Language of document : ECLI:EU:C:2015:651

Kawża C‑23/14

Post Danmark A/S

vs

Konkurrencerådet

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sø- og Handelsretten)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 82 KE – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq għad-distribuzzjoni tal-posta fi kwantità kbira – Reklamar dirett bil-posta – Sistema ta’ tnaqqis retroattiv – Effett ta’ esklużjoni – Kriterju tal-kompetitur daqstant effettiv – Livell ta’ probabbiltà u natura serja ta’ effett antikompetittiv”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2015

1.        Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Kuntratti ta’ distribuzzjoni tal-posta fi kwantità kbira li jinkludu sistema ta’ tnaqqis retroattiv u kundizzjonali mogħti fuq perijodu twil – Natura abbużiva li tinkludi effett ta’ esklużjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 82 KE)

2.        Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Kunċett – Kunċett oġġettiv li jikkonċerna l-aġir ta’ natura li jinfluwenza l-istruttura tas-suq u li għandu bħala effett li jostakola ż-żamma jew l-iżvilupp tal-kompetizzjoni

(Artikolu 82 KE)

3.        Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Tnaqqis għal kwantità – Tnaqqis għal fedeltà – Klassifikazzjonijiet rispettivi – Kuntratti ta’ distribuzzjoni tal-posta fi kwantità kbira li jinkludu tnaqqis għal fedeltà – Natura abbużiva – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 82 KE)

4.        Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Tnaqqis mhux diskriminatorju – Assenza ta’ impatt fuq effett ta’ esklużjoni possibbli

(Artikolu 82 KE)

5.        Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Ġustifikazzjoni oġġettiva – Kundizzjonijiet – Portata tal-oneru probatorju

(Artikolu 82 KE)

6.        Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Kapaċità li l-kompetizzjoni tiġi ristretta u effett ta’ esklużjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Obbligu li jintuża l-kriterju tal-kompetitur daqstant effettiv – Assenza

(Artikolu 82 KE)

7.        Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Effett antikompetittiv – Natura suffiċjenti ta’ effett potenzjali – Esklużjoni effettiva jew probabbli tal-kompetituri – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 82 KE)

8.        Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Effett antikompetittiv – Rekwiżit ta’ natura gravi jew notevoli – Assenza

(Artikolu 82 KE)

1.        Sabiex jiġi stabbilit jekk sistema ta’ tnaqqis deċiż fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ distribuzzjoni tal-posta fi kwantità kbira konklużi bejn impriża f’pożizzjoni dominanti u l-klijenti tagħha, sistema kkaratterizzata minn:

–        skala li tinkludi rati ta’ bejn 6 % sa 16 %,

–        kundizzjonalità fis-sens li fi tmiem perijodu ta’ referenza l-impriża f’pożizzjoni dominanti twettaq aġġustament meta l-kwantitajiet ta’ posta ma jaqblux ma dawk stmati inizjalment, u

–        retroattività fis-sens li, meta l-livell tal-posta stabbilit inizjalment jinqabeż, ir-rata tat-tnaqqis miżmum fl-aħħar tas-sena tapplika għall-posta kollha mibgħuta matul il-perijodu kkonċernat u mhux esklużivament għall-posta li teċċedi l-kwantità inizjalment stmata,

u implementata minn impriża f’pożizzjoni dominanti jistax ikollha effett ta’ esklużjoni fis-suq, bi ksur tal-Artikolu 82 KE, għandhom jiġu eżaminati ċ-ċirkustanzi kollha f’dan il-każ, b’mod partikolari l-kriterji u r-regoli dwar l-għoti tat-tnaqqis, l-estensjoni tal-pożizzjoni dominanti tal-impriża kkonċernata u l-kundizzjonijiet speċifiċi tal-kompetizzjoni fis-suq rilevanti. Iċ-ċirkustanza li l-imsemmija sistema ta’ tnaqqis tkopri l-parti l-kbira tal-klijentela fis-suq tista’ tikkostitwixxi indizju utli dwar l-importanza ta’ din il-prattika u dwar l-impatt tagħha fis-suq, u b’hekk issaħħaħ, b’kull probabbiltà, l-effett ta’ esklużjoni antikompetittiv.

