Language of document : ECLI:EU:T:2016:474

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

13 ta’ Settembru 2016 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Settur bankarju – Għajnuna mogħtija lill-bank Daniż FIH, fil-forma ta’ trasferiment tal-assi żvalutati tiegħu lil sussidjarja ġdida u tax-xiri sussegwenti tagħhom mill-korp Daniż inkarigat li jiggarantixxi l-istabbiltà finanzjarja – Għajnuna mill-Istat favur banek f’perijodu ta’ kriżi – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Kunċett ta’ għajnuna – Kriterju tal-investitur privat – Kriterju tal-kreditur privat – Kalkolu tal-ammont tal-għajnuna – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑386/14,

FIH Holding A/S, stabbilita f’Kopenħagen (id-Danimarka),

FIH Erhvervsbank A/S, stabbilita f’Kopenħagen,

irrappreżentati minn O. Koktvedgaard, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn u P.-J. Loewenthal, bħala aġenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/884/UE, tal-11 ta’ Marzu 2014, dwar għajnuna mill-Istat SA.34445 (12/C) implimentata mid-Danimarka għat-trasferiment tal-assi relatati mal-proprjetà minn FIH għall-FSC (ĠU 2014, L 357, p. 89),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, F. Dehousse u A. M. Collins (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-25 ta’ Frar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Il-kuntest ġenerali

1        Waħda miż-żewġ rikorrenti, FIH Erhvervsbank A/S (iktar ’il quddiem “FIH”), hija kumpannija b’responsabbiltà limitata kkostitwita konformement mal-leġiżlazzjoni bankarja Daniża u ssorveljata mill-awtoritajiet bankarji Daniżi. FIH kif ukoll is-sussidjarji tagħha huma proprjetà sħiħa tar-rikorrenti l-oħra, FIH Holding A/S (iktar ’il quddiem “FIH Holding”).

2        Bħal banek oħra, FIH ibbenefikat minn ċerti miżuri adottati mir-Renju tad-Danimarka sabiex tistabbilizza s-settur bankarju tagħha. F’Ġunju 2009, FIH irċeviet kontribuzzjoni ta’ kapital ibridu tal-kategorija 1 ta’ DKK 1.9 biljun (madwar EUR 225 miljun) skont il-liġi Daniża dwar il-kontribuzzjonijiet ta’ kapital iffinanzjati mill-Istat. Din il-liġi kienet ġiet approvata mill-Kummissjoni Ewropea bħala skema ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern bid-Deċiżjoni C(2009) 766 finali, tat-3 ta’ Frar, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat N31a/2009 – id-Danimarka. Skont din id-deċiżjoni, l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat kienet disponibbli għal stabbilimenti bankarji fundamentalment sani u solventi.

3        F’Lulju 2009, ir-Renju tad-Danimarka pprovda lil FIH garanzija tal-Istat ta’ ammont ta’ DKK 50 biljun (madwar EUR 6.31 biljun), skont il-liġi Daniża dwar l-istabbiltà finanzjarja. Din il-liġi kienet ukoll ġiet approvata bħala skema ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern bid-Deċiżjoni C(2009) 766 finali. FIH użat l-ammont kollu ta’ din il-garanzija għal ħruġ ta’ bonds. Fil-31 ta’ Diċembru 2011, l-ammont ta’ bonds maħruġa minn FIH u ggarantiti mill-Istat Daniż kien ta’ DKK 41.7 biljun (madwar EUR 5.56 biljun), jiġifieri 49.4 % tal-karta tal-bilanċ ta’ FIH. Dawn il-bonds kellhom jiskadu fl-2012 u fl-2013.

4        Bejn l-2009 u l-2011, l-aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu Moody’s naqqset il-grad ta’ FIH, minn A2 għal B1, bi prospetti negattivi.

5        Sabiex tegħleb il-problemi ta’ likwidità li kienet ser toħloq l-istruttura tal-maturità tal-bonds, kien neċessarju li l-karta ta’ bilanċ ta’ FIH titnaqqas sostanzjalment. Fis-6 ta’ Marzu 2012, ir-Renju tad-Danimarka għalhekk innotifika lill-uffiċċju tal-prosekuzzjoni bil-miżuri tal-Kummissjoni. Kien hemm żewġ stadji previsti.

