Language of document : ECLI:EU:C:2016:607

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

28 ta’ Lulju 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Azzjoni għall-ikrupru ta’ ammonti mħallsa indebitament – Arrikkiment indebitu – Kreditu li joriġina mir-rimbors inġustifikat ta’ multa għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni”

Fil-Kawża C‑102/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Ítélőtábla (qorti tal-appell reġjonali ta’ Budapest-Kapitali, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Frar 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Marzu 2015, fil-proċedura

Gazdasági Versenyhivatal

vs

Siemens Aktiengesellschaft Österreich,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. Toader (Relatur), A. Rosas, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Jannar 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gazdasági Versenyhivatal, minn L. Bak, irodavezető (Jogi Iroda),

–        għal Siemens Aktiengesellschaft Österreich, minn C. Bán u Á Papp, avukati,

–        għall-Ungerija, minn M. Z. Fehér u G. Koós kif ukoll minn A. M. Pálfy, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze kif ukoll minn J. Kemper u J. Mentgen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Varrone, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Tokár u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ April 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Gazdasági Versenyhivatal (awtorità tal-kompetizzjoni, l-Ungerija) u Siemens Aktiengesellschaft Österreich (iktar ’il quddiem “Siemens”) rigward azzjoni għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament ibbażata fuq l-arrikkiment indebitu mressqa mill-ewwel kontra t-tieni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il‑premessi 7 u 19 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdu:

“(7)      L-iskop ta’ dan ir-Regolament għandu jkopri il-materji prinċipali ċivili u kummerċjali apparti minn ċerti materji li jkunu ġew definiti.

[...]

(19)      Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni [tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata mill-konvenzjonijiet suċċessivi relatati mal-adeżjoni tal-Istati Membri ġodda għal din il-konvenzjoni] u dan ir-Regolament, u għandhom jintalbu għal dan il-għan disposizzjonijiet transitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni ta[’ din il-]Konvenzjoni [...] mill-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea] u tal-Protokolli ta[t-3 ta’ Ġunju 1971 dwar l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1975, L 204, p. 28)] għandhom jibqgħu japplikaw ukoll f’każijiet diġa pendenti meta dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ.”

4        L‑Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tiegħu bil-mod li ġej:

“Dan ir-Regolament għandu japplika f'materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.”

5        L‑Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

6        L‑Artikolu 5 ta’ dan l-istess regolament, li jidher fis-Sezzjoni 2, intitolat “Ġurisdizzjoni speċjali”, tal-Kapitolu II tiegħu, jipprovdi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

[...]

3)      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[...]”

 Id-dritt Ungeriż

 Il‑liġi dwar il-prattiki żleali

7        L‑Artikolu 83(5) tat-Tisztességtelen piaci magatartás és a versenykorlátozás tilalmáról szóló 1996. évi LVII. Törvény (Liġi Nru LVII tal-1996 dwar il-projbizzjoni ta’ prattiki żleali tas-suq u r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-prattiki żleali”), jipprevedi:

“Jekk id-deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni li ddeċidiet il-każ kisret dispożizzjoni legali u jekk, bħala riżultat, il-parti kkonċernata tkun intitolata għar-rimbors tal-multa, għandhom jitħallsu l-interessi fuq is-somma li għandha tiġi rrimborsata b’rata li tikkorrispondi mad-doppju tar-rata bażi tal-bank ċentrali minn ġurnata għall-oħra.”

 Il‑kodiċi ta’ proċedura ċivili

8        Skont l-Artikolu 130(1)(a) tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili, il-qorti tiċħad sommarjament ir-rikors inkwantu inammissibbli meta jidher li l-ġurisdizzjoni tal-qrati Ungeriżi sabiex jiddeċiedu t-tilwima hija eskluża minn dispożizzjoni legali jew minn konvenzjoni internazzjonali.

9        L‑Artikolu 157/A(1)(b) ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi li, fl-ipoteżi fejn ma kienx hemm lok li r-rikors jiġi miċħud sommarjament inkwantu inammissibbli għall-motiv previst fl-Artikolu 130/A(1)(a), iżda fejn il-ġurisdizzjoni tal-qrati Ungeriżi barra minn hekk ma tistax’ tiġi stabbilita bi kwalunkwe titolu ieħor, il-qorti adita twettaq il-klassifikazzjoni tal-proċedura meta l-konvenut iqajjem eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni.

