Language of document : ECLI:EU:C:2016:470

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)

22 ta’ Ġunju 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sitt Direttiva 77/388/KEE – Taxxa fuq il-valur miżjud – Artikolu 2(1) – Provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas – Kunċett – Xandir pubbliku – Finanzjament permezz ta’ tariffa legali obbligatorja”

Fil-Kawża C‑11/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší správní soud (qorti amministrattiva suprema, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Jannar 2015, fil-proċedura,

Odvolací finanční ředitelství

vs

Český rozhlas

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, J.-C. Bonichot, C. G. Fernlund, S. Rodin u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Diċembru 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Odvolací finanční ředitelství, minn E. Nedorostková, bħala aġent,

–        għal Český rozhlas, minn P. Orct, avukat,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil, Z. Petzl u T. Müller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Grieg, minn G. Konstantinos u A. Dimitrakopoulou, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Kaye, bħala aġent, assistita minn P. Mantle, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u Z. Malůšková, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Marzu 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Odvolací finanční ředitelství (direttorat tal-finanzi tal-appell, iktar ’il quddiem id-“direttorat tal-finanzi”), li kien Finanční ředitelství pro hlavní město Prahu (direttorat tal-finanzi għall-belt ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka), u Český rozhlas (Radju Ċek) rigward it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li dan ġie suġġett għaliha fil-kuntest tal-attività tiegħu ta’ xandir pubbliku.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li:

“Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti [għall-VAT]:

1.      il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

4        L-Artikolu 13A(1)(q) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li:

“A.      Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku

1.      Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġejjin taħt kondizzjonijet li huma għandhom jistabilixxu għal skopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kawlunkwe evażjoni, evitar jew [kwalunkwe] abbuż possibbli:

[...]

q)      attivitajiet ta’ radju pubbliku jew entitajiet ta’ televiżjoni għajr dawk ta’ natura kummerċjali.”

 Id-dritt Ċek

5        Skont l-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 484/1991, dwar Český rozhlas, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, ġiet ikkostitwita kumpannija tax-xandir, Český rozhlas, li għandu s-sede tiegħu fi Praga (ir-Repubblika Ċeka). Skont din id-dispożizzjoni, Český rozhlas huwa persuna ġuridika li tmexxi l-attiv tagħha stess, tikseb drittijiet u timpjega min imexxiha.

6        L-Artikolu 10 ta’ din il-liġi jipprevedi li s-sorsi ta’ finanzjament ta’ Český rozhlas huma b’mod partikolari t-tariffi radjofoniċi miġbura skont leġiżlazzjoni partikolari u d-dħul ibbażat fuq l-attivitàjiet ekonomiċi tiegħu stess.

7        Skont l-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 348/2005, dwar it-tariffi radjofoniċi u tat-televiżjoni, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, it-tariffa radjofonika hija intiża sabiex tiffinanzja s-servizz pubbliku pprovdut minn Český rozhlas.

8        Skont l-Artikolu 2 ta’ din il-liġi, it-tariffa radjofonika titħallas għal tagħmir tekniku li jista’ jirriproduċi individwalment, fuq talba, xandir radjofoniku indipendentement mit-tip ta’ riċezzjoni (iktar ’il quddiem ir-“riċevitur tar-radju”), inkluż jekk dan it-tagħmir huwa ddestinat għal skop ieħor.

9        Skont l-Artikolu 3 ta’ din il-liġi, il-persuna taxxabbli suġġetta għat-tariffa radjofonika hija l-persuna fiżika jew ġuridika li hija proprjetarja ta’ riċevitur tar-radju jew dik li, għalkemm ma hijiex il-proprjetarja ta’ tali riċevitur, iżżomm jew tuża, għal raġuni legali oħra, riċevitur tar-radju matul mill-inqas xahar.

10      L-Artikolu 7 tal-istess liġi jipprevedi li l-persuna taxxabbli għandha tħallas it-tariffa tar-radju jew it-tariffa tat-televiżjoni lix-xandar statutorju, kemm direttament, kemm bl-intermedju ta’ mandatarju.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11      Český rozhlas huwa persuna ġuridika maħluqa bil-liġi, li l-attività prinċipali tagħha hija x-xandir pubbliku ta’ programmi radjofoniċi.

