Language of document : ECLI:EU:C:2016:657

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2016 (1)

Proċedura ta’ opinjoni 3/15

mibdija fuq talba mressqa mill-Kummissjoni Ewropea

“Konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali mill-Unjoni Ewropea — Trattat ta’ Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b’Diżabbiltà fil-Vista jew li b’xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat — Kompetenza tal-Unjoni Ewropea — Bażijiet legali — Artikolu 19 TFUE — Artikolu 114 TFUE — Artikolu 153 TFUE — Artikolu 207 TFUE — Artikolu 209 TFUE — Direttiva 2001/29/KE”





1.        Il-fatt li ftehimiet internazzjonali jistgħu jkunu intiżi sabiex jiksbu, b’mod simultanju, firxa ta’ għanijiet jispjega għaliex il-konklużjoni ta’ tali ftehimiet mill-Unjoni Ewropea tista’ twassal, fis-sistema legali tal-Unjoni, għal ċerti kwistjonijiet ta’ liġi speċifiċi. B’mod partikolari, l-identifikazzjoni tal-bażi legali korretta għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, u d-determinazzjoni tan-natura tal-kompetenza eżerċitata mill-Unjoni Ewropea meta tikkonkludi dak il-ftehim, kultant jistgħu jkunu eżerċizzju pjuttost kumpless. Sfortunatament, iżda forsi mhux mingħajr mistenni, dwar dawk il-kwistjonijiet l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-gvernijiet tal-Istati Membri kultant jaslu għal konklużjonijiet differenti.

2.        Dik is-sitwazzjoni hija murija mill-kawża ineżami, fejn il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkjarifika jekk l-Unjoni Ewropea għandhiex kompetenza esklużiva sabiex tikkonkludi t-Trattat ta’ Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b’Diżabbiltà fil-Vista jew li b’xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat (2) (iktar ’il quddiem it-“Trattat ta’ Marrakexx”), innegozjat fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (“WIPO”).

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    It-Trattat ta’ Marrakexx

3.        Fil-preambolu tat-Trattat ta’ Marrakexx, il-partijiet kontraenti jistabbilixxu, inter alia, ir-raġunijiet għal dan it-trattat u l-għan tiegħu. B’mod partikolari, huma qabelxejn ifakkru “l-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, opportunitajiet indaqs, aċċessibbiltà u parteċipazzjoni u inklużjoni sħaħ u effettivi fis-soċjetà, proklamati fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà”. Konxji mill-“isfidi li jippreġudikaw l-iżvilupp sħiħ ta’ persuni b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat”, huma jenfasizzaw “l-importanza tal-ħarsien tad-drittijiet tal-awtur bħala inċentiv u premju għal kreazzjonijiet letterarji u artistiċi”. Huma jiddikjaraw li huma konxji mill-“ostakli ta’ persuni b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat biex jaċċessaw ix-xogħlijiet ippubblikati” u mill-“ħtieġa li jikber l-għadd ta’ xogħlijiet f’formati aċċessibbli kif ukoll li titjieb iċ-ċirkolazzjoni ta’ xogħlijiet bħal dawn”. Huma jirrikonoxxu li, “minkejja d-differenzi fil-liġijiet nazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur, l-impatt pożittiv ta’ teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni fuq il-ħajja ta’ persuni b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat jista’ jissaħħaħ permezz ta’ qafas legali mtejjeb fil-livell internazzjonali”.

4.        Il-preambolu wkoll jenfasizza li, minkejja l-fatt li “bosta Stati Membri stabbilixxew limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet fil-liġijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-awtur għal persuni b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat”, “hemm nuqqas dejjem jikber ta’ xogħlijiet disponibbli f’kopji f’format aċċessibbli għal dawn il-persuni”. Fil-fatt, huma meħtieġa riżorsi kunsiderevoli sabiex xogħlijiet isiru aċċessibbli għal dawn il-persuni u l-iskambju transkonfinali limitat ta’ kopji f’format aċċessibbli jwassal għad-duplikazzjoni tal-isforzi meħtieġa għal dan l-għan.

5.        Il-partijiet kontraenti jirrikonoxxu wkoll “kemm l-importanza tal-irwol tad-detenturi li jgħamlu x-xogħlijiet tagħhom aċċessibbli għal persuni b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat u l-importanza ta’ limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet xierqa sabiex ix-xogħlijiet isiru aċċessibbli għal dawn il-persuni, b’mod partikolari meta s-suq ma jkunx jista’ jipprovdi dan l-aċċess”. Barra minn hekk, huma jirrikonoxxu “il-ħtieġa li jinżamm bilanċ bejn il-ħarsien effettiv tad-drittijiet tal-awtur u l-interessi tal-pubbliku […] u li dan il-bilanċ għandu jiffaċilita l-aċċess effettiv u f’waqtu għal xogħlijiet għall-benefiċċju ta’ persuni b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat”.

6.        L-Artikolu 2 tat-Trattat ta’ Marrakexx jinkludi d-definizzjonijiet ta’ “xogħlijiet” (3), “kopja f’format aċċessibbli” (4) u “entità awtorizzata” (5) għall-finijiet ta’ dak it-trattat. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 3 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “persuna benefiċjarja” — essenzjalment, benefiċjarju huwa ddefinit bħala persuna milquta minn waħda jew iktar minn serje ta’ diżabbiltajiet li jostakolaw il-qari effettiv ta’ materjal stampat. Din id-definizzjoni wiesgħa tinkludi l-persuni li għandhom diżabbiltà fil-vista kif ukoll dawk li għandhom diżabbiltà fiżika li timpedixxihom milli jżommu u jimmanipulaw ktieb.

7.        L-obbligi għall-partijiet kontraenti huma stabbiliti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 4 sa 6 tat-Trattat ta’ Marrakexx. B’mod iktar speċifiku, l-Artikolu 4(1) jipprovdi għal eċċezzjoni jew limitazzjoni għal-liġijiet nazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur sabiex kopji f’format aċċessibbli jkunu jistgħu jsiru taħt ċerti kundizzjonijiet, sabiex tiġi ffaċilitata d-disponibbiltà ta’ xogħlijiet f’kopji f’format aċċessibbli għal persuni benefiċjarji. Dik id-dispożizzjoni tistabbilixxi wkoll li l-partijiet kontraenti jistgħu jipprovdu limitazzjoni jew eċċezzjoni għad-dritt tal-prestazzjoni pubblika sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għal xogħlijiet għal persuni benefiċjarji. L-Artikolu 5(1) jikkonċerna l-iskambju transkonfinali ta’ kopji f’format aċċessibbli: il-partijiet kontraenti għandhom jipprovdu li “jekk kopja f’format aċċessibbli ssir taħt limitazzjoni jew eċċezzjoni jew skont il-liġi, dik il-kopja f’format aċċessibbli tista’ titqassam jew issir disponibbli permezz ta’ entità awtorizzata lil persuna benefiċjarja jew entità awtorizzata f’Parti Kontraenti oħra”. L-Artikolu 6 jikkonċerna l-importazzjoni ta’ kopji f’format aċċessibbli, u jipprovdi li “[s]a fejn il-liġi nazzjonali ta’ Parti Kontraenti tippermetti lil persuna benefiċjarja, min jaġixxi f’isimha, jew entità awtorizzata, biex tagħmel kopja f’format aċċessibbli ta’ xogħol, il-liġi nazzjonali ta’ dik il-Parti Kontraenti għandha wkoll tħallih jimporta kopja f’format aċċessibbli għall-benefiċċju tal-persuni benefiċjarji, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt”.

8.        L-Artikolu 7 tat-Trattat ta’ Marrakexx jipprovdi li l-partijiet kontraenti għandhom jiżguraw l-aċċess, mill-persuni benefiċjarji, meta d-detenturi tad-drittijiet jużaw miżuri teknoloġiċi ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur. L-Artikolu 8 ta’ dak it-trattat huwa intiż li jipproteġi l-privatezza ta’ persuni benefiċjarji, filwaqt li l-Artikolu 9 tiegħu jikkonċerna kooperazzjoni għat-trawwim tal-iskambju transkonfinali ta’ kopji f’format aċċessibbli.

9.        L-Artikoli 10, 11 u 12 tat-Trattat ta’ Marrakexx jipprovdu gwida ġenerali dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dak it-trattat. L-Artikolu 11 jistabbilixxi, fost oħrajn, li l-partijiet kontraenti għandhom jikkonformaw mal-obbligi li jemanaw mill-Konvenzjoni ta’ Berna, mill-Ftehim dwar Aspetti relatati mal-Kummerċ ta’ Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali (“il-Ftehim TRIPS”) u mit-Trattat WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur (“it-TWDA”) (6).

10.      Fl-aħħar nett, l-Artikoli 13 sa 22 tat-Trattat ta’ Marrakexx jinkludu dispożizzjonijiet amministrattivi u proċedurali. B’mod partikolari, l-Artikolu 15(3) jipprovdi: “L-Unjoni Ewropea, wara li għamlet id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu preċedenti fil-Konferenza Diplomatika li adottat dan it-Trattat, tista’ tissieħeb f’dan it-Trattat”. L-Artikolu 18 jispeċifika li dak it-trattat ser jidħol fis-seħħ “tliet xhur wara li 20 parti eliġibbli […] ikunu ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta’ ratifika jew adeżjoni”. L-Artikolu 21(1) jindika li dak it-Trattat huwa “ffirmat f’verżjoni oriġinal unika bl-Ingliż, bl-Għarbi, biċ-Ċiniż, bil-Franċiż, bir-Russu u bl-Ispanjol, bil-verżjonijiet f’dawn il-lingwi kollha jkunu awtentiċi daqs xulxin”.

B –    Id-dritt tal-Unjoni

11.      Id-Direttiva 2001/29/KE (7) tarmonizza ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni. B’mod partikolari, dak l-att jarmonizza, fir-rigward tal-awturi, id-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni [Artikolu 2(a)], id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom inkluż id-dritt li jagħmlu dawk ix-xogħlijiet disponibbli għall-pubbliku [Artikolu 3(1)], u d-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni (Artikolu 4) tax-xogħlijiet tagħhom.

12.      L-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2001/29 jelenka l-każijiet fejn l-Istati Membri huma awtorizzati jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni stabbilit fl-Artikolu 2, u għad-drittijiet l-oħra previsti fl-Artikoli 2 u 3 tad-direttiva, rispettivament. B’mod partikolari, fil-punt (b), l-Artikolu 5(3) jirreferi għal “użu, għall-benefiċċju ta’ nies b’diżabbilità, li huwa direttament relatat mad-diżabilità u ta’ natura mhux kummerċjali, sa fejn meħtieġ mid-diżabilità speċifika” (8). L-Artikolu 5(4) iżid li “[f]ejn l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni skond il-paragrafi 2 u 3, huma bl-istess mod jistgħu jipprovdu għal eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt ta’ distribuzzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 4 sa fejn ikun ġustifikat mill-iskop ta’ l-att ta’ riproduzzjoni awtorizzat”. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 5(5) jispeċifika li l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti “għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet”.

13.      L-Artikolu 6(1) u (4) tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi:

“1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu protezzjoni legali adekwata kontra t-tidwir ma’ kull miżura teknoloġika effettiva, li persuna relatata twettaq konsapevolment, jew b’raġunijiet li tkun taf, li qiegħda tilħaq dak il-għan.

[…]

4.      Minkejja l-protezzjoni legali li hemm provdut dwarha fil-paragrafu 1, fl-assenza ta’ miżuri volontarji meħuda mid-detenturi tad-drittijiet, magħduda ftehim bejn id-detenturi tad-drittijiet u partijiet oħra relatati, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li detenturi tad-drittijiet jagħmlu disponibbli għall-benefiċjarju ta’ eċċezzjoni jew limitazzjoni li hemm provdut dwarha fil-liġi nazzjonali skond l-Artikolu 5(2)(a), (2)(ċ), (2)(d), (2)(e), (3)(a), (3)(b) jew (3)(e) il-mezzi li jibbenefikaw minn dik l-eċċezzjoni jew limitazzjoni, sa fejn huwa meħtieġ biex jibbenefikaw minn dik l-eċċezzjoni jew limitazzjoni u fejn dak il-benfċjarju jkollu aċċess legali għax-xogħol protett jew materjal suġġett relatat.

[…]”

II – Il-fatti, it-talba għal opinjoni u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

A –    Il-kuntest fattwali

14.      Fl-2009, fid-WIPO bdew negozjati dwar il-konklużjoni ta’ trattat internazzjonali possibbli li jintroduċi limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur għall-benefiċċju ta’ persuni li huma għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat, bl-għan li jiġi ffaċilitat l-iskambju transkonfinali ta’ kotba u materjal stampat ieħor f’formati aċċessibbli.

15.      Fis-26 ta’ Novembru 2012, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni tipparteċipa f’dawk in-negozjati, f’isem l-Unjoni Ewropea (9). In-negozjati tad-WIPO ġew konklużi b’suċċess fil-konferenza diplomatika li saret f’Marrakexx bejn is-17 u t-28 ta’ Ġunju 2013. Dawn wasslu għall-adozzjoni tat-Trattat ta’ Marrakexx fis-27 ta’ Ġunju 2013.

16.      Fl-14 ta’ April 2014, il-Kunsill awtorizza l-iffirmar tat-Trattat ta’ Marrakexx f’isem l-Unjoni Ewropea (10). Id-Deċiżjoni tal-Kunsill kienet ibbażata kemm fuq l-Artikolu 114 TFUE kif ukoll fuq l-Artikolu 207 TFUE. F’dik l-okkażjoni, madankollu, saru numru ta’ stqarrijiet: il-Kummissjoni stqarret li hija kienet tqis li s-suġġett tat-Trattat ta’ Marrakexx jaqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, filwaqt li diversi Stati Membri madankollu kienu tal-opinjoni li dik il-kompetenza hija kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea.

17.      Fil-21 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat ta’ Marrakexx (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”) (11). Il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill kienet ibbażata fuq l-Artikoli 114, 207 u 218(6)(a)(v) TFUE. Wara diversi diskussjonijiet, speċjalment fi ħdan il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper), dik il-proposta madankollu ma kisbitx il-maġġoranza meħtieġa fil-Kunsill peress li l-Istati Membri ma kinux jaqblu fuq jekk it-Trattat ta’ Marrakexx jaqax fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni jew le. Għaldaqstant, sa llum, l-Unjoni ma kkonkludietx it-Trattat ta’ Marrakexx.

18.      Minkejja dan, fid-19 ta’ Mejju 2015, il-Kunsill iddeċieda li jitlob, skont l-Artikolu 241 TFUE, lill-Kummissjoni sabiex tissottometti mingħajr dewmien proposta leġiżlattiva sabiex il-qafas legali tal-Unjoni jiġi emendat sabiex it-Trattat ta’ Marrakexx jingħata effett.

19.      F’dak l-isfond, fis-17 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja talba, skont l-Artikolu 218(11) TFUE, għal opinjoni dwar in-natura tal-kompetenza tal-Unjoni fir-rigward tat-Trattat ta’ Marrakexx.

