Language of document : ECLI:EU:C:2016:396

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

2 ta’ Ġunju 2016 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikoli 18, 20 u 21 TFUE – Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment u ta’ residenza – Diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità – Benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport mogħti lill-istudenti nazzjonali – Direttiva 2004/38/KE– Artikolu 24(2) – Deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Għajnuna għall-manteniment għall-istudji fil-forma ta’ boroż ta’ studju jew ta’ self – Portata – Rekwiżiti proċedurali tar-rikors promotur – Expożizzjoni koerenti tal-ilmenti”

Fil-Kawża C‑233/14,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit-12 ta’ Mejju 2014,

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Gheorghiu u M. van Beek, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. Bulterman u C. Schillemans, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, A. Arabadjiev, J.‑C. Bonichot, C. G. Fernlund u E. Regan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Novembru 2015,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Jannar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tikkonstata li, billi llimita l-benefiċċju tat-tariffi preferenzjali tat-trasport pubbliku previsti għall-istudenti li jsegwu l-istudji tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi għall-istudenti Olandiżi rreġistrati fi stabbiliment edukattiv pubbliku jew privat fil-Pajjiżi l-Baxxi u għall-istudenti li ġejjin minn Stati Membri oħra li jifformaw parti, fil-Pajjiżi l-Baxxi, mill-persuni ekonomikament attivi jew li kisbu dritt ta’ residenza permanenti, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 18 TFUE, flimkien mal-Artikoli 20 u 21 TFUE, u taħt l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), u

–        tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ispejjeż.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

2        Il-premessi 20 u 21 tad-Direttiva 2004/38 jiddikjaraw:

“(20) Skond il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni skond iċ-ċittadinanza, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jgħixu fi Stat Membru skond din id-Direttiva għandhom igawdu, f’dak l-Istat Membru, trattament ugwali bħaċ-ċittadini f’oqsma koperti mit-Trattat, bla ħsara għal dawk id-disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar mit-Trattat u mil-liġi sekondarja.

(21)      Madankollu, għandu jkun l-Istat Membru ospitanti li jiddeċiedi jekk jagħtix għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza, jew għal perjodu itwal f’każ ta’ dawk li qed ifittxu xogħol, liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għajr dawk li huma ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom jew li jżommu dan l-istatus jew lill-membri tal-familja tagħhom, jew manteniment għall-istudji, inkluż it-taħriġ professjonali, qabel l-akkwist tad-dritt ta’ residenza permanenti minn dawn l-istess persuni.”

3        L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li din tal-aħħar tapplika għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr dak li għandhom in-nazzjonalità tiegħu.

4        L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

[...]

(ċ)      –      miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

–        għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; [...]”

5        L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Trattament ugwali”, jaqra kif ġej:

“1.      Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu [jirrisjedu] skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ residenza jew għandhom residenza permanenti.

2.      B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru ospitanti m’għandux ikun obbligat li jattribwixxi d-dritt ta’ għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza jew, fejn xieraq, matul il-perjodu itwal previst fl-Artikolu 14(4)(b), lanqas mhu obbligat, qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, li jawtorizza għajnuna ta’ manteniment għall-istudji, inkluż taħriġ professjonali, li jikkonsisti f’konċessjonijiet ta’ l-istudenti [f’boroż ta’ studju] jew f’self għal studenti lill-persuni li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja tagħhom.”

 Id-dritt Olandiż

 Il-Wet studiefinanciering 2000

6        L-Artikolu 2.1 tal-Wet studiefinanciering 2000 (liġi tal-2000 dwar il-finanzjament għall-istudji, iktar ’il quddiem il-“WSF 2000”), li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-finanzjament għall-istudji, inklużi l-borża bażika u benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport (iktar ’il quddiem il-“benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport”), jaqra kif ġej:

“Din il-liġi tirregola l-finanzjament għall-istudji u hija applikabbli għall-istudenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet dwar:

a.      in-nazzjonalità, kif previsti fl-Artikolu 2.2,

b.      l-età, kif previsti fl-Artikolu 2.3 u

c.      il-kategorija ta’ edukazzjoni, kif previsti fil-paragrafi 2.2 sa 2.4.”

7        L-Artikolu 2.2 tal-WSF 2000 jipprovdi:

“1.      Finanzjament għall-istudji jista’ jingħata lil student li:

a)      għandu n-nazzjonalità Olandiża;

b)      ma għandux in-nazzjonalità Olandiża, iżda huwa assimilat ma’ ċittadin Olandiż fir-rigward tal-finanzjament għall-istudji skont trattat jew deċiżjoni ta’ organizzazzjoni internazzjonali, jew

c)      ma għandux in-nazzjonalità Olandiża, iżda jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi u jappartjeni għal grupp ta’ persuni assimilat fir-rigward tal-finanzjament maċ-ċittadini Olandiżi, li għandu jiġi ddeterminat permezz ta’ regolament.

2.      Bla ħsara għall-paragrafu 1(b), regolament jista’ jindika gruppi ta’ persuni li għalihom l-assimilazzjoni prevista fil-paragrafu 1(b) tirrigwarda biss it-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż ta’ aċċess għall-edukazzjoni. Ir-regolament jista jistabbilixxi regoli dwar l-ammont u l-forma ta’ dan it-teħid ta’ responsabbiltà.”

8        L-Artikolu 3.1 tal-WSF 2000 jipprovdi:

“1.      Il-finanzjament għall-istudji jikkonsisti f’borża bażika, f’self bażiku u f’borża addizzjonali jew f’self addizzjonali kif ukoll fi kreditu għall-miżati ta’ reġistrazzjoni tal-istudenti.

2.      Il-finanzjament għall-istudji jista’ jingħata kompletament jew parzjalment fil-forma ta’:

a.      għotja,

b.      borża, jew

c.      self.”

9        L-Artikolu 3.2(1) tal-WSF 2000 jipprovdi li l-borża tinkludi, kull xahar, ammont b’rata fissa li jkopri l-ispejjeż għall-manteniment, kontribuzzjoni għall-ispejjeż tat-tagħlim u l-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport.

10      L-Artikolu 3.29 tal-WSF 2000 jispeċifika l-kundizzjonijiet li taħthom jista’ jinkiseb kumpens meta l-benefiċjarju ma jkunx uża l-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport kollu kemm hu.