6        Matul l-ewwel fażi, l-assi l-iktar problematiċi (b’mod partikolari self ipotekarju u derivattivi) kellhom jiġu ttrasferiti lejn sussidjarja ġdida ta’ FIH Holding, NewCo. Il-passiv inizjali ta’ NewCo kien magħmul minn żewġ selfiet li kienu ġew awtorizzati lilha minn FIH u minn fondi azzjonarji ta’ valur ta’ DKK 2 biljuni (madwar EUR 268 miljun). F’dan il-kuntest, il-Financial Stability Company (iktar ’il quddiem il-“FSC”), entità pubblika implementata mill-awtoritajiet Daniżi fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja, ukoll ipprovdiet lil NewCo finanzjament li jikkorrispondi għall-ammonti neċessarji għar-rifinanzjament tal-assi tagħha (jiġifieri DKK 13 biljun), sabiex FIH tirrimborsa s-self tagħha ggarantit mill-Istat.

7        Matul it-tieni fażi, il-FSC kellha tissokta bix-xiri ta’ azzjonijiet ta’ NewCO, li sussegwentement kellu jiġi llikwidat b’mod ordnat.

8        FIH Holding u l-FSC ikkonkludew diversi ftehimiet konnessi dwar is-sitwazzjoni ta’ NewCo matul dan il-proċess ta’ likwidazzjoni. B’mod partikolari, FIH Holding ipprovdiet lill-FSC garanzija llimitata kontra t-telf, billi żgurat, fir-rigward ta’ din tal-aħħar, l-irkupru tal-ammonti kollha li hija kienet ser tħallas u l-kontribuzzjonijiet ta’ kapital li kienet ser tawtorizza lil NewCo. Il-FSC aċċettat li tiffinanzja u tirrikapitalizza NewCo matul il-likwidazzjoni tagħha, jekk dan ikun neċessarju.

9        Permezz tad-deċiżjoni tagħha C(2012) 4427 finali, tad-29 ta’ Ġunju 2012, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.34445 (12/C) (ex 2012/N) – id-Danimarka, il-Kummissjoni qieset li l-miżuri nnotifikati kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat favur NewCo u l-grupp FIH. Madankollu, hija approvat provviżorjament il-pakkett ta’ miżuri għal raġunijiet ta’ stabbiltà finanzjarja għal perijodu ta’ sitt xhur jew, jekk ir-Renju tad-Danimarka jippreżenta pjan ta’ ristrutturar matul dan il-perijodu, sakemm tadotta deċiżjoni finali fuq dan il-punt.

10      Bl-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ dawn il-miżuri. B’mod partikolari, hija kellha dubji dwar il-proporzjonalità ta’ dawn u l-limitazzjoni tagħhom għall-minimu neċessarju. Hija staqsiet ukoll jekk il-kontribuzzjoni tal-grupp FIH kinitx adatta u jekk id-distorsjoni tal-kompetizzjoni kinitx suffiċjentement limitata.

11      Fit-2 ta’ Lulju 2012, FIH irrimborsat lir-Renju tad-Danimarka l-fondi azzjonarji ibridi tal-kategorija 1 ta’ ammont ta’ DKK 1.9 biljun (madwar EUR 225 miljun) li hija kienet irċeviet fl-2009. Għaldaqstant, il-FSC kienet fil-pożizzjoni li tiffinanzja kważi l-ammont kollu ta’ DKK 2 biljuni li kien neċessarju għax-xiri ta’ NewCo permezz tar-rimbors antiċipat ta’ dawn il-fondi.

12      Fl-4 ta’ Jannar 2013, ir-Renju tad-Danimarka ppreżenta pjan ta’ ristrutturar ta’ FIH, li l-verżjoni finali tiegħu hija tal-24 ta’ Ġunju 2013.

13      Fit-3 ta’ Ottubru 2013, ir-Renju tad-Danimarka ttrażmetta sensiela ta’ proposti ta’ impenji, li l-verżjoni finali tagħhom hija tat-3 ta’ Frar 2014, sabiex jirrispondi għat-tħassib espress mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni.