20.      Fis-6 ta’ Ottubru 2015, il-Kummissjoni rrispondiet b’mod favorevoli għat-talba tal-Kunsill skont l-Artikolu 241 TFUE, billi ddikjarat li hija ser “tippreżenta abbozz ta’ leġiżlazzjoni sabiex l-Unjoni tkun konformi mat-Trattat ta’ Marrakexx” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

B –    It-talba għal opinjoni

21.      It-talba għal opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja mressqa mill-Kummissjoni taqra b’dan il-mod:

“L-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva biex tikkonkludi t-[Trattat ta’ Marrakexx]?”

22.      It-test tat-Trattat ta’ Marrakexx, fi tliet verżjonijiet awtentiċi (Ingliż, Franċiż u Spanjol), ġie anness mat-talba tal-Kummissjoni għal opinjoni.

C –    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23.      Osservazzjonijiet bil-miktub f’din il-proċedura ġew ippreżentati mill-Gvern Ċek, mill-Gvern Franċiż, mill-Gvern Litwan, mill-Gvern Ungeriż, mill-Gvern Rumen, mill-Gvern Finlandiż u mill-Gvern tar-Renju Unit, u mill-Parlament Ewropew. Il-Gvern Ċek, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Ungeriż, il-Gvern Taljan, il-Gvern Rumen, il-Gvern Finlandiż u l-Gvern tar-Renju Unit, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta tas-7 ta’ Ġunju 2016.

D –    Sunt tal-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

24.      Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-talba għal opinjoni fis-sens li t-Trattat ta’ Marrakexx jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-bażijiet legali sostantivi huma, minn naħa, l-Artikolu 114 TFUE u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 207 TFUE. L-ewwel dispożizzjoni sservi ta’ bażi minħabba l-effett ta’ armonizzazzjoni li l-Kummissjoni ssostni li t-Trattat ta’ Marrakexx ser ikollu fir-rigward ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati. It-tieni dispożizzjoni titqies rilevanti peress li t-Trattat ta’ Marrakexx huwa intiż, b’mod partikolari, li jiżgura l-iskambju transkonfinali ta’ kopji f’format aċċessibbli bejn il-partijiet kontraenti, inkluż bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi. Irrispettivament mill-bażijiet legali sostantivi speċifiċi, fil-fehma tal-Kummissjoni l-kompetenza tal-Unjoni hija esklużiva skont l-Artikolu 3(2) TFUE peress li l-konklużjoni tat-Trattat ta’ Marrakexx tista’ taffettwa jew tibdel il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29.

25.      Il-Parlament Ewropew jappoġġja l-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni. Fil-fehma tiegħu, l-Artikoli 114 u 207 TFUE jikkostitwixxu l-bażijiet legali sostantivi korretti għad-deċiżjoni inkwistjoni. Il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni sabiex tikkonkludi t-Trattat ta’ Marrakexx tinsilet mill-Artikolu 3(2) TFUE: l-obbligu li tipprovdi għal limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet fil-liġi nazzjonali tad-drittijiet tal-awtur jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/29 b’mod ġenerali u fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(3)(b) tagħha b’mod speċifiku. Min-naħa tiegħu, il-Kunsill ma jiħux pożizzjoni dwar in-natura tal-kompetenza tal-Unjoni jew fuq il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni inkwistjoni. Huwa sempliċement jiċħad li l-fatt li huwa talab lill-Kummissjoni b’mod formali sabiex tippreżenta abbozz ta’ leġiżlazzjoni taħt l-Artikolu 241 TFUE jista’ jkollu xi effett fuq l-evalwazzjoni tal-kompetenza tal-Unjoni.

26.      Għall-kuntrarju, il-Gvern Ċek, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Litwan, il-Gvern Ungeriż, il-Gvern Rumen, il-Gvern Finlandiż u l-Gvern tar-Renju Unit huma tal-fehma li l-Unjoni ma għandhiex kompetenza esklużiva sabiex tikkonkludi t-Trattat ta’ Marrakexx. B’mod partikolari, dawk il-gvernijiet kollha jsostnu li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) TFUE sabiex il-kompetenza tal-Unjoni ssir esklużiva ma humiex issodisfatti. Madankollu, fir-rigward tal-bażijiet legali sostantivi għad-deċiżjoni inkwistjoni, il-fehmiet ta’ dawk il-gvernijiet ivarjaw.

27.      Il-Gvern Litwan jaqbel mal-Kummissjoni u mal-Parlament Ewropew li l-Artikoli 114 u 207 TFUE huma l-bażijiet legali korretti. Inizjalment, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Franċiż kien tal-opinjoni li l-Artikolu 114 TFUE waħdu kien jikkostitwixxi l-bażi legali korretta filwaqt li sussegwentement, fis-seduta, huwa ddikjara li huwa kien bidel il-pożizzjoni tiegħu u li huwa kien iqis li kien hemm bżonn ukoll ta’ riferiment għall-Artikolu 209 TFUE.

28.      Il-Gvern Ċek u dak Finlandiż ukoll iqisu li l-Artikolu 114 TFUE huwa rilevanti, iżda jissuġġerixxu li l-Artikolu 19 TFUE jiġi inkluż bħala bażi legali addizzjonali. Il-Gvern Ungeriż jargumenta li r-riferiment għall-Artikolu 114 TFUE huwa korrett iżda, min-naħa tiegħu, jipproponi li jiżdied riferiment għall-Artikolu 4(2)(b) TFUE peress li t-Trattat ta’ Marrakexx prinċipalment ifittex li jilħaq għan ta’ politika soċjali.

29.      Il-Gvern tar-Renju Unit, min-naħa l-oħra, huwa tal-fehma li l-Artikolu 114 TFUE ma jistax ikun il-bażi għad-deċiżjoni inkwistjoni: fl-opinjoni tiegħu, dik id-deċiżjoni għandha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 19 TFUE waħdu jew, b’mod sussidjarju, flimkien mal-Artikolu 207 TFUE. Fl-aħħar nett, il-Gvern Rumen ma jiħux pożizzjoni fuq il-bażi legali korretta tad-deċiżjoni inkwistjoni iżda jikkontesta l-applikabbiltà tal-Artikolu 207 TFUE.

III – Evalwazzjoni

A –    Introduzzjoni

30.      Fit-talba tagħha, l-unika kwistjoni li dwarha l-Kummissjoni tfittex li tikseb l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija jekk l-Unjoni Ewropea għandhiex kompetenza esklużiva sabiex tikkonkludi t-Trattat ta’ Marrakexx.

31.      Madankollu, sabiex tingħata risposta għal dik id-domanda, huwa neċessarju li tiġi identifikata l-bażi (jew bażijiet) legali sostantivi għad-deċiżjoni inkwistjoni. Fis-sistema maħluqa bit-Trattati tal-Unjoni, li hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ attribuzzjoni, l-għażla tal-bażi legali korretta għal att propost mill-istituzzjonijiet hija ta’ sinjifikat kostituzzjonali (12) Din l-għażla tiddetermina jekk l-Unjoni għandhiex setgħa taġixxi, għal liema skopijiet tista’ taġixxi u l-proċedura li hija ser ikollha ssegwi fl-eventwalità li hija tista’ taġixxi.

32.      Dan huwa ta’ sinjifikat partikolari fir-rigward tal-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali mill-Unjoni. Bħalma ddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwistjoni ta’ jekk l-Unjoni waħedha għandhiex kompetenza tikkonkludi ftehim jew jekk tali kompetenza hijiex kondiviża mal-Istati Membri tiddependi, fost oħrajn, fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jagħtu s-setgħa lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jipparteċipaw fil-ftehim (13). Tabilħaqq, f’ċerti oqsma, l-Unjoni ma tistax tikseb esklużività esterna li sseħħ sussegwentement, skont l-Artikolu 3(2) TFUE, anki meta din tkun diġà eżerċitat il-kompetenza tagħha internament. Għaldaqstant, l-indikazzjoni tal-bażi legali tiddetermina t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri (14).

33.      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-għażla tal-bażi legali għal miżura, inkluża waħda adottata sabiex jiġi konkluż ftehim internazzjonali, għandha tkun ibbażata fuq fatturi oġġettivi li jistgħu jwasslu għal stħarriġ ġudizzjarju. Dawk il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut tal-miżura. Jekk eżami ta’ miżura juri li dan għandu żewġ għanijiet jew li għandu żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti ikun identifikabbli bħala ewlieni jew predominanti, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, il-miżura għandha tiġi bbażata fuq bażi legali waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti. Bħala eċċezzjoni, jekk jiġi stabbilit li l-miżura tfittex li tilħaq diversi għanijiet fl-istess waqt jew li din fiha diversi komponenti marbuta b’mod inseparabbli, mingħajr ma wieħed ikun sekondarju u indirett meta mqabbel mal-ieħor, il-miżura tista’ tiġi bbażata fuq il-bażijiet legali korrispondenti (15).

34.      Ġurisprudenza stabbilita sewwa għaldaqstant timplika li fil-każ tal-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali, bħal fil-każ ta’ kwalunkwe att ieħor tal-Unjoni Ewropea, min jinterpreta għandu jagħmel ħiltu sabiex jidentifika, fejn ikun possibbli, bażi legali waħda biss jew, fin-nuqqas ta’ dan, in-numru minimu assolut ta’ bażijiet legali. Ċertament, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona — li jissimplifika l-proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjoni u jiġġeneralizza l-użu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja għall-parti l-kbira tal-oqsma ta’ azzjoni tal-Unjoni — il-problemi li jqumu mill-koeżistenza ta’ diversi bażijiet legali f’atti tal-Unjoni jistgħu jkunu inqas akuti. Madankollu, il-prinċipju bażiku li kwalunkwe pluralità ta’ bażijiet legali li ma hijiex essenzjali għandha tiġi evitata għadu, mingħajr dubju, validu.

35.      Fil-fehma tiegħi, dan huwa b’mod partikolari minnu għal ftehimiet internazzjonali li jkopru qasam speċifiku u li għandhom tendenza li jkollhom għan wieħed, iddefinit b’mod ċar. Filwaqt li ftehimiet internazzjonali li huma intiżi li jirregolaw ir-relazzjoni bejn il-partijiet kontraenti f’varjetà wiesgħa ta’ oqsma (ta’ spiss issir referenza għalihom bħala “ftehimiet qafas”, “ftehimiet ta’ sħubija” jew “ftehimiet ta’ kooperazzjoni”) jistgħu ħafna iktar faċilment jiġġustifikaw użu minn pluralità ta’ bażijiet legali, dan huwa inqas minnu meta l-iskop tal-ftehim ikun iktar limitat u speċifiku.

36.      L-identifikazzjoni tal-hekk imsejjaħ ċentru (jew ċentri) ta’ gravità ta’ att legali propost tista’ madankollu tkun kompitu diffiċli. Tabilħaqq, l-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni huma ddefiniti, fit-Trattati, b’diversi modi. Fil-kategoriji kollha, il-kompetenzi huma espressi, b’mod predominanti, f’termini ta’ għanijiet li għandhom jintlaħqu (pereżempju, is-suq intern jew il-preżervazzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent). Min-naħa tagħhom, dawn jistgħu jiġu limitati għal ċerti “temi” bħal setturi ekonomiċi speċifiċi (pereżempju, it-trasport) jew oqsma ta’ politika speċifika (pereżempju, il-protezzjoni tal-konsumatur), jew, għall-kuntrarju, jiġu mfassla f’termini ġenerali (pereżempju, is-suq intern) jew ikopru varjetà ta’ oqsma ta’ politika (pereżempju, iż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja). F’sitwazzjonijiet oħrajn, madankollu, il-kompetenzi huma espressi prinċipalment f’termini tat-tipi ta’ atti li l-Unjoni Ewropea tista’ tadotta f’qasam partikolari (kif jiġri, pereżempju, fl-oqsma tal-unjoni doganali, tal-kompetizzjoni jew tal-politika kummerċjali komuni). Fl-aħħar nett, l-azzjoni esterna tal-Unjoni għandha dejjem tkun iggwidata mill-istess prinċipji u aspirazzjonijiet, irrispettivament mit-tip ta’ kompetenza eżerċitata.

37.      Id-diffikultajiet fl-identifikazzjoni tal-bażi legali korretta ta’ att tal-Unjoni li ssemmew iktar ’il fuq jokkorru anki fil-każ ineżami. Kif imsemmi fil-punti 24 sa 29 iktar ’il fuq, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-proċedura għamlu riferiment għal mhux inqas minn ħames dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE li, waħedhom jew flimkien ma’ oħrajn, jistgħu, fil-fehma tagħhom, jikkostitwixxu bażijiet legali sostantivi għad-deċiżjoni inkwistjoni: l-Artikoli 4(2)(b), 19(1), 114, 207 u 209 TFUE.

38.      Fil-verità, l-argumenti mressqa insostenn ta’ kull waħda minn dawk id-dispożizzjonijiet fihom ċertu saħħa. Madankollu, b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ kollox, nemmen li d-deċiżjoni inkwistjoni għandu jkollha bażi legali doppja, kif issuġġerit mill-maġġoranza tal-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet. Fil-fehma tiegħi, iż-żewġ dispożizzjonijiet applikabbli huma l-Artikoli 19(1) u 207 TFUE. Fit-taqsima li ġejja, ser nispjega r-raġunijiet għall-fehma tiegħi. F’dan il-kuntest, ser nispjega wkoll għaliex, fl-analiżi finali, l-argumenti mressqa insostenn tat-tliet dispożizzjonijiet l-oħra, filwaqt li ma humiex infondati, ma jikkonvinċunix. Fl-aħħar nett, ser nistħarreġ il-punt kruċjali ta’ din it-talba għal opinjoni: in-natura esklużiva jew kondiviża tal-kompetenza tal-Unjoni sabiex tikkonkludi t-Trattat ta’ Marrakexx.

B –    Il-bażijiet legali sostantivi

1.      L-Artikolu 207 TFUE

a)      Osservazzjonijiet ġenerali

39.      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament Ewropew u mill-Gvern Litwan u l-Gvern tar-Renju Unit (16), tqis li t-Trattat ta’ Marrakexx huwa att ta’ politika kummerċjali komuni u, għaldaqstant, li l-Artikolu 207 TFUE għandu jkun wieħed mill-bażijiet legali sostantivi tad-deċiżjoni inkwistjoni.

40.      Jiena naqbel.

41.      Il-politika kummerċjali komuni hija waħda mill-pilastri prinċipali tar-relazzjonijiet tal-Unjoni mal-bqija tad-dinja. Skont l-Artikolu 207(1) TFUE, din il-politika “għandha tkun ibbażata fuq prinċipji uniformi, partikolarment fir-rigward ta’ bidliet fir-rati tariffarji, il-konklużjoni ta’ ftehim tariffarji u dawk kummerċjali rigward il-kummerċ ta’ merkanzija u ta’ servizzi, u l-aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali, l-investiment barrani dirett, il-kisba ta’ l-uniformità fil-miżuri ta’ liberalizzazzjoni, il-politika dwar l-esportazzjoni kif ukoll il-miżuri għall-protezzjoni tal-kummerċ bħal dawk li għandhom jittieħdu fil-każ ta’ dumping jew sussidji”.

42.      Huwa paċifiku li s-sempliċi fatt li att tal-Unjoni jista’ jkollu ċerti effetti fuq il-kummerċ internazzjonali ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li dan l-att għandu jiġi kklassifikat fil-kategorija ta’ dawk li huma parti mill-politika kummerċjali komuni. Tabilħaqq, att tal-Unjoni jkun parti minn din il-politika jekk ikun jirrigwarda speċifikament il-kummerċ internazzjonali inkwantu huwa intiż essenzjalment sabiex jippromwovi, jiffaċilita jew imexxi dan il-kummerċ u għandu effetti diretti u immedjati fuqu (17).

