawl ta’ dan l-objettiv. Il-proposta għal IEĊ kontenzjuża u l-IEĊ intitolata “L-ilma u s-sanità huma dritt tal-bniedem” huma, barra minn hekk, simili ħafna kemm fir-rigward tal-objettivi rispettivi tagħhom, kif ukoll tal-bażijiet legali proposti u, skont il-prinċipju ta’ koerenza, ir-reġistrazzjoni tal-ewwel waħda ma kellhiex tiġi rrifjutata.

58      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

59      Qabel kollox għandu jiġi enfasizzat li, b’risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali matul is-seduta, ir-rikorrenti kkonfermaw espliċitament li permezz ta’ dan il-motiv huma invokaw il-ksur tal-obbligu ta’ koerenza bħala komponent tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u mhux tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

60      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-istituzzjonijiet huma obbligati jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom b’mod konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħalma huwa l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u li, fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, dawn tal-aħħar għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet diġà meħuda fil-konfront ta’ talbiet simili u li jistħarrġu b’attenzjoni partikolari fuq il-punt dwar jekk hemmx lok jew le li jiddeċiedu fl-istess sens. Il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba għandu madankollu jkun irrikonċiljat mal-osservanza tal-legalità (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, Ġabra, EU:C:2011:139, punti 73 sa 75 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑17 ta’ Jannar 2013, Gollnisch vs Il-Parlament, T‑346/11 u T‑347/11, Ġabra, EU:T:2013:23, punt 109).

61      F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel motiv, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonstata fid-deċiżjoni kkontestata li l-proposta għal IEĊ kontenzjuża kienet taqa’ manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tagħha li tressaq proposta għal att legali. Għaldaqstant, peress li huwa stabbilit li f’dan il-każ il-Kummissjoni applikat b’mod korrett l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 60 iktar ’il fuq jirriżulta li l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi mminata mis-sempliċi fatt li l-Kummissjoni ma segwietx ċertu prassi deċiżjonali, jekk jiġi preżunt li din hija pprovata.

62      Minn dan isegwi li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

63      Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni msemmi fl-Artikolu 296 TFUE u fl-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u essenzjalment iqajmu tliet ilmenti f’dan ir-rigward. L-ewwel nett, huma jqisu li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjentement immotivata fir-rigward tar-rifjut li l-Artikolu 352 TFUE jitqies bħala bażi legali xierqa. It-tieni nett, huma jilmentaw lill-Kummissjoni li ma esponietx ir-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut tar-reġistrazzjoni minkejja li proposti preċedenti simili kienu ġew irreġistrati. It-tielet nett, huma jsostnu li l-Kummissjoni kellha timmotiva l-għażla tagħha li tapplika b’mod strett l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 211/2011 għat-talba għar-reġistrazzjoni tal-proposta għal IEĊ kontenzjuża.

64      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

65      Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda t-tieni u t-tielet ilment, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza ferm stabbilita, huwa neċessarju li ssir distinzjoni bejn l-obbligu ta’ motivazzjoni bħala rekwiżit proċedurali essenzjali, li jista’ jitqajjem fil-kuntest ta’ motiv li jimmina l-insuffiċjenza jew saħansitra n-nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni, u l-istħarriġ tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li jaqa’ taħt l-istħarriġ tal-legalità tal-mertu tal-att u jippreżumi li l-qorti tivverifika jekk il-motivi li fuqhom huwa bbażat l-att humiex ivvizzjati bi żball jew le (sentenza Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 43 iktar ’il fuq, EU:C:1998:154, punt 67). Fil-fatt, dawn huma żewġ istanzi ta’ stħarriġ ta’ natura differenti li jagħtu lok għal evalwazzjonijiet distinti tal-Qorti Ġenerali (sentenza Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 43 iktar ’il fuq, EU:C:1998:154, punti 66 sa 68).

