Language of document : ECLI:EU:C:2016:326

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fl-4 ta’ Mejju 2016 (1)

Kawża C‑110/15

Microsoft Mobile Sales International Oy, li kienet Nokia Italia SpA,

Hewlett-Packard Italiana Srl

Telecom Italia SpA

Samsung Electronics Italia SpA

Dell SpA

Fastweb SpA

Sony Mobile Communications Italja SpA

Wind Telecomunicazioni SpA

vs

Ministero per i beni e le attività culturali (MiBAC)

Società italiana degli autori ed editori (SIAE)


Istituto per la tutela dei diritti degli artisti interpreti esecutori (IMAIE), fi stralċ


Associazione nazionale industrie cinematografiche audiovisive e multimediali (Anica)

u

Associazione produttori televisivi (APT)

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat, l-Italja)]

“Proprjetà intellettwali – Direttiva 2001/29/KE – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Artikolu 5 – Dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Kumpens ekwu – Portata – Determinazzjoni tal-kriterji ta’ eżenzjoni ex ante mill-imposta b’negozjar privat – Talba għal rimbors limitata għall-utent finali”





1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat, l-Italja) tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE (2). Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu eċċezzjoni għad-“dritt ta’ riproduzzjoni” esklużiv ta’ detenturi ta’ drittijiet fir-rigward ta’ kkopjar privat. Meta Stat Membru jkun iddeċieda li jillimita d-drittijiet esklużivi ta’ detenturi ta’ drittijiet b’dan il-mod, id-Direttiva titlob li l-Istati Membri jkunu ħejjew sistema li tiżgura li d-detenturi ta’ drittijiet jingħataw kumpens ekwu għall-użu ta’ materjal suġġett għad-drittijiet tal-awtur.

2.        Fl-Italja, fejn il-kopja privata hija permessa, dan il-kumpens jieħu l-forma ta’ imposta għal kopja privata fuq tagħmir, apparati u mezzi adatti għal ikkopjar ta’ xogħlijiet protetti u materjal ieħor. Id-domandi preliminari magħmula jirrigwardaw il-kompatibbiltà tas-sistema Taljana ta’ kumpens mad-Direttiva 2001/29. B’mod iktar speċifiku, din il-kawża tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddefinixxi l-limiti tad-diskrezzjoni tal-Istati Membri fil-formulazzjoni tad-dettalji tas-sistema għal kumpens għal ikkopjar privat u tagħti iktar gwida dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

3.        Id-Direttiva 2001/29 tittratta l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati.

4.        Il-premessa 31 tad-Direttiva 2001/29 tispjega li wieħed mill-objettivi tad-direttiva huwa li jiġi żgurat li jinħoloq bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u ta’ min juża materjal protett.

5.        Il-premessa 35 tirrigwarda l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet. Skont din il-premessa, detenturi ta’ drittijiet għandhom f’ċerti każijiet jirċievu kumpens ekwu biex jiġu kkumpensati b’mod adegwat għall-użu magħmul mix-xogħlijiet protetti tagħhom jew materjal protett ieħor. Meta jiġu ddeterminati l-forma, l-arranġamenti ddettaljati u l-livell eventwali ta’ dan il-kumpens ekwu, għandhom jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ. Fl-evalwazzjoni ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħsara li tista’ ssir lid-detenturi ta’ drittijiet bħala riżultat tal-att inkwistjoni titqies li tkun ta’ rilevanza partikolari.

6.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29 jirrigwarda d-dritt ta’ riproduzzjoni. Huwa jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

(a)    għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;

(b)    għall-artisti, ta’ l-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

(ċ)    għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;

(d)    għall-produtturi ta’ l-ewwel iffissar ta’ films, rigward l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;

(e)    għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawk ix-xandirijiet huma trasmessi bil-fili sew jekk bl-arja, magħduda bil-cable jew bis-satellita.”

7.        L-Artikolu 5 tad-Direttiva huwa dwar eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni. Dan jipprovdi, inter alia:

“[…]

2.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil-każi li ġejjin:

[…]

(b)    rigward riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali, bil-kondizzjoni li d-detenturi jirċievu kumpens ġust [ekwu] li jikkunsidra li jiġu jew ma jiġux applikati miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tax-xogħol jew tas-suġġett relatat;

[…]”

B –    Id-dritt Taljan

8.        Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi Nru 633 dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet oħra relatati mal-eżerċizzju tagħhom (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar id-drittijiet tal-awtur”) (3) huma dawn li ġejjin.

9.        L-Artikolu 71 sexies jipprevedi:

“Ir-riproduzzjoni privata ta’ fonogrammi u vidjogrammi fuq kull mezz magħmula minn persuni fiżiċi għal użu personali biss għandha tkun permessa, bil-kundizzjoni li ma ssirx għal profitt jew għal għanijiet li jkunu direttament jew indirettament kummerċjali, f’konformità mal-miżuri tekniċi msemmija fl-Artikolu 102 quater.

[…]”

10.      L-Artikolu 71 septies jgħid:

“1.      L-awturi u l-produtturi ta’ fonogrammi kif ukoll il-produttur oriġinali ta’ xogħlijiet awdjoviżivi, l-artisti u l-produtturi ta’ vidjogrammi u l-aventi kawża tagħhom għandhom ikunu intitolati għal kumpens għar-riproduzzjoni privata ta’ fonogrammi u vidjogrammi msemmija fl-Artikolu 71 sexies. Fir-rigward ta’ apparati intiżi biss għar-reġistrazzjoni analoga jew diġitali ta’ fonogrammi jew vidjogrammi, dan il-kumpens għandu jinkonsisti f’perċentwali tal-prezz imħallas mix-xerrej finali lill-bejjiegħ bl-imnut li, fir-rigward ta’ apparati u mezzi b’għanijiet multipli, għandu jiġi kkalkolat abbażi ta’ apparati u mezzi b’karatteristiċi ekwivalenti għal dawk tal-komponent intern intiż sabiex jirreġistra jew, meta dan ma jkunx possibbli, ta’ ammont fiss għal kull apparat u mezz. Fir-rigward ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni awdjo u vidjo, bħal mezzi analogi, mezzi diġitali, memorja interna jew li tista’ titneħħa intiżi għar-reġistrazzjoni ta’ fonogrammi jew vidjogrammi, il-kumpens għandu jikkonsisti f’somma li tkun tikkorrispondi mal-kapaċità ta’ reġistrazzjoni pprovduta minn dawn il-mezzi. Fir-rigward ta’ sistemi ta’ reġistrazzjoni vidjo mill-bogħod, il-kumpens imsemmi f’dan il-paragrafu għandu jkun dovut mill-persuna li tagħti s-servizz u jkun jikkorrispondi mar-rimunerazzjoni miksuba sabiex jingħata dan is-servizz.

2.      Il-kumpens imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi ffissat, fl-osservanza tad-dritt Komunitarju u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, f’kull każ, id-drittijiet ta’ riproduzzjoni, permezz tad-Digriet tal-Ministru tal-Wirt u tal-Attivitajiet Kulturali [MiBAC] sabiex jiġi adottat sal-31 ta’ Diċembru 2009, wara konsultazzjoni […] mal-assoċjazzjonijiet tal-kummerċ li jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-produtturi tal-apparati u tal-mezzi msemmija fil-paragrafu 1. Għall-iffissar tal-kumpens, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni jew in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-miżuri tekniċi msemmija fl-Artikolu 102 quater u l-effett differenti ta’ kkopjar diġitali b’paragun ma’ kkopjar analogu. Dan id-Digriet għandu jiġi aġġornat kull tliet snin.