43.      Is-suġġett tal-kummerċ internazzjonali la jista’ jiġi ddeterminat b’mod astratt u lanqas ma jista’ jiġi identifikat b’mod statiku u strett. Il-kummerċ globali huwa suġġett għal bdil kontinwu: il-prattiki kummerċjali, il-mudelli u t-tendenzi jevolvu maż-żmien. L-Unjoni għandha dejjem tkun kapaċi twettaq ir-rwol tagħha bħala attur fil-kummerċ globali fir-rigward tal-imsieħba tagħha fil-kummerċ, kemm f’kuntesti bilaterali u f’fora multilaterali. Dan huwa għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja, sa mill-bidu tagħha, b’mod konsistenti kienet tal-fehma li l-politika kummerċjali komuni għandha tiġi ddefinita b’mod wiesa’, billi jitwarrbu interpretazzjonijiet restrittivi tar-regoli tat-Trattat li permezz tagħhom dik il-politika tista’ “ssir inoperattiva maż-żmien” (18). Il-politika kummerċjali komuni inħolqot, kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja, b’“natura miftuħa” (19). Meta ddefinixxew il-karatteristiċi u l-atti ta’ dik il-politika, it-Trattati ħadu inkunsiderazzjoni bidliet possibbli: għaldaqstant, l-Artikolu 207 TFUE “jippreżupponi li [l-politika kummerċjali] tadatta ruħha għat-tibdiliet eventwali tal-perċezzjonijiet fis-soċjetà internazzjonali” (20).

44.      Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, fil-fehma tiegħi huwa ċar li d-deċiżjoni inkwistjoni taqa’, tal-inqas parzjalment, fil-politika kummerċjali komuni.

45.      L-Artikolu 207(1) TFUE jinkludi “l-aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali” fost is-setturi li jaqgħu fi ħdan il-portata tal-politika kummerċjali komuni. Meta interpretat dak il-kunċett fis-sentenza Daiichi Sankyo, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, fost ir-regoli tal-Unjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, huma biss dawk li għandhom rabta speċifika mal-kummerċ internazzjonali li huma kapaċi jaqgħu fi ħdan il-qasam tal-politika kummerċjali komuni (21).

46.      Numru ta’ dispożizzjonijiet ċentrali tat-Trattat ta’ Marrakexx evidentement għandhom tali rabta speċifika mal-kummerċ internazzjonali: b’mod partikolari, l-Artikolu 5 (“L-Iskambju Transfruntier ta’ Kopji f’Format Aċċessibbli”), l-Artikolu 6 (“Importazzjoni ta’ Kopji f’Format Aċċessibbli”) u l-Artikolu 9 (“Kooperazzjoni biex jiġi Ffaċilitat l-Iskambju Transfruntier”). Dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu xi wħud mill-obbligi prinċipali tal-partijiet kontraenti u jidhru li huma kruċjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fil-preambolu tat-Trattat ta’ Marrakexx, li “jikber l-għadd ta’ xogħlijiet f’formati aċċessibbli kif ukoll li titjieb iċ-ċirkolazzjoni ta’ xogħlijiet bħal dawn (22). Skont dak il-preambolu, waħda mir-raġunijiet għan-“nuqqas dejjem jikber ta’ xogħlijiet disponibbli f’kopji f’format aċċessibbli” hija preċiżament l-iskambju transkonfinali limitat ta’ kopji f’format aċċessibbli.

47.      Barra minn hekk, dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat ta’ Marrakexx (bħall-Artikolu 4) huma wkoll intiżi sabiex jiffaċilitaw il-kummerċ internazzjonali billi jistandardizzaw ċerti regoli dwar id-disponibbiltà, il-portata u l-użu ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali fost il-partijiet kontraenti. Għaldaqstant, minkejja li f’kuntest differenti u fuq skala ħafna iktar limitata, it-Trattat ta’ Marrakexx huwa wkoll intiż li jilħaq wieħed mill-għanijiet tal-Ftehim TRIPs li, fis-sentenza Daiichi Sankyo (23), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li huwa kruċjali sabiex dak il-ftehim jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 207 TFUE.

48.      Konsegwentement, lil hinn milli sempliċement ikollhom implikazzjonijiet limitati fuq il-kummerċ internazzjonali, komponent kbir u importanti tat-Trattat ta’ Marrakexx jirrigwarda speċifikament dan. Id-dispożizzjonijiet tiegħu huma intiżi li jippromwovu, jiffaċilitaw u jirregolaw il-kummerċ ta’ tip speċifiku ta’ prodotti: kopji f’format aċċessibbli. Fl-iskema ġenerali tat-Trattat ta’ Marrakexx, il-ftuħ ta’ swieq nazzjonali għal kopji f’format aċċessibbli minn pajjiżi oħrajn huwa wieħed mill-mezzi prinċipali sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mill-partijiet kontraenti.

49.      Din il-konklużjoni ma titqegħidx fid-dubju minn ċerti argumenti mressqa minn numru ta’ Stati Membri li jiċħdu li l-Artikolu 207 TFUE huwa bażi legali xierqa u li ser nindirizza issa.

b)      Aspetti mhux kummerċjali tal-proprjetà intellettwali

50.      L-ewwel nett, il-Gvern Ċek, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Ungeriż u l-Gvern Finlandiż ma jaċċettawx li l-iskambju transkonfinali ta’ kopji f’format aċċessibbli jseħħ fi ħdan qafas kummerċjali. B’mod partikolari, huma jindikaw l-Artikolu 4(2) tat-Trattat ta’ Marrakexx li skontu l-partijiet kontraenti għandhom jintroduċu limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet fil-liġi tad-drittijiet tal-awtur tagħhom meta, fost oħrajn, “l-attività titwettaq fuq bażi ta’ mingħajr skop ta’ qligħ”. Huma jirreferu wkoll għall-Artikolu 4(4) ta’ dak it-Trattat, li skontu “Parti Kontraenti tista’ tillimita l-limitazzjonijiet jew l-eċċezzjonijiet taħt dan l-Artikolu għal xogħlijiet li, f’format aċċessibbli partikolari, ma jistgħux jinkisbu kummerċjalment skont termini raġonevoli għal persuni benefiċjarji f’dak is-suq”.

51.      Madankollu, skont il-ġurisprudenza, attività hija suġġetta għad-dritt tal-Unjoni sa fejn din tkun ta’ natura ekonomika (24). Huwa taħt ċirkustanzi eċċezzjonali ħafna li attività, li prima facie tkun ta’ natura ekonomika, tkun taqa’ barra l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni taħt il-prinċipju ta’ solidarjetà (25). Barra minn hekk, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam tas-saħħa pubblika u tas-sigurtà soċjali u, b’mod partikolari, jistgħu jirrikorru għal organizzazzjonijiet ta’ mingħajr skop ta’ lukru f’dak ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx kompletament tali attivitajiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (26). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod konsistenti ddeċidiet li kwalunkwe entità involuta f’attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali tagħha u mill-mod ta’ kif din tiġi ffinanzjata, bħala prinċipju hija suġġetta għar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni (27). Għaldaqstant, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tidhirx li teskludi l-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni għal attivitajiet imwettqa fuq bażi ta’ mingħajr skop ta’ lukru jew b’telf, jew bl-għan li jintlaħqu għanijiet mhux ekonomiċi. Inżid ngħid li l-Istati Membri li joġġezzjonaw għall-applikabbiltà tal-Artikolu 207 TFUE ma jispjegawx għaliex dak l-approċċ ma huwiex xieraq għall-kummerċ internazzjonali.

52.      Dawk il-partijiet jidhru li huma tal-fehma li prodotti skambjati fuq bażi ta’ mingħajr skop ta’ lukru jkunu koperti mill-kunċett ta’ “aspetti mhux kummerċjali tal-proprjetà intellettwali” u, konsegwentement, ikunu jaqgħu barra mill-politika kummerċjali komuni.

53.      Fil-fehma tiegħi, din hija interpretazzjoni ħażina tal-Artikolu 207 TFUE. Dik id-dispożizzjoni ma teskludix mill-ambitu tagħha tranżazzjonijiet jew attivitajiet ta’ natura mhux kummerċjali. Tabilħaqq, il-fatt li xi prodotti jew servizzi jistgħu, taħt ċerti ċirkustanzi, jiġu skambjati għal skopijiet li ma humiex sabiex isir qligħ (inkluż, pereżempju, meta jiġu pprovduti mingħajr ħlas) ma jfissirx li dawk il-prodotti jew servizzi ma humiex innegozjati. L-Artikolu 4(4) tat-Trattat ta’ Marrakexx, meta jirreferi għal kopji f’format aċċessibbli li “ma jistgħux jinkisbu kummerċjalment skont termini raġonevoli [fis-]suq” jimplika li jeżisti suq fejn dak it-tip ta’ prodotti jiġi nnegozjat taħt termini kummerċjali. Bħalma indikat il-Kummissjoni fis-seduta, l-operaturi ekonomiċi li huma attivi f’dak is-suq neċessarjament ser jiġu affettwati mir-regoli tat-Trattat ta’ Marrakexx.

54.      Huwa sinjifikattiv li, fis-sentenza Daiichi Sankyo (28), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-Ftehim TRIPs kollu jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 207 TFUE. Madankollu, il-Ftehim TRIPs jinkludi wkoll regoli dwar servizzi jew prodotti pprovduti għal użu mhux kummerċjali (29). Bl-istess mod, il-Konvenzjoni ta’ Berna, li, peress li jsir riferiment għaliha fl-Artikolu 2.2 għall-Ftehim TRIPs, tista’ titqies li hija parzjalment inkorporata f’dan tal-aħħar, ukoll tinkludi dispożizzjonijiet li jirregolaw l-użu ta’ xogħlijiet protetti għal ċerti attivitajiet mhux kummerċjali (30). Ta’ min wieħed jinnota li l-ebda wieħed minn dawk il-ftehimiet ma jeskludi totalment mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom tranżazzjonijiet mhux kummerċjali jew użi ta’ xogħlijiet protetti.

55.      F’dan il-kuntest, huwa interessanti li wieħed jinnota li, fid-deċiżjonijiet tal-korpi ta’ aġġudikazzjoni tad-WTO, xogħlijiet artistiċi u xogħlijiet oħra tal-intellett huma ġeneralment ittrattati bl-istess mod bħall-prodotti kummerċjali, anki meta jiġu nnegozjati fuq termini mhux kummerċjali jew użati għal skopijiet mhux kummerċjali (31). Anki fejn il-kelma “kummerċ” tidher fil-Ftehimiet tad-WTO, dik il-kelma hija interpretata b’mod wiesa’ ħafna, li jinkludi “kull skambju ta’ prodotti”, irrispettivament “min-natura jew tip ta’ ‘kummerċ’”, jew mir-raġuni jew funzjoni tat-tranżazzjoni (32). L-applikabbiltà tar-regoli tad-WTO ma tistax tiddependi fuq id-deċiżjoni privata ta’ operatur dwar kif imexxi l-attivitajiet tan-negozju tiegħu. Fil-fatt, ċerti regoli tad-WTO jidhru li jippreżupponu li xi tranżazzjonijiet jitwettqu taħt termini mhux kummerċjali. Pereżempju, il-Ftehim Antidumping tad-WTO (33) jikkonċerna, fost affarijiet oħrajn, esportazzjonijiet ta’ prodotti li ma humiex għolja daqs l-ispiża ta’ produzzjoni tagħhom (34). Għaldaqstant, lil hinn milli jeħtieġu qligħ, ir-regoli tad-WTO japplikaw ukoll għal tranżazzjonijiet imwettqa b’telf, sakemm mhux speċifikat mod ieħor.

56.      Dak li l-Artikolu 207 TFUE jeskludi mill-ambitu tal-politika kummerċjali komuni huma biss l-aspetti mhux kummerċjali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Dan ifisser oqsma tal-liġi tal-proprjetà intellettwali li ma humiex strettament jew direttament ikkonċernati mill-kummerċ internazzjonali. Din hija evidentement kategorija residwali. Tabilħaqq, f’termini wiesgħa, ir-regoli tal-proprjetà intellettwali huma intiżi li jagħtu ċerti drittijiet esklużivi dwar l-operat ta’ kreazzjonijiet tal-intellett, u dan sabiex il-kreattività u l-innovazzjoni jitrawmu. Dawn id-drittijiet esklużivi ma huma xejn iktar ħlief forom sui generis ta’ monopolji li jistgħu jillimitaw il-moviment liberu ta’ prodotti jew servizzi. Għaldaqstant, min-natura tagħhom stess, regoli dwar il-proprjetà intellettwali huma fil-parti l-kbira tagħhom relatati mal-kummerċ. Eżempju ta’ aspett tal-proprjetà intellettwali li ma huwiex relatat man-negozju huwa dawk relatat mad-drittijiet morali li, fil-fatt, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim TRIPs (35). Fi kwalunkwe każ, fil-kawża ineżami ma huwiex meħtieġ li napprofondixxu iktar fir-rigward ta’ dan il-kunċett: huwa biżżejjed li wieħed jgħid li la drittijiet morali u lanqas ebda aspett ieħor tal-proprjetà intellettwali li ma huwiex relatat mal-kummerċ ma huwa rregolat mit-Trattat ta’ Marrakexx.

57.      Hu x’inhu l-każ, jidhirli li l-argumenti eżaminati hawnhekk huma bbażati fuq premessa żbaljata. Kif tindika l-Kummissjoni, it-Trattat ta’ Marrakexx bl-ebda mod ma jeħtieġ li r-riproduzzjoni, id-distribuzzjoni u l-fatt li jiġu magħmula disponibbli kopji f’format aċċessibbli għandhom ikunu mingħajr ħlas. Bħalma jipprovdi l-Artikolu 4(5) ta’ dak it-trattat, “[g]ħandha tkun kwistjoni għal-liġi nazzjonali li tiddetermina jekk limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet skont dan l-Artikolu humiex suġġetti għal remunerazzjoni”.

58.      Fis-seduta, madankollu, il-Gvern Taljan sostna li r-“remunerazzjoni” li għaliha jsir riferiment fl-Artikolu 4(5) tat-Trattat ta’ Marrakexx ma għandhiex tinftiehem bħala “remunerazzjoni” reali iżda pjuttost bħala sempliċi kumpens għad-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur.

59.      Fil-fehma tiegħi, dik l-oġġezzjoni hija infondata. L-ewwel nett nosserva li l-Gvern Taljan ma ssottometta ebda element sabiex isostni l-interpretazzjoni tiegħu tal-Artikolu 4(5), li tidher li ma taqbilx mal-formulazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni. It-tieni nett, u iktar importanti, il-fatt li l-ammont ta’ flus li jista’ jkun pagabbli lid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur ma jkunx jikkorrispondi mal-prezz sħiħ tas-suq bl-ebda mod ma jeskludi n-natura kummerċjali tat-tranżazzjonijiet sottostanti (36).

