Language of document : ECLI:EU:F:2016:131

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

tal-15 ta’ Ġunju 2016

Kawża F‑75/12

Daniel Wille

u

Bo Skovsboell

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pensjonijiet – Trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni nazzjonali – Proposti ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz – Att li ma jikkawżax preġudizzju – Inamissibbiltà tar-rikors – Talba għal deċiżjoni mingħajr ma’ tidħol fil-mertu tal-kawża – Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat taħt l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA abbażi tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu Daniel Wille u Bo Skovsboell talbu l-annullament tad-“deċiżjonijiet”, rispettivament tal-21 ta’ Novembru 2011 u tal-5 ta’ Marzu 2012, dwar il-kalkolu tal-akkreditazzjoni lejn l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni Ewropea, tad-drittijiet għall-pensjoni akkwistati qabel fil-kuntest ta’ skema oħra tal-pensjoni u, sa fejn ikun meħtieġ, tad-deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni Ewropea, rispettivament tad-19 ta’ April u tad-29 ta’ Ġunju 2012, li jiċħdu l-ilmenti tagħhom kontra d-“deċiżjonijiet” li jiffissaw dawn l-akkreditazzjonijiet tas-snin ta’ servizz.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Daniel Wille u Bo Skovsboell għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom u huma kkundannati għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

Rikorsi tal-uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz fid-dawl tat-trasferiment lill-iskema tal-Unjoni tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1) u Anness VIII, Artikolu 11(2))

Proposta biex jiġu akkreditati s-snin ta’ servizz pensjonabbli, ikkomunikati lil uffiċjal fid-dawl tat-trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni lejn l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni Ewropea mid-drittijiet għal pensjoni miksuba fil-kuntest ta’ skema oħra, ma tipproduċix effetti ġuridiċi vinkolanti li jaffettwaw direttament u immedjatament is-sitwazzjoni legali tad-destinatarju, b’mod li jibdlu, sostanzjalment, il-pożizzjoni legali tiegħu. Għaldaqstant, hija ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju, fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punt 18)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenzi tat-13 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs Verile u Gjergji, T‑104/14 P, EU:T:2015:776, punt 62, u Teughels vs Il‑Kummissjoni, T‑131/14 P, EU:T:2015:778, punt 58