3.      Il-kumpens għandu jkun dovut minn kull persuna li timmanifattura jew timporta fit-territorju tal-Istat għal finijiet ta’ profitt apparati u mezzi kif imsemmi fil-paragrafu 1. […] Meta ma jitħallasx kumpens, il-bejjiegħ tal-apparati u tal-mezzi ta’ reġistrazzjoni għandu jkun responsabbli in solidum għall-ħlas.”

11.      L-Artikolu 71 octies jipprovdi:

“1.      Il-kumpens imsemmi fl-Artikolu 71 septies għal apparati intiżi għar-reġistrazzjoni ta’ fonogrammi għandu jitħallas lis-Società italiana degli autori ed editori (SIAE) li għandha tiżgura, wara li tnaqqas l-ispejjeż tagħha, il-ħlas f’ishma ndaqs lill-awturi u lill-produtturi ta’ fonogrammi, inkluż permezz tal-assoċjazzjonijiet kummerċjali u professjonali l-iktar rappreżentattivi.

2.      Il-produtturi ta’ fonogrammi għandhom iħallsu mingħajr dewmien, u f’kull każ fi żmien sitt xhur, 50 % tal-kumpens li jkunu rċevew lill-artisti kkonċernati.

3.      Il-kumpens imsemmi fl-Artikolu 71 septies għal apparati intiżi għar-reġistrazzjoni ta’ vidjogrammi għandu jitħallas lis-[SIAE], li għandha tiżgura, wara li tnaqqas l-ispejjeż tagħha, il-ħlas ta’ sehem ta’ 30 % tal-kumpens lill-awturi, u s-70 % l-oħra f’ishma ndaqs lill-produtturi oriġinali ta’ xogħlijiet awdjoviżivi, lill-produtturi ta’ vidjogrammi u lill-artisti. 50 % tal-kumpens imħallas lil artisti għandu jiffinanzja l-attivitajiet u l-objettivi deskritti fl-Artikolu 7(2) tal-Liġi Nru 93 tal-5 ta’ Frar 1992.

[…]”

12.      Fit-30 ta’ Diċembru 2009, il-MiBAC adotta d-digriet imsemmi fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 71 septies tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur (iktar ’il quddiem id-“digriet ikkontestat”).

13.      L Artikolu 4 tal-anness tekniku ta’ dan id-digriet jipprovdi:

“1.      Is-[SIAE] għandha tippromwovi protokolli għal applikazzjoni iktar effettiva ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u pereżempju sabiex tipprovdi eżenzjonijiet oġġettivi u suġġettivi, bħal, pereżempju, fil-każ tal-użu professjonali ta’ apparati u ta’ mezzi jew fir-rigward ta’ ċertu apparati u mezzi għal videogames. Dawn il-protokolli ta’ applikazzjoni għandhom jiġu adottati bi qbil mal-persuni li jkunu obbligati jħallsu l-kumpens għal ikkopjar privat, jew mal-assoċjazzjonijiet kummerċjali tagħhom.

[…]”

II – Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma produtturi u bejjiegħa bl-imnut ta’ kompjuters personali, compact discs, apparati ta’ reġistrazzjoni, telefons ċellulari u cameras.

15.      Il-MiBAC adotta d-digriet ikkontestat u l-anness tekniku mehmuż abbażi tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 71 septies tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur. Dan l-anness jistabbilixxi r-regoli sabiex jiġi kkalkolat il-kumpens għal ikkopjar privat ta’ fonogrammi u vidjogrammi dovut lil detenturi ta’ drittijiet. B’mod iktar speċifiku għal dawn il-finijiet, id-digriet ikkontestat estenda l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kumpens ekwu. B’riżultat ta’ dan, apparati u mezzi, bħal telefons ċellulari, kompjuters u tagħmir ieħor issa huma koperti wkoll bl-imposta għal ikkopjar privat, anki jekk dawn l-apparati ma jkunux intiżi speċifikament għar-riproduzzjoni, ir-reġistrazzjoni u l-ħżin ta’ kontenut. Għall-kuntrarju, qabel ma ġie adottat id-digriet ikkontestat, kienu biss l-apparati intiżi primarjament jew esklużivament għar-reġistrazzjoni ta’ fonogrammi u vidjogrammi li kienu suġġett għall-imposta inkwistjoni.

16.      Wara l-adozzjoni tad-digriet ikkontestat, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bdew proċeduri quddiem it-Tribunale amministrativo regionale del Lazio (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Lazio, l-Italja) fejn talbu l-annullament tad-digriet ikkontestat. Huma sostnew li d-digriet ikkontestat kien imur kontra d-dritt tal-Unjoni. Fil-fehma tagħhom dan kien hekk partikolarment minħabba li persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ovvjament ma kinux jagħmlu atti ta’ kkopjar privat kienu suġġetti wkoll għall-imposta inkwistjoni. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti kienu kritiċi dwar is-setgħat li d-digriet ikkontestat kien jagħti lis-SIAE: fid-dawl tad-diskrezzjoni tas-SIAE fl-amministrazzjoni tal-imposta, ma setax, fil-fehma tagħhom, jiġi ggarantit trattament ugwali ta’ persuni obbligati li jħallsu l-imposta.

17.      It-Tribunale amministrativo regionale del Lazio (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Lazio) ċaħad it-talbiet tar-rikorrenti.

18.      Sussegwentement, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem il-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat). Billi kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, din il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Id-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari l-premessa 31 u l-Artikolu 5(2)(b) tad-[Direttiva 2001/29], jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali (b’mod iktar preċiż l-Artikolu 71 [sexies] tal-liġi Taljana dwar id-dritt[ijiet] tal-awtur, moqri flimkien mal-Artikolu 4 [tad-digriet ikkontestat]) li, meta mezzi u tagħmir jinxtraw għal finijiet li manifestament ma humiex dawk tal-kopja privata, jiġifieri, għal użu esklużivament professjonali, tinvoka, sabiex tiddetermina l-kriterji ta’ eżenzjoni ex ante [mill-imposta għal ikkopjar privat], il-konklużjoni ta’ ftehimiet – jew ‘negozjati liberi’ – ta’ dritt privat, b’mod partikolari l-‘protokolli ta’ applikazzjoni’ elenkati fl-imsemmi Artikolu 4 [tal-anness tad-digriet ikkontestat], mingħajr ma tipprovdi għal regoli ġenerali jew għal ebda garanzija ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn is-Siae u l-persuni responsabbli għall-ħlas tal-kumpens jew l-assoċjazzjonijiet settorjali tagħhom?

(2)      Id-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari l-premessa 31 u l-Artikolu 5(2)(b) [tad-Direttiva 2001/29], jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali (b’mod iktar preċiż l-Artikolu 71 [sexies] tal-liġi Taljana dwar id-dritt[ijiet] tal-awtur, flimkien mad-[digriet ikkontestat] u l-istruzzjonijiet ta’ Siae dwar rimbors) li tipprovdi li, meta mezzi u apparat jinxtraw għal finijiet li manifestament ma humiex dawk tal-kopja privata, jiġifieri għal użu esklużivament professjonali, ir-rimbors jista’ jintalab biss mill-utent aħħari u mhux mill-produttur tal-mezzi u t-tagħmir?”