12      Permezz ta’ dikjarazzjonijiet fiskali addizzjonali dwar il-perijodu mix-xahar ta’ Marzu sax-xahar ta’ Diċembru 2006, Český rozhlas wettaq żieda supplimentari tad-dritt tiegħu ta’ tnaqqis tal-VAT billi eskluda mill-kalkolu tal-koeffiċjent użat għat-tnaqqis tal-VAT servizzi li jikkorrispondu mat-tariffi radjofoniċi li tħallsu lilu, li inizjalment huwa kien iddikjara bħala servizzi eżenti mill-VAT mingħajr dritt għal tnaqqis tagħha. F’dan ir-rigward, Český rozhlas sostna li dawn it-tariffi ma kinux jikkostitwixxu l-ħlas tas-servizz tax-xandir pubbliku pprovdut.

13      Permezz ta’ għaxar avviżi ta’ tassazzjoni supplimentari relatati mal-VAT dovuta minn Český rozhlas għal dan il-perijodu, il-Finanční úřad pro Prahu 10 (uffiċċju tal-finanzi nru 10 għall-belt ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka), irrifjuta li jeskludi dawn is-servizzi.

14      Český rozhlas ressaq ilment kontra dawn l-avviżi ta’ tassazzjoni supplimentari.

15      Peress li dan l-ilment ġie miċħud permezz ta’ għaxar deċiżjonijiet tad-direttorat tal-finanzi, Český rozhlas ippreżenta rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Městský soud v Praze (qorti muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka).

16      Permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2014, il-Městský soud v Praze (qorti muniċipali ta’ Praga) annullat dawn id-deċiżjonijiet u bagħtet lura l-kawża quddiem id-direttorat tal-finanzi.

17      Id-direttorat tal-finanzi ppreżenta appell fuq punt ta’ liġi kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nejvyšší správní soud (qorti amministrattiva suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Ix-xandir radjofoniku pubbliku, iffinanzjat mit-tariffi mħallsa skont il-liġi, li l-persuna taxxabbli hija suġġetta għalihom għar-raġuni li hija tkun is-sid jew tkun fil-pussess ta’ riċevitur tar-radju jew għal raġuni legali oħra li tagħtiha d-dritt li tuża l-imsemmi riċevitur, li l-ammont tagħhom huwa ffissat mil-liġi, jista’ jiġi kklassifikat bħala “provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, li għandha tiġi eżentata [mill-VAT] skont l-Artikolu 13A(1)(q) tal-imsemmija direttiva, jew jikkostitwixxi attività mhux ekonomika li assolutament ma hijiex suġġetta għall-VAT skont l-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva, u li lanqas ma hija suġġetta għall-eżenzjoni tat-taxxa prevista fl-Artikolu 13A(1)(q) tal-imsemmija direttiva?”

 Fuq id-domanda preliminari

19      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li attività ta’ xandir pubbliku, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iffinanzjata minn tariffa legali obbligatorja mħallsa mill-persuni proprjetarji jew li jżommu riċevitur tar-radju u eżerċitata minn kumpannija tax-xandir maħluqa mil-liġi, tikkostitwixxix provvista ta’ servizzi “magħmula bi ħlas” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, iżda eżentata mill-VAT sont l-Artikolu 13A(1)(q) ta’ din id-direttiva, jew fis-sens li tali attività ma tikkostitwixxix tranżazzjoni taxxabbli li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

20      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tas-sistema tal-VAT, it-tranżazzjonijiet taxxabbli jippreżumu l-eżistenza ta’ tranżazzjoni bejn il-partijiet fejn ikun stipulat prezz jew korrispettiv Għalhekk, meta l-attività ta’ fornitur tikkonsisti esklużivament fil-provvista ta’ servizzi mingħajr korrispettiv dirett, ma jkunx hemm valur taxxabbli u għalhekk dawn is-servizzi ma jkunux suġġetti għall-VAT (ara s-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 1994, Tolsma, C‑16/93, EU:C:1994:80, punt 12; tad-29 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja, C‑246/08, EU:C:2009:671, punt 43, u tas-27 ta’ Ottubru 2011, GFKL Financial Services, C‑93/10, EU:C:2011:700, punt 17).