60.      Essenzjalment, it-Trattat ta’ Marrakexx jeħtieġ li l-partijiet kontraenti jadottaw sett ta’ limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet standard għar-regoli tad-drittijiet tal-awtur sabiex jiġu permessi r-riproduzzjoni, id-distribuzzjoni u l-fatt li jiġu magħmula disponibbli kopji f’format aċċessibbli, u sabiex jiġi permess l-iskambju transkonfinali ta’ dawk ix-xogħlijiet. Dak it-trattat ma jirregolax in-natura kummerċjali jew mhux kummerċjali tat-tranżazzjonijiet li permezz tagħhom iseħħu dawk l-operazzjonijiet. Fi kwalunkwe każ, xi wħud mit-tranżazzjonijiet koperti mit-Trattat ta’ Marrakexx ċertament ma humiex ta’ natura kummerċjali.

61.      Għal finijiet ta’ kompletezza, ninnota wkoll li, skont l-Artikoli 4(4) u 5(3) tat-Trattat ta’ Marrakexx, l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 4(1) u 5(1) ta’ dak l-istess trattat jistgħu wkoll ikunu ssodisfatti mill-partijiet kontraenti billi jipprovdu limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet għal-liġijiet dwar id-drittijiet tal-awtur li ma humiex limitati għall-attivitajiet ta’ entitajiet mingħajr skop ta’ lukru.

c)      Ir-rabtiet mal-Ftehim TRIPs

62.      It-tieni nett, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Ungeriż, il-Gvern Rumen u l-Gvern Finlandiż jenfasizzaw li t-Trattat ta’ Marrakexx ġie nnegozjat fi ħdan id-WIPO, li hija aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti li ma għandhiex bħala l-missjoni tagħha l-liberalizzazzjoni u l-promozzjoni tal-kummerċ. Il-Gvern Ungeriż u dak tar-Renju Unit jindikaw ukoll il-fatt li t-Trattat ta’ Marrakexx probabbilment għandu biss rabtiet dgħajfa mal-Ftehim TRIPs.

63.      Dawn l-oġġezzjonijiet ukoll ma jipperswadunix.

64.      L-ewwel nett, fejn u f’liema kuntest ftehim internazzjonali jiġi nnegozjat huwa biss ta’ rilevanza limitata. Għalkemm dawn l-elementi kultant jistgħu jagħtu indikazzjonijiet utli dwar l-intenzjonijiet ta’ min jabbozza l-ftehim, dak li huwa importanti huma l-għan u l-kontenut tal-ftehim, kif jirriżultaw mill-formulazzjoni tiegħu.

65.      Pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni legali tas-servizzi bbażati fuq, jew jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali (37) kellha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 207 TFUE, minkejja li dak il-ftehim ġie adottat mill-Kunsill tal-Ewropa, li huwa organizzazzjoni kkonċernata primarjament mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt (38). Min-naħa l-oħra, id-WIPO tamministra ftehimiet internazzjonali oħra li jidhru li għandhom rabtiet ċari mal-kummerċ internazzjonali, bħal pereżempju l-Ftehim ta’ Madrid dwar ir-Repressjoni tal-Indikazzjonijiet ta’ Oriġini Foloz jew Qarrieqa dwar il-Prodotti (39).

66.      Ma’ dan nixtieq biss inżid li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonfermat li l-aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali jaqgħu fi ħdan l-ambitu tal-politika kummerċjali komuni irrispettivament minn jekk dawn humiex inklużi fi ftehimiet internazzjonali li jagħmlu parti mill-Ftehimiet WTO (jew innegozjati fil-kuntest tad-WTO) (40).

d)      L-għan tat-Trattat ta’ Marrakexx

67.      It-tielet nett, il-Gvern Finlandiż u dak tar-Renju Unit jenfasizzaw li l-għan tat-Trattat ta’ Marrakexx ma huwiex li jilliberalizza l-kummerċ, iżda li jikkontribwixxi għall-iżvilupp komplet ta’ persuni b’diżabbiltajiet fil-vista. Dawn il-gvernijiet jikkunsidraw li l-kwistjoni legali fil-każ ineżami hija, mutatis mutandis, simili għal dik eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi li jikkonċernaw il-Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Biosigurtà (41) u l-Konvenzjoni ta’ Basel dwar il-kontroll tal-moviment barra l-konfini ta’ skart perikoluż (42). F’dawk il-każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-komponent ambjentali tal-ftehim kien jippredomina fuq il-komponent ta’ kummerċ tiegħu.

68.      L-ewwel nett infakkar li l-Artikolu 207 TFUE jagħmilha ċara li “l-politika kummerċjali komuni għandha titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi ta’ l-azzjoni esterna ta’ l-Unjoni”. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 21 TUE — li jistabbilixxi dawk il-prinċipji u objettivi — jindika li l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tkun iggwidata, inter alia, mill-prinċipji ta’ ugwaljanza u solidarjetà u għandha tfittex, inter alia, li “tagħti appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli fuq il-pjan ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bl-għan primarju li jinqered il-faqar”.

69.      Kif semmejt hawn fuq, ftehimiet dwar kummerċ moderni ta’ spiss huma intiżi li jilħqu varjetà ta’ objettivi fl-istess waqt. Objettivi purament relatati ma’ kwistjonijiet ekonomiċi huma biss uħud minn dawk l-objettivi. Objettivi dwar kwistjonijiet umanitarji, dwar l-iżvilupp u dwar l-ambjent, pereżempju, ta’ spiss ikollhom rwol ċentrali fin-negozjati ta’ ftehimiet internazzjonali li l-kontenut essenzjali tagħhom jibqa’, madankollu, ċertament relatat mal-kummerċ (43). Sabiex nagħti eżempju, fl-aħħar ftit snin, bi tkomplija ta’ proċess li beda bid-Dikjarazzjoni ta’ Doha dwar il-Ftehim TRIPs u s-Saħħa Pubblika (44), il-Membri tad-WTO adottaw numru ta’ deċiżjonijiet li jemendaw jew jimplementaw il-Ftehim TRIPs fir-rigward tal-possibbiltà li tingħata privattiva (45) lil prodotti farmaċewtiċi u tal-liċenzjar (46) tagħhom, għall-benefiċċju tal-pajjiżi l-inqas żviluppati. Dawk il-miżuri bla ebda dubju jfittxu li jilħqu objettivi ta’ żvilupp u ta’ saħħa, u dan sabiex jiġi żgurat aċċess għall-mediċina (speċjalment prodotti ta’ kontra l-HIV) għal kulħadd fl-ifqar pajjiżi. Madankollu, fid-dawl tal-kontenut u tal-kuntest tagħhom, jiena nemmen li ftit jikkontestaw li dawk il-miżuri għandu jkollhom rabta speċifika mal-kummerċ internazzjonali (47).

70.      Dan huwa għaliex it-Trattati tal-Unjoni, speċjalment wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jassenjaw lill-azzjoni esterna tal-Unjoni (inkluża dik fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni) (48) numru ta’ objettivi, kemm ta’ natura ekonomika kif ukoll mhux ekonomika. Dan jispjega wkoll għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja, anki qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, b’mod konsistenti ddeċidiet li l-għanijiet li jirrigwardaw, pereżempju, l-iżvilupp ekonomiku (49), il-protezzjoni ambjentali (50) jew il-politika barranija (51) għandhom jitfittxu fil-kuntest tal-politika kummerċjali komuni.

71.      Fl-aħħar mill-aħħar, il-politika kummerċjali komuni hija essenzjalment id-dimensjoni esterna tas-suq intern u tal-unjoni doganali. F’dan ir-rigward, infakkar ukoll li l-Artikolu 114 TFUE jikkostitwixxi d-dispożizzjoni prinċipali użata mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jiġu adottati l-miżuri neċessarji għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern. Huwa stabbilit sew li, ladarba l-kundizzjonijiet għall-użu tal-Artikolu 114 TFUE bħala bażi legali jkunu ssodisfatti, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jiġi mċaħħad milli jibbaża ruħu fuq dik il-bażi legali għar-raġuni li t-tiftix ta’ għanijiet oħra ta’ interess ġenerali (52) (bħal, pereżempju, is-saħħa pubblika (53) jew il-protezzjoni tal-konsumatur (54)) huwa fattur deċiżiv fl-għażliet li għandhom isiru. Għal raġunijiet ta’ koerenza, fl-opinjoni tiegħi, l-istess prinċipju għandu japplika fir-rigward tal-politika kummerċjali komuni.

72.      Jiena nqis li l-gvern Finlandiż u dak tar-Renju Unit jagħmlu żball meta jsibu parallel bejn it-Trattat ta’ Marrakexx u l-Protokoll ta’ Cartagena u l-Konvenzjoni ta’ Basel, imsemmija hawn fuq. F’dawk il-każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-komponent tal-kummerċ ta’ dawk il-ftehimiet kien biss sekondarju għall-komponent ambjentali tagħhom. Sempliċi ħarsa lejn it-test ta’ dawk il-ftehimiet ma tistax ħlief tikkonferma li n-numru, il-portata u l-importanza tad-dispożizzjonijet relatati mal-kummerċ fl-iskema ġenerali ta’ dawk il-ftehimiet la kienu predominanti, u lanqas ta’ importanza ndaqs għal dawk tad-dispożizzjonijiet relatati mal-ambjent. Tabilħaqq, ħafna mid-dispożizzjonijiet ta’ dawk il-ftehimiet kienu jikkonċernaw ir-regolamentazzjoni tal-ambjent, filwaqt li r-regolamentazzjoni tal-kummerċ kienet biss wieħed mill-istrumenti użati għat-tfittxija tal-għanijiet relatati mal-ambjent.

73.      Għall-kuntrarju, kif spjegat hawn fuq, iż-żieda fil-kummerċ internazzjonali fir-rigward ta’ kopji f’format aċċessibbli hija l-qalba tas-sistema stabbilita mit-Trattat ta’ Marrakexx. Is-semplifikazzjoni u ż-żieda fl-iskambju transkonfinali ta’ kopji f’format aċċessibbli hija wieħed mill-mezzi prinċipali maħluqa minn min abbozza t-trattat sabiex jgħinu l-għanijiet tagħhom jiżviluppaw u jirnexxu.

74.      Wieħed jista’ anki jgħid li, fi kliem sempliċi, l-effett tat-Trattat ta’ Marrakexx huwa li jissostitwixxi tip wieħed ta’ kummerċ ta’ kopji f’format aċċessibbli b’tip ieħor. Bħalissa, il-kummerċ transkonfinali f’dawk il-prodotti huwa limitat ħafna, peress li jseħħ skont ir-regoli normali tas-suq. Fil-futur, il-kummerċ f’dawk il-prodotti ser jiġi ffaċilitat peress li d-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur ser ikollhom drittijiet limitati bil-għan li jopponu r-riproduzzjoni, id-distribuzzjoni u l-moviment tax-xogħlijiet tagħhom fis-sitwazzjonijiet speċifikati fit-Trattat ta’ Marrakexx.

75.      Għaldaqstant, il-Gvern Franċiż jiżbalja meta jargumenta li t-Trattat ta’ Marrakexx ma għandux l-għan li jilliberalizza jew jippromwovi l-kummerċ. Fi kwalunkwe każ, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa biżżejjed li ftehim jirregola l-kummerċ, pereżempju billi jillimita jew saħansitra jipprojbixxi l-kummerċ, sabiex dak ikun jaqa’ fl-ambitu tal-politika kummerċjali komuni (55).

76.      Madankollu, huwa minnu li, hekk kif jindikaw diversi gvernijiet, l-għanijiet relatati mal-kummerċ fit-Trattat ta’ Marrakexx għandhom għan ta’ natura differenti. Dan huwa għaliex jiena tal-fehma li l-Artikolu 207 TFUE ma jistax ikun l-unika bażi tad-deċiżjoni inkwistjoni.

2.      L-Artikolu 19(1) TFUE

77.      Il-preambolu tat-Trattat ta’ Marrakexx jagħmilha ċara li, bħalma jargumentaw il-Gvern Ċek, il-Gvern Finlandiż u l-Gvern tar-Renju Unit, l-għan aħħari ta’ dak it-trattat huwa li jikkontribwixxi għall-iżvilupp komplet tal-persuni b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat. B’mod partikolari ssir enfasi fuq il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ opportunitajiet indaqs, ta’ aċċessibbiltà u ta’ parteċipazzjoni u inklużjoni sħaħ u effettivi fis-soċjetà. F’dak il-kuntest, it-tieni premessa tirreferi għall-intenzjoni li l-persuni b’diżabbiltà fil-vista għandhom jirċievu informazzjoni fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor. Min-naħa tagħha, ir-raba’ premessa tirreferi għall-ostakoli li jiltaqgħu magħhom il-persuni b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat sabiex jaċċedu għal xogħlijiet ippubblikati u sabiex jiksbu opportunitajiet indaqs fis-soċjetà.

78.      Il-preambolu jirreferi wkoll għad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni NU”). Ir-rabta bejn il-Konvenzjoni NU u t-Trattat ta’ Marrakexx fil-fatt hija ovvja. L-Artikolu 30(3) tal-Konvenzjoni NU jipprovdi: “L-Istati Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri adegwati kollha, skont id-dritt internazzjonali, biex jiżguraw li liġijiet li jipproteġu d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ma jikkostitwixxux ostaklu mingħajr raġuni jew diskriminatorju għall-aċċess ta’ materjali kulturali mill-persuni b’diżabbiltà”. Għaldaqstant, it-Trattat ta’ Marrakexx jista’ jitqies li qiegħed jimplementa l-impenn meħud f’dik id-dispożizzjoni.

79.      F’dan ir-rigward, tajjeb li wieħed jinnota li l-Kumitat NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà (iktar ’il quddiem il-“Kumitat NU”), stabbilit fi ħdan il-qafas tal-Konvenzjoni NU, b’mod espress indika r-rabta bejn iż-żewġ ftehimiet. F’kumment dwar l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni NU (intitolat “Aċċessibbiltà”), il-Kumitat NU kiteb li t-Trattat ta’ Marrakexx “għandu jiżgura aċċess għall-materjal kulturali mingħajr ostakoli mhux raġonevoli jew diskriminatorji għall-persuni b’diżabbiltà” (56).

80.      F’dan l-isfond, jiena tal-fehma li t-Trattat ta’ Marrakexx ifittex li jilħaq wieħed mill-għanijiet li jsir riferiment għalih fl-Artikolu 19(1) TFUE. Skont dik id-dispożizzjoni, “il-Kunsill, li jaġixxi unanimament skond il-proċedura leġislattiva speċjali u bl-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, jista’ jieħu l-azzjoni xierqa sabiex jiġġieled id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew twemmin, id-disabbiltà, l-età jew it-tendenzi sesswali”. Għaldaqstant, id-diżabbiltà hija waħda mir-raġunijiet għal diskriminazzjoni possibbli mniżżla f’dik id-dispożizzjoni li kontra tagħha l-Unjoni tista’ tieħu azzjoni xierqa.

81.      F’dan il-kuntest nosserva li huwa preċiżament abbażi tal-Artikolu 19 TFUE li l-Unjoni adottat varjetà ta’ atti legali intiżi sabiex tiġġieled id-diskriminazzjoni, tiżgura ugwaljanza fit-trattament u opportunitajiet indaqs għaċ-ċittadini kollha. Nirreferi, b’mod partikolari, għad-Direttiva 2000/43/KE dwar l-ugwaljanza bejn ir-razez (57) u d-Direttiva 2004/113/KE dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa (58).

82.      Nirreferi wkoll, b’iktar importanza, għad-Direttiva 2000/78/KE dwar l-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (59). Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, l-iskop tagħha “huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” (60).