19.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew sottomessi minn Assotelecommunicazioni-ASSTEL, Hewlett-Packard Italiana Srl (“HP”), Microsoft Mobile Sales International (li kienet Nokia Italia SpA), Samsung Electronics Italia SpA, Sony Mobile Communications SpA, Telecom Italia SpA, Wind Telecomunicazioni SpA u mis-SIAE, kif ukoll mill-Gvern Taljan u mill-Kummissjoni. Sottomissjonijiet orali ġew ppreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Frar 2016 minn Altroconsumo, Hewlett-Packard Italiana, Microsoft Mobile Sales International, Sony Mobile Communications, Telecom Italia, Samsung Electronics Italia, Dell u mill-SIAE, kif ukoll mill-Gvern Taljan u mill-Gvern Franċiż u mill-Kummissjoni.

III – Analiżi

A –    Osservazzjonijiet preliminari

20.      Qabelxejn, id-Direttiva 2001/29 għandha l-għan li jiġi żgurat, fost affarijiet oħra, li jkun hemm bilanċ ġust bejn l-interessi kunfliġġenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u ta’ dawk li jużaw xogħlijiet u materjal ieħor suġġetti għad-drittijiet tal-awtur. Min-naħa l-oħra, sabiex jintlaħaq dan l-għan u sabiex jitħarsu d-drittijiet ta’ detenturi ta’ drittijiet, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu lid-detenturi ta’ drittijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni d-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu riproduzzjoni tax-xogħlijiet tagħhom. Dan id-dritt jestendi għal ikkopjar dirett jew indirett, temporanju jew permanenti, li jista’ jsir b’kull mezz u jieħu kull forma. Id-dritt ta’ riproduzzjoni joffri protezzjoni ugwalment estensiva irrispettivament minn jekk ikunx jirrigwarda opra sħiħa ta’ xogħol suġġett għad-drittijiet tal-awtur jew parti minnha.

21.      Min-naħa l-oħra, madankollu, sabiex jipprovdu wkoll għall-interessi leġittimi ta’ dawk li jużaw materjal suġġett għad-drittijiet tal-awtur, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw id-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni li joriġina mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29 abbażi tal-Artikolu 5(2) tal-istess direttiva. Skont din id-dispożizzjoni, tista’ tiġi pprovduta eċċezzjoni għal dan id-dritt, inter alia, fir-rigward ta’ kkopjar fuq kull mezz minn persuna fiżika sa fejn dan l-ikkopjar iseħħ għal użu privat. Għalhekk, skont din l-eċċezzjoni (iktar ’il quddiem “l-eċċezzjoni ta’ kkopjar privat”), huwa permess biss ikkopjar li jkun la direttament u lanqas indirettament kummerċjali. Flimkien ma’ dan, detenturi ta’ drittijiet għandhom jirċievu kumpens ekwu għall-ħsara kkawżata minn tali kkopjar. Tipikament, bħalma jiġri fl-Italja, dan il-kumpens jieħu l-forma ta’ imposta għal ikkopjar privat.

22.      Kif il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja turi b’mod ċar, il-kwistjoni ta’ kumpens ekwu – u, b’mod partikolari l-forma u l-arranġamenti li jirrigwardaw il-ġbir tiegħu – tikkostitwixxi kwistjoni kontroversjali fid-dinja diġitali tal-lum (4). Dan ma huwiex sorprendenti: is-sistema ta’ imposta saret għaliex, fid-“dinja offline”, l-imposti kienu l-uniku mezz li kien jiżgura li detenturi ta’ drittijiet jieħdu kumpens għal kopji magħmula mill-utenti finali (5). Dan ma jikkorrispondix għalkollox mal-ambjent online diġitalizzat li fih illum jintuża materjal suġġett għad-drittijiet tal-awtur.

23.      Fil-fatt, skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, kumpens ekwu tipikament jinġabar minn fuq apparati u mezzi adatti għal ikkopjar privat, inklużi, iżda mhux limitat għal, CDs, kompjuters ta’ tipi differenti, telefons ċellulari, karti tal-memorja u USB-sticks. Madankollu, tali sistema ta’ kumpens ekwu neċessarjament toriġina minn finzjoni legali: hija tassumi li akkwirent ta’ apparati u mezzi li jkunu, bħala prinċipju, adatti għal ikkopjar privat, ikun ser juża l-funzjonijiet kollha possibbli inerenti fihom, inklużi dawk li jagħmlu possibbli l-ikkopjar privat (6). Ċertament, fiż-żmien meta kienet adottata d-Direttiva 2001/29, kien għadu komuni l-użu ta’ tali apparati u mezzi għal ikkopjar privat. Illum, madankollu, kif huwa sewwa magħruf, jidher li kkopjar privat ġie ssostitwit mill-inqas parzjalment (jekk mhux kważi totalment) minn diversi tipi ta’ servizzi tal-internet li jippermettu lid-detenturi ta’ drittijiet jikkontrollaw l-użu ta’ materjal suġġett għad-drittijiet tal-awtur permezz ta’ arranġamenti ta’ liċenzjar (7).

24.      Minkejja dawn l-iżviluppi teknoloġiċi u, diskutibbilment, l-importanza prattika dejjem tonqos ta’ kkopjar privat, l-eċċezzjoni ta’ kkopjar privat għadha qiegħda tiġi applikata fl-Unjoni Ewropea. L-Istati Membri adottaw approċċi diverġenti għall-eċċezzjoni ta’ kkopjar privat f’iktar minn aspett wieħed: fost diverġenzi oħra, ivarjaw mhux biss il-metodoloġiji għall-iffissar tal-imposti għal ikkopjar privat, iżda anki l-prodotti suġġetti għal tali imposti (8). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tiġi ffaċċjata bil-kamp ta’ applikazzjoni tad-diskrezzjoni li l-Istati Membri għandhom meta jfasslu tali sistema ta’ kumpens ekwu.

25.      Kif ser nuri iktar ’il quddiem, għandha ssir distinzjoni ċara bejn żewġ sitwazzjonijiet differenti: minn naħa, iċ-ċirkustanzi li fihom l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tagħmir, apparati u mezzi jiġu eżenti, ex ante, mill-imposta għal ikkopjar privat, u min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanzi li fihom l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm sistema ta’ rimbors ex post effettiva għal imposti għal ikkopjar privat imħallsa indebitament.

B –    Fuq l-ewwel domanda: ir-rekwiżit ta’ eżenzjoni ex ante mill-imposta għal ikkopjar privat

26.      L-ewwel domanda preliminari tirrigwarda (l-assenza ta’) eżenzjoni ex ante mill-imposta għal ikkopjar privat u l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tali eżenzjoni skont id-dritt Taljan. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-kompatibbiltà tas-sistema Taljana ta’ kumpens ekwu mal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 u mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

27.      Id-dubji tal-qorti tar-rinviju huma spjegati mill-fatt li, l-ewwel nett, l-imposta inkwistjoni tapplika, bħala prinċipju, għal tagħmir, apparati u mezzi kollha koperti mid-digriet ikkontestat mingħajr distinzjoni. Ma hemm ebda dispożizzjoni leġiżlattiva li tistabbilixxi eżenzjoni minn din l-imposta meta tali tagħmir jiġi akkwistat għal użu professjonali. It-tieni nett, karatteristika oħra tas-sistema Taljana tinsab fil-mod li bih produtturi u importaturi ta’ tagħmir, apparati u mezzi adatti għal ikkopjar privat (li jkunu responsabbli għall-ħlas tal-imposta għal ikkopjar privat) jistgħu jiġu eżenti mill-ħlas tal-imposta inkwistjoni.