Fl-ewwel lok, f’dan ir-rigward, l-obbligi kuntrattwali tal-partijiet kontraenti tal-impriża f’pożizzjoni dominanti u l-pressjoni eżerċitata fuqhom jistgħu jkunu partikolarment qawwija meta tnaqqis ma jirrigwardax biss iż-żieda fix-xiri tal-prodotti ta’ din l-impriża minn dawn il-partijiet kontraenti matul il-perijodu meħud inkunsiderazzjoni, iżda jestendi wkoll għal dan ix-xiri kollu. B’dan il-mod, varjazzjonijiet proporzjonalment modesti ta’ bejgħ tal-prodotti tal-impriża f’pożizzjoni dominanti jipproduċu effetti sproporzjonati fuq il-partijiet kontraenti. Kull sistema ta’ tnaqqis mogħtija skont il-kwantitajiet mibjugħa matul perijodu ta’ referenza relattivament twil teżerċita neċessarjament, fl-aħħar tal-perijodu ta’ referenza, iktar pressjoni fuq ix-xerrej, li huwa nkoraġġut jikseb fatturat neċessarju sabiex jieħu l-vantaġġ jew sabiex ma jġarrabx it-telf previst għall-perijodu kollu. Konsegwentement, tali sistema ta’ tnaqqis tista’ tagħmilha iktar faċli għall-impriża dominanti sabiex torbot lill-klijent tagħha stess kif ukoll sabiex tattira lill-klijenti tal-kompetituri tagħha u, finalment, tiġbed lejha l-parti inkwistjoni tad-domanda fis-suq rilevanti. Dan l-effett jissaħħaħ meta t-tnaqqis, mingħajr distinzjoni, japplika għall-parti tad-domanda inkwistjoni kif ukoll għall-parti tad-domanda li ma hijiex inkwistjoni koperti minn monopolju legali.

Fit-tieni lok, il-pussess ta’ parti mis-suq estremament importanti jpoġġi lill-impriża li għandha tali pussess f’sitwazzjoni ta’ saħħa li jagħmilha sieħba obbligatorja u li jiżguralha indipendenza fl-aġir. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa partikolarment diffiċli għall-kompetituri tal-imsemmija impriża li jagħmlu offerta iktar attraenti fir-rigward tat-tnaqqis ibbażat fuq il-volum globali tal-bejgħ. Minħabba fil-parti tagħha fis-suq li huwa kunsiderevolment ikbar, l-impriża f’pożizzjoni dominanti tikkostitwixxi bħala regola ġenerali sieħba kummerċjali inevitabbli fis-suq.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sistema ta’ tnaqqis użata minn impriża li, mingħajr ma torbot b’obbligu formali lill-klijenti ma’ din tal-aħħar, madankollu tagħmilha iktar diffiċli li dawn il-klijenti jieħdu l-provvisti tagħhom minn impriżi kompetituri, toħloq effett ta’ esklużjoni antikompetittiv.

(ara l-punti 23-25, 33-35, 40, 42, 50, u d-dispożittiv 1)

2.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 26)

3.        Fil-każ ta’ tnaqqis mogħti minn impriża f’pożizzjoni dominanti lill-klijenti tagħha, għad-differenza tat-tnaqqis kwantitattiv, marbut esklużivament mal-volum tax-xiri li jsir minn produttur rilevanti li ma huwiex, bħala prinċipju, ta’ natura li jikser l-Artiklu 82 KE, tnaqqis għal lealtà, li għandu t-tendenza li jipprekludi, permezz tal-għoti ta’ vantaġġi finanzjarji, ix-xiri tal-klijenti mingħand produtturi kompetituri għall-bżonnijiet kollha tagħhom jew għal parti importanti minnhom, jikkostitwixxi abbuż fis-sens ta’ dan l-artikolu. F’dan ir-rigward, sistema li ma hijiex marbuta ma’ obbligu jew ma’ wegħda tax-xerrejja li jixtru esklużivament jew ċertu porzjon mill-bżonnijiet tagħhom mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti hija distinta minn tali tnaqqis għal lealtà.

Sistema ta’ tnaqqis ma tistax titqies bħala sempliċi tnaqqis kwantitattiv sa fejn it-tnaqqis inkwistjoni jingħata mhux għal kull ordni individwali, b’hekk jikkorrispondi għall-ekonomiji tal-ispejjeż imwettqa mill-fornitur, iżda skont l-ordnijiet kollha li jsiru matul perijodu partikolari. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jiġi stabbilit jekk l-impriża f’pożizzjoni dominanti abbużatx minn din il-pożizzjoni billi użat tali sistema ta’ tnaqqis, huwa neċessarju li jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi kollha, b’mod partikolari l-kriterji u r-regoli dwar l-għoti tat-tnaqqis, u li jiġi eżaminat jekk dan it-tnaqqis iwassalx, billi jipprovdi vantaġġ li ma huwiex ibbażat fuq ebda servizz ekonomiku li jiġġustifikah, li x-xerrej titneħħielu jew tiġi ristretta l-possibbiltà tal-għażla, sa fejn jirrigwarda s-sorsi ta’ provvisti tiegħu, li jiġi miċħud l-aċċess fis-suq tal-kompetituri, li japplikaw fir-rigward ta’ sħab kummerċjali kundizzjonijiet mhux ugwali għal prestazzjonijiet ekwivalenti jew li tiġi msaħħa l-pożizzjoni dominanti permezz ta’ kompetizzjoni distorta.