11      L-Artikolu 3.6(2) tal-WSF 2000 jipprovdi:

“Sakemm ma jiġix previst mod ieħor, il-borża bażika tinkludi benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport.”

12      L-Artikolu 3.7 tal-WSF 2000, li jipprevedi l-forma li fiha jingħata l-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport, jaqra kif ġej:

“1.      Għall-istudenti li jsegwu taħriġ fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport jikkonsisti f’biljett tat-trasport validu għal perijodu determinat tal-ġimgħa, biljett li l-kumpanniji tat-trasport għandhom jagħtu lill-istudent b’xejn jew b’tariffa mnaqqsa.

2.      Għall-istudenti li għandhom dritt għall-finanzjament għall-istudji bil-għan li jsegwu edukazzjoni barra mill-Pajjiżi l-Baxxi, il-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport jikkonsisti fl-ammont previst fl-Artikolu 4.8(2) u fl-Artikolu 5.3(2), rispettivament. B’deroga mill-ewwel sentenza, l-istudent li għalih tirreferi l-ewwel sentenza jista’ jikseb biljett tat-trasport, fuq talba tiegħu, bħala benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport.”

 Il-Besluit studiefinanciering 2000

13      Il-Besluit studiefinanciering 2000 (digriet tal-2000 dwar il-finanzjament għall-istudji) jipprovdi dan li ġej fl-Artikolu 3a(1) u (2):

“Għall-persuni li għandhom in-nazzjonalità ta’ Stat li huwa parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3)] jew in-nazzjonalità Svizzera, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom, minbarra

a.      il-ħaddiema impjegati,

b.      il-persuni li jaħdmu għal rashom, jew

c.      il-persuni li żammew l-istatus ta’ ħaddiem impjegat, u

d.      il-membri tal-familja tal-persuni previsti fil-punti a sa c,

li ma kisbux id-dritt ta’ residenza permanenti previst fl-Artikolu 16 tad-[Direttiva 2004/38], l-assimilazzjoni abbażi tal-Artikolu 2.2(2) tal-[WSF 2000] tirrigwarda t-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż ta’ aċċess għall-edukazzjoni.

2.      It-teħid ta’ responsabbiltà abbażi tal-paragrafu 1 jingħata fil-forma ta’ għotja u jikkonsisti fl-ammont tal-borża bażika prevista fl-Artikolu 3.6(1) tal-[WSF 2000], għal parteċipant li jgħix id-dar. Il-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport u l-ammont addizzjonali previst fl-Artikolu 3.6(2) u (3) tal-[WSF 2000] ma jifformawx parti minnu.”

 Il-Wet op het hoger onderwijs en wetenschappelijk onderzoek

14      L-Artikolu 7.37 tal-Wet op het hoger onderwijs en wetenschappelijk onderzoek (liġi dwar l-edukazzjoni ogħla u r-riċerka xjentifika) jimplementa l-Artikolu 2.1(c) tal-WSF 2000, li jipprovdi li l-istudent għandu jiġi rreġistrat f’istituzzjoni edukattiva akkreditata. Skont l-Artikolu 7.37(2) tal-liġi dwar l-edukazzjoni ogħla u r-riċerka xjentifika:

“Ir-reġistrazzjoni għandha ssir biss meta tinġieb il-prova tal-ħlas tal-ispejjez ta’ reġistrazzjoni u tal-ispejjeż ta’ eżami jew, fil-każ ta’ reġistrazzjoni fl-università ta’ filgħaxija, tal-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni f’din l-università.”

 Il-proċedura prekontenzjuża

15      Fix-xahar ta’ Novembru 2008, tressaq ilment quddiem il-Kummissjoni li s-suġġett tiegħu kien l-inugwaljanza fit-trattament bejn l-istudenti Olandiżi u l-istudenti ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea f’dak li jirrigwarda l-aċċess għat-trasport pubbliku ssussidjat fil-Pajjiżi l-Baxxi. Skont dan l-ilment, l-istudenti Olandiżi huma intitolati għall-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport, li jippermettilhom jużaw it-trasport pubbliku b’xejn jew b’tariffa mnaqqsa, filwaqt li l-istudenti li jsegwu studji fil-kuntest tal-programm Erasmus għandhom iħallsu t-tariffa sħiħa, ħaġa li tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 21 KE.

16      Peress li l-Kummissjoni qablet ma’ din l-opinjoni, fit-23 ta’ Marzu 2009, hija bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u stednitu jagħtiha l-osservazzjonijiet tiegħu f’terminu ta’ xahrejn. F’din l-ittra, il-Kummissjoni sostniet li l-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport għandu jiġi kklassifikat mhux bħala borża ta’ studju jew bħala self, iżda bħala għajnuna għall-manteniment, b’mod li dan il-benefiċċju ma jaqax taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma llimitatx ruħha li tallega li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jwettaq inugwaljanza fit-trattament fil-konfront tal-istudenti li jsegwu studji fil-kuntest tal-programm Erasmus, iżda kopriet l-istudenti kollha ta’ Stati Membri oħra li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 u li jwettqu l-istudji tagħhom kollha jew parti minnhom fil-Pajjiżi l-Baxxi.

17      F’ittra tal-15 ta’ Mejju 2009, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi rrisponda għal dawn l-ilmenti fis-sens li ma jistax ikun hemm kwistjoni ta’ diskriminazzjoni, peress li l-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport jingħata fil-forma ta’ self ikkundizzjonat u, għaldaqstant, jaqa’ taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38.

18      Fid-29 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li dan l-Istat Membru rrisponda għaliha fit-28 ta’ Mejju ta’ wara billi żviluppa l-argumenti invokati fir-risposta tiegħu għall-ittra ta’ intimazzjoni.

19      Fis-27 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata addizzjonali lir-Rejnu tal-Pajjiżi l-Baxxi. Fis-27 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni rċeviet ir-risposta ta’ dan l-Istat Membru, li permezz tagħha huwa żamm il-pożizzjoni tiegħu fis-sens li l-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport ma joħloqx diskriminazzjoni.