 Id-deċiżjoni kkontestata

14      Fit-12 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju tad-Danimarka bid-Deċiżjoni 2014/884/UE, tal-11 ta’ Marzu 2014, dwar għajnuna mill-Istat SA.34445 (12/C) implimentata mid-Danimarka għat-trasferiment tal-assi relatati mal-proprjetà minn FIH għall-FSC (ĠU 2014, L 357, p. 89, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). L-għajnuna inkwistjoni kienet iddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b)TFUE, fid-dawl tal-pjan ta’ ristrutturar u tal-impenji ppreżentati.

15      Skont id-deċiżjoni kkontestata, il-miżuri favur FIH kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

16      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni rrilevat li l-miżuri inkwistjoni kienu jirreferu għar-riżorsi tal-Istat, peress li kienu ffinanzjati mill-FSC, impriża pubblika li tuża riżorsi pubbliċi. L-ewwel nett, il-FSC kienet ipprovdiet kontribuzzjoni fi flus ta’ DKK 2 biljuni (madwar EUR 268 miljun) għax-xiri ta’ azzjonijiet ta’ NewCo. It-tieni nett, il-FSC kienet intrabtet li tiffinanzja l-assi ta’ NewCo sakemm FIH tirrimborsa s-self iggarantit mill-Istat (ara l-punt 6 iktar ’il fuq). It-tielet nett, il-FSC kienet irrinunzjat parti mill-interessi dovuti għall-finijiet tal-ħlas tal-garanzija rċevut minn FIH Holding kontra t-telf ta’ NewCo (ara l-punt 8 iktar ’il fuq).

17      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni qieset li l-miżuri kienu jagħtu vantaġġ lill-grupp FIH. Hija qieset li, kuntrarjament għal dak li kienu invokaw l-awtoritajiet Daniżi, dawn il-miżuri ma kinux josservaw il-prinċipju tal-operatur privat tal-ekonomija tas-suq. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata tindika, f’tabella, il-valur preżenti nett (il-“VAN” jew “net present value”) tal-ftehim tax-xiri ta’ azzjonijiet, għal valuri differenti ta’ likwidazzjoni tal-assi ta’ NewCo li kienu jvarjaw minn DKK 5.1 biljun sa DKK 28.3 biljun. Il-probabbiltà li kull xenarju jimmaterjalizza huwa indikat b’linja bit-tikek, minn 0.1 sa 7.5 %. Skont il-Kummissjoni, fix-xenarji l-iktar probabbli, ir-redditu huwa marġinalment negattiv.

18      Skont id-deċiżjoni kkontestata, ir-redditu mistenni (“expected return”) tal-miżuri inkwistjoni jiddependi mill-fluss tad-dħul futur iġġenerat mill-flussi ta’ likwidità, li għandu jiġi skontat sal-valur preżenti tiegħu, jiġifieri l-VAN, bl-użu ta’ rata ta’ skont (“discount rate”) adatta.

Image not found

19      Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata tikkonkludi li l-VAN medju globali tal-ftehim tax-xiri ta’ azzjonijiet, ponderat abbażi tal-probabbiltà, skont il-kalkolu tal-espert estern tal-Kummissjoni, kien jammonta għal DKK 726 miljun. Konsegwentement, il-ftehim tax-xiri ta’ azzjonijiet jiġġenera telf minflok qligħ għall-FSC. Barra minn hekk, operatur privat ta’ ekonomija fis-suq kien jeżiġi remunerazzjoni ta’ fondi azzjonarji ta’ mill-inqas 10 % kull sena għal investiment simili ta’ ammont ta’ DKK 2 biljuni (madwar EUR 268 miljun), li kien jiġġenera madwar DKK 1.33 biljun matul is-seba’ snin ta’ eżistenza ta’ NewCo.

20      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni rrilevat li l-miżuri kienu jikkonċernaw esklużivament il-grupp FIH u NewCo u, minħabba dan, kienu selettivi.

21      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni qieset li l-miżuri setgħu joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u jkollhom effetti fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.