28.      B’mod iktar speċifiku, anki għalkemm l-imposta għal ikkopjar privat tiġi applikata mingħajr distinzjoni għal ċerti kategoriji ta’ tagħmir, apparati u mezzi adatti għal ikkopjar privat, eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħlas ta’ din l-imposta tista’ tiġi nnegozjata bejn is-SIAE u l-produtturi u l-importaturi tal-apparati u tal-mezzi suġġetti għall-imposta (jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom). F’dan ir-rigward, is-SIAE tidher li tgawdi minn diskrezzjoni kunsiderevoli sabiex tinnegozja u, wara li tkun ħadet kollox inkunsiderazzjoni, tistabbilixxi l-parametri fir-rigward ta’ possibbiltà ta’ eżenzjoni mill-imposta.

29.      Qabelxejn nixtieq nenfasizza li l-karatteristika komuni tas-sistemi ta’ kumpens ekwu mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja sa issa hija li l-obbligu ta’ ħlas tal-imposta japplika, bħala prinċipju, mingħajr distinzjoni għal ċerti tipi ta’ tagħmir, apparati u mezzi adatti għar-riproduzzjoni (9). Dan huwa wkoll il-każ f’din il-kawża.

30.      Ma hemm xejn fil-kliem tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 li jissuġġerixxi li tali applikazzjoni mingħajr distinzjoni ta’ imposta tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tgħid li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li eċċezzjoni ta’ kkopjar privat tkun tapplika għal riproduzzjonijiet fuq kull mezz magħmula minn persuna fiżika għal użu privat, bil-kundizzjoni li jiġi żgurat kumpens ekwu għal detenturi ta’ drittijiet.

31.      Madankollu, ċertament sabiex jiġi żgurat li jkun hemm bilanċ ġust bejn l-interessi kunfliġġenti involuti, kif meħtieġ mill-premessa 31 tad-Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja fformulat ċerti limitazzjonijiet fil-ġurisprudenza tagħha rigward il-portata tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29. Dawn il-limitazzjonijiet huma rilevanti ħafna għal din il-kawża.

32.      Fis-sentenza Padawan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-applikazzjoni mingħajr distinzjoni tal-imposta għal ikkopjar privat fir-rigward ta’ apparati u ta’ mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali akkwistati għal finijiet manifestament mhux relatati ma’ kkopjar privat ma hijiex konformi mal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2001/92 (10). Fil-fehma tiegħi, din id-dikjarazzjoni teskludi, mill-ewwel, mill-ambitu tal-eċċezzjoni ta’ kkopjar privat, tagħmir, apparati u mezzi li jkunu intiżi b’mod ċar għal użu professjonali.

33.      Fis-sentenza Copydan Båndkopi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkjarifikat ulterjorment il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29. Hija ddeċidiet li imposta għal ikkopjar privat ma tistax, qabel kollox, tiġi applikata skont il-liġi għall-provvista ta’ apparati u ta’ mezzi meta jkun jista’ jiġi stabbilit li l-persuna responsabbli għal ħlas ta’ kumpens tkun ipprovdiet dawn l-apparati u dawn l-mezzi lil persuni għajr persuni fiżiċi għal finijiet manifestament mhux relatati ma’ kkopjar għal użu privat (11). Fil-fehma tiegħi, huwa manifest li bħala riżultat ta’ din id-dikjarazzjoni, il-provvista diretta ta’ tagħmir, apparati u mezzi a priori adatti għal ikkopjar privat lil klijenti fin-negozju u lil entitajiet pubbliċi ma għandhiex taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva (12). Jew, sabiex nuża l-lingwaġġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan it-tagħmir għandu jkun eżenti (ex ante) mill-imposta għal ikkopjar privat.

34.      F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi nnutat li fl-Italja ma hemmx eżenzjoni statutorja għal tagħmir, apparati u mezzi akkwistati minn persuni ġuridiċi għal finijiet manifestament mhux relatati ma’ kkopjar privat. Minflok, id-deċiżjoni sabiex jingħataw (jew ma jingħatawx) eżenzjonijiet ex ante titħalla fid-diskrezzjoni tas-SIAE skont l-Artikolu 71 sexies tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur, moqri flimkien mal-Artikolu 4 tal-anness tekniku tad-digriet ikkontestat. Waqt is-sottomissjonijiet orali ġie spjegat ulterjorment li l-eżenzjonijiet mogħtija mis-SIAE mhux biss huma ftit u limitati fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, iżda li dawn jingħataw ukoll flimkien ma’ kundizzjonijiet stretti relatati, fost affarijiet oħra, ma’ konformità ma’ kodiċi ta’ kondotta mill-entità li takkwista l-apparati u l-mezzi inkwistjoni. B’mod sempliċi, is-sistema Taljana tippermetti li s-SIAE tapplika eżenzjonijiet fil-konfront ta’ persuni obbligati jħallsu kumpens, meta jidhrilha li jkun xieraq.

35.      Madankollu, kif diġà ġie spjegat, produtturi u importaturi għandhom jiġu eżenti ex ante mill-ħlas tal-imposta meta jkunu jistgħu juru li jkunu pprovdew apparati u mezzi għal użu manifestament mhux relatat ma’ kkopjar privat (13). Dan ikun il-każ ta’ bejgħ dirett mill-persuni li jkunu obbligati jħallsu kumpens lil klijenti fin-negozju jew lil entitajiet pubbliċi, irrispettivament minn jekk dawn l-entitajiet ikunux irreġistrati mal-organizzazzjoni responsabbli mill-amministrazzjoni tal-imposta (14).

36.      F’kull każ, eżenzjoni ex ante ma għandhiex issir b’mod li tkun suġġetta għal kundizzjoni li wieħed jirnexxielu jinnegozja u jikkonkludi ftehim mal-organizzazzjoni li tamministra l-imposta. Sabiex id-dritt għal eżenzjoni ex ante jkun effettiv, huwa għandu jiġi applikat b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni għal produtturi u importaturi ta’ apparati u mezzi adatti għal ikkopjar privat li jkunu jistgħu juru li l-apparati u l-mezzi inkwistjoni jkunu ġew ipprovduti lil persuni għajr persuni fiżiċi għal finijiet mhux relatati ma’ ikkopjar privat. Altrimenti, ikun kważi impossibbli li jiġi evitat kumpens żejjed. Dan imur kontra r-rekwiżit ta’ bilanċ ġust stabbilit fil-premessa 31 tad-Direttiva.

37.      Dwar dan il-punt huwa ċar għalija li r-regoli Taljani ma humiex konformi mal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29.

38.      Flimkien ma’ dan, madankollu, il-qorti tar-rinviju identifikat problemi ulterjuri bir-regoli Taljani dwar (l-assenza ta’) l-eżenzjoni ex ante (applikabbli b’mod ġenerali).