 Il‑kodiċi ċivili

10      Skont l-Artikolu 301(1) tal-Liġi Nru IV tal-1959, li tistabbilixxi l-kodiċi ċivili, fil-każ ta’ dejn pekunjarju u sakemm ma huwiex previst mod ieħor, id-debitur, mid-data li jonqos milli jwettaq il-pagamenti dovuti, għandu jħallas l-interessi imposti bir-rata bażi tal-bank ċentrali fis-seħħ fl-aħħar jum li jippreċedi nofs is-sena kalendarja kkonċernata mid-dewmien ta’ pagament, meta barra minn hekk id-dejn ikkonċernat ma jagħtix interessi. L-obbligu li jitħallsu l-interessi għandu jirriżulta anki jekk id-debitur jiġġustifika d-dewmien.

11      Skont l-Artikolu 339(1) ta’ dan il-kodiċi, kull persuna li tikkawża illegalment dannu lil ħaddieħor hija obbligata li tikkumpensah. Hija tista’ tevita r-responsabbiltà jekk hija tiprova li aġixxiet b’mod ġeneralment mistenni f’tali sitwazzjoni.

12      L‑Artikolu 361 ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“(1)      Kull persuna li tkun kisbet vantaġġ patrimonjali indebitu għad-dannu ta’ oħrajn hija obbligata li tirrimborsa dan il-vantaġġ.

(2)      Jekk l-arrikkiment ikun spiċċa qabel l-azzjoni għal ikupru, il-persuna li tkun ibbenefikat minnu ma hijiex obbligata għar-rimbors, ħlief

a)      meta hija kellha tistenna l-obbligu ta’ rimbors u li hija tista’ titqies responsabbli mill-fatt li l-arrikkiment ikun spiċċa, jew

b)      meta hija tkun waslet għal dan l-arrikkiment b’mala fide.

[...]”

13      Skont l-Artikolu 364 ta’ dan l-istess kodiċi, għandhom jiġu applikati b’analoġija r-regoli li jirregolaw il-kumpens għall-arrikkiment indebitu.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14      Siemens, kumpannija stabbilita fl-Awstrija, ġiet imposta mill-awtorità tal-kompetizzjoni multa ta’ 159 000 000 forints Ungeriżi (HUF) (madwar EUR 507 000) talli kisret id-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ dritt tal-kompetizzjoni. Siemens ikkontestat din il-multa quddiem il-qrati amministrattivi Ungeriżi. Madankollu, billi tali azzjoni ġudizzjarja ma kellhiex effett sospensiv fid-dritt Ungeriż, din il-kumpannija ħallset il-multa.

15      Fl-ewwel istanza, il-qorti amministrattiva naqqset l-ammont tal-multa għal HUF 27 300 000  (madwar EUR 87 000). Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata fl-appell.

16      Abbażi tas-sentenza tal-qorti amministrattiva ta’ appell, l-awtorità tal-kompetizzjoni, fil-31 ta’ Ottubru 2008, irrimborsat lil Siemens is-somma ta’ HUF 131 700 000 (madwar EUR 420 000), li kienet tirrappreżenta d-differenza bejn l-ammont tal-multa kif kien stabbilit inizjalment minn din l-awtorità u l-ammont deċiż mill-qrati amministrattivi tal-ewwel istanza u tal-appell. Din l-awtorità ħallset ukoll lil Siemens, abbażi tal-Artikolu 83(5) tal-liġi dwar il-prattiki żleali, is-somma ta’ HUF 52 016 230 (madwar EUR 166 000) bħala interessi akkumulati fuq din is-somma.

17      Billi l-awtorità tal-kompetizzjoni madankollu appellat fil-kassazzjoni kontra s-sentenza tal-qorti amministrattiva tal-appell, il-Kúria (qorti suprema, l-Ungerija) ddeċidiet li l-multa inizjalment imposta kienet iġġustifikata. Konsegwentement, fil-25 ta’ Novembru 2011, Siemens ħallset lura lill-awtorità tal-kompetizzjoni s-somma ta’ HUF 131 700 000 filwaqt li rrifjutat li tirrimborsa dik ta’ HUF 52 016 230, li kienet tikkorrispondi mal-interessi mħallsa minn din l-awtorità.