83.      Jidhirli li l-miżuri tal-Unjoni li għadni kif semmejt — daqstantieħor bħall-atti internazzjonali msemmija fil-punt 78 hawn fuq — għandhom komponent antidiskriminatorju sinjifikattiv komuni mat-Trattat ta’ Marrakexx.

84.      Madankollu, il-Kummissjoni toġġezzjona għal din il-konklużjoni, u dan billi tindika li t-Trattat ta’ Marrakexx ma huwiex miżura ġenerali intiża li tiġġieled kull forma possibbli ta’ diskriminazzjoni li minnha jistgħu jbatu persuni b’diżabbiltà. Is-suġġett ta’ dak it-trattat huwa limitat għad-drittijiet tal-awtur biss. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tindika li l-Artikoli 9 u 10 TFUE jeħtieġu lill-Unjoni sabiex, inter alia, tiġġieled l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni meta tiddefinixxi u timplementa l-politiki u l-attivitajiet kollha tagħha.

85.      Jiena m’iniex konvint minn dawn l-argumenti. L-ewwel nett, xejn fit-test tal-Artikolu 19(1) TFUE ma jindika li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa limitat għal miżuri ta’ natura ġenerali jew b’kamp ta’ applikazzjoni wiesa’. It-tieni nett, it-Trattat ta’ Marrakexx ma jeħtieġx biss li l-partijiet kontraenti jemendaw il-liġijiet tad-drittijiet tal-awtur tagħhom għall-benefiċċju tal-persuni b’diżabbiltà fil-vista. Huwa jimponi wkoll obbligi oħra fuqhom, pereżempju, li jintroduċu miżuri speċifiċi sabiex jipproteġu l-privatezza ta’ persuni b’diżabbiltà fil-vista (Artikolu 8), jew li jikkooperaw mal-korpi rilevanti tad-WIPO sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju transkonfinali ta’ kopji f’format aċċessibbli (Artikolu 9). L-Artikolu 13 jistabbilixxi wkoll assemblea li għandha l-kompitu, fost oħrajn, li tiżviluppa r-regoli tat-Trattat ta’ Marrakexx. It-tielet nett, il-ħtieġa li d-diskriminazzjoni tiġi miġġielda, billi jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għal persuni b’diżabbiltà fil-vista, ma ġietx sempliċement meħuda inkunsiderazzjoni fin-negozjati tat-Trattat ta’ Marrakexx iżda tipprovdi l-bażi loġika għal dak it-trattat.

86.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, jiena tal-fehma li l-Artikolu 19(1) TFUE għandu jkun wieħed mill-bażijiet legali għad-deċiżjoni inkwistjoni.

3.      L-Artikolu 114 TFUE

87.      Il-Kummissjoni, sostnuta dwar dan il-punt mill-Gvern Ċek, mill-Gvern Finlandiż, mill-Gvern Franċiż u mill-Gvern Litwan u mill-Parlament Ewropew, tqis li l-Artikolu 114 TFUE għandu jkun waħda mill-bażijiet legali tad-deċiżjoni inkwistjoni.

88.      Jiena m’iniex tal-istess fehma.

89.      Ma hemm l-ebda dubju li l-konklużjoni tat-Trattat ta’ Marrakexx tista’ tinvolvi armonizzazzjoni ulterjuri tar-regoli tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur. Huwa wkoll paċifiku li, internament, miżuri li jirrigwardaw dawn il-materji jistgħu ġeneralment ikunu bbażati fuq l-Artikolu 114 TFUE. Finalment, huwa evidenti minnu nnifsu li l-implementazzjoni mill-Unjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti mit-Trattat ta’ Marrakexx ser ikollha effett pożittiv fuq il-kummerċ transkonfinali fi ħdan l-Unjoni.

90.      Madankollu, ma jidhirlix li dawn l-elementi jipprovdu raġunijiet suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-komponent tas-suq intern tat-Trattat ta’ Marrakexx huwa predominanti jew, tal-inqas, għandu l-istess importanza tal-komponent tal-kummerċ u tal-komponent antidiskriminazzjoni.

91.      Skont ġurisprudenza stabbilita, miżura adottata abbażi tal-Artikolu 114 TFUE għandha ġenwinament ikollha l-għan li ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-istabbiliment u tat-tħaddim tas-suq intern (61). Is-sempliċi konstatazzjoni ta’ differenzi bejn regoli nazzjonali ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi ġġustifikat l-użu tal-Artikolu 114 TFUE. Dik id-dispożizzjoni teħtieġ l-eżistenza ta’ differenzi bejn il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li huma tali li jxekklu l-libertajiet fundamentali u għaldaqstant għandhom effett dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern (62).

92.      Fil-każ ineżami, ebda parti ma uriet li jeżistu differenzi sinjifikattivi bejn il-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-awtur irregolati mit-Trattat ta’ Marrakexx. Ċertament, fid-dawl tal-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2001/29, huwa possibbli (jew saħansitra probabbli) li jkunu jeżistu differenzi bejn il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri fir-rigward tal-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet tad-drittijiet tal-awturi għall-benefiċċju ta’ persuni b’diżabbiltà fil-vista. Iżda sempliċi possibbiltà ma hijiex biżżejjed sabiex isir użu mill-Artikolu 114 TFUE.

93.      Fil-fatt, bħalma jsostni l-gvern tar-Renju Unit, ma kien hemm ebda analiżi li turi kif dawn l-allegati differenzi jaffettwaw il-funzjonament tas-suq intern. Madankollu, il-premessa 31 tad-Direttiva 2001/29 tipprovdi li l-livell ta’ armonizzazzjoni miksub fir-rigward tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet kien “ibbażat fuq l-impatt tagħhom fuq il-funzjonament faċli tas-suq intern”. Minn dan niddeduċi li, meta d-Direttiva 2001/29 ġiet adottata, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għall-benefiċċju ta’ persuni b’diżabbiltà ma kellhomx impatt sinjifikattiv fuq il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Li kieku kien mod ieħor, il-leġiżlatur tal-Unjoni kien probabbilment jeħtieġ livell ikbar ta’ approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fuq dak is-suġġett. Hemm motivi raġonevoli sabiex wieħed jassumi li s-sitwazzjoni f’dan ir-rigward ma kinitx ser tkun differenti llum.

94.      Il-fatt li dawk l-aspetti ma ġewx eżaminati fid-dettall mill-Kummissjoni jew mil-leġiżlatur tal-Unjoni jappoġġja l-fehma li l-armonizzazzjoni tas-suq intern ma kinitx waħda mill-għanijiet prinċipali li qanqlet lill-Unjoni sabiex tinnegozja (u, potenzjalment, tikkonkludi) it-Trattat ta’ Marrakexx. Il-kontribuzzjoni pożittiva li l-konklużjoni ta’ dak it-trattat tista’ tagħti għat-tisħiħ tas-suq intern għaldaqstant tidher pjuttost li hija għan sekondarju, jew effett indirett.

95.      Il-fatt li xi miżura interna bl-istess kontenut tista’ tkun probabbilment ibbażata fuq l-Artikolu 114 TFUE (waħdu, jew flimkien ma’ bażijiet legali oħra) huwa, f’dan il-kuntest, ftit li xejn rilevanti. Kif issemma iktar ’il fuq, peress li l-politika kummerċjali komuni tifforma d-dimensjoni esterna tas-suq intern, miżuri ekwivalenti huma sikwit ibbażati fuq l-Artikolu 114 TFUE meta l-effetti tagħhom ikunu purament interni għall-Unjoni, u fuq l-Artikolu 207 TFUE meta jiġu adottati bl-għan li jirregolaw ir-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi.

96.      Fil-fatt, l-Unjoni tista’, internament, tikseb riżultati ekwivalenti billi sempliċement temenda d-Direttiva 2001/29 (kif il-Kunsill talab lill-Kummissjoni tagħmel fid-19 ta’ Mejju 2015). Madankollu, l-għanijiet imfittxija mit-Trattat ta’ Marrakexx jistgħu jinkisbu effettivament biss jekk ir-regoli li jinsabu fih jiġu implementati f’ħafna pajjiżi oħra, ferm lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni. Tabilħaqq, is-seba’ premessa ta’ dak it-Trattat tipprovdi li hemm nuqqas dejjem jikber ta’ kopji f’format aċċessibbli minkejja l-fatt li “bosta Stati Membri [diġà] stabbilixxew limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet fil-liġijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-awtur għal persuni b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat ieħor”.

97.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jiena tal-fehma li l-Artikolu 114 TFUE ma għandux jiġi inkluż bħala waħda mill-bażijiet legali tad-deċiżjoni inkwistjoni.

4.      Politika soċjali

98.      Fl-aħħar nett, il-Gvern Ungeriż huwa tal-fehma li d-deċiżjoni inkwistjoni għandha tinkludi wkoll riferiment għall-Artikolu 4(2)(b) TFUE, peress li l-għan tat-Trattat ta’ Marrakexx huwa wieħed ta’ politika soċjali.

99.      Preliminarjament, nixtieq nindika li l-Artikolu 4 TFUE, bħall-Artikoli 3, 5 u 6 TFUE, sempliċement jelenka l-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni, skont in-natura ta’ dik il-kompetenza. Madankollu, id-definizzjoni u d-delimitazzjoni ta’ dawk l-oqsma ta’ kompetenza, u r-regoli dwar l-eżerċizzju, mill-Unjoni, ta’ dawk il-kompetenzi jinsabu f’dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-Artikoli 3 sa 6 TFUE ma jistgħux jikkostitwixxu bażijiet legali sostantivi għal xi miżura tal-Unjoni.

100. Għalhekk, l-argumenti mressqa mill-Gvern Ungeriż għandhom, fil-fehma tiegħi, jiġu eżaminati daqslikieku dawn kienu jirreferu għad-dispożizzjonijiet dwar il-politika soċjali, jiġifieri l-Artikoli 151 u 161 TFUE. Fost dawk id-dispożizzjonijiet, jidhirli li jista’ jiġi argumentat li bażi legali possibbli għad-deċiżjoni inkwistjoni jkun l-Artikolu 153 TFUE.

101. L-Artikolu 153 TFUE jistabbilixxi l-atti u l-proċeduri li l-Unjoni għandha ssegwi sabiex tilħaq l-għanijiet tal-Artikolu 151 TFUE. Min-naħa tagħha, din l-aħħar dispożizzjoni tidentifika l-għanijiet ta’ politika soċjali tal-Unjoni kif ġej: “il-promozzjoni ta’ l-impjieg, it-titjib tal-kondizzjonijeit tal-ħajja u tax-xogħol, sabiex jagħmlu possibbli l-armonizzazzjoni tagħhom waqt li jitkompla it-titjib, il-protezzjoni soċjali xierqa, id-djalogu bejn min imexxi u l-ħaddiema, l-iżvilupp tar-riżorsi umani bil-mira ta’ livell għoli ta’ mpjieg li jdum għal żmien twil u l-ġlieda kontra l-esklużjoni” (63).

102. Fid-dawl ta’ dik id-dispożizzjoni, element ta’ politika soċjali jista’ ċertament jinstab fit-Trattat ta’ Marrakexx. Tabilħaqq, id-disa’ premessa ta’ dak it-trattat tirrikonoxxi l-“ħtieġa li jinżamm bilanċ bejn il-ħarsien effettiv tad-drittijiet tal-awtur u l-interessi tal-pubbliku, b’mod partikolari l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-aċċess għall-informazzjoni, u li dan il-bilanċ għandu jiffaċilita l-aċċess effettiv u f’waqtu għal xogħlijiet għall-benefiċċju ta’ persuni b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat” (64).

103. Madankollu, ma jidhirlix li tali għan għandu, fi ħdan l-iskema tat-Trattat ta’ Marrakexx, rwol ċentrali. Il-veru għan “soċjali” ta’ dak it-trattat huwa pjuttost li jtejjeb il-ħajja tan-nies b’diżabbiltà fil-vista b’mod ġenerali. Aċċess iktar effettiv għall-impjieg għal dawk il-persuni jkun sempliċement konsegwenza tat-tneħħija ta’ ċerti ostakoli li jillimitaw il-libertà ta’ espressjoni tagħhom, inkluża l-libertà tagħhom li jfittxu, jirċievu u jagħtu informazzjoni u ideat ta’ kull tip, it-tgawdija tad-dritt għal edukazzjoni, u l-opportunità li jwettqu riċerka.

104. Il-politika soċjali tal-Unjoni hija ffokata ħafna fuq it-titjib ta’ dak li, b’mod ġenerali, jista’ jiġi deskritt bħala l-ħajja tax-xogħol jew ekonomika taċ-ċittadini tal-Unjoni (65), filwaqt li, kif imsemmi hawn fuq, l-għan li tiġi żgurata ugwaljanza fit-trattament u opportunitajiet indaqs għal, inter alia, persuni b’diżabbiltà huwa pjuttost is-suġġett tal-miżuri antidiskriminatorji msemmija fl-Artikolu 19 TFUE.

105. Għaldaqstant, peress li hemm sovrapożizzjoni taż-żewġ dispożizzjonijiet (66), jiena tal-fehma li, fir-rigward tal-komponent soċjali tat-Trattat ta’ Marrakexx, iċ-ċentru tal-gravità jinsab iktar fl-Artikolu 19 TFUE milli fl-Artikolu 153 TFUE.

5.      L-Artikolu 209 TFUE

106. Fis-seduta, il-Gvern Franċiż bidel il-pożizzjoni tiegħu, billi argumenta li l-Artikolu 209 TFUE għandu wkoll jiġi inkluż bħala bażi legali għad-deċiżjoni inkwistjoni, flimkien mal-Artikolu 114 TFUE. Tabilħaqq, fil-fehma tiegħu, it-Trattat ta’ Marrakexx ifittex li jilħaq għan ta’ żvilupp.

107. Huwa minnu li l-preambolu tat-Trattat ta’ Marrakexx jirrikonoxxi li “l-maġġoranza tal-persuni b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat jgħixu f’pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-pajjiżi l-anqas żviluppati” u b’mod espress jirreferi għall-aġenda ta’ żvilupp tad-WIPO.

108. Madankollu, fil-fehma tiegħi jidher ċar li, fl-iskema ġenerali tat-Trattat ta’ Marrakexx, l-għan ta’ żvilupp huwa purament anċillari, jew tal-inqas sekondarju għall-għanijiet l-oħra. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-għan prinċipali ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp huwa l-qerda tal-faqar fil-kuntest ta’ żvilupp sostenibbli (67). Huwa evidenti minnu nnifsu li dan l-għan ma huwiex il-qalba tat-Trattat ta’ Marrakexx.

109. L-ewwel nett, ir-riferiment għall-għan ta’ żvilupp fil-preambolu huwa magħmul biss b’mod marġinali, filwaqt li l-għanijiet kummerċjali u antidiskriminatorji tat-Trattat ta’ Marrakexx huma spjegati b’mod iktar komprensiv.

