Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta’ April 2016 – Banca Tercas vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-196/16)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Tercas-Cassa di risparmio della provincia di Teramo SpA (Banca Tercas SpA) (Teramo, l-Italja) (rappreżentanti: A. Santa Maria, M. Crisostomo, E. Gambaro, F. Mazzocchi, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2015) 9526 final, tat-23 ta’ Diċembru 2015, innotifikata lir-rikorrenti fit-22 ta’ Frar 2016, dwar l-għajnuna mill-Istat SA39451 (2015/C) (ex 2015/NN) implementata mill-Italja favur Banca Tercas (Cassa di risparmio della Provincia di Teramo S.p.A.);

sussidjarjament, għar-raġunijiet esposti fis-seba’ motiv, tannulla l-Artikoli 2, 3 u 4 tad-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors hija l-istess waħda li ġiet ikkontestata fil-Kawża L-Italja vs Il-Kummissjoni, T-98/16.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.

Permezz tal-ewwel motiv tagħha, Banca Tercas (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti” jew “Tercas”) tinvoka l-ksur jew l-applikazzjoni żbaljata mill-Kummissjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE u tal-Artikolu 296 TFUE minħabba n-nuqqas u/jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni fid-dawl tar-rekwiżit li l-elementi “riżorsi ta’ l-Istat” u “imputabbiltà lill-Istat” għandhom ikunu ssodisfatti, sa fejn il-Kummissjoni tgħaqqad l-analiżi tal-kriterju tar-riżorsi tal-Istat ma’ dik tal-kriterju tal-imputabbiltà u sa fejn hija ma vverifikatx b’mod awtonomu jekk kienx issodisfat ir-rekwiżit dwar ir-riżorsi tal-Istat, li huwa element kostituttiv ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur jew l-applikazzjoni żbaljata mill-Kummissjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn din tal-aħħar wettqet evalwazzjoni żbaljata tal-użu tar-riżorsi tal-Istat mill-Fondo di Garanzia di Tutela dei Depositi (Fond ta’ garanzija ta’ protezzjoni tad-depożiti, iktar ’il quddiem il-“Fond” jew il-“FITD”). Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn, fid-dawl tal-kriterji żviluppati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-riżorsi tal-FITD ma jistgħux jitqiesu li huma taħt kontroll pubbliku jew għad-dispożizzjoni tal-Istat Taljan. Il-leġiżlatur Taljan ħalla kompletament għall-awtonomija kuntrattwali tas-sistemi ta’ garanzija d-definizzjoni tal-għan, tal-portata u tal-modalitajiet konkreti tal-interventi alternattivi għar-rimbors tad-depożitanti. L-interventi alternattivi previsti fl-Artikolu 29 tal-Istatut tal-Fond jistgħu jiġu implementati mill-Fond meta wieħed jista’ jistenna oneru inqas kbir minn dak li jirriżulta minn intervent fil-każ ta’ likwidazzjoni tal-impriża u jkunu jissodisfaw prinċipalment interessi privati tal-banek assoċjati u ma jkunux jistgħu jiġu imputati lil mandat pubbliku.

Fit-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni l-ksur jew l-applikazzjoni żbaljata mill-Kummissjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn din tal-aħħar tqis li l-miżuri favur Tercas huma imputabbli lill-Istat Taljan. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-intervent ġie assunt volontarjament mill-FITD u li t-teżi sostnuta mill-Kummissjoni, li skontha l-Banca d’Italia hija korp ta’ ġesjoni ta’ riżorsi (allegatament) pubbliċi, hija żbaljata u ma tikkorrispondix għar-realtà tal-funzjonijiet attribwiti lill-bank ċentrali mid-dritt Taljan. L-attività tal-Banca d’Italia tfittex li tiżgura l-osservanza tar-regola ta’ ġestjoni b’saħħitha u prudenti, abbażi ta’ sempliċi eżami tar-regolarità u tal-legalità, bla ħsara għall-għażliet awtonomi privati tal-persuni li fuqhom il-Banca d’Italia teżerċita l-kontroll tagħha. Barra min hekk, l-indizji konkreti ta’ intervent mill-awtoritajiet pubbliċi prodotti mill-Kummissjoni fir-rigward tal-intervent favur Tercas manifestament ma humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni.

Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn din tal-aħħar wettqet applikazzjoni żbaljata u inkorretta tal-kriterju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma vverifikatx jekk l-intervent tal-FITD kienx jissodisfa jew le kriterju ta’ razzjonalità ekonomika, fid-dawl tal-punti ta’ fatt eżaminati skrupolożament mill-FITD f’evalwazzjoni li tantiċipa d-diversi xenarji ta’ intervent possibbli. B’mod partikolari, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni ma vverifikatx jekk, f’ċirkustanzi analogi, operatur privat ta’ daqs paragunabbli mal-FITD kienx iwettaq tranżazzjonijiet ekonomiċi fuq skala simili għal dawk ikkontestati minnha. Fl-aħħar nett, l-esklużjoni tal-ispejjeż ta’ rimbors tad-depożitanti mill-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat – bħala espressjoni tal-obbligi li l-Istat ikollu jassumi fir-rwol tiegħu ta’ awtorità pubblika – ma hijiex iġġustifikata f’dan il-każ u tmur kontra l-iktar ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Permezz tal-ħames motiv tagħha, ir-rikorrenti tesponi r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-miżuri inkwistjoni huma inkompatibbli mas-suq intern. B’mod partikolari, il-Kummissjoni wettqet żball meta qieset li l-iżvalutazzjoni tad-dejn subordinat, prevista ratione temporis esklużivament fil-komunikazzjoni bankarja tagħha stess tal-2013, kienet tikkostitwixxi rekwiżit essenzjali sabiex tkun tista’ tqis li l-miżuri huma kompatibbli mas-suq intern. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-impossibbiltà ġuridika li tiġi implementata l-parteċipazzjoni fl-oneri min-naħa tal-persuni responsabbli għall-ħlas tad-dejn subordinat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ispejjeż ta’ intervent diġà kienu tnaqqsu b’mod sinjifikattiv permezz ta’ miżuri sinjifikattivi ta’ tqassim tal-oneri (burden sharing). Il-kompatibbiltà tal-miżuri tirriżulta wkoll mill-pjan għar-ritorn ta’ Tercas għall-vijabbiltà u mill-adozzjoni ta’ miżuri intiżi li jillimitaw l-allegata distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-intervent tal-FITD. Konsegwentement, ir-rikorrenti tinvoka wkoll nuqqas manifest ta’ istruttorja.

Permezz tas-sitt motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ fatt u għamlet klassifikazzjoni ġuridika żbaljata meta qieset li l-garanzija ta’ EUR 30 miljun kienet intilfet u meta qieset li din il-miżura kienet tammonta għal kontribuzzjoni lil Tercas li ma kellhiex titħallas lura u, għaldaqsant, għal għajnuna mill-Istat.

Fl-aħħar nett, u sussidjarjament, permezz tas-seba’ motiv tagħha, Tercas tinvoka ksur tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) Nru 2015/1589, sa fejn il-Kummissjoni imponiet l-irkupru tal-għajnuna fuq l-Istat Taljan meta din il-miżura tmur kontra l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ċertezza legali, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità.

____________