20      Peress li ma kinitx sodisfatta bir-risposta mogħtija minn dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors fit-12 ta’ Mejju 2014.

 Fuq ir-rikors

 Fuq il-portata tar-rikors

21      Preliminarjament, għandha tiġi speċifikata l-portata ta’ dan ir-rikors.

22      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li rikors skont l-Artikolu 258 TFUE għandu jiġi eżaminat biss fir-rigward tat-talbiet li jinsabu fir-rikors promotur (sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑252/13, EU:C:2014:2312, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      F’dan il-każ, għandha tittieħed nota tar-rinunzja parzjali għal dan ir-rikors min-naħa tal-Kummissjoni. Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat li kienet qiegħda tirrinunzja għall-kunsiderazzjoni li l-istudenti Olandiżi li jirrisjedu barra mill-pajjiż u li jirreġistraw ruħhom għal ċiklu ta’ studji full-time ma’ stabbiliment edukattiv akkreditat fil-Pajjiżi l-Baxxi huma s-suġġett ta’ diskriminazzjoni. Matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula minn din tal-aħħar, il-Kummissjoni speċifikat li hija kellha l-intenzjoni tirrinunzja għar-rikors tagħha wkoll sa fejn ikopri l-istudenti Olandiżi li jgħixu barra mill-pajjiż u li jsegwu studji fil-Pajjiżi l-Baxxi fil-kuntest tal-programm Erasmus.

24      Għaldaqstant, dan ir-rikors għandu jitqies li għandu bħala suġġett allegata diskriminazzjoni mwettqa mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kontra studenti mhux Olandiżi li jsegwu studji fil-Pajjiżi l-Baxxi, inklużi studenti li jipparteċipaw fil-programm Erasmus u dawk li jsegwu studji barra minn dan il-programm.

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

25      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-ilment imressaq mill-Kummissjoni dwar diskriminazzjoni indiretta ma jissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha, minn naħa, il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-ilmenti fil-fażi prekontenzjuża kif ukoll fir-rikors b’mod koerenti u preċiż u, min-naħa l-oħra, l-ilmenti esposti fir-rikors ma jistgħux ikunu differenti minn dawk imqajma fil-kuntest tal-fażi prekontenzjuża.

26      B’mod partikolari, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi josserva li, fil-punt 44 tar-rikors, il-Kummissjoni ssostni li teżisti diskriminazzjoni indiretta kontra l-istudenti ta’ oriġini Olandiża li rreġistraw ruħhom għal ċiklu ta’ studji sħiħ barra mill-pajjiż u li jagħżlu li jsegwu studji fil-kuntest tal-programm Erasmus fi ħdan stabbiliment edukattiv akkreditat fil-Pajjiżi l-Baxxi. Madankollu, fil-punti 75, 81 u 82 tar-rikors, il-Kummissjoni ssemmi diskriminazzjoni indiretta kontra l-istudenti mhux Olandiżi li jipparteċipaw f’dan il-programm.

27      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jispjega li ma jifhimx kontra liema grupp ta’ studenti qiegħda ssir diskriminazzjoni indiretta, fil-konfront ta’ min, u fiex tikkonsisti din id-diskriminazzjoni indiretta.

28      Lanqas id-dokumenti skambjati fil-kuntest tal-fażi prekontenzjuża ma jipprovdu indikazzjonijiet f’dan ir-rigward.

29      B’mod partikolari, fil-punti 31 u 32 tal-opinjoni motivata tat-28 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni, mingħajr ma tittratta l-applikabbiltà tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, tallega li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jeżiġi li l-istudenti li ġejjin minn Stati Membri oħra jifformaw parti mill-persuni ekonomikament attivi jew ikunu detenturi, fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ permess ta’ residenza permanenti u, b’dan il-mod, tidher li qiegħda tifformula lment ibbażat fuq diskriminazzjoni indiretta.

30      Barra minn hekk, ir-rabta bejn, minn naħa, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni esposta fil-punti 31 u 32 tal-opinjoni motivata u, min-naħa l-oħra, il-pożizzjoni tagħha kif deskritta fil-punti 44 u 75 sa 83 tar-rikors promotur tagħha ma hijiex ċara. Il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu f’dan ir-rikors jikkonċernaw, b’mod partikolari, l-istudenti li jsegwu studji fil-kuntest tal-programm Erasmus, filwaqt li l-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni matul il-fażi prekontenzjuża dwar l-allegata diskriminazzjoni indiretta tidher li hija iktar ġenerali.

31      Il-Kummissjoni ssostni li l-ilment dwar diskriminazzjoni indiretta huwa ammissibbli. Mill-punti 32 u 33 tal-opinjoni motivata kif ukoll mill-punti 52, 54 u 56 tal-opinjoni motivata addizzjonali jirriżulta, mingħajr ambigwità, li din l-istituzzjoni ma kinitx qiegħda teskludi li l-leġiżlazzjoni Olandiża twassal mhux biss għal diskriminazzjoni diretta, iżda eventwalment ukoll għal diskriminazzjoni indiretta. Għalhekk, l-elementi esposti fir-rikors fir-rigward ta’ diskriminazzjoni indiretta huma biss preċiżazzjoni tal-elementi li l-Kummissjoni kienet diġà esponiet matul il-fażi prekontenzjuża.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq diskriminazzjoni indiretta

32      Mill-Artikolu 120(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-ġurisprudenza dwar din id-dispożizzjoni jirriżulta li kull rikors promotur fir-rigward ta’ rikorsi diretti għandu jindika s-suġġett tal-kawża u għandu jinkudi espożizzjoni fil-qosor tal-motivi invokati insostenn tar-rikors, u din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat tali rikors għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑252/13, EU:C:2014:2312, punt 33 u l-ġuriprudenza ċċitata).