22      Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, sostnuti minn rapporti perizjali esterni, l-ammont ta’ għajnuna kien ta’ madwar DKK 2.25 biljuni (jiġifieri madwar EUR 300 miljun). Sabiex tikkwantifika l-ammont ta’ għajnuna, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatturi segwenti:

–        il-benefiċċju relatat mal-formula tal-ftehim ta’ xiri ta’ azzjonijiet (DKK 0.73 biljun), minħabba żieda fil-parteċipazzjoni ta’ fondi azzjonarji ta’ 25 % jew iktar fuq perijodu ta’ seba’ snin (skont il-Kummissjoni, investiment azzjonarju ordinarju jkun jimplika parteċipazzjoni ta’ 100 % fir-redditi ta’ fondi azzjonarji);

–        ir-rinunzja ta’ remunerazzjoni annwali fuq il-fondi azzjonarji matul perijodu ta’ investiment ta’ seba’ snin (DKK 1.33 biljun);

–        il-ħlas minn NewCo ta’ interessi addizzjonali fuq l-ewwel self lil FIH u fuq il-finanzjament inizjali tagħha (DKK 0.3 biljun);

–        il-ħlas ta’ spejjeż amministrattivi addizzjonali lil FIH għall-ġestjoni tal-assi u għat-tranżazzjonijiet ta’ kopertura (DKK 0.3 biljun).

23      Bħala fattur mitiganti, il-Kummissjoni qieset li l-annullament antiċipat tal-garanziji tal-Istat li jammontaw għal DKK 0.28 biljun kellhom jitnaqqsu mill-ammont tal-għajnuna.

24      Fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna, il-Kummissjoni eżaminat il-miżura abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u fid-dawl tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-Trattament ta’ Assi indeboliti fis-Settur Bankarju tal-Komunità (ĠU 2009, C 72, p. 1, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni dwar l-assi żvalutati”) kif ukoll tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta’ Jannar 2012, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri ta’ appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (ĠU 2011, C 356, p. 7, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni dwar ir-ristrutturar”).

25      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat li r-remunerazzjoni tal-fondi azzjonarji meħtieġa kienet tiddependi mill-effett tas-solliev tal-kapital nett tal-miżuri. Hija evalwat li l-effett tas-solliev tal-kapital gross tal-miżuri kien ta’ DKK 375 miljun u li l-valur tat-trasferiment korrispondenti kien ta’ DKK 254 miljun ogħla mill-valur ekonomiku reali, somma li kellha tkun remunerata u rkuprata. Barra minn hekk, kellu jiġi rkuprat l-ammont ta’ DKK 143.2 miljun bħala spejjeż addizzjonali.

26      Skont il-Kummissjoni, pagament antiċipat ta’ DKK 254 miljun (b’data ta’ valur l‑1 ta’ Marzu 2012) naqqas l-effett ta’ solliev tal-kapital nett minn DKK 375 miljun għal DKK 121 miljun. Konsegwentement, il-ħlas ta’ primjum uniku ta’ DKK 310.25 miljun bid-data ta’ valur it-30 ta’ Settembru 2013, pagament annwali ta’ DKK 12.1 miljun (li jikkorrispondi għal rimunerazzjoni annwali ta’ 10 % tas-solliev tal-kapital) u l-irkupru ta’ spejjeż amministrattivi addizzjonali jrendu l-miżuri konformi mal-komunikazzjoni dwar l-assi żvalutati.

27      Fid-dawl ta’ dawn id-diversi fatturi, il-Kummissjoni qieset li l-miżuri kienu proporzjonati, limitati għall-minimu u kienu jiggarantixxu kontribuzzjoni proprja suffiċjenti ta’ FIH, konformement mal-komunikazzjoni dwar l-assi żvalutati.

28      Sussegwentement, il-Kummissjoni vverifikat il-kompatibbiltà tal-miżuri mal-komunikazzjoni dwar ir-ristrutturar. Hija għalhekk qieset li kien ġie ppreżentat pjan ta’ ristrutturar komplut li jattesta li FIH reġgħet saret vijabbli fuq terminu twil mingħajr għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, il-pjan ta’ ristrutturar kien jiżgura kondiviżjoni tal-piż kif ukoll mitigazzjoni suffiċjenti tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

29      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-deċiżjoni kkontestata ddikjarat l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

30      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Mejju 2014, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

31      Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

32      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

33      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89(3)(a) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, stiednet lill-partijiet iwieġbu għal ċerti domandi bil-miktub. Il-partijiet wieġbu dawn il-mistoqsijiet fit-termini stabbiliti.

34      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-25 ta’ Frar 2016.

