Language of document : ECLI:EU:F:2016:76

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA
(It-Tielet Awla)

12 ta’ April 2016

Kawża F‑98/15

CP

vs

Il‑Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Kap ta’ diviżjoni – Perijodu ta’ prova – Nuqqas ta’ konferma fil-funzjonijiet ta’ kap ta’ diviżjoni – Eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament – Telf ta’ opportunità”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu CP jitlob, essenzjalment, minn naħa, l-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tat‑18 ta’ Lulju 2014, sa fejn dan jipprevedi li ż-żieda fis-salarju bażiku tiegħu relatata mal-ħatra tiegħu bħala kap ta’ diviżjoni, imsejħa “allowance għall-pożizzjoni maniġerjali”, tidħol fis-seħħ wara perijodu ta’ disa’ xhur u, min-naħa l-oħra, kumpens għad-“danni materjali u finanzjarji” li huwa allegatament ġarrab.

Deċiżjoni:      Il-Parlament Ewropew huwa kkundannat iħallas lil CP is-somma ta’ EUR 3 219,55. Din is-somma għandha tiżdied bl-interessi moratorji kkalkolati bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament u applikabbli matul il-perijodu inkwistjoni, miżjuda b’żewġ punti, mill‑1 ta’ Lulju 2011 sad-data tal-ħlas effettiv. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Sommarju

1.      Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni – Diffikultajiet partikolari – Kumpens ekwu għall-iżvantaġġ li rriżulta għar-rikorrent mill-att annullat

(Artikolu 266 TFUE)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali – Ġurisdizzjoni sħiħa – Kumpens għad-dannu materjali marbut mat-telf ta’ opportunità – Evalwazzjoni – Kriterji

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1))

1.      Fil-każ ta’ annullament mill-qorti ta’ att ta’ istituzzjoni jew ta’ aġenzija, hija din tal-aħħar li għandha, skont l-Artikolu 266 TFUE, tieħu l-miżuri meħtieġa li teħtieġ l-eżekuzzjoni tas-sentenza. Sabiex ikun hemm konformità mas-sentenza ta’ annullament u sabiex din tingħata eżekuzzjoni sħiħa, l-istituzzjoni li tkun l-awtur tal-att annullat għandha tosserva mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza, iżda wkoll il-motivi li wasslu għaliha u li jikkostitwixxu l-bażi meħtieġa tagħha, fis-sens li dawn huma indispensabbli sabiex tiġi ddeterminata t-tifsira eżatta ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv. Fil-fatt, huma dawn il-motivi li, minn naħa, jidentifikaw id-dispożizzjoni meqjusa illegali u, min-naħa l-oħra, juru r-raġunijiet tal-illegalità kkonstatata fid-dispożittiv u li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tissostitwixxi l-att annullat. Fir-rigward tal-effetti tal-annullament ta’ att mogħti mill-qorti, dan japplika ex tunc u għalhekk għandu l-effett li jelimina b’mod retroattiv l-att annullat mill-ordinament ġuridiku. L-istituzzjoni konvenuta għandha għalhekk tiegħu l-miżuri meħtieġa sabiex telimina l-effetti tal-illegalitajiet ikkonstatati, obbligu li, fil-każ ta’ att li diġà ġie eżegwit, jimplika li r-rikorrent jitpoġġa fis-sitwazzjoni legali li kien jinsab fiha qabel dan l-att.

Issa, l-istituzzjoni li ġie annullat att tagħha ma tistax teċċepixxi diffikultajiet prattiċi sabiex taħrab mill-obbligu tagħha li telimina l-illegalità mwettqa. Fil-fatt, jekk l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament toħloq diffikultajiet partikolari, l-istituzzjoni kkonċernata tista’ tissodisfa l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 266 TFUE billi tieħu kull deċiżjoni li hija ta’ natura li tikkumpensa b’mod ekwu żvantaġġ għall-persuna kkonċernata li rriżulta mid-deċiżjoni annullata.

(ara l-punti 59 u 71)

Referenza:

Il‑Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 1992, Meskens vs Il‑Parlament, T‑84/91, EU:T:1992:103, punt 78

It‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi tal‑15 ta’ April 2010, Angelidis vs Il‑Parlament, F‑104/08, EU:F:2010:23, punti 35 u 36 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat‑13 ta’ Settembru 2011, AA vs Il‑Kummissjoni, F‑101/09, EU:F:2011:133, punt 81, u tal‑21 ta’ Marzu 2013, Brune vs Il‑Kummissjoni, F‑94/11, EU:F:2013:41, punt 59

2.      Kemm-il darba titressaq prova suffiċjenti, it-telf ta’ opportunità jikkostitwixxi dannu materjali li jista’ jiġi kkumpensat. Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-kumpens li għandu jitħallas abbażi tat-telf ta’ opportunità, wara li tiġi identifikata n-natura tal-opportunità li l-uffiċjal ikun ġie mċaħħad minnha, għandha tiġi ddeterminata d-data sa minn meta l-uffiċjal seta’ jibbenefika minn din l-opportunità, imbagħad għandha tiġi kkwantifikata din l-opportunità u, finalment, għandhom jiġu ppreċiżati liema kienu l-konsegwenzi finanzjarji għalih ta’ dan it-telf ta’ opportunità. Barra minn hekk, meta dan ikun possibbli, l-opportunità li jkun ġie mċaħħad minnha uffiċjal għandha tiġi ddeterminata oġġettivament, fil-forma ta’ koeffiċjent matematiku li jirriżulta minn analiżi preċiża. Madankollu, meta din l-opportunità ma tkunx tista’ tiġi kkwantifikata b’dan il-mod, huwa aċċettat li d-dannu mġarrab jista’ jiġi evalwat ex æquo et bono.

(ara l-punti 68 u 79)

Referenza:

Il‑Qorti Ġenerali tal‑Unjoni Ewropea: sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2010, UASI vs Simões Dos Santos, T‑260/09 P, EU:T:2010:461, punt 104

It‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2013, AK vs Il‑Kummissjoni, F‑91/10, EU:F:2013:34, punti 69, 91 u 92 u l-ġurisprudenza ċċitata