33      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE, dan għandu jippreżenta l-ilmenti b’mod koerenti u preċiż, sabiex l-Istat Membru u l-Qorti tal-Ġustizzja jkunu jistgħu jifhmu eżattament il-portata tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni allegat, u din hija kundizzjoni neċessarja sabiex l-imsemmi Stat ikun jista’ jsostni b’mod effettiv l-eċċezzjonijiet tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat (sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑252/13, EU:C:2014:2312, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Dawn l-ilmenti għandhom ikunu fformulati b’mod inekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew li tonqos li tiddeċiedi fuq xi wieħed minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑132/09, EU:C:2010:562, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      B’mod partikolari, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jkun fih espożizzjoni koerenti u ddettaljata tar-raġunijiet li wassluha għall-konvinzjoni li l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu taħt it-Trattati (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑150/11, EU:C:2012:539, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, kontradizzjoni fl-espożizzjoni tal-motiv imqajjem mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tiegħu għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Frar 2007, Il‑Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑199/04, EU:C:2007:72, punt 25, u tat-28 ta’ Ġunju 2007, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑235/04, EU:C:2007:386, punt 47).

36      F’dan il-każ, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li r-rikors ma jissodisfax dawn il-kundizzjonijiet sa fejn fih il-Kummissjoni tagħmel riferiment b’mod konfuż għall-eżistenza ta’ eventwali diskriminazzjoni indiretta.

37      Għandu jiġi kkonstatat li l-preżentazzjoni tal-ilment dwar diskriminazzjoni indiretta ma jissodisfax manifestament ir-rekwiżiti tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 32 sa 35 ta’ din is-sentenza.

38      B’mod partikolari, ma jirriżultax b’mod ċar mir-rikors liema kategorija ta’ studenti hija żvantaġġata u fil-konfront ta’ liema kategorija oħra. Fil-fatt, f’parti mir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tirriżulta diskriminazzjoni indiretta biss kontra l-istudenti ta’ nazzjonalità Olandiża li jsegwu studji fil-kuntest tal-programm Erasmus fil-Pajjiżi l-Baxxi. Madankollu, f’parti oħra mir-rikors, jidher li l-Kummissjoni tqis, fi tmiem formulazzjoni daqsxejn ambigwa, li l-istudenti ta’ Stati Membri oħra li jipparteċipaw f’dan il-programm fil-Pajjiżi l-Baxxi huma s-suġġett ta’ diskriminazzjoni indiretta, peress li huma żvantaġġati meta mqabbla mal-istudenti ta’ nazzjonalità Olandiża li jsegwu studji fi Stat Membru ieħor u jipparteċipaw fl-imsemmi programm fil-Pajjiżi l-Baxxi.

39      Barra minn hekk, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma identifikat il-kriterju, minbarra dak tan-nazzjonalità, li jwassal għad-diskriminazzjoni indiretta allegata. Huwa minnu li din l-istituzzjoni tagħmel riferiment għall-kundizzjoni li skontha, sabiex student ikollu dritt għall-finanzjament Olandiż għall-istudji, inkluż il-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport, huwa għandu jkun irreġistrat fi stabbiliment edukattiv akkreditat u jkun ħallas l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni. Madankollu, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-imsemmija kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni sabiex turi, minn naħa, li l-istudenti li ġejjin minn Stati Membri oħra u li jipparteċipaw fil-programm Erasmus fil-Pajjiżi l-Baxxi huma f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli ma’ dik tal-istudenti Olandiżi li jsegwu studji f’dan l-Istat Membru u, min-naħa l-oħra, li d-diskriminazzjoni allegata ma taqax taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38. Min-naħa l-oħra, din l-istituzzjoni bl-ebda mod ma ssemmi l-imsemmija kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni fl-ewwel parti tar-rikors tagħha, li tfittex li tistabbilixxi differenza fit-trattament li tikkostitwixxi diskriminazzjoni taħt l-Artikolu 18 TFUE, moqri flimkien mal-Artikoli 20 u 21 TFUE.

40      Fl-aħħar nett, kif isostni ġustament ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, għandu jiġi osservat li l-bażi nfisha tal-ilment imqajjem mill-Kummissjoni li huwa bbażat fuq diskriminazzjoni indiretta hija difettuża mill-bidu nett. Fil-fatt, din l-istituzzjoni tibbaża r-rikors tagħha fuq ksur tal-Artikoli 18, 20 u 21 TFUE minħabba diskriminazzjoni diretta “peress li ċ-ċittadini [tal-Unjoni] li ma għandhomx in-nazzjonalità Olandiża huma ttrattati b’mod inqas favorevoli miċ-ċittadini Olandiżi”. Issa huwa biss fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kwistjoni jekk il-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport jaqax taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 li l-Kummissjoni tiżviluppa argument dwar eventwali diskriminazzjoni indiretta, u b’hekk tikkonfondi l-eżistenza ta’ eventwali ġustifikazzjoni mal-iżvilupp ta’ lment kompletament distint.

41      Għandu jiżdied li, fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tillimita ruħha li tikkonstata li, matul il-fażi prekontenzjuża, hija ma kinitx qiegħda teskludi li l-leġiżlazzjoni Olandiża twassal għal diskriminazzjoni indiretta, mingħajr, madankollu, ma tispeċifika fiex tikkonsisti din id-diskriminazzjoni.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment dwar diskriminazzjoni indiretta għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq diskriminazzjoni diretta

43      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma qajjimx eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra dan l-ilment, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina ex officio jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 258 TFUE għall-preżentata ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu humiex issodisfatti fil-konfront tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑68/11, EU:C:2012:815, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      F’dan il-każ, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-seduta, il-Kummissjoni indikat li, permezz tar-rikors tagħha, hija kellha l-intenzjoni tkopri mhux biss l-istudenti li jsegwu taħriġ professjonali, iżda wkoll dawk li hija ssejjaħ studenti li jsegwu edukazzjoni ogħla u edukazzjoni xjentifika. Madankollu, din l-istituzzjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tidentifika dispożizzjoni speċifika tad-dritt nazzjonali li minnha tirriżulta d-diskriminazzjoni allegata kontra l-istudenti li ma humiex dawk li dan id-dritt iqis li jaqgħu taħt l-edukazzjoni professjonali.

45      Barra minn hekk, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tagħha, għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni f’din il-kawża ma tillimitax ruħha li tirreferi għaċ-ċittadini tal-Unjoni, iżda tkopri wkoll il-persuni li jew għandhom in-nazzjonalità ta’ Stat li huwa parti fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jew għandhom in-nazzjonalità Svizzera, mir-rikors promotur ma jirriżultax b’mod ċar li, permezz tal-ilment tagħha bbażat fuq diskriminazzjoni diretta, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tkopri dawn il-persuni kollha. Barra minn hekk, minn ċerti punti speċifiċi ta’ dan ir-rikors jirriżulta li l-Kummissjoni tillimita ruħha li tallega li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jwettaq diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità biss kontra l-istudenti li huma ċittadini tal-Unjoni.