18      Fit-12 ta’ Lulju 2013, l-awtorità tal-kompetizzjoni ressqet quddiem il-Fővárosi Törvényszék (qorti ta’ Budapest-Kapitali, l-Ungerija), azzjoni għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament minħabba arrikkiment indebitu, abbażi tal-Artikolu 361(1) tal-kodiċi ċivili, intiża għall-ħlas lura ta’ din is-somma ta’ HUF 52 016 230, miżjuda bl-interessi moratorji akkumulati mit-2 ta’ Novembru 2008, l-ewwel ġurnata xogħol wara d-data tar-rimbors indebitu tas-somma ta’ HUF 131 700 000 lil Siemens.

19      Din l-awtorità talbet ukoll lil Siemens li tħallasha s-somma ta’ HUF 29 183 277  (madwar EUR 93 000), li tikkorrispondi mal-interessi kkalkolati fuq is-somma ta’ HUF 131 700 000 fir-rigward tal-perijodu inkluż bejn it-2 ta’ Novembru 2008 u l‑24 ta’ Novembru 2011, jum qabel id-data ta’ ħlas lura ta’ din l-aħħar somma lill-awtorità tal-kompetizzjoni, billi sostniet li din kellha tkun fil-pussess tagħha matul dan il-perijodu, peress li d-deċiżjoni inizjali tagħha kienet meqjusa legali ex tunc.

20      Quddiem il-Fővárosi Törvényszék (qorti ta’ Budapest-Kapitali), l-awtorità tal-kompetizzjoni sostniet li l-arrikkiment indebitu jaqa’ taħt il-materja kważi-delitt, minkejja li r-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 tapplika f’dan il-każ.

21      Min-naħa tagħha, Siemens qajmet eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, li permezz tagħha hija talbet il-klassifikazzjoni tal-proċedura, billi sostniet li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 ma kienx applikabbli f’dan il-każ u li, għalhekk, skont l-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, il-qrati Awstrijaċi, u mhux il-qrati Ungeriżi, għandhom ġurisdizzjoni sabiex jisimgħu l-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

22      Billi l‑Fővárosi Törvényszék (qorti ta’ Budapest-Kapitali), permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Ġunju 2014, laqgħet l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, l-awtorità tal-kompetizzjoni appellat dan id-digriet quddiem il-qorti tar-rinviju.

23      Din l-aħħar ġurisdizzjoni tosserva li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, ÖFAB (C‑147/12, EU:C:2013:490), ma tipprovdix indikazzjonijiet ċari li jippermettula tagħti deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk il-qrati Ungeriżi għandhomx jew le ġurisdizzjoni speċjali, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, biex jiddeċiedu tilwima bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Hija tikkunsidra li l-kreditu li l-awtorità tal-kompetizzjoni tallega li żżomm fuq Siemens ma huwiex kreditu kuntrattwali. Min-naħa l-oħra, hija tqis li l-applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali stabbilita f’din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi eskluża.

24      B’mod partikolari, din il-qorti tistaqsi jekk il-prinċipju tal-interpretazzjoni awtonoma, iżda stretta, prevalenti f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali tiġi applikata f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha r-responsabbiltà tal-konvenuta hija bbażata esklużivament fuq arrikkiment indebitu, u mhux fuq l-eżistenza ta’ nuqqas jew fuq kwalunkwe titolu ta’ responsabbiltà ieħor.

25      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Fővárosi Ítélőtábla (qorti tal-appell reġjonali ta’ Budapest-Kapitali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-kreditu li għandu l-oriġini tiegħu fir-rimbors – li iktar tard irriżulta mhux iġġustifikat – lil parti stabbilita fi Stat Membru ieħor ta’ multa li ġiet imposta fil-kuntest ta’ proċedimenti fil-qasam tal-kompetizzjoni u li hija ħallset, kreditu li l-awtorità tal-kompetizzjoni ssostni kontra l-parti inkwistjoni sabiex jiġu rkuprati l-interessi li hija kienet ħallset konformement ma’ dak li l-liġi tipprovdi fil-każ ta’ rimbors, jaqa’ f’materja li għandha x’taqsam ma’ kważi delitt fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000?”