39.      Kif diġà ġie nnotat, fis-sistema Taljana l-kriterji sabiex tinkiseb (jekk jista’ jkun) eżenzjoni ex ante mill-ħlas tal-imposta huma ddeterminati f’negozjar privat (jew l-hekk imsejjaħ negozjar liberu). In-negozjati jsiru bejn il-produtturi u l-importaturi ta’ tagħmir, apparati u mezzi suġġetti għall-imposta (jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom), minn naħa, u s-SIAE, min-naħa l-oħra. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta jekk dan huwiex kompatibbli mar-rekwiżit ta’ kumpens ekwu tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u mal-prinċipju ta’ bilanċ ġust imsemmi fil-premessa 31 tad-Direttiva.

40.      Qabelxejn, punt li ma għandux jintesa’ huwa li l-Qorti tal-Ġustizzja tat importanza partikolari lill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 (15). Fil-kuntest ta’ kumpens ekwu, dan ifisser li l-Istati Membri ma jistgħux jiddiskriminaw – mingħajr ġustifikazzjoni – bejn kategoriji differenti ta’ produtturi u ta’ importaturi ta’ apparati u mezzi komparabbli koperti bl-eċċezzjoni ta’ kkopjar privat.

41.      Din id-dikjarazzjoni hija manifestament rilevanti għal din il-kawża.

42.      Ma hemmx dubju li l-partijiet ma jaqblux dwar kemm s-SIAE għandha diskrezzjoni sabiex tinnegozja eżenzjonijiet mill-imposta għal ikkopjar privat. Madankollu, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar li l-kriterji u l-protokolli ta’ applikazzjoni għal eżenzjoni mill-imposta huma fil-fatt innegozjati bejn s-SIAE u l-produtturi u l-importaturi tal-apparati u tal-mezzi inkwistjoni (jew minn assoċjazzjonijiet li jirrappreżentawhom). Dan il-fatt biss jitfa’ dubju dwar il-kompatibbiltà tar-regoli Taljani mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Dan għaliex l-Artikolu 4 tal-anness tekniku tad-digriet ikkontestat jippermetti lis-SIAE tikkonkludi ftehimiet ta’ eżenzjoni separatament ma’ entitajiet u assoċjazzjonijiet speċifiċi, u b’hekk jonqos milli jiżgura li d-dritt għal eżenzjoni minn ħlas jiġi applikat b’mod konsistenti, ġenerali u universali għall-provvista għal użu professjonali ta’ apparati u ta’ mezzi adatti għal ikkopjar privat. Fl-opinjoni tiegħi, il-konklużjoni ta’ ftehimiet individwali u separati għandha twassal, minħabba neċessità, għal trattament differenti ta’ produtturi u ta’ importaturi li altrimenti jistgħu jkunu f’sitwazzjoni komparabbli.

43.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-rekwiżit ta’ kumpens ekwu stabbilit bl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, irrid infakkar qabelxejn li l-kunċett ta’ “kumpens ġust [ekwu]” jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni. Għalkemm it-tifsira eżatta ta’ x’jikkostitwixxi kumpens ekwu ma tistax tiġi ddefinita mingħajr ċerta diffikultà, il-kunċett għandu, madankollu, jiġi interpretat b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha li ddeċidew li jagħmlu użu mill-eċċezzjoni ta’ kkopjar privat (16).

44.      Il-kunċett ta’ kumpens ekwu huwa bbażat fuq l-idea li kkopjar privat jitqies li jagħmel ħsara lid-detentur ta’ drittijiet tal-awtur u, sabiex din il-ħsara tiġi kkumpensata, id-detentur tad-dritt għandu jirċievi kumpens ekwu (17). Għalhekk, il-preżunzjoni hija li teżisti rabta bejn il-kumpens imħallas u l-ħsara, jew il-ħsara potenzjali, li d-detentur tad-dritt ikun bata jew jista’ jbati, minħabba kkopjar privat (18). Fil-każ ta’ apparati u mezzi pprovduti lil konsumaturi, huwa aċċettat li din ir-rabta hija b’saħħitha biżżejjed sabiex tiġġustifika l-ħlas ta’ kumpens.

45.      Ma jkun hemm ebda rabta bħal din meta l-apparati u l-mezzi jkunu intiżi għal użu li manifestament ma jkunx relatat ma’ kkopjar privat. Fil-fatt, jekk l-apparati u l-mezzi inkwistjoni jkunu pprovduti għal użu professjonali, ma ssir ebda ħsara (relatata ma’ kkopjar privat). Filwaqt li dan jista’ jidher li huwa kontraintuwittiv, dan iseħħ ukoll meta persuni fiżiċi jkunu jistgħu jużaw tagħmir, apparati u mezzi pprovduti lil klijenti fin-negozju jew lil entitajiet pubbliċi sabiex jagħmlu kopji għal għanijiet privati.

46.      Kif diġà ġie spjegat, l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 tħalli mezzi akkwistati minn negozji u entitajiet pubbliċi ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk, li persuna fiżika (bħala impjegata) tieħu kopji għal għanijiet privati fuq tali mezzi huwa irrilevanti. Peress li l-apparat ikun ġie akkwistat għal użu professjonali, ma nkunux għadna fil-qasam ta’ kkopjar privat. B’mod sempliċi, dawn is-sitwazzjonijiet jaqgħu ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ kkopjar privat. Minflok, huma koperti mir-regola ġenerali ta’ liċenzjar. Kull kopja magħmula mingħajr il-permess espress f’tali kuntest tkun illegali (19).

47.      Fis-sistema Taljana, il-possibbiltà li l-persuni obbligati jħallsu kumpens jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni ex ante tiddependi minn negozjar privat anki meta jkun jista’ jintwera li t-tagħmir, l-apparati u l-mezzi inkwistjoni jkunu intiżi għal użu professjonali. Insibha diffiċli naċċetta li tali sistema tista’ tkun konsistenti mar-rekwiżit ta’ kumpens ekwu bbażat fuq il-ħsara kkawżata lid-detentur tad-dritt. Fil-fatt, il-kumpens ikun, għalhekk, separat mill-ħsara aktarx ikkawżata minn ikkopjar privat. B’mod sempliċi, m’aħniex iktar nittrattaw ikkopjar li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ kkopjar privat.

48.      Fuq din il-bażi, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jipprekludi sistema ta’ kumpens ekwu li permezz tagħha jintalab ħlas ta’ imposta għal ikkopjar privat anki fuq tagħmir, apparati u mezzi akkwistati għal finijiet manifestament mhux relatati ma’ kkopjar privat u meta l-possibbiltà ta’ eżenzjoni minn din l-imposta tiddependi min-negozjar bejn l-organizzazzjoni li tamministra l-imposta u l-persuni obbligati jħallsu kumpens.

49.      Minkejja dan, hemm madankollu ċirkustanzi li fihom jista’ jintalab ħlas ta’ imposta mingħajr distinzjoni, irrispettivament minn jekk l-użu finali tal-apparati u tal-mezzi inkwistjoni jkunx privat jew professjonali. Kif ser nispjega iktar ’il quddiem fil-kuntest tat-tieni domanda preliminari, dan iseħħ biss meta diffikultajiet prattiċi relatati mal-identifikazzjoni tal-utent finali jiġġustifikaw tali approċċ. F’sistemi fejn produtturi u importaturi jkunu responsabbli għall-ħlas ta’ kumpens, sistema ta’ rimbors ex post tidher li hija komponent kważi mandatorju ta’ sistema ta’ kumpens ekwu.