110. It-tieni nett, ebda dispożizzjoni ta’ dak it-trattat ma tindirizza speċifikament il-politika ta’ żvilupp. Il-bżonnijiet tal-pajjiżi l-inqas żviluppati jissemmew fil-qosor biss fl-Artikoli 12 u 13 tat-Trattat ta’ Marrakexx. Madankollu, l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma hija ta’ importanza ċentrali. L-Artikolu 12 għandu sempliċement funzjoni interpretattiva. Huwa jirrikonoxxi d-dritt tal-partijiet kontraenti li jimplementaw, fil-liġi nazzjonali tagħhom, limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet oħra għad-drittijiet tal-awtur minbarra dawk imsemmija f’dan it-trattat għall-benefiċċju ta’ persuni benefiċjarji. Fil-każ tal-pajjiżi l-inqas żviluppati, isir riferiment għall-“bżonnijiet speċjali u d-drittijiet u l-obbligi internazzjonali partikolari u flessibiltajiet” ta’ dawk il-pajjiżi. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 13 jipprovdi li l-partijiet kontraenti għandhom ikollhom assemblea. Huwa jipprovdi wkoll li, filwaqt li l-ispejjeż ta’ kull delegazzjoni għandhom jitħallsu mill-parti kontraenti li tkun ħatret id-delegazzjoni, fil-każ ta’ delegazzjonijiet minn partijiet kontraenti li huma pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-Assemblea tista’ titlob lid-WIPO sabiex tagħti għajnuna finanzjarja sabiex tiffaċilita l-parteċipazzjoni tagħhom.

111. It-tielet nett, kif imsemmi fil-punt 69 hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li għanijiet ta’ żvilupp jistgħu wkoll jiġu mfittxija fil-kuntest tal-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni.

112. Ir-raba’ nett, u ta’ iktar importanza, ir-regoli stabbiliti fit-Trattat ta’ Marrakexx kjarament huma intiżi li jtejbu l-kundizzjonijiet ta’ benefiċjarji fil-partijiet kontraenti kollha, u mhux biss (jew prinċipalment) dawk ta’ benefiċjarji li jgħixu f’pajjiżi li qed jiżviluppaw jew fil-pajjiżi l-inqas żviluppati.

6.      Konklużjoni provviżorja

113. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li d-deċiżjoni inkwistjoni għandha tkun ibbażata fuq l-Artikoli 19 u 207 TFUE. Barra minn hekk, jiena tal-opinjoni li ma hemmx raġuni sabiex wieħed iqis li l-proċeduri stabbiliti f’dawk iż-żewġ dispożizzjonijiet huma inkompatibbli. Huwa biss ir-rekwiżit ta’ vot tal-Kunsill li jista’ possibbilment ivarja.

114. Ftehimiet internazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19 TFUE għandhom, skont l-Artikolu 218(6)(v) u (8) TFUE, jiġu konklużi permezz ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, wara li jinkiseb il-kunsens mill-Parlament Ewropew.

115. Ftehimiet internazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 207 TFUE għandhom, skont l-Artikolu 207(4) u l-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE, jiġu konklużi permezz tal-adozzjoni ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, wara li jinkiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew. Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ vot tal-Kunsill, ir-regola hija l-vot bil-maġġoranza kwalifikata, filwaqt li l-unanimità hija meħtieġa b’mod eċċezzjonali fit-tliet sitwazzjonijiet stabbiliti fit-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 207(4) TFUE.

116. Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, madankollu, ma huwiex neċessarju li jiġi ddeterminat jekk, għall-komponent tal-kummerċ tiegħu, l-Artikolu 207 TFUE bħala prinċipju kienx jirrikjedi li l-Kunsill jiddeċiedi b’unanimità jew bil-maġġoranza kwalifikata. Ir-rekwiżit iktar strett stabbilit fl-Artikolu 19 TFUE inevitabbilment jipprevali (68).

117. Konsegwentement, jekk tiġi bbażata fuq l-Artikoli 19 u 207 TFUE, id-deċiżjoni inkwistjoni għandha tiġi adottata mill-Kunsill, li jaġixxi b’mod anonimu fuq proposta mill-Kummissjoni, wara li jinkiseb il-kunsens mill-Parlament Ewropew.

C –    In-natura tal-kompetenza tal-Unjoni

118. Skont l-Artikolu 3(1)(e) TFUE, li jikkodifika ġurisprudenza stabbilita (69), il-politika kummerċjali komuni hija qasam ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, ma hemm ebda riferiment għal qasam ta’ kompetenza li jkopri jew jinkludi miżuri antidiskriminatorji f’xi waħda mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu I tal-Parti I tat-Trattat FUE, li huwa intitolat “Kategoriji u Oqsma ta’ Kompetenza ta’ l-Unjoni” (Artikoli 2 sa 6). Għaldaqstant, skont l-Artikolu 4(1) TFUE (70), tali qasam għandu jitqies li huwa kondiviż bejn l-Unjoni u l-Istati Membri.

119. Madankollu, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Ungeriż, dan ma jimplikax li t-Trattat ta’ Marrakexx għandu neċessarjament jiġi konkluż bħala ftehim imħallat. Preliminarjament, jiena nindika li anki li kieku l-Artikolu 3(2) TFUE ma kienx applikabbli fir-rigward tat-Trattat ta’ Marrakexx (71), il-konklużjoni tat-trattat ma tkunx teħtieġ inevitabbilment l-adozzjoni ta’ ftehim imħallat. L-għażla bejn ftehim imħallat jew ftehim tal-Unjoni biss, meta s-suġġett tal-ftehim ikun jaqa’ f’qasam ta’ kompetenza kondiviża (jew ta’ kompetenza parallela) (72), ġeneralment hija kwistjoni li taqa’ fid-diskrezzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

120. Dik id-deċiżjoni, peress li hija b’mod predominanti ta’ natura politika, tista’ tkun suġġetta biss għal stħarriġ ġudizzjarju limitat. Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod konsistenti ddeċidiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jingħata diskrezzjoni wiesgħa f’oqsma li jinvolvu għażliet politiċi, ekonomiċi u soċjali min-naħa tiegħu, u li fir-rigward tagħhom jissejjaħ sabiex iwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Minn dan ikkonkludiet li l-legalità ta’ miżura adottata f’dawk l-oqsma tista’ tiġi affettwata biss jekk il-miżura tkun manifestament mhux xierqa meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan li l-istituzzjoni kompetenti tkun qiegħda tfittex li tilħaq (73).

121. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, fejn deċiżjoni sabiex jiġi konkluż ftehim imħallat tista’, minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni u l-ħin meħtieġ għat-28 proċedura ta’ ratifika fuq livell nazzjonali, tirriskja b’mod serju li tikkomprometti l-għan imfittex, jew twassal sabiex l-Unjoni tikser il-prinċipju ta’ pacta sunt servanda.

122. Għall-kuntrarju, ftehim imħallat ikun meħtieġ, ġeneralment, meta ftehim internazzjonali jkun jikkonċerna kompetenzi koeżistenti, jiġifieri, ikun jinkludi parti li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni u parti li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, mingħajr ma ebda waħda minn dawn il-partijiet ma tkun anċillari għall-oħra (74). Dan, madankollu, żgur li ma huwiex il-każ tat-Trattat ta’ Marrakexx.

123. Iktar importanti minn hekk, madankollu, huwa l-fatt li ftehim li, minħabba l-għan u l-kontenut tiegħu, jaqa’ f’qasam ta’ kompetenza li, bħala prinċipju, hija kondiviża, neċessarjament għandu jiġi konkluż bħala ftehim UE biss meta dik il-kompetenza, bis-saħħa tal-eżerċizzju tagħha mill-Unjoni, tkun saret esklużiva esternament. Dan huwa, kif ser nispjega iktar ’il quddiem, preċiżament il-każ tat-Trattat ta’ Marrakexx.

1.      Fuq l-Artikolu 3(2) TFUE

124. L-Artikolu 3(2) TFUE jipprovdi, “L-Unjoni għandha wkoll kompetenza esklużiva li tikkonkludi ftehim internazzjonali meta l-konklużjoni tiegħu tkun prevista f’att leġislattiv ta’ l-Unjoni, jew tkun meħtieġa sabiex l-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-kompetenza interna tagħha, jew sal-punt fejn il-konklużjoni tiegħu tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom.”

125. Dik id-dispożizzjoni tagħti sors addizzjonali ta’ kompetenza esklużiva lill-Unjoni, li hija speċifika għall-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali. Għaldaqstant, kompetenza li tista’ tkun kondiviża internament tista’ ssir esklużiva għall-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali. Ir-raġuni hija evidenti minnha nnifisha: internament, il-prinċipju ta’ supremazija jiżgura li, fejn ikun hemm differenzi bejn ir-regoli tal-Unjoni u r-regoli interni, tal-ewwel għandhom jipprevalu (75). Fil-każ ta’ tilwima legali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tintalab tikkjarifika l-kwistjoni, pereżempju abbażi tal-Artikoli 258 sa 260 TFUE. Is-sitwazzjoni hija totalment differenti meta Stati Membri jidħlu fi ftehimiet internazzjonali ma’ pajjiżi terzi. Dawk il-ftehimiet faċilment jistgħu joħolqu ostakoli, kemm fuq il-livell politiku kif ukoll fuq il-livell legali, għall-funzjonament korrett u, possibbilment, għall-iżvilupp futur tad-dritt tal-Unjoni (76).

126. F’din il-kawża, l-aħħar parti tal-Artikolu 3(2) TFUE biss hija rilevanti. Il-Kummissjoni u l-Parlament jargumentaw li l-Unjoni tgawdi minn kompetenza esklużiva sabiex tikkonkludi t-Trattat ta’ Marrakexx għaliex il-konklużjoni tiegħu tista’ taffettwa jew tibdel il-portata tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29.

127. L-aħħar parti tal-Artikolu 3(2) TFUE jikkodifika l-ġurisprudenza msejħa AETR (77). F’AETR, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet il-prinċipju li, meta jiġu adottati regoli komuni, l-Istati Membri ma jibqgħalhomx id-dritt, sew jekk jaġixxu individwalment kif ukoll kollettivament, li jidħlu f’obbligi ma’ pajjiżi terzi li jaffettwaw dawk ir-regoli. F’każ bħal dan, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva sabiex tikkonkludi ftehimiet internazzjonali (78).

128. Ir-regoli komuni huma naturalment affettwati meta l-Unjoni tkun armonizzat kompletament il-qasam li jifforma s-suġġett ta’ ftehim internazzjonali (79). Barra minn hekk, hemm riskju li r-regoli tal-Unjoni jistgħu jiġu affettwati ħażin minn impenji internazzjonali li l-Istati Membri jidħlu fihom, jew li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli jista’ jinbidel, meta dawk l-impenji jkunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli (80).

129. Għaldaqstant, armonizzazzjoni kompleta tal-qasam kopert minn ftehim internazzjonali ma hijiex prekundizzjoni neċessarja sabiex tiskatta l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni f’dak ir-rigward. Huwa biżżejjed li l-qasam ikun diġà estensivament kopert mir-regoli tal-Unjoni kkonċernati (81). Fi kliem ieħor, ir-regoli internazzjonali u tal-Unjoni rilevanti mhux neċessarjament jeħtieġu li jikkoinċidu totalment sabiex dan iseħħ (82). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċaħdet approċċ fejn ftehim internazzjonali jiġi eżaminat, dispożizzjoni waħda wara l-oħra, sabiex jiġi ddeterminat jekk kull waħda minn dawk id-dispożizzjonijiet tikkorrispondix għal dispożizzjoni analoga tad-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li n-natura tal-kompetenza għandha tiġi ddeterminata abbażi ta’ analiżi komprensiva u ddettaljata tar-relazzjoni bejn il-ftehim internazzjonali previst u d-dritt tal-Unjoni fis-seħħ (83).

130. Madankollu, fir-rigward ta’ din il-ġurisprudenza tqum il-mistoqsija: meta qasam huwa suffiċjentement kopert minn regoli tal-Unjoni sabiex tiġi eskluża l-kompetenza tal-Istati Membri sabiex jaġixxu esternament (sakemm, ovvjament, dawn ma jiġux awtorizzati jew ma jingħatawx setgħat iddelegati għal dan il-għan mill-Unjoni)?

131. Sabiex tingħata tweġiba għal dik il-mistoqsija, wieħed għandu jmur lura għar-raison d’être tal-ġurisprudenza AETR u, b’mod iktar ġenerali, għal dik tal-Artikolu 3(2) TFUE. Bħalma spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-ġurisprudenza (u, konsegwentement, id-dispożizzjoni tat-Trattat il-ġdid li tikkodifika dik il-ġurisprudenza) hija intiża sabiex tiżgura applikazzjoni uniformi u konsistenti tar-regoli tal-Unjoni u l-funzjonament xieraq tas-sistemi li dawk ir-regoli jistabbilixxu, sabiex l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni tiġi ppreżervata (84).

132. Fid-dawl ta’ dak il-prinċipju, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-regoli li jinsabu fi ftehim internazzjonali jistgħux jaffettwaw l-applikazzjoni uniformi u konsistenti jew l-effettività tar-regoli tal-Unjoni rilevanti. Dik l-analiżi ovvjament tista’ titwettaq biss fuq bażi każ b’każ, billi wieħed iħares lejn żewġ settijiet ta’ regoli (UE u internazzjonali), li tiffoka fuq il-kamp ta’ applikazzjoni, in-natura u l-kontenut tagħhom (85).

133. Għal dak l-għan, għandu jittieħed kont mhux biss tad-dritt tal-Unjoni kif ikun meta l-ftehim għandu jiġi konkluż, iżda anki tal-iżvilupp futur tiegħu, sa fejn dan jista’ jkun prevedibbli fil-mument li fih issir l-analiżi (86). Jekk dan ma jsirx, kwalunkwe żvilupp futur possibbli tad-dritt tal-Unjoni jkun ġie prekluż, jew tal-inqas imxekkel b’mod sinjifikattiv (87).

134. Dan huwa għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li hemm kompetenza esklużiva tal-Unjoni meta, pereżempju, il-konklużjoni ta’ ftehim mill-Istati Membri jkun jista’ jimmina l-għaqda tas-suq komuni u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni (88); jew fejn, b’teħid kont tan-natura u tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni eżistenti, kwalunkwe ftehim f’dak il-qasam neċessarjament ikun jaffettwa l-funzjonament tas-sistema stabbilita mir-regoli tal-Unjoni (89).

135. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Unjoni ma kellhiex kompetenza esklużiva meta, pereżempju, minħabba li kemm id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni u dawk ta’ ftehim internazzjonali stabbilixxew standards minimi, ma kien hemm xejn li jxekkel l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni mill-Istati Membri (90); jew meta, minkejja li kien hemm ċans li ftehimiet bilaterali jwasslu għal distorsjonijiet fil-fluss tas-servizzi fis-suq intern, fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja ma kien hemm xejn fit-Trattat li jipprevjeni lill-istituzzjonijiet milli, fir-regoli komuni stabbiliti minnhom, jagħmlu arranġamenti għal azzjoni miftiehma fir-rigward ta’ pajjiżi terzi jew milli jippreskrivu l-approċċ li l-Istati Membri għandhom jieħdu fir-relazzjonijiet esterni (91).

136. Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji issa ser inqis jekk it-Trattat ta’ Marrakexx jaqax fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

2.      Fuq it-Trattat ta’ Marrakexx u d-Direttiva 2001/29

137. Kif imsemmi, it-Trattat ta’ Marrakexx jirregola ċerti aspetti tal-liġi tad-drittijiet tal-awtur. Huwa jirrikjedi li l-partijiet kontraenti jintroduċu sett standard ta’ limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet għar-regoli tad-drittijiet tal-awtur sabiex jiġu permessi r-riproduzzjoni, id-distribuzzjoni u li xogħlijiet ippubblikati jkunu magħmula disponibbli f’format aċċessibbli għal persuni b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat, u sabiex jiġi permess l-iskambju transkonfinali ta’ dawk ix-xogħlijiet.

