Language of document : ECLI:EU:F:2016:73

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla)

11 ta’ April 2016

Kawża F‑94/15

Oren Wolff

vs

Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal tas-SEAE – Kumitat tal-Persunal – Elezzjoni tal-membri tal-Kumitat tal-Persunal – Validità – Il-ħames paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal – Regolament elettorali tas-SEAE – L-ewwel sensiela ta’ votazzjoni – Assenza ta’ quorum – Estensjoni tal-perijodu ta’ votazzjoni – Estenzjoni supplimentari tal-perijodu ta’ votazzjoni – Assenza ta’ organizzazzjoni tat-tieni sensiela ta’ votazzjoni – Illegalità”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106bis tiegħu, li permezz tiegħu Oren Wolff jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tat‑23 ta’ April 2015 li permezz tagħha s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ċaħad it-talba tiegħu intiża sabiex tiġi kkontestata l-validità tar-riżultati tal-elezzjonijiet tal-membri tal-Kumitat tal-Persunal.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tat‑23 ta’ April 2015 li permezz tagħha s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna ċaħad it-talba ta’ Oren Wolff sabiex jiġi invalidat ir-riżultat tal-elezzjonijiet tal-membri tal-Kumitat tal-Persunal hija annullata. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż esposti minn Oren Wolff.

Sommarju

Uffiċjali – Rappreżentanza – Kumitat tal-Persunal – Elezzjonijiet – Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) – Assenza ta’ quorum meħtieġ wara l-ewwel sensiela ta’ votazzjoni – Obbligu li tiġi organizzata tieni sensiela ta’ votazzjoni – Estensjoni supplimentari tal-ewwel perijodu ta’ votazzjoni, mingħajr ma tiġi organizzata tieni sensiela – Illegalità

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 9 u l-ħames paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness II)

La l-Artikolu 9 tar-Regolamenti tal-Persunal u lanqas l-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprevedu l-modalitajiet għall-elezzjoni tal-Kumitat tal-Perusnal. B’hekk, il-laqgħat ġenerali ta’ uffiċjali jgawdu minn marġni kbira ta’ awtonomija fir-rigward tal-iffissar tal-modalitajiet ta’ elezzjoni tal-kumitati tal-persunal, bil-kundizzjoni li l-modalità magħżula ma tkunx tali li tikser il-prinċipji ta’ demokrazija jew ta’ ekwità. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għandu għalhekk ir-regolamentazzjoni elettorali li ġiet adottata wara li ġie kkonsultat il-persunal u li tinkludi regoli preċiżi fir-rigward tal-iżvolġiment tal-votazzjonijiet u fir-rigward tal-perijodi ta’ votazzjoni.

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 17 tar-regolament elettorali jirriżulta li l-uffiċċju elettorali għandu l-obbligu li jorganizza tieni sensiela ta’ votazzjoni fil-każ fejn, wara l-ewwel sensiela ta’ votazzjoni, il-quorum meħtieġ taż-żewġ terzi tal-eletturi ma jkunx intlaħaq.

Mill-Artikoli 14 u 17 tar-regolament elettorali jirriżulta wkoll li, ladarba l-uffiċċju elettorali jistabbilixxi d-data ta’ bidu tal-perijodu ta’ votazzjoni tal-ewwel sensiela ta’ votazzjoni, dan ma jkollu ebda marġni ta’ manuvra sabiex jiddetermina t-tul ta’ dan il-perijodu jew l-estensjonijiet eventwali tiegħu. Fil-fatt, l-Artikolu 14 tar-regolament elettorali jipprevedi estensjoni waħda biss, li barra minn hekk hija awtomatika, tal-perijodu ta’ votazzjoni inizzjali ta’ għaxar ġranet matul l-ewwel sensiela ta’ votazzjoni. Fir-rigward tal-Artikolu 17 tar-regolament elettorali, dan jimponi b’mod ċar l-organizzazzjoni, mingħajr dewmien, ta’ sensiela oħra ta’ votazzjoni meta l-ewwel sensiela ta’ votazzjoni ma tkunx ippermettiet li jintlaħaq il-quorum taż-żewġ terzi tal-eletturi u ma tistax għaldaqstant, minħabba f’hekk, tiġi ddikjarata valida.

Għaldaqstant l-uffiċċju elettorali ma għandux jipprevedi, b’kuntrast mal-Artikolu 14 tar-regolament elettorali, estensjoni ulterjuri tal-perijodu ta’ bejgħ fil-kuntest tal-ewwel sensiela tal-votazzjoni, mingħajr ma jipprekludi kull ħsieb wara l-Artikolu 17 tar-regolament elettorali.

Estensjoni bħal din tal-ewwel sensiela ta’ votazzjoni lilhinn mill-perijodi previsti mir-regolament elettorali tikser ukoll il-ħames paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal li jipprevedi li, meta l-quorum taż-żewġ terzi tal-eletturi ma jintlaħaqx wara l-ewwel sensiela ta’ votazzjoni, għandha tiġi organizzata t-tieni sensiela ta’ votazzjoni, li għalih japplika quorum ridott, jiġifieri dak tal-maġġoranza sempliċi tal-eletturi.

Fir-rigward tal-fatt li l-ewwel estensjoni tal-perijodu ta’ votazzjoni jikkoinċidi ma’ perijodu ta’ vaganza, l-uffiċċju elettorali ma setax jinjora, meta stabbilixxa d-data tal-bidu tal-ewwel sensiela ta’ votazzjoni, li dan il-perijodu ta’ estensjoni awtomatika ta’ għaxar ġranet kalendarji jinkludi ġimgħa ta’ leave li tista’ taffettwa r-rata ta’ parteċipazzjoni tal-eletturi.

(ara l-punti 30 sa 34 u 36)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1998, Lebedef vs Il‑Kummissjoni, T‑192/96, EU:T:1998:162, punt 70, u tat‑22 ta’ April 2004, Schintgen vs Il‑Kummissjoni, T‑343/02, EU:T:2004:111, punt 39

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2013, Loukakis et vs Il‑Parlament, F‑82/11, EU:F:2013:139, punt 63