 Fuq id-domanda preliminari

26      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-materja ta’ kważi-delitt fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni azzjoni għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament ibbażata fuq l-arrikkiment indebitu, li permezz tagħha l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru tfittex li tikseb min-naħa ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor ir-rimbors ta’ interessi li hija ħallset lil din il-kumpannija wara d-deċiżjoni tal-qrati amministrattivi tal-ewwel Stat Membru li titnaqqas il-multa li kienet ġiet imposta fuq din il-kumpannija minn din l-awtorità, fejn il-qorti suprema kienet ulterjorment annullat din l-aħħar deċiżjoni u stabbilixxiet mill-ġdid l-ammont inizjali ta’ din il-multa.

27      Għandu, l-ewwel nett, jiġi eżaminat jekk tali azzjoni tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiæ tar-Regolament Nru 44/2001.

28      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sa fejn ir-Regolament Nru 44/2001 jissostitwixxi l-konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi relatati mal-adeżjoni tal-Istati Membri ġodda għal din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni tapplika wkoll għal dawk tal-imsemmi regolament, meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-istrumenti jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, Maletic, C‑478/12, EU:C:2013:735, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament huwa, bħal dak tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, limitat għall-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”.

30      Sabiex jiġu żgurati, sa fejn huwa possibbli, l-ugwaljanza u l-uniformità tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 44/2001 kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati, jeħtieġ li l-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” ma jiġix interpretat bħala sempliċi riferiment għad-dritt intern ta’ wieħed jew ieħor mill-Istati kkonċernati. L-imsemmi kunċett għandu jitqies bħala kunċett awtonomu li għandu jiġi interpretat b’riferiment, minn naħa, għall-għanijiet u għas-sistema tal-imsemmi regolament u, min-naħa l-oħra, għall-prinċipji ġenerali li joħorġu mill-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali kollha (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2014, flyLAL-Lithuanian Airlines, C‑302/13, EU:C:2014:2319 punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Sabiex jiġi stabbilit jekk materja taqax jew le taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, għandhom jiġu eżaminati l-elementi li jikkaratterizzaw in-natura tar-relazzjonijiet legali bejn il-partijiet fit-tilwima jew is-suġġett ta’ din (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ April 2013, Sapir et, C‑645/11, EU:C:2013:228, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-12 ta’ Settembru 2013, Sunico et, C‑49/12, EU:C:2013:545, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, jekk ċertu tilwim bejn awtorità pubblika u persuna rregolata mid-dritt privat jista’ jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, dan ikun differenti meta l-awtorità pubblika taġixxi fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ April 2013, Sapir et, C‑645/11, EU:C:2013:228, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-12 ta’ Settembru 2013, Sunico et, C‑49/12, EU:C:2013:545, punt 34).

33      Sabiex jiġi stabbilit jekk dan huwiex il-każ fil-kuntest ta’ tilwima bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hemm lok għalhekk li tiġi identifikata r-relazzjoni legali eżistenti bejn il-paritjiet fil-kawża u li tiġi eżaminata l-bażi u l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-azzjoni mibdija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 20013, Préservatrice foncière TIARD, C‑266/01, EU:C:2003:282, punt 23; tal-11 ta’ April 2013, Sapir et, C‑645/11, EU:C:2013:228, punt 34, kif ukoll tat-12 ta’ Settembru 2013, Sunico et, C‑49/12, EU:C:2013:545 , punt 35).

34      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, jekk azzjonijiet privati mibdija sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt tal-kompetizzjoni jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2014, flyLAL-Lithuanian Airlines, C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide, C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 56), huwa min-naħa l-oħra ċert, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, li sanzjoni imposta minn awtorità amministrattiva fl-eżerċizzju tas-setgħat leġiżlattivi li huma mogħtija lilha mil-leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ taħt il-“materja amministrattiva”, eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, konformement mal-Artikolu 1(1) tiegħu. Dan japplika, b’mod partikolari, għal multa applikata minħabba ksur ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jipprojbixxu r-restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni.