138. Fil-livell tal-Unjoni, id-drittijiet tal-awtur huma rregolati mid-Direttiva 2001/29, li tistabbilixxi qafas legali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati. Dak l-att jarmonizza ċerti aspetti tal-liġijiet tad-drittijiet tal-awtur tal-Istati Membri, sabiex jiġu implementati l-erba’ libertajiet f’dak ir-rigward, filwaqt li jħallu mhux affettwati d-differenzi bejn dawk il-liġijiet li ma jaffettwawx ħażin il-funzjonament tas-suq intern (92).

139. Diversi Stati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-proċedura jiddiskutu jekk fl-Artikolu 5, id-Direttiva 2001/29 tiksibx armonizzazzjoni totali tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet. Huma jindirizzaw ukoll il-kwistjoni jekk is-setgħa diskrezzjonali mogħtija minn dik id-dispożizzjoni lill-Istati Membri timplikax li huma żammew kompetenza fuq dawk l-aspetti (bħalma jargumentaw diversi gvernijiet), jew jekk dawn ġewx awtorizzati jaġixxu jew ingħatawx setgħat jagħmlu dan mill-Unjoni (bħalma jsostnu l-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew).

140. Fil-fehma tiegħi, dawk il-kwistjonijiet huma irrilevanti għall-finijiet ta’ din il-proċedura. Preliminarjament għandi nindika li l-Qorti tal-Ġustizzja la fis-sentenza Padawan (93) u lanqas fis-sentenza Copydan Båndkopi (94) ma kkonkludiet li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 jikseb sempliċi armonizzazzjoni minima. Iktar minn hekk, kif spjegat fil-punt 129 iktar ’il fuq, sabiex tiskatta l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni ma hijiex neċessarja armonizzazzjoni sħiħa. F’dak ir-rigward, il-punt kruċjali huwa jekk il-qasam kopert mill-ftehim internazzjonali huwiex estensivament kopert mir-regoli tal-Unjoni b’tali mod li kwalunkwe kompetenza tal-Istati Membri sabiex jaġixxu esternament fir-rigward ta’ dak il-qasam tirriskja li taffettwa dawk ir-regoli.

141. Ma jistax jiġi kkontestat li l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet huma parti mil-liġi tad-drittijiet tal-awtur, li hija fil-biċċa l-kbira rregolata mid-Direttiva 2001/29. Kif speċifikat fil-premessa 32 ta’ dik id-direttiva, dawk l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet huma eżawrjenti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5(5) u l-premessa 44, l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet kollha għandhom jiġu applikati skont l-hekk imsejjaħ test fi tliet fażijiet (95). Iktar u iktar, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li l-marġni ta’ diskrezzjoni li jgawdu minnha l-Istati Membri meta jagħmlu użu mill-eċċezzjonijiet taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 “għandu jiġi eżerċitat fil-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni” (96). Finalment, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet ukoll li ħafna mill-kunċetti li jinsabu fl-Artikolu 5 jikkostitwixxu kunċetti tad-dritt tal-Unjoni awtonomi li għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha, irrispettivament mil-liġijiet interni ta’ dawk l-Istati (97).

142. Fil-fatt, fis-sentenza Broadcasting, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li, fir-rigward tal-ftehim internazzjonali inkwistjoni f’dik il-kawża, l-elementi li jikkonċernaw, inter alia, il-limitazzjonijiet u l-eċċezzjonijiet għad-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur kienu koperti minn regoli tal-Unjoni komuni, u li n-negozjati dwar dawk l-elementi kienu kapaċi jaffettwaw jew ibiddlu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli komuni (98). Ma nara l-ebda raġuni għaliex dik il-konklużjoni ma tkunx iġġustifikata fil-każ ineżami wkoll.

143. Huwa ċar li l-konklużjoni tat-Trattat ta’ Marrakexx tkun teħtieġ li l-leġiżlatur tal-Unjoni jemenda l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29. Bħalissa, il-paragrafu (3)(b) ta’ dik id-dispożizzjoni tħalli d-deċiżjoni f’idejn l-Istati Membri dwar jekk jipprevedux eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet fil-każ ta’ “użu, għall-benefiċċju ta’ nies b’diżabilità, li huwa direttament relatat mad-diżabilità u ta’ natura mhux kummerċjali, sa fejn meħtieġ mid-diżabilità speċifika”. Għaldaqstant, sabiex jikkonformaw mar-regoli inklużi fit-Trattat ta’ Marrakexx, l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti għall-benefiċċju ta’ kategorija speċifika ta’ persuni b’diżabbiltà (persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat) ma għadhomx jistgħu jkunu fakultattivi u għandhom isiru obbligatorji.

144. Ċertament, jista’ jkun hemm diversi modi ta’ kif it-Trattat ta’ Marrakexx jiġi implementat u l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ tabilħaqq jiddeċiedi li ma hemmx bżonn ta’ armonizzazzjoni sħiħa tas-suġġett ta’ dak it-trattat. Madankollu, dik hija deċiżjoni li għandha ssir mil-leġiżlatur tal-Unjoni peress li fi kwalunkwe każ it-test tad-Direttiva 2001/29 ikollu jiġi emendat. B’mod partikolari, il-kliem attwali tal-Artikolu 5(3)(b) ta’ dik id-direttiva la jirrifletti l-formulazzjoni u lanqas l-ispirtu tat-Trattat ta’ Marrakexx u l-Istati Membri ma jistgħux de facto jbiddlu jew jimminaw dik ir-regola tal-Unjoni billi jieħdu impenji internazzjonali awtonomi (99).

145. F’dak il-kuntest, ma huwiex irrilevanti li wieħed josserva li l-premessa 44 tad-Direttiva 2001/29 issostni li l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti fid-direttiva għandhom “għandhom ikunu eżerċitati skond l-obbligi internazzjonali”.

146. Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6 tad-direttiva, dwar l-obbligi rigward miżuri teknoloġiċi u, b’mod partikolari, il-paragrafu (4) tiegħu, jidher ukoll li jiġi affettwat mill-Artikolu 7 tat-Trattat ta’ Marrakexx. Din l-aħħar dispożizzjoni tirrikjedi lill-partijiet kontraenti sabiex jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li, meta jipprovdu protezzjoni legali xierqa u rimedji legali effettivi kontra l-evażjoni ta’ miżuri teknoloġiċi effettivi, din il-protezzjoni legali ma tipprevenix lill-persuni benefiċjarji milli jgawdu l-limitazzjonijiet u l-eċċezzjonijiet stabbiliti f’dak it-trattat.

147. Għaldaqstant jidhirli li l-konklużjoni tat-Trattat ta’ Marrakexx bla dubju sejra, sabiex nuża l-kliem tal-Artikolu 3(2) TFUE “tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom”.

148. Din hija l-kwistjoni ċentrali tal-Artikolu 3(2) TFUE. Wara kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement ikkonfermat li l-fatt li r-regoli tal-Unjoni inkwistjoni jippermettu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-Istati Membri għall-finijiet tat-traspożizzjoni u tal-implementazzjoni ta’ dawk ir-regoli ma jeskludix kompetenza esklużiva (100). Lanqas ma huwa ta’ xi rilevanza, f’dak ir-rigward, il-fatt li mhux biss l-Unjoni, iżda anki l-Istati Membri, jista’ jkollhom bżonn li jibdlu r-regoli nazzjonali tagħhom sabiex jimplementaw ftehim internazzjonali. Bħalma ntqal iktar ’il fuq, kompetenza tista’ tkun esklużiva esternament filwaqt li tkun kondiviża internament. Jekk dan huwa minnu, l-eżerċizzju tal-kompetenza interna huwa rregolat mill-Artikolu 2(2) TFUE, mhux mill-Artikolu 3(2) TFUE.

149. Din il-konklużjoni ma titqegħidx fid-dubju mill-fatt li, bħalma jindika l-Gvern tar-Renju Unit, l-Istati Membri jistgħu jimplementaw it-Trattat ta’ Marrakexx billi jemendaw il-liġijiet tagħhom dwar id-drittijiet tal-awtur, mingħajr ma jiksru formalment id-Direttiva 2001/29. Bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet ripetutament, ir-regoli tal-Unjoni jistgħu jiġu affettwati minn impenji internazzjonali anki jekk ma hemm l-ebda kontradizzjoni possibbli bejn dawk l-impenji u r-regoli tal-Unjoni (101). Fi kwalunkwe każ, kif imsemmi fil-punt 143 iktar ’il fuq, huwa ċar li n-natura fakultattiva tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(3)(b) ma tikkonformax mal-ispirtu u mat-test tat-Trattat ta’ Marrakexx. Dan ifisser li implementazzjoni ta’ dak it-trattat fuq il-livell tal-Unjoni inevitabbilment tkun teħtieġ li dik id-dispożizzjoni tiġi emendata.

150. In-natura esklużiva tal-kompetenza li għandha tiġi eżerċitata għall-konklużjoni tat-Trattat ta’ Marrakexx hija wkoll ikkonfermata mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja, b’risposta għal talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2)(d) tad-Direttiva 2001/29, ikkonkludiet li, billi adotta d-Direttiva 2001/29, il-leġiżlatur tal-Unjoni “huwa kkunsidrat li eżerċita l-kompetenzi preċedentement mogħtija lill-Istati Membri fil-qasam tal-proprjetà intellettwali”. Għaldaqstant, hija ddeċidiet li, fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/29, l-Unjoni għandha titqies li ħadet il-post tal-Istati Membri, li ma għadx għandhom kompetenza sabiex jimplementaw id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Berna li ispirat ir-regoli li jinsabu f’dik id-direttiva (102). Dawk il-konklużjonijiet jidhru li mutatis mutandis huma rilevanti ħafna fil-kawża ineżami.

151. Fl-aħħar nett, sa fejn l-iżviluppi prevedibbli tad-dritt tal-Unjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kompetenza inkwistjoni hijiex esklużiva jew kondiviża, wieħed ma għandux jinjora l-fatt li, fid-19 ta’ Mejju 2015, il-Kunsill iddeċieda li jitlob lill-Kummissjoni, taħt l-Artikolu 241 TFUE, sabiex mingħajr dewmien tippreżenta proposta leġiżlattiva għall-emenda tal-qafas legali tal-Unjoni sabiex jingħata effett lir-regoli previsti fit-Trattat ta’ Marrakexx.

152. Jidhirli li, ladarba dik l-emenda tiġi adottata, ma jista’ jkun hemm ebda dubju li l-Unjoni tkun eżerċitat il-kompetenza tagħha b’mod li huwa inkompatibbli mal-eżistenza ta’ kompetenza esterna residwa tal-Istati Membri. Kwalunkwe azzjoni tal-Istati Membri, kemm individwali jew kollettiva, sabiex jidħlu f’obbligi ma’ pajjiżi terzi fil-qasam kopert mit-Trattat ta’ Marrakexx tabilħaqq taffettwa r-regoli tal-Unjoni adottati sabiex jimplementawh.

153. Fi kwalunkwe każ, indipendentement minn dik l-emenda possibbli, id-Direttiva 2001/29 fiha nnifisha tidher, fil-preambolu tagħha, li tipprevedi azzjoni futura possibbli sabiex twassal għal konsistenza ulterjuri fil-qasam tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet. Il-premessa 32, tabilħaqq, tesprimi l-ħtieġa li l-Istati Membri progressivament “jaslu għal applikazzjoni koerenti [f’dak il-qasam], li ssir stima [tagħha] meta jirrevedu l-leġislazzjoni implimentattiva fil-futur” (103).

154. Għaldaqstant jidher li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-aħħar parti tal-Artikolu 3(2) TFUE huma ssodisfatti.

IV – Konklużjoni

155. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda mqajma mill-Kummissjoni fit-talba tagħha għal opinjoni skont l-Artikolu 218(11) TFUE b’dan il-mod:

L-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva sabiex tikkonkludi t-Trattat ta’ Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b’Diżabbiltà fil-Vista jew li b’xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat, adottat mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) fis-27 ta’ Ġunju 2013.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 –      Trattat ta’ Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b’Diżabbiltà fil-Vista jew li b’xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat, Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali, tas-27 ta’ Ġunju 2013, TRT/MARRAKESH/001.


3 – Il-kunċett ta’ “xogħlijiet” jirreferi għal xogħlijiet letterarji u artistiċi fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi (“il-Konvenzjoni ta’ Berna”), fil-forma ta’ test, notazzjoni u/jew illustrazzjonijiet relatati, kemm jekk ippubblikati kif ukoll jekk b’mod ieħor magħmula disponibbli pubblikament bi kwalunkwe midja. Il-kunċett jinkludi xogħlijiet fil-forma awdjo bħal kotba-awdjo.


4 – “kopja f’format aċċessibbli” tfisser kopja ta’ xogħol f’mod jew għamla alternattiva li tagħti lil persuna benefiċjarja aċċess għax-xogħol. Din għandha tintuża esklużivament mill-persuna benefiċjarja u għandha tirrispetta l-integrità tax-xogħol oriġinali.


5 – “entità awtorizzata” hija istituzzjoni governattiva jew organizzazzjoni oħra rrikonoxxuta mill-gvern li tipprovdi edukazzjoni, taħriġ pedagoġiku, qari adattiv jew aċċess għal informazzjoni lill-għomja, dawk b’diżabbiltà fil-vista, jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat, mingħajr skop ta’ qligħ.


6 – L-Artikolu 11 għandu jinqara fid-dawl tal-għaxar premessa, li skontha l-partijiet kontraenti jtennu l-obbligi tagħhom skont it-trattati internazzjonali eżistenti dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u l-importanza tal-hekk imsejjaħ “test fuq tliet livelli” għal limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Berna.


7 – Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).


8 – Il-premessa 34 tad-Direttiva 2001/29 tipprovdi wkoll: “L-Istati Membri għandhom jingħataw l-għażla li jipprovdu għal ċerti eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għal każi bħal skopijiet edukattivi u xjentifiċi, għall-benefiċċju ta’ istituzzjonijiet pubbliċi bħal libreriji u arkivji, għal skopijiet ta’ rappurtaġġ ta’ aħbarijiet, għal kwotazzjonijiet, għal [użu] minn nies b’diżabilitajiet, għal użu ta’ sigurtà pubblika u għal użu fi proċedimenti amministrattivi u legali” (enfasi miżjuda).


9 – Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea f’negozjati għal ftehim internazzjonali fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali dwar aċċess aħjar għal kotba għal persuni li għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat; 16259/12.


10 – Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/221/UE, tal-14 ta’ April 2014, dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat ta’ Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b’Diżabbiltà fil-Vista jew li b’xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat (ĠU 2014, L 115, p. 1).


11 – COM(2014) 638 finali.


12 – Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/00, tas-6 ta’ Diċembru 2001, EU:C:2001:664, punt 5.


13 – Ara l-Opinjoni 2/92, tal-24 ta’ Marzu 1995, EU:C:1995:83, punt 12, u l-Opinjoni 1/08, tat‑30 ta’ Novembru 2009, EU:C:2009:739, punt 112.


14 – Ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 49).