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li dan ir-rikors huwa ammissibbli biss sa fejn ifittex li jipprova li l-leġiżlazzjoni Olandiża inkwistjoni f’din il-kawża tistabbilixxi diskriminazzjoni diretta kontra ċ-ċittadini tal-Unjoni, minbarra dawk li għandhom in-nazzjonalità Olandiża, li jsegwu studji fil-kuntest tal-edukazzjoni professjonali mogħtija f’dan l-Istat Membru, peress li din il-leġiżlazzjoni tittratta lill-imsemmija ċittadini b’mod inqas favorevoli minn ċittadini Olandiżi li jsegwu tali studji.

 Fuq il-mertu

 L-argumenti tal-partijiet

47      Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni Olandiża tinkludi diskriminazzjoni diretta minħabba n-nazzjonalità.

48      L-ewwel nett, il-Kummissjoni tirrileva li teżisti diskriminazzjoni diretta skont l-Artikolu 18 TFUE, moqri flimkien mal-Artikoli 20 u 21 TFUE, peress li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jeskludu l-istudenti mhux Olandiżi, abbażi tal-uniku kriterju tan-nazzjonalità tagħhom, mill-benefiċċju tal-ispejjeż tat-trasport, u b’hekk jittrattaw b’mod inqas favorevoli liċ-ċittadini tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità Olandiża. Din il-konklużjoni bl-ebda mod ma titqiegħed fid-dubju min-neċessità li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet oġġettivi oħra, jiġifieri, fl-ewwel lok, ir-rekwiżit li wieħed ikollu inqas minn 30 sena u, fit-tieni lok, ir-rekwiżit li wieħed ikun irreġistrat full-time għal taħriġ approvat.

49      It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li d-diskriminazzjoni diretta allegata ma taqax taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38. F’dan ir-rigward, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑75/11, EU:C:2012:604) u, b’mod partikolari, il-punti 43, 49 sa 56, 59 sa 62 u 64 u 65 tagħha, japplikaw mutatis mutandis għal din il-kawża.

50      Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, il-fatt li, skont il-leġiżlazzjoni Olandiża, l-istudenti li jipparteċipaw fil-programm Erasmus ma jitqisux li huma rreġistrati uffiċjalment fl-istabbiliment edukattiv Olandiż ospitanti huwa irrilevanti. Fil-kuntest ta’ dan il-programm, kull student għandu d-dritt jistenna mill-università ospitanti li hija tittrattah bl-istess mod bħall-istudenti tagħha stess u, barra minn hekk, dan huwa dak li jiġri fil-prattika. Għalhekk, tali student huwa rreġistrat de facto fl-istabbiliment ospitanti fil-Pajjiżi l-Baxxi u, b’dan il-mod, jissodisfa t-tielet kundizzjoni li għaliha l-leġiżlazzjoni Olandiża tissuġġetta l-għoti tal-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport.

51      Huwa probabbli ferm li ċittadin Olandiż, li jistudja barra mill-Pajjiżi l-Baxxi u li jixtieq jipparteċipa fil-programm Erasmus, ser jagħżel Stat Membru differenti mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sabiex iwettaq studji fil-kuntest ta’ dan il-programm. Fil-każijiet rari fejn tali student jagħżel li jwettaq studji fil-kuntest tal-imsemmi programm fil-Pajjiżi l-Baxxi, ikun normali li dan l-Istat Membru ma jagħtihx il-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport, peress li huwa diġà jibbenefika minn kumpens finanzjarju korrispondenti.

52      Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ lment intitolat “Studenti li ma humiex studenti Erasmus barranin – studenti barranin regolari, inklużi studenti Olandiżi li jgħixu barra mill-pajjiż”, il-Kummissjoni ssostni li l-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport huwa għajnuna għall-manteniment, fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, f’forma differenti minn dik ta’ borża ta’ studju jew self.

53      Il-fatt li, kuntrarjament għas-sitwazzjoni li wasslet għas-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑75/11, EU:C:2012:605), l-istudent huwa obbligat jirrimborsa l-vantaġġ ekonomiku li jirriżulta mill-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport jekk ma jiksibx il-lawrja tiegħu fi żmien għaxar snin ma jfissirx li dan il-vantaġġ jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “konċessjonijiet ta’ l-istudenti [boroż ta’ studju] jew [...]self”, previst fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38. Peress li huwa marbut mal-kundizzjoni li l-lawrja tinkiseb fi żmien għaxar snin, dan il-benefiċċju jikkostitwixxi għotja kkundizzjonata, iktar milli self.

54      Fir-risposta tiegħu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkontesta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat.

55      F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-leġiżlazzjoni Olandiża dwar il-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jenfasizza l-fatt li dan il-benefiċċju jifforma parti mill-finanzjament Olandiż għall-istudji, kif jirriżulta mill-WSF 2000 u mill-oriġini ta’ dan il-benefiċċju.

56      B’mod partikolari, l-Artikolu 3.6(2) tal-WSF 2000 jipprovdi li l-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport jifforma parti mill-borża bażika, li hija komponent tal-finanzjament għall-istudji abbażi tal-Artikolu 3.1(1) ta’ din il-liġi. Preċedentement, il-borża bażika kienet tikkonsisti kompletament f’somma ta’ flus intiża li tkopri l-ispiża għall-għajxien. Parti mill-ammont tal-imsemmija borża ġiet ikkonvertita f’benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport mill-1 ta’ Jannar 1991. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jixtri l-biljetti tat-trasport li huma s-suġġett ta’ dan il-benefiċċju mingħand l-impriżi tat-trasport, abbażi ta’ kuntratt, arranġament li jippermetti li dawn jinxtraw bi prezzijiet baxxi u li l-istudenti kollha li għandhom dritt għall-finanzjament għall-istudji jingħataw aċċess għal trasport bi prezzijiet li wieħed jiflaħ iħallas.

