Language of document : ECLI:EU:C:2015:578

Kawża C‑266/14

Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (CC.OO.)

vs

Tyco Integrated Security SL

u

Tyco Integrated Fire & Security Corporation Servicios SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Nacional)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali –Direttiva 2003/88/KE – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Artikolu 2(1) – Kunċett ta’ ‘ħin tax-xogħol’ – Ħaddiema mingħajr post tax-xogħol fiss jew abitwali – Ħin għall-ispostament bejn id-dar tal-ħaddiema u s-siti tal-ewwel klijent u tal-aħħar klijent”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-10 ta’ Settembru 2015

1.        Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 2003/88 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Ħin tax-xogħol – Kunċett – Ħaddiema mingħajr jew li ma għadx għandhom post tax-xogħol fiss jew abitwali – Ħin għall-ispostament bejn id-dar tal-ħaddiema u s-siti tal-ewwel klijent u tal-aħħar klijent – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikolu 2, punt 1)

2.        Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 2003/88 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Kamp ta’ applikazzjoni – Remunerazzjoni – Esklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikolu 7(1))

1.        L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/88, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-ħaddiema ma għandhomx post tax-xogħol fiss jew abitwali, jikkostitwixxi “ħin tax-xogħol”, fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni, il-ħin għall-ispostament li dawn il-ħaddiema jiddedikaw kuljum għall-ispostamenti ta’ kuljum bejn id-dar tagħhom u s-siti tal-ewwel u tal-aħħar klijent indikat mill-persuna li timpjegahom.

Fil-fatt, diversi drabi ġie deċiż li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/88 iddefinixxa l-kunċett “ħin tax-xogħol” bħala perijodu li matulu l-ħaddiem ikun għax-xogħol, għad-dispożizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, konformement mal-liġijiet u/jew prattiċi nazzjonali, u li l-istess kunċett għandu jinftiehem b’kuntrast mal-perijodu ta’ mistrieħ, billi dawn iż-żewġ kunċetti jeskludu lil xulxin. F’dan il-kuntest, l-imsemmija direttiva ma tipprovdix għall-kategorija intermedja bejn il-perijodi ta’ xogħol u dawk ta’ mistrieħ.

Fir-rigward, qabel kollox, tal-ewwel element li jikkostitwixxi l-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, skont liema l-ħaddiem irid iwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, l-ispostamenti tal-ħaddiema, li ma għadx għandhom post tax-xogħol fiss jew abitwali mid-deċiżjoni tal-persuna li timpjegahom li tneħħi l-uffiċċji reġjonali, sabiex imorru għand il-klijenti magħżula minn din il-persuna li timpjegahom huma l-mezz neċessarju għat-twettiq tax-xogħlijiet tekniċi ta’ dawn il-ħaddiema għand dawn il-klijenti. Barra minn hekk, qabel it-tneħħija tal-imsemmija uffiċċji, il-persuna li timpjegahom kienet tqis li kien ħin tax-xogħol il-ħin għall-ispostament tal-ħaddiema tagħha bejn l-uffiċċji reġjonali u s-siti tal-ewwel u tal-aħħar klijent tal-ġurnata. Fil-każ li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni dawn l-ispostamenti, dan ikun ifisser li persuna li timpjega tkun tista’ tiddikjara li kien biss il-ħin li ttieħed sabiex titwettaq l-attività inkwistjoni għand il-klijenti li seta’ jiġi kopert mill-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/88, fatt li kien jiżnatura dan il-kunċett u jippreġudika l-għan ta’ protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema.

Fir-rigward, sussegwentement, tat-tieni element li jikkostitwixxi l-imsemmi kunċett, li jiddikjara li l-ħaddiem għandu jkun għad-dispożizzjoni ta’ min jimpjegah matul il-ħin tax-xogħol, il-fattur determinanti huwa l-fatt li l-ħaddiem huwa marbut li jkun fiżikament preżenti fil-post stabbilit mill-persuna li timpjegah u li jibqa’ għad-dispożizzjoni ta’ din tal-aħħar sabiex f’każ ta’ bżonn ikun jista’ jipprovdi x-xogħlijiet xierqa immedjatament. Għalhekk, sabiex ħaddiem jista’ jitqies li huwa għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegah, dan il-ħaddiem għandu jkun f’sitwazzjoni fejn huwa obbligat, legalment, li jobdi l-ordnijiet tal-persuna li timpjegah u li jwettaq l-attività tiegħu f’ismu. Min-naħa l-oħra, il-possibbiltà li l-ħaddiema jistgħu jiġġestixxu l-ħin tagħhom b’inqas limiti u jaħdmu fuq l-interessi tagħhom stess huwa element ta’ natura li juri li l-perijodu ta’ żmien ikkunsidrat ma jikkostitwixxix ħin tax-xogħol fis-sens tad-Direttiva 2003/88. Fil-każ ineżami, il-ħaddiema kkonċernati huma obbligati, matul il-ħin għall-ispostament bejn l-ewwel u l-aħħar klijent tal-ġurnata, li jobdu l-ordnijiet tal-persuna li timpjegahom li tista’ tibdel l-ordni tal-klijenti jew tannulla jew iżżid appuntament.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tielet element li jikkostitwixxi l-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, skont liema l-ħaddiem għandu jkun ix-xogħol matul il-perijodu kkunsidrat, fil-każ li ħaddiem li ma għadx għandu post tax-xogħol fiss jeżerċita d-doveri tiegħu matul l-ispostament lejn u mill-klijent, dan il-ħaddiem għandu wkoll jitqies bħala li kien ix-xogħol waqt dan il-vjaġġ. Fil-fatt, peress li l-ispostamenti huma kostituttivi għall-klassifika ta’ ħaddiem li ma għandux post tax-xogħol fiss jew abitwali, il-post tax-xogħol ta’ tali ħaddiema ma jistax jiġi limitat għal postijiet ta’ intervent fiżiku ta’ dawn il-ħaddiema għand il-klijenti tal-persuna li timpjegahom.

(ara l-punti 25, 26, 30, 32, 33, 35-39, 43, 50 u d-dispożittiv)

2.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 48)