 Id-dritt

35      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ma applikatx b’mod korrett il-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, it-tieni motiv huwa bbażat fuq żbalji fil-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna mill-Istat u tal-għajnuna inkompatibbli, u t-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq

 L-argumenti tal-partijiet

36      Permezz tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri ma kinux konformi mal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni żbaljat meta kkunsidrat li t-trasferiment tal-assi kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat sa fejn ebda operatur privat f’ekonomija tas-suq ma kien jinvesti f’kundizzjonijiet ekwivalenti.

37      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni r-riskju preeżistenti għar-Renju tad-Danimarka li jġarrab preġudizzju sostanzjali fir-rigward tal-kontribuzzjoni ta’ kapital ibridu tal-kategorija 1 għal ammont ta’ DKK 1.9 biljun (madwar EUR 225 miljun) u ta’ DKK 42 biljun f’bonds pendenti maħruġa minn FIH u ggarantiti mill-Istat. Skont ir-rikorrenti, it-trasferiment tal-assi kien intiż li jelimina r-riskju li FIH ikollha taffaċċja problemi ta’ likwidità jew li hija stess ikollha tiġi llikwidata.

38      Ir-rikorrenti jirrilevaw li, skont l-istimi ta’ konsulent estern ta’ Ġunju 2012, ir-Renju tad-Danimarka kellu r-riskju li jġarrab telf nett ta’ DKK 3.8 biljuni fuq il-bonds iggarantiti u DKK 1.9 biljuni fuq il-kontribuzzjoni ta’ kapital ibridu tal-kategorija 1 fil-każ ta’ waqfien tal-pagamenti minn FIH. Għaldaqstant, it-telf nett stmat kien irendi insinjifikattiv l-ammont tal-għajnuna mill-Istat, li ġie kkalkolat mill-Kummissjoni għal DKK 2.25 biljun.

39      Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li, fil-mument tat-trasferiment tal-assi, ir-Renju tad-Danimarka jkollu jaffaċċja żewġ xenarji ta’ riskju. L-ewwel nett, ir-riskju marbut mal-bonds iggarantiti mill-Istat u mal-kontribuzzjoni ta’ kapital ibridu, fil-kuntest tal-possibbiltà ta’ waqfien tal-pagamenti minn FIH. It-tieni nett, ir-riskju marbut mat-trasferiment tal-assi innifsu, li jirriżulta mill-possibbiltà li l-portafoll tal-assi jagħti riżultati iktar negattivi milli previst. Madankollu, konformement mal-ftehim ta’ trasferiment, kull telf f’dan l-aħħar kuntest jiġi sostnut minn FIH. Ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni ma eżaminatx, fid-deċiżjoni kkontestata, jekk it-trasferiment tal-assi kienx inaqqas sostanzjalment (jew saħansitra jelimina) l-ewwel riskju, jiġifieri dak tal-waqfien tal-pagamenti minn FIH.

40      Skont ir-rikorrenti, minflok tanalizza jekk, f’ċirkustanzi analogi, operatur privat kienx jagħti l-istess finanzjament, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-aġir ta’ operatur privat li jaffaċċja l-istess riskji bħar-Renju tad-Danimarka. Fir-realtà, kreditur privat ma jkunx jinsab fl-istess sitwazzjoni bħal investitur privat li jopera f’kundizzjonijiet normali ta’ ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem “investitur privat”), fis-sens li jista’ jagħti l-każ li tal-ewwel ikollu jaċċetta tranżazzjoni li tiġġenera telf jekk din tkun mezz sabiex jiġi evitat telf ikbar.

41      Ir-rikorrenti jsostnu li, fid-dawl tar-riskju li jiġġarrab it-telf imsemmi fil-punt 38 iktar ’il fuq (jiġifieri DKK 5.7 biljuni), il-kundizzjonijiet tat-trasferiment tal-assi ma kinux iktar ġenerużi għal FIH minn dawk li kien jaċċetta operatur avżat f’ekonomija tas-suq (jiġifieri kreditur privat).