21      Minn dan jirriżulta li provvista ta’ servizzi ma titwettaqx “bi ħlas” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, u għalhekk hija taxxabbli biss meta teżisti relazzjoni legali bejn il-fornitur u l-benefiċjarju li matulha jkun hemm skambju ta’ servizzi reċiproċi, fejn il-ħlas li jirċievi l-fornitur jikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv tas-servizz mogħti lill-benefiċjarju (ara s-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 1994, Tolsma, C‑16/93, EU:C:1994:80, punt 14; tad-29 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja, C‑246/08, EU:C:2009:671, punt 44, u tas-27 ta’ Ottubru 2011, GFKL Financial Services, C‑93/10, EU:C:2011:700, punt 18).

22      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, jippreżumi l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn is-servizz mogħti u l-korrispettiv riċevut (ara s-sentenzi tal-5 ta’ Frar 1981, Coöperatieve Aardappelenbewaarplaats, 154/80, EU:C:1981:38, punt 12; tat-8 ta’ Marzu 1988, Apple and Pear Development Council, 102/86, EU:C:1988:120, punt 12; tat-3 ta’ Marzu 1994, Tolsma, C‑16/93, EU:C:1994:80, punt 13; tad-29 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja, C‑246/08, EU:C:2009:671, punt 45, u tas-27 ta’ Ottubru  2011, GFKL Financial Services, C‑93/10, EU:C:2011:700, punt 19).

23      Fir-rigward tas-servizz ta’ xandir pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li ma teżistix relazzjoni legali bejn Český rozhlas u l-persuni responsabbli għall-ħlas tat-tariffa radjofonika, li matulha servizzi reċiproċi jiġu skambjati, u lanqas rabta diretta bejn dan is-servizz ta’ xandir pubbliku u din it-tariffa.

24      Fil-fatt, fil-kuntest tal-provvista ta’ dan is-servizz, Český rozhlas u dawn il-persuni ma huma marbuta minn ebda relazzjoni kuntrattwali jew tranżazzjoni li tinkludi stipulazzjoni ta’ prezz, u lanqas minn impenn legali mogħti liberament wieħed lejn l-ieħor.

25      Barra minn hekk, l-obbligu li titħallas it-tariffa radjofonika ma jirriżultax mill-provvista ta’ servizz li tagħha jikkostitwixxi l-korrispettiv dirett, peress li dan l-obbligu ma huwiex marbut mal-użu tas-servizz ta’ xandir pubbliku pprovdut minn Český rozhlas mill-persuni suġġetti għal dan l-obbligu, iżda unikament mal-pussess ta’ riċevitur tar-radju, u dan indipendentement mill-użu magħmul minnu.

26      Għalhekk, il-persuni li jżommu riċevitur tar-radju huma obbligati li jħallsu din it-tariffa, ukoll jekk jużaw dan ir-riċevitur unikament sabiex jisimgħu programmi radjofoniċi minn xandara minbarra Český rozhlas, bħal programmi radjofoniċi kummerċjali ffinanzjati minn sorsi li ma jinkludux din it-tariffa, għall-qari ta’ CD jew mezzi diġitali oħra, jew ukoll għal funzjonijiet oħra li jkunu disponibbli permezz ta’ dan it-tagħmir li jippermetti r-riċezzjoni u li jiġu riprodotti trażmissjonijiet.

27      Minbarra dan, għandu jiġi rrilevat li l-aċċess għas-servizz ta’ xandir pubbliku pprovdut minn Český rozhlas huwa liberu u bl-ebda mod ma huwa suġġett għall-ħlas tat-tariffa radjofonika.

28      Minn dan jirriżulta li l-provvista ta’ servizz ta’ xandir pubbliku li għandha l-karatteristiċi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix provvista ta’ servizzi mwettqa “bi ħlas” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva.