15 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑263/14, EU:C:2016:435, punti 43 u 44, u l-Opinjoni 2/00, tas-6 ta’ Diċembru 2001, EU:C:2001:664, punti 22 u 23 u l-ġurisprudenza ċċitata.


16 – Dan l-aħħar gvern huwa ta’ dik il-fehma biss b’mod sussidjarju, fil-każ li l-Artikolu 19 TFUE ma jitqiesx bħala li waħdu huwa bażi suffiċjenti għall-konklużjoni tat-Trattat ta’ Marrakexx.


17 – Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑137/12, EU:C:2013:675, punt 57; tat-18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland, C‑414/11, EU:C:2013:520, punt 51, u tat‑12 ta’ Mejju 2005, Regione autonoma Friuli-Venezia Giulia u ERSA, C‑347/03, EU:C:2005:285, punt 75.


18 – Opinjoni 1/78 tal-4 ta’ Ottubru 1979, EU:C:1979:224, punti 44 u 45. Dwar din il-kwistjoni, ara wkoll is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1995, Werner, C‑70/94, EU:C:1995:328, punt 9 et seq, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑178/03, EU:C:2005:312, punt 32.


19 – Ara l-Opinjoni 1/94, tal-15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punt 41.


20 – Ara s-sentenza tas-26 ta’ Marzu 1987, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, 45/86, EU:C:1987:163, punt 19.


21 – Ara s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland, C‑414/11, EU:C:2013:520, punt 52.


22 – Ara r-raba’ premessa.


23 – Ara s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland, C‑414/11, EU:C:2013:520, punti 58 u 59. Ara wkoll is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑137/12, EU:C:2013:675, punti 60 sa 67.


24 – Ara, pereżempju, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni, C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punt 22.


25 – Ara s-sentenza tas-17 ta’ Frar 1993, Poucet u Pistre, C‑159/91 u C‑160/91, EU:C:1993:63.


26 – Ara s-sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 1997, Sodemare et, C‑70/95, EU:C:1997:301 u tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Azienda sanitaria locale n. 5 ‘Spezzino’ et, C‑113/13, EU:C:2014:2440.


27 – Ara s-sentenza tat-23 ta’ April 1991, Höfner u Elser, C‑41/90, EU:C:1991:161, punt 21.


28 – Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland, C‑414/11, EU:C:2013:520.


29 – Ara, pereżempju, l-Artikolu 31(b) u (c) u l-Artikolu 60 tal-Ftehim TRIPS.


30 – Ara, pereżempju, l-Artikoli II(9) u IV(4) tal-Anness.


31 – Pereżempju, f’DS160, US — Section 110(5) Copyright Act, il-Bord ta ftit li xejn attenzjoni għall-argumenti tal-partijiet dwar jekk l-eċċezzjonijiet għal pretensjonijiet tad-drittijiet tal-awtur ta’ awturi u kompożituri taħt id-dritt tal-Istati Uniti għandhomx jiġu ristretti għal użi mhux kummerċjali ta’ xogħlijiet sabiex ikunu konformi mal-Ftehim TRIPs. Ara r-Rapport tal-Bord (Panel Report), tal-15 ta’ Ġunju 2000 (WT/DS160/R), punt 6.58.


32 – Ara r-Rapport tal-Korp tal-Appell (Appellate Body Report), tas-7 ta’ Ġunju 2016, f’DS461, Colombia Measures Relating to the Importation of Textiles, Apparel and Footwear (WT/DS461/AB/R), punti 5.34 sa 5.36.


33 – Il-Ftehim dwar l-Implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994.


34 – Ara l-Artikolu 2.2 tal-Ftehim Antidumping tad-WTO, u, fir-rigward tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, l-Artikolu 2(3) sa (6) tar-Regolament bażiku dwar l-antidumping (Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51).


35 – Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 9.1 tal-Ftehim TRIPs. Dwar din il-kwistjoni, ara A. Dimopoulos, “An Institutional Perspective II: The Role of the CJEU in the Unitary (EU) Patent System”, The Unitary EU Patent System, Hart Publishing, Oxford, 2015, p. 75.


36 – Ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2012, Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et, C‑159/11, EU:C:2012:817, punt 29, u tal-4 ta’ Ġunju 2009, Vatsouras u Koupatantze, C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punt 27.


37 – Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/243/UE, tal-14 ta’ April 2014 (ĠU 2014 L 128, p. 61).


38 – Ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑137/12, EU:C:2013:675.


39 – Skont dak il-ftehim (li ġie ffirmat fl-14 ta’ Lulju 1967 u li daħal fis-seħħ fis-26 ta’ April 1970), il-prodotti kollha li jkunu jġibu indikazzjoni tal-oriġini falza jew qarrieqa, li permezz tagħha wieħed mill-Istati Kontraenti, jew post li jinsab fih, jiġi indikat direttament jew indirettament bħala l-pajjiż jew il-post ta’ oriġini, għandu jiġi kkonfiskat mal-importazzjoni, jew tali importazzjoni għandha tiġi pprojbita, jew azzjonijiet u sanzjonijiet oħra għandhom jiġu applikati b’rabta ma’ tali importazzjoni.


40 – Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2005, Regione autonoma Friuli-Venezia Giulia u ERSA, C‑347/03, EU:C:2005:285, punti 71 sa 83, u tat-22 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑137/12, EU:C:2013:675, punti 60 sa 67.


41 – Ara l-Opinjoni 2/00, tas-6 ta’ Diċembru 2001, EU:C:2001:664.


42 – Ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑411/06, EU:C:2009:518.


43 – F’dan ir-rigward nosserva li numru ta’ gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-kawża jidhru li jenfasizzaw l-għan tat-Trattat ta’ Marrakexx iktar milli l-kontenut tiegħu. Fil-fehma tiegħi dan huwa żball. Kif semmejt fil-punt 33 iktar ’il fuq, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja teħtieġ li l-interpretu ta’ miżura jeżamina kemm l-għan kif ukoll il-kontenut tagħha. Wara kollox, id-diversi partijiet fi ftehim internazzjonali (inkluż, fi ftehim imħallat, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha) jistgħu tabilħaqq jifhmu l-objettivi ta’ dak il-ftehim b’mod differenti, jew iqiegħdu enfasi li tvarja fuq il-komponenti differenti tiegħu (ara G. De Baere, T. Van den Sanden, “Interinstitutional Gravity and Pirates of the Parliament on Stranger Tides: the Continued Constitutional Significance of the Choice of Legal Basis in Post-Lisbon External Action’, E.C.L. Review, Vol. 12(1), Cambridge University Press, 2016, pp. 85-113).


44 – Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Doha tad-WTO, 20 ta’ Novembru 2001, WT/MIN(01)/DEC/2.


45 – Ara d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill għat-TRIPS tal-25-27 ta’ Ġunju 2002 (IP/C/25) u tas-6 ta’ Novembru 2015 (IP/C/73) dwar l-estensjoni tal-perijodu ta’ tranżazzjoni taħt l-Artikolu 66.1 tal-Ftehim TRIPs għall-Istati Membri l-inqas żviluppati fir-rigward ta’ prodotti farmaċewtiċi.


46 – Ara, b’mod partikolari, id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali, tas-6 ta’ Diċembru 2005, dwar l-emenda tal-Ftehim TRIPs (WT/L/641).


47 – F’dak ir-rigward nosserva li l-miżuri tal-Unjoni dwar dawk id-deċiżjonijiet tad-WTO ġew adottati abbażi tal-Artikolu 207 TFUE, waħdu jew flimkien ma’ artikoli oħra tat-Trattat. Ara, pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/768/KE, tad-19 ta’ Novembru 2007, dwar l-aċċettazzjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim TRIPs, magħmul f’Ġinevra fis‑6 ta’ Diċembru 2005 (ĠU 2007, L 311, p. 35); u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1855, tat-13 ta’ Ottubru 2015, li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill dwar [it-TRIPs] u l-Kunsill Ġenerali [tad-WTO] fir-rigward tat-talba mingħand Membri li jkunu pajjiżi l-inqas żviluppati għal estensjoni tal-perjodu ta’ tranżizzjoni skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 66 tal-Ftehim [TRIPS] fir-rigward ta’ ċerti obbligi marbuta ma’ prodotti farmaċewtiċi u għal eżenzjoni mill-obbligi skont il-paragrafi 8 u 9 tal-Artikolu 70 ta’ dak il-Ftehim (ĠU 2015, L 271, p. 33).


48 – Għall-politika kummerċjali komuni, ara speċjalment l-Artikolu 206 TFUE.


49 – Opinjoni 1/78, tal-4 ta’ Ottubru 1979, EU:C:1979:224, punti 41 u 46.


50 – Ara, pereżempju, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 1990, Il-Greċja vs Il‑Kunsill, C‑62/88, EU:C:1990:153, punti 15 sa 19.


51 – Ara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1995, Werner, C‑70/94, EU:C:1995:328, punti 9 sa 12.


52 – Dwar din il-kwistjoni, b’mod ġenerali, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża L-Irlanda vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑301/06, EU:C:2008:558, punt 97.


53 – Ara s-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata.


54 – Ara s-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et, C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 36.


55 – Ara, għal dan l-għan, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Aulinger, C‑371/03, EU:C:2006:160, u Opinjoni 1/94, tal-15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punt 51.


56 – Ara l-Kumitat dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, il-ħdax-il sessjoni, 31 ta’ Marzu‑11 ta’ April 2014, Kumment Ġenerali Nru 2 (2014) (CRPD/c/GC/2), p. 13.


57 – Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23).


58 – Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE, tat-13 ta’ Diċembru 2004, li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi (ĠU L 153M, p. 294).


59 – Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).


60 – Enfasi miżjuda.


61 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑376/98, EU:C:2000:544, punt 84.


62 – Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata.


63 – Enfasi miżjuda.


64 – Enfasi miżjuda.


65 – Il-parti l-kbira tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 151(1) TFUE huma ċari dwar dan, bħalma huwa r-riferiment għall-Karta Soċjali Ewropea tal-1961 u l-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema tal-1989.


66 – F’dan ir-rigward, ara, pereżempju, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas, C‑13/05, EU:C:2006:456; tad-19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278; u tat‑13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509.


67 – Ara s-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑377/12, EU:C:2014:1903, punti 36 u 42.


68 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑166/07, EU:C:2009:499. Huwa minnu, kif targumenta l-Kummissjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja tidher li, fis-sentenza tagħha tad-29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑338/01, EU:C:2004:253, qieset li l-kombinazzjoni ta’ unanimità u l-vot bil-maġġoranza kwalifikata hija inkompatibbli. Madankollu, f’din l-aħħar kawża, id-differenzi bejn iż-żewġ proċeduri ma kinux limitati għar-rekwiżit tal-vot tal-Kunsill iżda kienu jikkonċernaw ukoll l-involviment tal-Parlament Ewropew. F’dan ir-rigward, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑338/01, EU:C:2003:433, punt 55.


69 – Opinjoni 1/75, tal-11 ta’ Novembru 1975, EU:C:1975:145.


70 – Skont l-Artikolu 4(1) TFUE, “[l-]Unjoni għandha kompetenza kondiviża ma’ l-Istati Membri fejn it-Trattati jtuha kompetenza li ma tirrigwardax l-oqsma previsti fl-Artikoli 3 u 6”.


71 – Din il-kwistjoni ser tiġi eżaminata fit-taqsima li jmiss ta’ dawn il-konklużjonijiet.


72 – Bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 4(3) u (4) TFUE, rispettivament, l-iżvilupp teknoloġiku u l-ispazju, u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 1996, Il-Portugall vs Il‑Kunsill, C‑268/94, EU:C:1996:461.


73 – Ara s-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill, C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata.


74 – Fir-rigward tal-“assorbiment” tal-aspetti anċillari fil-komponent prinċipali, ara l-Opinjoni 1/94, tal-15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punti 66 sa 68, u s-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 1996, Il-Portugall vs Il‑Kunsill, C‑268/94, EU:C:1996:461, punti 75 sa 77.


75 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑205/06, EU:C:2008:391, punt 41.


76 – Ara Louis, J.V., “La compétence de la CE de conclure des accords internationaux’, Commentaire Mégret, vol. 12: Relations extérieures, Éditions de l’Université Libre de Bruxelles, Bruxelles, 2005, pp. 57-75. Ara wkoll L. Azoulai, “The Many Visions of Europe: Insights from the Reasoning of the European Court of Justice in external relations Law”, f’Cremona, M., Thies, A., (edituri), The European Court of Justice and External Relations Law, Hart Publishing, Oxford, 2014, p. 172‑182.


77 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑114/12, EU:C:2014:2151, punti 66 u 67, u l-Opinjoni 1/13, tal-14 ta’ Ottubru 2014, EU:C:2014:2303, punt 71.


78 – Sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (“AETR”), 22/70, EU:C:1971:32.


79 – Opinjoni 1/94, tal-15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punt 96.


80 – Sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Green Network, C‑66/13, EU:C:2014:2399, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata.


81 – Ara l-Opinjoni 2/91, tad-19 ta’ Marzu 1993, EU:C:1993:106, punt 25; Opinjoni 1/13, tal‑14 ta’ Ottubru 2014, EU:C:2014:2303, punt 73; u s-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Green Network, C‑66/13, EU:C:2014:2399, punt 31.


82 – Sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Green Network, C‑66/13, EU:C:2014:2399, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata.


83 – Sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Green Network, C‑66/13, EU:C:2014:2399, punt 33.


84 – Ara l-Opinjoni 1/03, tas-7 ta’ Frar 2006, EU:C:2006:81, punt 128, u s-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Green Network, C‑66/13, EU:C:2014:2399.


85 – Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Green Network, C‑66/13, EU:C:2014:156, punt 49.


86 – Ara l-Opinjoni 1/13, tal-14 ta’ Ottubru 2014, EU:C:2014:2303, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata.


87 – Ara, f’dan is-sens, dak li ntqal fil-punt 125 iktar ’il fuq.


88 – Sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, 22/70, EU:C:1971:32, punt 31.


89 – Opinjoni 1/94, tal-15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punti 95 u 96, u s-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑467/98, EU:C:2002:625, punti 83 u 84.


90 – Opinjoni 2/91, tad-19 ta’ Marzu 1993, EU:C:1993:106, punt 18.


91 – Opinjoni 1/94, tal-15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punti 78 u 79, u s-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑467/98, EU:C:2002:625, punti 85 u 86.


92 – Ara l-premessi 1 sa 7.


93 – Fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 27, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement tirriproduċi argument imressaq minn waħda mill-partijiet.


94 – Fis-sentenza tagħha tal-5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 88, il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għal “armonizzazzjoni parzjali”.


95 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, iktar ’il fuq.


96 – Sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 104.


97 – Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 37, u tat-3 ta’ Settembru 2014, Deckmyn u Vrijheidsfonds, C‑201/13, EU:C:2014:2132, punt 15.


98 – Ara s-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑114/12, EU:C:2014:2151, punt 88.


99 – Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑114/12, EU:C:2014:224, punt 157.


100 – Sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Green Network, C‑66/13, EU:C:2014:2399, punti 50 sa 60 (b’mod partikolari, il-punt 54).


101 – Opinjoni 1/13, tal-14 ta’ Ottubru 2014, EU:C:2014:2303, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata.


102 – Sentenza tas-26 ta’ April 2012, DR u TV2 Danmark, C‑510/10, EU:C:2012:244, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata.


103 – Fir-rigward tal-premessa 32, ara wkoll is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 35.