42      Ir-rikorrenti jiġbdu l-attenzjoni għall-fatt li, fir-rigward tal-espożizzjoni għar-riskju tal-Istat, il-kontribuzzjoni ta’ kapital ibridu tal-kategorija 1 ta’ DKK 1.9 biljuni (madwar EUR 225 miljun) lil FIH kien ġie ssostitwit minn investiment kapitali ta’ DKK 2 biljuni (madwar EUR 268 miljun) f’NewCo. FIH Holding offriet ukoll garanzija llimitata fuq it-telf. Barra minn hekk, filwaqt li l-kapital ibridu tal-kategorija 1 ma kienx kopert f’każ ta’ falliment ta’ FIH, l-investiment kapitali f’NewCo kien kopert permezz ta’ rahan jew ta’ garanzija tat-telf minn FIH Holding. Huma jsostnu wkoll li FIH kellu l-obbligu juża s-somma ta’ DKK 2 biljuni miksuba mill-FSC sabiex jiġu rrimborsati l-bonds iggarantiti mill-Istat, billi jitnaqqas iktar ir-riskju ta’ dan tal-aħħar. Fl-aħħar nett, huma jirrilevaw li dividend stmat għal mhux inqas minn 90 % kellu jitqassam minn FIH fil-każ ta’ waqfien tal-pagamenti.

43      Ir-rikorrenti jsostnu li, bl-istess mod, kreditur privat kien ifittex li jesponi ruħu inqas quddiem debitur li kien qiegħed jaffaċċja diffikultajiet finanzjarji. Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, huma jqisu li t-trasferiment tal-assi ma kienx jinvolvi għajnuna mill-Istat u li, għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata minħabba ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE.

44      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

45      Skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma jieħdux inkunsiderazzjoni d-distinzjoni stabbilita fil-ġurisprudenza bejn l-applikabbiltà tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq u l-applikazzjoni effettiva tiegħu. Hija ssostni li dan il-prinċipju għandu jiġi applikat jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun aġixxa fil-kwalità tiegħu ta’ operatur tas-suq u mhux fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika. Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju, huma biss il-benefiċċji u l-obbligi marbuta mas-sitwazzjoni tal-Istat fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonarju jew investitur, bl-esklużjoni ta’ dawk li huma marbuta mal-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

46      Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tat-telf possibbli marbut mad-dejn preeżistenti li jirriżulta mill-kontribuzzjoni ta’ kapital u mill-garanziji ma huwiex konformi mal-ġurisprudenza. Ir-rikorrenti ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn il-miżuri jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat favur FIH u, għalhekk, kienu jirriżultaw mill-azzjoni tal-Istat bħala awtorità pubblika. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma setgħet tagħti ebda importanza lir-riskju marbut ma’ dan it-telf.

47      Għall-istess raġunijiet, il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti jsostnu żbaljatament li hija wettqet żball meta pparagunat l-aġir tal-Istat Membru ma dak ta’ investitur, pjuttost milli ma’ dak ta’ kreditur. Hija tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-rikorrenti ma jsemmux dejn ieħor preeżistenti li fir-rigward tiegħu FIH kienet midjuna fil-konfront tal-Istat fil-kwalità ta’ operatur tas-suq.

48      Fir-rigward tax-xenarju tar-riskju marbut mal-probabbiltà ta’ inadempjenza ta’ FIH Holding, il-Kummissjoni tirrileva li hija għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa meta jkollha twettaq evalwazzjoni ekonomika kumplessa, bħal fil-każ ineżami. Hija ssostni wkoll li, fil-kuntest tal-garanzija llimitata kontra t-telf offruta minn FIH Holding, ir-riskju rilevanti kien li t-telf possibbilment imġarrab mill-FSC matul l-istralċ ta’ NewCo (b’mod partikolari jekk din kellha tkun rikapitalizzata) jeċċedi l-kapaċità ta’ FIH Holding li tagħmel tajjeb għal dan it-telf. Iktar ma jkun baxx il-valur ta’ likwidazzjoni ta’ NewCo (u għalhekk it-telf ikbar imġarrab mill-FSC), inqas ikun probabbli li FIH Holding tkun kapaċi tonora l-obbligi tagħha kollha skont din il-garanzija. Il-Kummissjoni qieset li telf ta’ 16 % kien prevedibbli fuq il-valuri ta’ likwidazzjoni, li jikkorrispondi mar-rata ta’ inadempjenza ta’ stabbiliment finanzjarju kklassifikat B1 minn Moody’s (jiġifieri l-klassifikazzjoni ta’ FIH meta ġew approvati l-miżuri). Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni tqis li evalwat b’mod korrett ir-riskju ta’ inadempjenza ta’ FIH Holding marbut mal-garanzija llimitata kontra t-telf li hija tat lill-FSC.