35      F’dan il-każ, minkejja li l-kawża prinċipali ma tirrigwardax direttament il-multa li l-awtorità tal-kompetizzjoni imponiet fuq Siemens minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li din it-tilwima hija intrinsikament marbuta ma’ din il-multa u man-nuqqas ta’ qbil li wassal għal kunflitt bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali f’dak li jikkonċerna l-legalità tagħha. Fil-fatt, il-krediti invokati mill-awtorità tal-kompetizzjoni fil-kuntest ta’ din it-tilwima joriġinaw miċ-ċirkustanza li din il-multa, fl-ewwel lok, tħallset minn Siemens, fit-tieni lok, tħallset lura parzjalment minn din l-awtorità wara d-deċiżjoni tal-qrati amministrattivi tal-ewwel istanza u ta’ appell li jnaqqsu l-ammont tagħha, fl-aħħar lok, ġiet mill-ġdid irregolata kollha kemm hi minn Siemens wara d-deċiżjoni tal-Kúria (qorti suprema) li tistabbilixxi mill-ġdid l-ammont inizjali.

36      Fir-rigward tal-kreditu li jikkorrispondi mal-interessi li l-awtorità tal-kompetizzjoni kienet ħallset lil Siemens fil-mument tal-ħlas lura parzjali tal-multa, jiġifieri s-somma ta’ HUF 52 016 230, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan inħoloq awtomatikament bl-applikazzjoni tal-Artikolu 83(5) tal-liġi dwar il-prattiki żleali.

37      Fil-fatt, jidher li jirriżulta mill-prattika proċedurali amministrattiva Ungeriża li, kull darba li multa imposta minn din l-awtorità tiġi annullata jew imnaqqsa mill-qrati amministrattivi, l-impriża kkonċernata tirċievi interessi skont l-Artikolu 83(5) tal-liġi dwar il-prattiki żleali, interessi li din l-istess awtorità sussegwentement tfittex li tirkupra fil-każ fejn il-multa hija sussegwentement stabbilita mill-ġdid fl-ammont inizjali tagħha.

38      Isegwi li l-kawża prinċipali, li fiha l-awtorità tal-kompetizzjoni tfittex li tikseb min-naħa ta’ Siemens il-pagament ta’ kreditu li jirriżulta minn multa li hija imponiet fuq din l-impriża, taqa’ taħt il-materja amministrattiva.

39      Il-fatt li l-awtorità tal-kompetizzjoni ppreżentat rikors quddiem il-qrati ċivili Ungeriżi kontra Siemens ma jbiddel xejn f’dan ir-rigward.

40      Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, indipendentement min-natura tal-proċedura li jiftħilha d-dritt nazzjonali, il-fatt, għal rikorrent, li jfittex l-irkupru ta’ spejjeż abbażi ta’ dritt ta’ kreditu li għandu s-sors tiegħu f’att ta’ awtorità pubblika huwa biżżejjed sabiex l-azzjoni tiegħu titqies bħala eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-konvenzjoni ta’ Brussel (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1980, Rüffer, 814/79, EU:C:1980:291, punt 15).

41      Minbarra dan, u bid-differenza tal-kawża li tat lok għas-sentenza tal-11 ta’ April 2013, Sapir et (C‑645/11, EU:C:2013:228), li fiha kienet inkwistjoni azzjoni għall-irkupru ta’ ħlas żejjed imħallas bi żball minn awtorità amministrattiva, il-kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tħallasx bi żball lil Siemens, iżda oriġina skont il-liġi applikabbli għall-proċedura amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

42      Isegwi li azzjoni għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 44/2001.

43      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, hemm lok li d-domanda preliminari tiġi risposta li azzjoni għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament ibbażata fuq l-arrikkiment indebitu, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li toriġina mir-rimbors ta’ multa imposta fil-kuntest ta’ proċedura fid-dritt tal-kompetizzjoni, ma taqax taħt il-“materji ċivili u kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 44/2001.

 Fuq l-ispejjeż

44      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Azzjoni għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament ibbażata fuq l-arrikkiment indebitu, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li toriġina mir-rimbors ta’ multa imposta fil-kuntest ta’ proċedura fid-dritt tal-kompetizzjoni, ma taqax taħt il-“materji ċivili u kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.