C –    Fuq it-tieni domanda: ir-rimbors ‘ex post’ tal-imposta għal ikkopjar privat

50.      It-tieni domanda preliminari hija bbażata fuq ir-rimbors ex post ta’ imposti għal ikkopjar privat imħallsa indebitament. Il-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta jekk is-sistema Taljana ta’ kumpens ekwu hijiex kompatibbli mal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, fid-dawl tal-fatt li – bħal fis-sitwazzjoni deskritta iktar ’il fuq b’rabta mal-assenza ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi dwar eċċezzjoni ex ante – rimbors ex post jitħalla wkoll fid-diskrezzjoni tas-SIAE mingħajr dispożizzjonijiet leġiżlattivi espressi dwar il-kwistjoni. Skont l-istruzzjonijiet u l-linji gwida ta’ din l-organizzazzjoni, talba għal rimbors ta’ imposta – li tkun tħallset indebitament għal tagħmir, apparati u mezzi akkwistati għal użu professjonali – tista’ ssir biss mill-utent finali.

51.      Qabelxejn irrid nenfasizza, l-ewwel nett, li ma għandu jintalab ebda ħlas ta’ imposta meta l-użu professjonali tat-tagħmir, tal-apparati u tal-mezzi inkwistjoni jkun jista’ jiġi identifikat minn qabel mill-persuna obbligata tħallas kumpens. Dawn is-sitwazzjonijiet għandhom ikunu koperti minn eżenzjoni ex ante mill-ħlas tal-imposta, kif spjegat iktar ’il fuq.

52.      Fid-dawl ta’ dan il-fatt, f’liema ċirkustanzi għandu Stat Membru jipprovdi għal sistema ta’ rimbors ex post?

1.      Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni mingħajr distinzjoni ta’ imposta għal ikkopjar privat

53.      Kif is-SIAE u l-Gvern Taljan jinnotaw, l-Istati Membri jgawdu minn diskrezzjoni kunsiderevoli meta jfasslu d-dettalji ta’ sistema għal imposta għal ikkopjar privat fil-livell nazzjonali. Fid-dawl ta’ din il-marġni ta’ diskrezzjoni, fis-sentenza Amazon.com International Sales et il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-Istati Membri jistgħu jadottaw bħala punt ta’ tluq preżunzjoni konfutabbli li l-apparati u l-mezzi jkunu intiżi għal użu privat (20). Madankollu, tali preżunzjoni tkun kompatibbli mad-Direttiva 2001/29 biss taħt kundizzjonijiet stretti. L-ewwel nett, għandhom jinqalgħu diffikultajiet prattiċi fid-determinazzjoni jekk l-użu finali tal-mezzi inkwistjoni jkunx privat jew professjonali. It-tieni nett, tali preżunzjoni tkun aċċettabbli biss b’rabta ma’ prodotti mqiegħda fis-suq għal persuni fiżiċi (21).

54.      F’dan l-istadju jkun utli li jiġi nnotat li fil-kawżi ttrattati mill-Qorti tal-Ġustizzja sa issa, il-punt ta’ tluq jidher li kien il-fatt li l-ħlas tal-imposta huwa dovut meta l-apparati u l-mezzi suġġetti għall-imposta għal ikkopjar privat jitqiegħdu fis-suq (22). Fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet tal-partijiet fis-seduta, ser nieħu dan bħala l-punt ta’ tluq tiegħi anki f’din il-kawża.

55.      Diffikultajiet prattiċi jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni mingħajr distinzjoni ta’ imposta għal ikkopjar privat meta – bħal fil-kawża Copydan Båndkopi – produtturi u importaturi responsabbli għall-ħlas tal-imposta jimpjegaw bejjiegħa bl-imnut sabiex iqassmu l-prodotti tagħhom. F’tali ċirkustanzi, l-persuni responsabbli għall-ħlas ma jistgħux jidentifikaw mingħajr ċerta diffikultà lill-utent finali (23).

56.      Għall-kuntrarju, meta persuna li tkun obbligata tħallas kumpens tbigħ it-tagħmir, l-apparati u l-mezzi tagħha direttament lill-klijenti fin-negozju (jew lill-entitajiet pubbliċi, pereżempju bħal sptarijiet) mingħajr intermedjarji, wieħed ma jistax jistrieħ, fil-fehma tiegħi, fuq diffikultajiet prattiċi bħala ġustifikazzjoni sabiex l-applikazzjoni tal-imposta tiġi estiża għal tali ċirkustanzi. Għalkemm il-kliem użat fil-ġurisprudenza bla dubju jħalli spazju għal interpretazzjoni, wieħed għandu jifhem li każijiet bħal dawn sempliċement jaqgħu ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29.

57.      Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, imposta għal ikkopjar privat tista’ tiġi applikata mingħajr distinzjoni għal tagħmir, apparati u mezzi adatti għal ikkopjar privat fil-kuntest ta’ bejgħ bl-imnut, irrispettivament minn jekk l-użu finali jkunx professjonali jew privat. Dan huwa l-każ jekk wieħed jippreżumi li l-produtturi u l-importaturi jkollhom iħallsu kumpens. F’dan il-każ, għandu jkun hemm sistema ta’ rimbors ex post għal imposti mħallsa indebitament.

2.      Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt li jintalab rimbors u l-effettività tiegħu

58.      Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, wieħed jista’ jasal sabiex żbaljatament jaħseb li l-Istati Membri jistgħu liberament jagħżlu li jillimitaw rimbors ex post lill-utenti finali. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Copydan Båndkopi li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 ma huwiex qiegħed jipprekludi sistema ta’ kumpens ekwu li permezz tagħha rimbors jista’ jintalab biss mill-utent finali. B’mod kruċjali, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja fformulat kundizzjoni importanti dwar dan. Hija osservat li tali sistema tkun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni sakemm il-persuni responsabbli għall-ħlas ikunu eżenti mill-imposta jekk ikunu jistgħu jistabbilixxu li jkunu pprovdew l-apparati inkwistjoni lil persuni għajr persuni fiżiċi għal finijiet manifestament mhux relatati ma’ kkopjar privat (24). Fil-fatt, il-ħtieġa ta’ tali eżenzjoni ex ante tirriżulta b’mod preċiż mid-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Amazon.com International Sales et li tgħid li applikazzjoni mingħajr distinzjoni ta’ imposta għal ikkopjar privat tista’ tiġi ġġustifikata biss meta l-prodotti inkwistjoni jitqiegħdu fis-suq għal persuni fiżiċi (25).

59.      Fi kliem ieħor, sistema ta’ kumpens ekwu li biha rimbors ex post jista’ jintalab biss mill-utent finali hija kompatibbli mal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 biss sa fejn din is-sistema tinkludi wkoll eżenzjoni ex ante għal tagħmir, apparati u mezzi akkwistati għal finijiet manifestament mhux relatati ma’ ikkopjar privat (jiġifieri għal użu professjonali).