49      Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tippreċiża li, peress li ddeċidiet li l-prinċipju tal-investitur privat kien applikabbli, hija kienet irrikorriet għalih fid-deċiżjoni kkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

50      Skont l-Artikolu 107(1) TFUE, għajr derogi previsti mit-Trattati, l-għajnuna mogħtija mill-Istati jew permezz ta’ riżorsi tal-Istati fi kwalunkwe forma li twassal għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi hija inkompatibbli mas-suq intern, sa fejn taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri,

51      Il-klassifikazzjoni bħala għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha previsti f’din id-dispożizzjoni jiġu ssodisfatti. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent irid ikun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, dan għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu billi jiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi. Ir-raba’ nett, dan għandu jwassal għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tas-17 ta’ Mejju 2011, Buczek Automotive vs Il‑Kummissjoni, T‑1/08, EU:T:2011:216, punt 66).

52      Fir-rigward speċifikament tal-kundizzjoni marbuta mal-vantaġġ, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ għajnuna huwa iktar ġenerali minn dak ta’ sussidju, peress li dan jinkludi mhux biss benefiċċji pożittivi, bħas-sussidji nfushom, iżda wkoll, interventi tal-Istat li, taħt forom diversi, itaffu l-ispejjeż li normalment huma inklużi fil-baġit ta’ impriża u li għalhekk, mingħajr ma huma sussidji fil-veru sens tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi (sentenza tas-17 ta’ Mejju 2011, Buczek Automotive vs Il‑Kummissjoni, T‑1/08, EU:T:2011:216, punt 68).

53      Il-ġurisprudenza stabbilita tipprovdi wkoll li l-Artikolu 107 TFUE ma joħloqx distinzjoni abbażi tal-kawżi jew tal-għanijiet tal-interventi Statali, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom (sentenza tas-17 ta’ Mejju 2011, Buczek Automotive vs Il‑Kummissjoni, T‑1/08, EU:T:2011:216, punt 69).

54      Ġie deċiż ukoll li, sabiex jiġi evalwat jekk miżura Statali tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, għandu jiġi ddeterminat jekk l-impriża benefiċjarja rċevietx vantaġġ ekonomiku li ma kinitx tirċievi f’kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenza tas-17 ta’ Mejju 2011, Buczek Automotive vs Il‑Kummissjoni, T‑1/08, EU:T:2011:216, punt 70).

55      Għandu jitfakkar li l-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi fil-kapital ta’ impriża, indipendentement mill-għamla tiegħu, jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 107 TFUE ikunu ssodisfatti (sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il‑Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, EU:T:2003:57, punt 244).

56      Sabiex jiġi ddeterminat jekk tali intervent huwiex għajnuna mill-Istat, hemm lok li jiġi evalwat jekk, f’ċirkustanzi simili, investitur privat, ta’ daqs paragunabbli għal dak ta’ korpi li jamministraw is-settur pubbliku, kienx jadotta l-miżura inkwistjoni. B’mod partikolari, il-mistoqsija rilevanti hija jekk investitur privat kienx iwettaq it-tranżazzjoni inkwistjoni bl-istess kundizzjonijiet u, fin-negattiv, li jiġi eżaminat taħt liema kundizzjonijiet huwa seta’ wettaqha. Il-paragun bejn l-aġir tal-investituri pubbliċi u privati għandu jsir b’riferiment għall-aġir tal-investitur privat waqt it-tranżazzjoni inkwistjoni, fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli u tal-iżviluppi prevedibbli f’dak il-mument (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il‑Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, EU:T:2003:57, punti 245 u 246).

57      Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li, fil-każ ta’ rkupru ta’ dejn pubbliku, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk il-korpi pubbliċi inkwistjoni aġixxewx bħala investituri pubbliċi li l-intervent tagħhom għandu jiġi pparagunat ma’ aġir ta’ investitur privat li jsegwi politika strutturali, globali u settorjali u li huwa ggwidat minn prospetti, fuq perijodu twil, ta’ profitt mill-kapital investit. Dawn il-korpi għandhom, fir-realtà, jiġu pparagunati ma’ kreditur privat li jfittex li jikseb il-ħlas tas-somom dovuti lilu minn debitur li jkun qiegħed jaffaċċja diffikultajiet finanzjarji (sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 1999, DM Transport, C‑256/97, EU:C:1999:332, punti 24 u 25 ; tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 72 ; tal-11 ta’ Lulju 2002, HAMSA vs Il‑Kummissjoni, T‑152/99, EU:T:2002:188, punt 167, u tas-17 ta’ Mejju 2011, Buczek Automotive vs Il‑Kummissjoni, T‑1/08, EU:T:2011:216, punt 70).