57      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jirrileva li l-borża bażika u l-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport jingħataw fil-forma ta’ self ikkundizzjonat. Meta l-istudent itemm l-istudji tiegħu b’suċċess fi żmien għaxar snin, is-self isir għotja. Jekk l-istudent ma jtemmx l-istudji tiegħu b’suċċess f’dan it-terminu, is-self ikollu jiġi rrimborsat flimkien ma’ interessi.

58      Peress li l-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport jikkostitwixxi komponent tal-borża bażika u, b’hekk, tal-finanzjament għall-istudji, il-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ dan il-benefiċċju huma l-istess bħal dawk li japplikaw għall-għoti tal-finanzjament għall-istudji. B’mod partikolari, sabiex wieħed ikollu dritt għall-finanzjament Olandiż għall-istudji, skont l-Artikolu 2.1 tal-WSF 2000, għandhom jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ nazzjonalità, ta’ età u ta’ kategorija ta’ edukazzjoni.

59      It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu l-intenzjoni li jibbaża ruħu fuq id-deroga prevista f’din id-dispożizzjoni fir-rigward tal-istudenti mhux Olandiżi kollha li għandhom in-nazzjonalità ta’ Stat Membru tal-Unjoni, taż-ŻEE jew Svizzera. Madankollu, fir-rigward tal-istudenti mhux Olandiżi li jsegwu studji fil-kuntest tal-programm Erasmus, dan huwa motiv ta’ difiża ppreżentat sussidjarjament. Prinċipalment, dan l-Istat Membru jsostni li dawn l-istudenti tal-aħħar ma humiex f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli ma’ dik tal-istudenti Olandiżi.

60      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi josserva li d-deroga prevista fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 tissodisfa l-interess leġittimu tal-Istat Membru kkonċernat li jillimita l-vantaġġi soċjali mħallsa permezz tal-finanzi pubbliċi għal dawk li jistgħu juru rabta minima ma’ dan l-Istat. Id-differenza fit-trattament stabbilita mil-leġiżlazzjoni Olandiż, sa fejn teżiġi mill-istudenti tal-Unjoni, taż-ŻEE jew tal-Isvizzera, qabel ma jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-finanzjament għall-istudji, inkluż il-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport, li jkollhom dritt ta’ residenza fit-tul jew li jkunu ekonomikament attivi, hija kompletament konformi ma’ din id-deroga.

61      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jqis li ma huwiex rilevanti li jsir magħruf jekk il-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport għandux jiġi kklassifikat bħala għotja kkundizzjonata iktar milli bħala self ikkundizzjonat, peress li dan il-benefiċċju huwa, fi kwalunkwe mument, jew self jew borża, u, bħala tali, jaqa’ taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38.

62      Min-natura tagħha stess, is-sistema Olandiża hija differenti mis-sitwazzjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑75/11, EU:C:2012:605). B’mod partikolari, fl-imsemmija kawża, it-tnaqqis mit-tariffi tat-trasport kien jingħata lill-istudenti li l-ġenituri tagħhom kienu jirċievu allowances tal-familja mill-Istat Awstrijak. Peress li ma kienx marbut mal-finanzjament għall-istudji, dan it-tnaqqis ma setax jiġi kklassifikat bħala borża ta’ studju jew self għall-istudji.

63      Skont ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, sabiex ikun jista’ jaqa’ taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, benefiċċju ma għandux neċessarjament jikkonsisti f’somma ta’ flus li tista’ tintefaq liberament.

64      Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-istudenti li jipparteċipaw fil-programm Erasmus, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jfakkar, billi jibbaza ruħu fuq il-punti 41 u 42 tas-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C 542/09, EU:C:2012:346), li n-natura paragunabbli tas-sitwazzjonijiet għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi u identifikabbli faċilment. Id-differenza oġġettiva bejn l-istudenti mhux Olandiżi li jipparteċipaw fil-programm Erasmus u l-istudenti Olandiżi li jsegwu studji barra minn dan il-programm li jibbenefikaw mill-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport tikkonsisti fil-fatt li dawk tal-ewwel ma jibbenefikawx minn finanzjament għall-istudji tagħhom mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bis-saħħa tal-ftehimiet previsti mill-imsemmi programm.

65      Skont ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-opinjoni tal-Kummissjoni, li skontha l-istudenti li jsegwu studji fil-kuntest tal-programm Erasmus huma rreġistrati de facto fil-Pajjiżi l-Baxxi u, għaldaqstant, għandhom jitqiesu li jissodisfaw it-tielet kundizzjoni li għaliha l-leġiżlazzjoni Olandiża tissuġġetta l-għoti tal-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport, hija irrilevanti.

66      Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni sssostni li mill-istruttura tal-Artikolu 3.2(1) tal-WSF 2000 jirriżulta li l-ispejjeż għall-manteniment u l-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport jikkostitwixxu komponenti separati u distinti tal-borża. Il-proprjetajiet intrinsiċi ta’ dawn iż-żewġ komponenti huma wkoll differenti, peress li wieħed huwa ammont li l-istudent jista’ juża kif jidhirlu xieraq u l-ieħor huwa karta li tagħti d-dritt għal tnaqqis mit-tariffi tat-trasport pubbliku.

67      Il-Kummissjoni tenfasizza li l-kunċett ta’ “konċessjonijiet ta’ l-istudenti [boroż ta’ studju] jew [...]self”, previst fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, ma jistax jingħata interpretazzjoni li tvarja skont id-drittijiet nazzjonali, iżda għandu jkollu portata awtonoma, speċifika għad-dritt tal-Unjoni.

68      Mill-punti 61 sa 64 tas-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑75/11, EU:C:2012:605) jirriżulta li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma għandux raġun jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 sabiex jiġġustifika l-fatt li huwa jeżiġi mill-istudenti li huma ċittadini tal-Unjoni, taż-ŻEE u Svizzeri li jkollhom dritt ta’ residenza permanenti jew li jkunu ekonomikament attivi. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżistenza ta’ rabta reali bejn l-istudent l-Istat Membru ospitanti tista’ tiġi vverifikata, f’dak li jirrigwarda d-dritt ta’ dan l-istudent li jkun jista’ jitlob benefiċċju li jikkonsisti fi tnaqqis fit-tariffi tat-trasport, meta jiġi stabbilit li l-imsemmi student huwa rreġistrat fi stabbiliment privat jew pubbliku, akkreditat jew iffinanzjat mill-Istat Membru ospitanti abbażi tal-leġiżlazzjoni tiegħu jew tal-prassi amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jsegwi studji f’dan l-istabbiliment, inkluż taħriġ professjonali.

