Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-7 ta’ April 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Krajowa Izba Odwoławcza - il-Polonja) – Partner Apelski Dariusz vs Zarząd Oczyszczania Miasta

(Kawża C-324/14)1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2004/18/KE – Kapaċitajiet tekniċi u/jew professjonali tal-operaturi ekonomiċi – Artikolu 48(3) – Possibbiltà li wieħed jinvoka l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra – Kundizzjonijiet u modalitajiet – Natura tar-rabtiet eżistenti bejn l-offerent u l-entitajiet l-oħra – Modifika tal-offerta – Annullament u repetizzjoni ta’ rkant elettroniku – Direttiva 2014/24/UE)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Krajowa Izba Odwoławcza

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: PARTNER Apelski Dariusz

Konvenuta: Zarząd Oczyszczania Miasta

fil-preżenza ta’: Remondis sp. z o.o., MR Road Service sp. z o.o.

Dispożittiv

L-Artikoli 47(2) u 48(3) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], moqrija flimkien mal-Artikolu 44(2) ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

huma jirrikonoxxu d-dritt ta’ kull operatur ekonomiku sabiex, għal kuntratt partikolari, jinvoka l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, irrispettivament min-natura tar-rabtiet li huwa għandu ma’ dawn l-entitajiet, bil-kundizzjoni li huwa jagħti prova lill-awtorità kontraenti li l-kandidat jew l-offerent ser ikollu effettivament għad-dispożizzjoni tiegħu l-mezzi tal-imsemmija entitajiet li huma neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, u

ma huwiex eskluż li l-eżerċizzju tal-imsemmi dritt jista’ jkun limitat, f’ċirkustanzi partikolari, fid-dawl tas-suġġett tal-kuntratt ikkonċernat kif ukoll tal-għanijiet tiegħu. Dan huwa partikolarment il-każ meta l-kapaċitajiet li jkollha entità terza, u li huma neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, ma jkunux jistgħu jiġu trażmessi lill-kandidat jew lill-offerent, b’mod li dan tal-aħħar ikun jista’ jinvoka l-imsemmija kapaċitajiet biss jekk din l-entità terza tipparteċipa b’mod dirett u personali fl-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt.

L-Artikolu 48(2) u (3) tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tas-suġġett ta’ kuntratt partikolari kif ukoll fir-rigward tal-għanijiet tiegħu, l-awtorità kontraenti tista, f’ċirkustanzi partikolari, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni korretta ta’ dan il-kuntratt, tindika b’mod espress, fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, regoli preċiżi li skonthom operatur ekonomiku jista’ jinvoka l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, sa fejn dawn ir-regoli jkunu marbuta u proporzjonati mas-suġġett u mal-għanijiet tal-imsemmi kuntratt.

Il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni tal-operaturi ekonomiċi, imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, huma jipprekludu li awtorità kontraenti, wara l-ftuħ tal-offerti mitfugħa fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, taċċetta t-talba ta’ operatur ekonomiku, li jkun tefa’ offerta għat-totalità tal-kuntratt inkwistjoni, sabiex l-offerta tiegħu teħodha inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-għoti ta’ ċerti partijiet biss ta’ dan il-kuntratt.

Il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni tal-operaturi ekonomiċi, imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jeżiġu l-annullament u r-repetizzjoni ta’ rkant elettroniku li, għall-parteċipazzjoni fih, operatur ekonomiku li jkun tefa’ offerta ammissibbli ma ġiex mistieden, u dan anki jekk ma jistax jiġi kkonstatat li l-parteċipazzjoni tal-operatur eskluż kienet tibdel ir-riżultat tal-irkant.

F’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 48(3) tad-Direttiva 2004/18 ma jistgħux jiġu interpretati fid-dawl ta’ dawk tal-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18.

____________

1 ĠU C 339, 29.9.2014.