(ara l-punti 27-29, 64)

4.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 38)

5.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 47-49)

6.        Ma huwiex possibbli li jinsilet mill-Artikolu 82 KE obbligu legali li jsir rikors sistematiku għall-kriterju tal-kompetitur daqstant effettiv biex tiġi kkonstatata n-natura abbużiva tas-sistema ta’ tnaqqis użata minn impriża f’pożizzjoni dominanti. Din il-konklużjoni madankollu ma għandhiex ikollha bħala effett li teskludi, a priori, l-użu tal-kriterju tal-kompetitur daqstant effettiv fil-kawżi li jikkontestaw is-sistema ta’ tnaqqis sabiex jiġu eżaminati għall-konformità mal-Artikolu 82 KE.

Min-naħa l-oħra, f’sitwazzjoni ikkaratterizzata mill-fatt li l-impriża f’pożizzjoni dominanti għandha parti mis-suq importanti ħafna u minn vantaġġi strutturali mogħtija b’mod partikolari mill-monopolju legali ta’ din l-impriża li japplika għal parti importanti ħafna tas-suq rilevanti, l-applikazzjoni tal-kriterju tal-kompetitur daqstant effettiv hija rrilevanti sa fejn l-istruttura tas-suq tagħmilha prattikament impossibbli li jidħol fis-suq kompetitur daqstant effettiv.

Barra minn hekk, f’suq fejn l-aċċess għalih huwa protett minn ostakoli importanti, il-preżenza ta’ kompetitur inqas effettiv tista’ tikkontribwixxi sabiex tintensifika l-pressjoni kompetittiva fuq dan is-suq u, b’dan il-mod, tiġi eżerċitata limitazzjoni fuq l-aġir tal-impriża f’pożizzjoni dominanti.

Il-kriterju ta’ kompetitur daqstant effettiv għandu għalhekk jitqies bħala strument fost oħrajn sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ sfruttament abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti fil-kuntest ta’ sistema ta’ tnaqqis.

(ara l-punti 57-62 u d-dispożittiv 2)

7.        Jaqgħu biss fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE l-impriżi f’pożizzjoni dominanti li l-aġir tagħhom jista’ jkollu effett antikompetittiv fuq is-suq. F’dan ir-rigward, l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ sistema ta’ tnaqqis li tillimita l-kompetizzjoni għandha ssir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, b’mod partikolari r-regoli u l-kriterji skont liema jingħata t-tnaqqis, in-numru tal-klijenti kkonċernati u l-karatteristiċi tas-suq li fuqu topera l-impriża dominanti. Tali evalwazzjoni hija intiża li tistabbilixxi jekk l-aġir tal-impriża f’pożizzjoni dominanti jwassalx għall-esklużjoni effettiva jew probabbli tal-kompetituri, li tippreġudika l-kompetizzjoni u, għalhekk, lill-interessi tal-konsumaturi.

(ara l-punti 67-69, 74 u d-dispożittiv 3)

8.        Fir-rigward tan-natura gravi jew notevoli tal-effett antikompetittiv, għalkemm huwa minnu li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti, waħedha, ma timplika l-ebda kritika fir-rigward tal-impriża kkonċernata, l-aġir ta’ tali impriża, minħabba l-fatt li l-istruttura kompetittiva tas-suq diġà ddgħajfet, jista’ tagħti lok għal sfruttament abbużiv tal-pożizzjoni dominanti tagħha. Għalhekk, hija l-impriża li għandha pożizzjoni dominanti li għandha responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax bl-aġir tagħha l-kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern.

Barra minn hekk, sa fejn l-istruttura kompetittiva tas-suq diġà ddgħajfet minħabba fil-preżenza tal-impriża dominanti, kull restrizzjoni addizzjonali fuq din l-istruttura kompetittiva tista’ tikkostitwixxi sfruttament abbużiv tal-pożizzjoni dominanti.

Minn dan jirriżulta li l-istabbiliment ta’ kriterju tal-apprezzabbiltà (de minimis) sabiex jiġi determinat sfruttament abbużiv tal-pożizzjoni dominanti ma huwiex iġġustifikat. Fil-fatt, din il-prattika antikompetittiva tista’, min-natura tagħha stess, toħloq restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni li ma humiex negliġibbli, jew anki telimina l-kompetizzjoni fis-suq fejn topera l-impriża kkonċernata.

(ara l-punti 70-74 u d-dispożittiv 3)