60.      Fid-dawl ta’ dan, is-sistema Taljana ta’ rimbors ex post li tillimita d-dritt li jintalab rimbors għall-utent finali tista’ tkun kompatibbli biss mad-dritt tal-Unjoni sakemm tkun id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali jipprevedu eżenzjoni ex ante relatata ma’ użu professjonali.

61.      Madankollu, kif ġie stabbilit iktar ’il fuq, ebda eżenzjoni ex ante applikabbli b’mod ġenerali għal tagħmir, apparati u mezzi pprovduti għal użu professjonali ma teżisti fl-Italja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li jista’ jinkiseb bilanċ approssimattiv, għalkemm mhux sodisfaċenti, bejn l-interessi involuti biss jekk il-persuni obbligati jħallsu kumpens ikunu jistgħu jitolbu rimbors.

62.      Kif il-Gvern Franċiż innota, huwa minnu li l-estensjoni ta’ sistema ta’ rimbors b’dan il-mod timplika riskju ta’ kumpens żejjed fid-direzzjoni l-oħra: talba għal rimbors tista’ ssir darbtejn, kemm minn dawk responsabbli għall-ħlas tal-imposta, kif ukoll mill-utent finali. Madankollu, sa fejn ma tkun teżisti ebda eżenzjoni ex ante applikabbli b’mod ġenerali għal tagħmir, apparati u mezzi akkwistati għal użu professjonali, jiena ma nara ebda mod ieħor kif nirrikonċilja l-interessi involuti. F’kull każ, minħabba li b’riżultat ta’ bejgħ sussegwenti l-produtturi u l-importaturi responsabbli għall-ħlas ma jkunux jistgħu, fil-maġġoranza tal-każijiet, jkunu jafu (jew ikunu jistgħu biss isiru jafu b’ċerta diffikultà) min ser ikun l-utent finali, din is-soluzzjoni tibqa’ mhux sodisfaċenti.

63.      Nagħmel parenteżi qasira sabiex ngħid li l-punt tat-tluq teoretiku tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa li l-persuni responsabbli għall-ħlas tal-imposta jkunu jistgħu jżidu l-ammont ta’ din l-imposta mal-prezz tal-bejgħ tal-apparati u tal-mezzi inkwistjoni (26). Filwaqt li dan jista’ jikkostitwixxi preżunzjoni korretta b’rabta ma’ ċerti tipi ta’ tagħmir, apparati u mezzi, dan ma huwiex il-każ b’mod sistematiku. Kemm ikun ifisser li jkun tal-aħjar profitt li imposta tiġi miżjuda mal-prezz jiddependi minn diversi varjabbli li jistgħu jkunu differenti minn suq għal ieħor. Huwa interessanti li jeżisti studju li jissuġġerixxi li huwa possibbli li jiġi ddeterminat punt ta’ prezz bl-imnut pan-Ewropew għal apparati diversi intiżi għall-konsumaturi, irrispettivament minn skemi ta’ imposti (27). Għalhekk jista’ ma jkunx hemm neċessarjament żieda mal-prezz u, fil-fatt, imposta tkun tista’ tiġi assorbita mill-persuni responsabbli għall-ħlas ta’ kumpens. Mingħajr ma ninsew dan, f’ċirkustanzi bħal dawk li fuqhom hija bbażata din il-kawża (meta ma tkunx teżisti eżenzjoni ex ante applikabbli b’mod ġenerali), il-limitazzjoni ta’ sistema ta’ rimbors ex post għall-utent finali tkun fil-fatt qiegħda tippenalizza lill-persuni responsabbli għall-ħlas f’iktar minn aspett wieħed.

64.      Issa, anki jekk jiġi preżunt li eżenzjoni ex ante applikabbli b’mod ġenerali teżisti fl-Italja, jiena, madankollu, ikolli dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tas-sistema Taljana ta’ rimbors.

65.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja titlob li sistema ta’ rimbors għandha tkun effettiva. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, b’mod partikolari, li ma huwiex eċċessivament diffiċli li jinkiseb rimbors tal-imposta li tkun tħallset indebitament (28). Fl-analiżi tal-effettività tas-sistema ta’ rimbors, fatturi bħall-portata, id-disponibbiltà, l-għarfien pubbliku u s-sempliċità tal-użu tad-dritt għal rimbors jiksbu rwol ewlieni (29).

66.      Fil-fehma tiegħi, u bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, sistema ta’ rimbors, bħal dik deskritta fid-digriet tar-rinviju, tonqos milli tosserva l-bilanċ ġust mitlub mid-Direttiva 2001/29 għal mill-inqas erba’ raġunijiet relatati. L-ewwel nett, l-implementazzjoni ta’ din is-sistema titħalla fid-diskrezzjoni tas-SIAE mingħajr dispożizzjonijiet leġiżlattivi espressi li jagħtu dettalji dwar ir-regoli li jirregolaw rimbors. Kif issuġġerit minn Altroconsumo, dan jillimita b’mod ċar id-disponibbiltà u l-għarfien pubbliku fir-rigward tal-possibbiltà li jinkiseb rimbors. It-tieni nett, skont ir-regoli applikati mis-SIAE, persuni fiżiċi huma esklużi mill-isfera personali ta’ dawk li jkollhom id-dritt jitolbu rimbors. Dan huwa l-każ anki meta dawn il-persuni jkunu jistgħu juru li huma jkunu akkwistaw it-tagħmir, l-apparati jew il-mezzi inkwistjoni għal użu professjonali. Ma narax raġuni għaliex persuni fiżiċi (bħal dawk li jaħdmu għal rashom) ma għandhomx ikunu jistgħu jitolbu rimbors jekk ikunu jistgħu jġibu prova li jkunu akkwistaw it-tagħmir kopert bl-imposta għal ikkopjar privat għal finijiet professjonali. It-tielet nett, ir-rimbors ta’ imposta mħallsa indebitament jitlob li l-persuni ġuridiċi inkwistjoni japplikaw kodiċi ta’ kondotta dwar l-użu tal-apparati u tal-mezzi inkwistjoni, iwettqu kontrolli speċjali sabiex jinfurzaw dan il-kodiċi u jitolbu rimbors f’terminu preskritt (disgħin jum mid-data tal-fattura). Ċertament, tali kundizzjonijiet addizzjonali għal rimbors – li jistgħu jinbidlu tul is-snin fid-dawl tad-diskrezzjoni mogħtija lis-SIAE f’dan ir-rigward – ser jiskuraġġixxu lil persuni kkonċernati milli jitolbu rimbors. Ir-raba’ nett, u b’mod iktar ġenerali, jidher li huwa problematiku immens li l-proċedura sabiex jinkiseb rimbors hija msejsa fuq l-istruzzjonijiet ta’ rimbors mogħtija mis-SIAE, li hija tista’ tbiddel liberament.

67.      Fundamentalment, għalhekk, jidhirli li s-sistema ta’ rimbors applikata fl-Italja hija nieqsa mir-rekwiżit ta’ effettività, b’mod partikolari, kif stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Meta jkun intalab ħlas ta’ imposta għal tagħmir, apparati jew mezzi akkwistati għal użu professjonali permezz ta’ bejjiegħ bl-imnut, għandha tkun teżisti possibbiltà ġenwina għall-kisba ta’ rimbors għall-utent finali. Din il-possibbiltà għandha tkun attwali u reali sabiex jiġi żgurat li l-kumpens imħallas ma jkunx jeċċedi dak meħtieġ sabiex jagħmel tajjeb għall-ħsara li setgħet ġiet ikkawżata b’ikkopjar privat.