69      Il-Kummissjoni ssostni li mill-punt 61 tas-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑75/11, EU:C:2012:605) jirriżulta li jeżistu ċirkustanzi li fihom l-istudenti li jipparteċipaw fil-programm Erasmus jistgħu jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli ma’ dik tal-istudenti Olandiżi li jirċievu l-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport, jiġifieri meta tkun teżisti rabta reali bejn l-istudent li jipparteċipa f’dan il-programm u l-Istat Membru ospitanti. Tali rabta teżisti f’dan il-każ fir-rigward ta’ dan il-benefiċċju, peress li l-istudenti mhux Olandiżi li jipparteċipaw fl-imsemmi programm għandhom jitqiesu li huma rreġistrati de facto fil-Pajjiżi l-Baxxi għall-għoti ta’ dan il-benefiċċju.

70      Fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-Kummissjoni tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni u t-tifsira tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38. L-eżistenza ta’ rabta reali bejn il-persuna kkonċernata u l-Istat Membru ospitanti, ikkonkretizzata permezz tar-reġistrazzjoni ta’ din il-persuna fi stabbiliment edukattiv, ma tikkostitwixxix rekwiżit addizzjonali jew alternattiv f’dan il-kuntest. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 ma kienx applikabbli fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑75/11, EU:C:2012:605), il-punti 61 sa 64 tal-imsemmija sentenza ma jindikaw xejn fir-rigward tal-portata ta’ din id-dispożizzjoni.

71      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li, minħabba r-reġistrazzjoni de facto tagħhom fl-università ospitanti, l-istudenti li jsegwu studji fil-kuntest tal-programm Erasmus jifformaw, minkejja dan, kategorija oġġettivament paragunabbli ma’ dik tal-istudenti Olandiżi li jirċievu l-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport, hija bbażata fuq premessa żbaljata. Dak li huwa importanti huwa li jsir magħruf jekk dawn il-kategoriji jinsabux f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

72      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jenfasizza li l-punti 61, 62 u 64 tas-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑75/11, EU:C:2012:605), jirrigwardaw il-ġustifikazzjoni tad-diskriminazzjoni indiretta kkonstatata f’dik is-sentenza, filwaqt li l-kwistjoni jekk l-istudenti li jsegwu studji fil-kuntest tal-programm Erasmus jinstabux f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli ma’ dik tal-istudenti Olandiżi li jirċievu l-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport tirrigwarda l-eżistenza nfisha ta’ diskriminazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda toħroġ ir-rekwiżit ta’ rabta reali ’l barra mill-kuntest tiegħu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

73      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat l-ewwel nett, li l-Artikolu 20(1) TFUE jagħti lil kull persuna li għandha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

74      L-istudenti li ġejjin minn Stati Membri għajr ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u li jsegwu l-istudji tagħhom f’dan tal-aħħar jibbenefikaw minn dan l-istatus, jekk huma jkollhom in-nazzjonalità ta’ Stat Membru.

75      Kif iddeċidiet diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri li jippermetti lil dawk fost dawn tal-aħħar li jinsabu fl-istess sitwazzjoni li jiksbu, fil-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-Trattat FUE, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward, l-istess trattament ġuridiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk, C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 31, u tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑75/11, EU:C:2012:605, punt 38).

76      Il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità li tinsab fl-Artikolu 18 TFUE tapplika fis-sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni, liema sitwazzjonijiet jinkludu l-eżerċizzju tal-libertà fundamentali ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri mogħtija mill-Artikolu 21 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑75/11, EU:C:2012:605, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li din il-projbizzjoni tkopri wkoll is-sitwazzjonijiet li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għat-taħriġ professjonali, fid-dawl tal-fatt li kemm l-edukazzjoni ogħla kif ukoll l-edukazzjoni universitarja jikkostitwixxu taħriġ professjonali (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑75/11, EU:C:2012:605, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      Ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni li jsegwi l-istudji tiegħu fi Stat Membru ieħor għandu, skont l-Artikoli 18 TFUE u 21 TFUE, id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti mingħajr ma jbati minn diskriminazzjonijiet diretti jew indiretti minħabba n-nazzjonalità tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑75/11, EU:C:2012:605, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà speċifikat li skema li tipprevedi tnaqqis mit-tariffi tat-trasport mogħti lill-istudenti, inkwantu tippermettilhom, direttament jew indirettament, li jkopru l-ispejjeż ta’ manteniment tagħhom, tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat FUE (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑75/11, EU:C:2012:605, punt 43).

80      Barra minn hekk, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, stabbilit b’mod ġenerali fl-Artikolu 18 TFUE u speċifikat fir-rigward ta’ ċittadini tal-Unjoni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 fl-Artikolu 24 tagħha, jipprojbixxi, b’mod partikolari, id-diskriminazzjonijiet diretti, ibbażati fuq in-nazzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑75/11, EU:C:2012:605, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Fir-rigward tad-Direttiva 2004/38, għalkemm huwa minnu li l-għan ta’ din tal-aħħar huwa li jiġi ffaċilitat u jissaħħaħ l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri mogħti direttament lil kull ċittadin tal-Unjoni, jibqa’ l-fatt li s-suġġett tagħha jikkonċerna, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(a) tagħha, il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt (sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy, C‑434/09, EU:C:2011:277, punt 33).

82      B’mod partikolari, għandu jitfakkar li, f’dak li jirrigwarda l-aċċess għal benefiċċji, bħall-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport, ċittadin tal-Unjoni jista’ biss jinvoka ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 jekk ir-residenza tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat tosserva l-kundizzjonijiet ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alimanovic, C‑67/14, EU:C:2015:597, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkonfermat, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-seduta, li r-rikors tagħha kien ikopri diskriminazzjoni kontra l-istudenti li jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2004/38. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi wkoll sostna li l-istudenti mhux Olandiżi li għalihom jirreferi dan ir-rikors jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi skont din id-dispożizzjoni.