29      L-argument tal-Gvern Ċek, li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija partikolari minħabba l-eżistenza ta’ relazzjoni legali trijangulari, li fil-kuntest tagħha l-Istat Ċek ta lil Český rozhlas missjoni ta’ interess ġenerali, li tikkonsisti fil-provvista ta’ servizz ta’ xandir pubbliku, filwaqt li jiżguralu remunerazzjoni fil-forma ta’ tariffa obbligatorja, imposta mil-liġi lid-destinatarji ta’ dan is-servizz, ma jistax iqajjem dubju dwar din l-interpretazzjoni.

30      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, anki jekk tiġi preżupposta l-eżistenza ta’ tali relazzjoni legali trijangulari, mhux biss, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, ma teżistix rabta diretta bejn is-servizz ta’ xandir pubbliku pprovdut minn Český rozhlas u din it-tariffa, iżda, hekk kif jirriżulta mill-karatteristiċi ta’ din tal-aħħar, kif deskritti fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, din ma tikkostitwixxix il-pagament ta’ prezz għal dan is-servizz.

31      L-istess japplika fir-rigward tal-argument tal-Gvern Ċek li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13A(1)(q) tas-Sitt Direttiva jkollha sens biss jekk attivitajiet ta’ xandir pubbliku bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma kkunsidrati bħala li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

32      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, minn naħa, li għalkemm din id-dispożizzjoni tipprevedi l-eżenzjoni ta’ “attivitajiet ta’ radju pubbliku jew entitajiet ta’ televiżjoni għajr dawk ta’ natura kummerċjali”, din id-dispożizzjoni madankollu hija applikabbli biss bil-kundizzjoni li dawn l-attivitajiet ikunu “suġġetti għall-VAT” fis-sens tal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva, u, min-naħa l-oħra, li hija ma tistax tiġi interpretata b’mod li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, kif iddefinit f’dan l-Artikolu 2.

33      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-parallel imwettaq mill-qorti tar-rinviju bejn is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u dik fl-oriġini tal-kawża li tat lok għas-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, Le Rayon d’Or (C‑151/13, EU:C:2014:185), hemm lok li jiġi kkonstatat li dawn is-sitwazzjonijiet ma humiex paragunabbli.

34      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, f’din is-sentenza, dwar kawża li tirrigwarda n-natura taxxabbli ta’ “allowance għal kura” li fond nazzjonali ta’ assigurazzjoni għall-mard kien ħallas lil stabbilimenti ta’ residenza għal persuni anzjani dipendenti għall-provvista ta’ servizzi ta’ kura lir-residenti tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kienet teżisti rabta diretta bejn il-provvista ta’ servizzi minn dawn l-istabbilimenti lir-residenti tagħhom u l-korrispettiv irċevut, jiġifieri din l-“allowance għal kura”, b’tali mod li tali allowance kienet tikkostitwixxi l-korrispettiv ta’ provvista ta’ kura mwettqa bi ħlas minn wieħed minn dawn l-istabbilimenti favur ir-residenti tiegħu u taqa’, għalhekk, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT.

35      Issa, fil-kawża prinċipali, mhux biss tali rabta hija nieqsa bejn it-tariffa radjofonika u s-servizz ta’ xandir pubbliku pprovdut minn Český rozhlas, iżda, hekk kif diġà ġie rrilevat, il-ħlas ta’ din it-tariffa ma jaqax taħt il-kuntest ta’ relazzjoni legali fir-rigward ta’ skambju ta’ servizzi reċiproċi, iżda taħt dak tal-eżekuzzjoni ta’ obbligu impost mil-liġi.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li d-domanda magħmula tiġi risposta li l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li attività ta’ xandir pubbliku, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iffinanzjata minn tariffa legali obbligatorja mħallsa mill-persuni proprjetarji jew li jżommu riċevitur tar-radju u eżerċitata minn kumpannija tax-xandir maħluqa mil-liġi ma tikkostitwixxix provvista ta’ servizzi “magħmula bi ħlas” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u għalhekk ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

37      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva tal‑Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li attività ta’ xandir pubbliku, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iffinanzjata minn tariffa legali obbligatorja mħallsa mill-persuni proprjetarji jew li jżommu riċevitur tar-radju u eżerċitata minn kumpannija tax-xandir maħluqa mil-liġi ma tikkostitwixxix provvista ta’ servizzi “magħmula bi ħlas” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u għalhekk ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

Firem


* Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.