68.      Dan iwassalni sabiex nikkonkludi li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun – f’ċirkustanzi bħal dawk li fuqhom hija bbażata din il-kawża fejn ma teżisti ebda eżenzjoni ex ante applikabbli b’mod ġenerali għal tagħmir, apparati u mezzi akkwistati għal finijiet manifestament mhux relatati ma’ kkopjar privat – li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jipprekludi sistema ta’ kumpens ekwu li permezz tagħha rimbors ta’ imposta mħallsa indebitament għal ikkopjar privat jista’ jintalab biss mill-utent finali.

IV – Konklużjoni

69.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat) kif ġej:

(1)      L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, jipprekludi sistema ta’ kumpens ekwu li permezz tagħha jintalab ħlas ta’ imposta għal ikkopjar privat anki fuq tagħmir, apparat u mezzi akkwistati għal finijiet manifestament mhux relatati ma’ kkopjar privat u meta l-possibbiltà ta’ eżenzjoni minn din l-imposta tiddependi min-negozjar bejn l-organizzazzjoni li tamministra l-imposta u l-persuni obbligati jħallsu kumpens.

(2)      F’ċirkustanzi bħal dawk li fuqhom hija bbażata din il-kawża fejn ma teżisti ebda eżenzjoni ex ante applikabbli b’mod ġenerali għal tagħmir, apparati u mezzi akkwistati għal finijiet manifestament mhux relatati ma’ kkopjar privat, l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jipprekludi sistema ta’ kumpens ekwu li permezz tagħha rimbors ta’ imposta mħallsa indebitament għal ikkopjar privat jista’ jintalab biss mill-utent finali.



1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).


3–      Legge No 633 sulla protezione del diritto d’autore e di altri diritti connessi al suo esercizio, tat-22 ta’ April 1941, GURI Nru 166, tas-16 ta’ Lulju 1941, kif emendata bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 68 tad-9 ta’ April 2003, GURI Nru 87, tal-14 ta’ April 2003.


4 – Ara, għal ħarsa ġenerali dwar il-problemi u l-isfidi involuti sabiex titħejja sistema ta’ kumpens ekwu għal ikkopjar privat, Latreille, A., “La copie privée dans la jurisprudence de la CJUE”, Propriété intellectuelles, Nru 55, 2015.


5 – Vitorino, A., “Recommendations resulting from mediation on private copying and reprography levies”, Brussell, 2013, p. 7. Jinsab fuq: http://ec.europa.eu/internal_market/copyright/docs/levy_reform/130131_levies-vitorino-recommendations_en.pdf


6 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża EGEDA et, C‑470/14, EU:C:2016:24, b’mod partikolari l-punt 44.


7 – Meqjus minn dan l-aspett, huwa interessanti wkoll li jiġi nnotat li l-ammont ta’ kumpens ekwu huwa tipikament ikkalkolat abbażi tal-kapaċità ta’ ħżin tal-apparat jew tal-mezz ikkonċernat. Huwa, għalhekk, kemxejn paradossali li, kif il-Kummissjoni osservat fis-seduta, filwaqt li kkopjar privat ġie għall-inqas parzjalment issostitwit b’forom oħra ta’ użu, il-kapaċità ta’ ħżin ta’ apparati u ta’ mezzi adatti għal tali kkopjar żdiedet esponenzjalment matul l-aħħar għaxar snin.


8 – Għal proposta sabiex ikun hemm allinjament tal-eċċezzjoni ta’ kkopjar privat mar-realtà teknoloġika attwali fl-Unjoni Ewropea kollha, ara Vitorino, op.cit., p. 19 et seq.


9 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 59, u tal-11 ta’ Lulju 2013, Amazon.com International Sales et, C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 37. Ara wkoll f’dan is-sens is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 44.


10 – Sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 53.


11–      Sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, C‑463/12, EU:C:2015:144, punti 47 u 50. Ara, bl-istess mod, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Amazon.com International Sales et, C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 28.


12 – Kuntrarjament għal dak li ssottomettiet HP fis-seduta, il-kriterju rilevanti għal eżenzjoni ex ante għandu, għalhekk, ikun il-provvista ta’ tagħmir lil klijenti fin-negozju jew lil entitajiet pubbliċi, iktar milli jekk, pereżempju, apparati partikolari jkunux parti minn firxa ta’ prodotti għal professjonisti jew għal konsumaturi li joriġinaw minn produttur partikolari.


13 – Sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata.


14–      Sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 55.


15–      Sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata.


16 – Sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 37.


17 – Sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 40; tas-27 ta’ Ġunju 2013, VG Wort et, C‑457/11 sa C‑460/11, EU:C:2013:426, punti 31, 49 u 75; tal-11 ta’ Lulju 2013, Amazon.com International Sales et, C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 47; u tal-10 ta’ April 2014, ACI Adam et, C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 50.


18 – Sa fejn naf jiena, il-karattru legali preċiż tal-imposta għal ikkopjar privat jibqa’ mhux riżolt. Fil-fatt, għalkemm tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali ta’ liċenzjar, madankollu l-imposta tidher li sa ċertu punt tixbah mhux biss liċenzja iżda wkoll taxxa.


19 – Is-SIAE nnotat fis-seduta li parti mhux negliġibbli ta’ tagħmir, apparati u mezzi akkwistati minn negozji u entitajiet pubbliċi tintuża għal għanijiet professjonali u privati (użu mħallat). Fil-fehma tagħha, dan kien jiġġustifika l-applikazzjoni tal-imposta anki b’rabta ma’ tagħmir akkwistat minn klijenti fin-negozju u minn entitajiet pubbliċi. Madankollu, għar-raġunijiet diġà spjegati, din is-sottomissjoni hija sempliċiment infondata.


20 – Sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 43.


21–      Sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Amazon.com International Sales et, C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 45.


22 – Ara, dwar dan, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punti 15, 17 u 56; tal-11 ta’ Lulju 2013, Amazon.com International Sales et, C‑521/11, EU:C:2013:515, punti 26 u 39; u tal-5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 50.


23 – Sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punti 42 u 46.


24 – Sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 55.


25 – Sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 45.


26 – Din il-preżunzjoni hija ddefinita b’mod ċar fis-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2013, Amazon.com International Sales et, C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 27; tal-10 ta’ April 2014, ACI Adam et, C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 52; u tal-5 ta’ Mejju 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 53.


27 – Skont dan l-istudju, dan kien hekk ħlief fl-Iskandinavja fejn, mid-dehra minħabba nuqqas ta’ kompetizzjoni suffiċjenti, konsumaturi kellhom iħallsu iktar. Ara Kretschmer, M., “Private Copying and Fair Compensation: An empirical study of copyright levies in Europe”, Intellectual Property Office, 2011/9, p. 57. Disponibbli fuq: http://ssrn.com/abstract=2063809


28 – Sentenzi tal-5 ta’ Mejju 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 48, u tal-11 ta’ Lulju 2013, Amazon.com International Sales et, C‑521/11, EU:C:2013:515, punti 31 u 34.


29–      Sentenzi tal-5 ta’ Mejju 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 52, u tal-11 ta’ Lulju 2013, Amazon.com International Sales et, C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 36.