84      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 24(1) tad-Direttiva 2004/38 japplika, bħala prinċipju, għall-istudenti mhux Olandiżi li għalihom tirreferi l‑Kummissjoni fir-rikors tagħha.

85      Issa qabel ma jiġi ddeterminat jekk teżistix diskriminazzjoni diretta, fis-sens tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38, għandu, f’dan il-każ, jiġi eżaminat, qabel xejn, l-argument tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li l-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament prevista fl-Artikolu 24(2) ta’ din id-direttiva.

86      Bħala deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst fl-Artikolu 18 TFUE li l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 jikkostitwixxi biss espressjoni speċifika tiegħu, il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 24 għandu jiġi interpretat b’mod strett (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑75/11, EU:C:2012:605, punt 54).

87      Għalkemm, kif jirriżulta mill-punt 79 ta’ din is-sentenza, il-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport jikkostitwixxi għajnuna għall-manteniment għall-istudenti kkonċernati, hija madankollu biss l-għajnuna għall-manteniment għall-istudji “li jikkonsisti [tikkonsisti] f’konċessjonijiet ta’ l-istudenti [f’boroż ta’ studju] jew f’self” li taqa’ taħt id-deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament prevista fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑75/11, EU:C:2012:605, punt 55).

88      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, b’differenza mill-kawża li wasslet għas-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑75/11, EU:C:2012:605), li fiha l-Istat Membru kkonċernat kien jirriżerva, bħala prinċipju, il-benefiċċju tat-tariffi tat-trasport imnaqqsa biss għall-istudenti li l-ġenituri tagħhom jirċievu allowances tal-familja minn dan l-Istat, f’din il-kawża, kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-għoti tal-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport lill-istudenti Olandiżi li l-Kummissjoni tqis li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tiffavorihom, jiddependi preċiżament mill-fatt li dawn l-istudenti jsegwu taħriġ fil-Pajjiżi l-Baxxi u li huma għandhom dritt għall-finanzjament għall-istudji tagħhom konformement mal-leġiżlazzjoni Olandiża.

89      Skont din il-leġiżlazzjoni, l-istudent jingħata biljett tat-trasport li jippermettilu juża t-trasport pubbliku b’xejn jew b’tariffa mnaqqsa. Jekk l-istudent itemm l-istudji tiegħu b’suċċess fi żmien għaxar snin, huwa ma jkunx obbligat jirrimborsa tali benefiċċju. Jekk l-istudent ma jtemmx l-istudji tiegħu b’suċċess f’dan it-terminu, l-imsemmi benefiċċju għandu jiġi rrimborsat. Għalhekk, il-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport, kif previst mil-leġiżlazzjoni Olandiża, għandu l-karatteristiċi ta’, u huwa simili għal, borża ta’ studju jew self, skont jekk l-istudent itemmx l-istudji tiegħu b’suċċess jew le fi żmien għaxar snin.

90      Minn dan isegwi li benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport, bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża, għandu jitqies li jingħata b’mod “li jikkonsisti f’konċessjonijiet ta’ l-istudenti [f’boroż ta’ studju] jew f’self”, fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38.

91      F’dan ir-rigward, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 97 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kwistjoni jekk l-imsemi benefiċċju huwiex borża kkundizzjonata jew self ikkundizzjonat hija irrilevanti għalkollox, peress li l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 japplika kemm għall-“konċessjonijiet ta’ l-istudenti [boroż ta’ studju]” kif ukoll għas-“self” u peress li l-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport jaqa’, fil-każijiet kollha, taħt wieħed jew l-ieħor minn dawn il-kunċetti.

92      Bl-istess mod, huwa wkoll irrilevanti l-fatt li, bħala prinċipju, il-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport jingħata fil-forma ta’ biljett tat-trasport, jiġifieri mhux fi flus, iżda in natura. Fil-fatt, la mill-formulazzjoni tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva2004/38 u lanqas mill-kuntest ġuridiku li fih tinsab din id-dispożizzjoni ma jirriżulta li l-Istati Membri għandhom ikunu kostretti jagħtu għajnuna għall-manteniment għall-istudji biss fil-forma ta’ flus. Għall-kuntrarju, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 93 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fatt li tali benefiċċju jingħata in natura jippermetti lill-Istat Membru kkonċernat, jekk ikun il-każ, minn naħa, jnaqqas l-ispejjeż marbuta mal-għoti tal-imsemmi benefiċċju billi jinnegozja t-tariffi mal-fornitur tas-servizz u, min-naħa l-oħra, jiżgura li l-vantaġġ ekonomiku li jirriżulta minn dan l-istess benefiċċju jkun intuża għall-għan li għalih kien ġie assenjat.

93      Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bl-ebda mod ma huwa obbligat f’dan il-kuntest li jagħti l-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport sempliċement minħabba li l-istudent ikun irreġistrat fi stabbiliment privat jew pubbliku, akkreditat jew iffinanzjat minn dan l-Istat Membru abbażi tal-leġiżlazzjoni tiegħu jew tal-prassi amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jsegwi studji f’dan l-istabbiliment. Tali interpretazzjoni mhux biss tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni nfisha tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/28, iżda xxejjen ukoll is-sustanza tad-deroga dwar l-għajnuna għall-manteniment għall-istudji prevista minn din id-dispożizzjoni, peress li, fir-realtà, tammonta għall-impożizzjoni ta’ obbligu fuq l-Istati Membri li josservaw il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, fl-għoti ta’ din l-għajnuna, fir-rigward tal-istudenti kollha li jaqgħu taħt l-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2004/38.

94      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-benefiċċju għall-ispejjeż tat-trasport jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “konċessjonijiet ta’ l-istudenti [boroż ta’ studju] jew [...]self”, previst fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 u li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jista’ jibbaża ruħu fuq id-deroga prevista f’dan ir-rigward sabiex jirrifjuta li jagħti dan il-benefiċċju, qabel l-akkwist tad-dritt ta’ residenza permanenti, lil persuni li ma humiex ħaddiema impjegati, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu dan l-istatus, jew membri tal-familja tagħhom.

95      Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq diskriminazzjoni diretta għandu jiġi miċħud bħala infondat.

96      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

97      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.