66      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, għat-tieni u t-tielet ilmenti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jqajmu l-argumenti li jaqgħu taħt l-evalwazzjoni tal-mertu tad-deċiżjoni kkontestata, li ġew eżaminati u miċħuda fil-kuntest tal-ewwel u t-tieni motivi. Dawn l-allegazzjonijiet ma jistgħux ibiddlu l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni.

67      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma tistax teżamina tali lmenti abbażi tal-istħarriġ tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq nuqqas jew fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, l-ilmenti u l-argumenti intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jitqiesu li huma irrilevanti (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2009, Operator ARP vs Il‑Kummissjoni, T‑291/06, Ġabra, EU:T:2009:235, punt 48).

68      Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-ewwel ilment, għandu jitfakkar l-ewwel nett li, skont ġurisprudenza stabbilta, l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali, stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE, għandu l-għan li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti biex tiddetermina jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex, possibbilment, ivvizzjata b’mod li tista’ tiġi kkontestata l-validità tagħha u li l-qorti tal-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni mistħarrġa (sentenzi tat-18 ta’ Settembru 1995, Tiercé Ladbroke vs Il-Kummissjoni, T‑471/93, Ġabra, EU:T:1995:167, punt 29, u tas-27 ta’ Settembru 2012, J vs Il-Parlament, T‑160/10, EU:T:2012:503, punt 20).

69      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 211/2011, li jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tinforma lill-organizzaturi bir-raġunijiet għar-rifjut, jikkostitwixxi l-espressjoni speċifika tal-imsemmi obbligu ta’ motivazzjoni fil-qasam tal-IEĊ.

70      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza wkoll stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adatta għan-natura tal-att inkwistjoni. Għaldaqstant, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att u n-natura tal-motivi invokati. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl ta’ kliemu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu (digriet tal-14 ta’ Novembru 2013, J vs Il-Parlament, C‑550/12 P, EU:C:2013:760, punt 19).

71      Fl-aħħar nett, jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza ferm stabbilita li fil-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tagħha l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati mill-partijiet ikkonċernati matul il-proċedura amministrattiva. Fil-fatt, huwa suffiċjenti għall-Kummissjoni li tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni (sentenza tal-11 ta’ Jannar 2007, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il‑Kummissjoni, C‑404/04 P, EU:C:2007:6, punt 30; ara wkoll is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1993, Asia Motor France et vs Il‑Kummissjoni, T‑7/92, Ġabra, EU:T:1993:52, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, il-fatt li l-proposta għal IĊE ma ġietx irreġistrata huwa tali li jolqot l-effettività stess tad-dritt taċ-ċittadini li jippreżentaw IEĊ, stabbilit mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE. Konsegwentement, tali deċiżjoni għandha turi b’mod ċar il-motivi li jiġġustifikaw l-imsemmi rifjut.

73      Fil-fatt, iċ-ċittadini li jkunu ppreżentaw proposta għal IEĊ għandhom ukoll ikunu f’pożizzjoni li jifhmu r-raġunijiet għal dan ir-rifjut tar-reġistrazzjoni. Hija l-Kummissjoni, li quddiemha tkun tressqet proposta għal IEĊ, li għandha tevalwaha, iżda wkoll timmotiva d-deċiżjoni ta’ rifjut tagħha fid-dawl tal-impatt tagħha fuq l-eżerċizzju effettiv tad-dritt stabbilit mit-Trattat. Dan jirriżulta min-natura stess ta’ dan id-dritt, li, hekk kif ġie rrilevat fil-premessa 1 tar-Regolament Nru 211/2011, huwa intiż biex isaħħaħ iċ-ċittadinanza Ewropea u jtejjeb il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni permezz ta’ parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-Unjoni (sentenza tat-30 ta’ Settembru 2015, Anagnostakis vs Il‑Kummissjoni, T‑450/12, Ġabra, taħt appell, EU:T:2015:739, punt 26).

