Language of document : ECLI:EU:C:2015:618

Kawża C‑257/14

Corina van der Lans

vs

Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Amsterdam)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Drittijiet tal-passiġġieri fil-każ ta’ dewmien jew ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 5(3) – Rifjut ta’ imbark u kanċellazzjoni ta’ titjira – Dewmien twil ta’ titjira – Kumpens u assistenza għall-passiġġieri – Ċirkustanzi straordinarji”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tas-17 ta’ Settembru 2015

1.        Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Domanda manifestament irrilevanti

(Artikolu 267 TFUE)

2.        Dritt tal-Unjoni – Interpretazzjoni – Testi plurilingwi – Interpretazzjoni uniformi – Diverġenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi – Sens ġenerali u skop tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni bħala bażi ta’ riferiment

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 261/2004)

3.        Trasport – Trasport bl-ajru – Regolament Nru 261/2004 – Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet – Kamp ta’ applikazzjoni – Passiġġieri li jitilqu minn ajruport ta’ pajjiż terz lejn ajruport ta’ Stat Membru – Inklużjoni – Kundizzjoni – Ekwivalenza tas-servizzi pprovduti f’dan il-pajjiż terz ma dawk previsti mir-regolament

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 261/2004)

4.        Trasport – Trasport bl-ajru – Regolament Nru 261/2004 – Kumpens u assistenza lill-passiġġieri fil-każ ta’ tħassir ta’ titjira – Eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens – Kundizzjoni – Ċirkustanzi straordinarji – Kunċett – Interpretazzjoni stretta – Problema teknika inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur – Esklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 261/2004, Artikolu 5(3))

5.        Trasport – Trasport bl-ajru – Regolament Nru 261/2004 – Kumpens u assistenza lill-passiġġieri fil-każ ta’ tħassir ta’ titjira – Eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens – Kundizzjoni – Ċirkustanzi straordinarji – Kunċett – Problema teknika li ma tkunx mistennija, li ma tkunx dovuta għal manutenzjoni difettuża u li ma tkunx ġiet skoperta matul kontrolli regolari ta’ manutenzjoni – Esklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 261/2004, Artikolu 5(3))

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 20)

2.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 25)

3.        Ir-Regolament Nru 261/2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li [...] jħassar ir-Regolament Nru 295/91, hekk kif jirriżulta b’mod ċar mill-premessi 1 u 2, huwa intiż li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri. Issa, għalkemm l-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan ir-regolament, moqri fid-dawl ta’ dan l-għan, ċertament ma jitlobx li jintwera li l-passiġġier ikkonċernat ikun kiseb effettivament benefiċċji jew kumpens u assistenza f’pajjiż terz, is-sempliċi possibbiltà li persuna tibbenefika minnhom ma tistax madankollu, fiha nnifisha, tiġġustifika li l-imsemmi regolament ma jkunx applikabbli għal dan il-passiġġier. Fil-fatt, ma jistax jiġi aċċettat li passiġġier jista’ jiġi miċħud mill-protezzjoni mogħtija mir-Regolament Nru 261/2004 fil-każ biss li huwa jista’ jibbenefika minn ċertu kumpens f’pajjiż terz, mingħajr ma jiġi stabbilit jekk dan tal-aħħar jikkorrispondix għall-għan tal-kumpens iggarantit minn dan ir-regolament u jekk il-kundizzjonijiet li għalihom il-benefiċċju huwa suġġett kif ukoll il-modalitajiet differenti għall-implementazzjoni tiegħu, humiex ekwivalenti għal dawk previsti mill-imsemmi regolament.

(ara l-punti 26-28)

4.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 35-38)

5.        L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li [...] jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li problema teknika li ma tkunx mistennija, li ma tkunx dovuta għal manutenzjoni difettuża u li ma tkunx ġiet skoperta matul kontrolli regolari ta’ manutenzjoni, ma taqax taħt il-kunċett ta’ “ċirkostanzi staordinarji” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, għalkemm ħsara kkawżata mill-ħsara prematura ta’ ċerti komponenti ta’ ajruplan, tikkostitwixxi, ċertament, avveniment mhux mistenni, tali ħsara tibqa’ madankollu intrinsikament marbuta mas-sistema ta’ funzjonament kumplessa ħafna tal-apparat, liema sistema tintuża mit-trasportatur tal-ajru f’kundizzjonijiet, b’mod partikolari tat-temp, li spiss huma diffiċli jekk mhux estremi, fejn barra minn hekk huwa sottointiż li kull komponent ta’ ajruplan jista’ jinbidel. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-attività ta’ trasportatur tal-ajru, dan l-avveniment mhux mistenni huwa inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru, billi dan it-trasportatur jaffaċċja, regolarment, dan it-tip ta’ problemi tekniċi mhux previsti.

Barra minn hekk, il-prevenzjoni ta’ tali ħsara jew it-tiswija li tirriżulta minnha, inkluża s-sostituzzjoni ta’ komponent difettuż b’mod prematur, ma tmurx lil hinn mill-kontroll effettiv tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat, peress li huwa dan tal-aħħar li għandu jiżgura l-manutenzjoni u l-funzjonament tajjeb tal-ajruplani li huwa juża għall-finijiet tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu.

(ara l-punti 41-44, 49 u d-dispożittiv)