74      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni spjegat speċifikament ir-raġunijiet għaliex l-Artikoli 14 TFUE u 153 TFUE ma setgħux jikkostitwixxu bażijiet legali xierqa. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda motivazzjoni speċifika fir-rigward tal-Artikolu 352 TFUE. Madankollu, hekk kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta, ċertament impliċitament, iżda neċessarjament, li hija qieset li l-Artikolu 352 TFUE, l-istess bħal dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati, ma kienx bażi legali xierqa għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ att li jimplementa l-objettivi tal-proposta għal IEĊ kontenzjuża.

75      Huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza, il-motivazzjoni ta’ att għandha l-għan li tesponi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att sabiex tipprovdi lid-destinatarju tagħha l-elementi li jippermettulu jiddetermina jekk huwiex fondat jew jekk huwiex possibbilment ivvizzjat b’difett li jiġġustifika l-kontestazzjoni tal-validità tiegħu u li tippermetti lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tal-legalità tal-imsemmi att.

76      Madankollu, għandu wkoll jitfakkar li l-portata ta’ dan l-obbligu tiddependi minn diversi fatturi. Għaldaqstant, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, iżda sempliċement il-punti essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih ġie adottat.

77      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għar-reġistrazzjoni tal-proposta għal IEĊ kontenzjuża ma ssemmi ebda element xieraq li jiġġustifika l-użu tal-Artikolu 352 TFUE. Għaldaqstant, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, minkejja li min-nota ta’ spjega jirriżulta li r-rikorrenti sostnew it-talba tagħhom ibbażata fuq l-Artikoli 14 TFUE u 153 TFUE fuq diversi element, dawn imkien ma spjegaw kif huwa ġġustifikat l-użu tal-Artikolu 352 TFUE.

78      Issa, fid-dawl tal-fatt li l-użu tal-Artikolu 352 TFUE huwa suġġett għal kundizzjonijiet stretti, relatati b’mod partikolari man-neċessità ta’ azzjoni fil-kuntest tal-politiki ddefiniti mit-Trattati sabiex jintlaħaq objettiv imsemmi minn dawn it-testi, ir-rikorrenti kien messhom għall-inqas esponew kif il-proposta għal IEĊ kontenzjuża kienet taqa’ taħt objettiv imsemmi mit-Trattati sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tevalwa b’mod iddettaljat it-talba tagħhom f’dan ir-rigward. Fil-fatt, jekk il-kundizzjonijiet għall-użu tal-Artikolu 352 TFUE ma humiex issodisfatti, din id-dispożizzjoni ma tikkostitwixxix bażi legali xierqa u l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 ma hijiex issodisfatta.

79      Minn dan isegwi li, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest u fid-dawl tal-assenza, fit-talba għar-reġistrazzjoni tal-proposta għal IEĊ kontenzjuża, ta’ kwalunkwe indikazzjoni, anki sommarja, rigward il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni fil-kuntest tal-proposta għal IEĊ kontenzjuża tal-Artikolu 352 TFUE, il-motivazzjoni impliċita dwar din id-dispożizzjoni għandha titqies li hija suffiċjenti u li l-ewwel ilment tat-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

80      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma naqsitx milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha u li, għaldaqstant, it-tielet motiv u konsegwentement ir-rikors għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

81      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub minn din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Bruno Costantini u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jinsab fl-anness huma kkundannati għall-ispejjeż.

Kanninen

Pelikánová

Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ April 2016.

Firem

Anness

Robert Racke, residenti f’Lamadelaine (il-Lussemburgu),

Pietro Pravata, residenti f’Beyne-Heusay (il-Belġju),

Zbigniew Gałązka, residenti f’Łódź (il-Polonja),

Justo Santos Domínguez, residenti f’Leganés (Spanja),

Maria Isabel Lemos, residenti f’Mealhada (il-Portugall),

André Clavelou, residenti f’Vincennes (Franza),

Citizens’ Committee “Right to Lifelong Care: Leading a life of dignity and independence is a fundamental right !”, stabbilit fi Brussell (il-Belġju).


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.