58      Meta impriża li jkollha taffaċċja deterjorament sostanzjali tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, tipproponi ftehim jew sensiela ta’ ftehimiet għall-arranġament tad-dejn tagħha dovut lill-kredituri tagħha, bil-għan li tirrimedja s-sitwazzjoni tagħha u tevita l-likwidazzjoni, kull kreditur għandu jieħu deċiżjoni, minn naħa, dwar l-ammont offrut lilu skont il-ftehim propost u, min-naħa l-oħra, dwar l-ammont li jqis li jista’ jirkupra wara l-likwidazzjoni possibbli tal-impriża. L-għażla tiegħu hija influwenzata minn għadd ta’ fatturi, inkluż l-istatus tiegħu ta’ kreditur ipotekarju, preferenzjali jew ordinarju, in-natura u l-firxa ta’ garanziji possibbli li huwa jkollu, l-evalwazzjoni tiegħu tal-possibbiltajiet li l-impriża terġa’ ssir vijabbli kif ukoll l-ammont li jirċievi fil-każ ta’ likwidazzjoni. Jekk jirriżulta, pereżempju, li fil-każ ta’ likwidazzjoni tal-impriża, il-valur tar-realizzazzjoni tal-assi tagħha kien jippermetti biss ir-rimbors ta’ krediti ipotekarji u preferenzjali, il-pretensjonijiet ordinarji ma jkollhom ebda valur. F’tali sitwazzjoni, il-fatt li kreditur ordinarju jaċċetta li jirrinunzja r-rimbors ta’ parti sostanzjali mid-dejn dovut lilu ma jikkostitwixxix sagrifiċċju ġenwin (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, HAMSA vs Il‑Kummissjoni, T‑152/99, EU:T:2002:188, punt 168).

59      Għandu jitfakkar ukoll li s-sempliċi fatt li impriża pubblika tkun diġà għamlet kontribuzzjonijiet ta’ kapital, li huma kklassifikati bħala għajnuna, lil sussidjarja tagħha, ma jeskludix, a priori, li kontribuzzjoni ta’ kapital sussegwenti tista’ tiġi kklassifikata bħala investiment li jissodisfa l-kriterju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq (sentenza tal-15 ta’ Settembru 1998, BP Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑11/95, EU:T:1998:199, punt 170).

60      Fl-aħħar nett, il-kriterju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq ma jikkostitwixxix eċċezzjoni li tapplika biss fuq talba ta’ Stat Membru. Dan il-kriterju, meta jkun applikabbli, huwa wieħed mill-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ għajnuna (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 103). Konsegwentement, meta jkun jidher li l-kriterju tal-investitur privat jista’ jkun applikabbli, hija l-Kummissjoni li għandha titlob lill-Istat Membru kkonċernat jipprovdiha bl-informazzjoni kollha rilevanti li jippermettulha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikabbiltà u ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kriterju humiex issodisfatti (sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 104, u tat-3 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep, C‑224/12 P, EU:C:2014:213, punt 33).

61      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat l-ewwel motiv, li jqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni applikatx it-test adatt sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ għajnuna fil-każ ineżami. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha essenzjalment tapplika l-prinċipju tal-kreditur f’ekonomija tas-suq għall-aġir tar-Renju tad-Danimarka, b’mod li tieħu inkunsiderazzjoni r-riskju tat-telf finanzjarju fin-nuqqas tal-miżuri inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li applikat it-test korrett, jiġifieri il-prinċipju tal-investitur privat. Hija tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti, billi ssostni li d-dejn preeżistenti possibbli dovut lir-Renju tad-Danimarka, li jirriżulta mill-kontribuzzjoni ta’ kapital u mill-garanziji, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni peress li dan tal-aħħar aġixxa fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika meta adotta dawn il-miżuri li jikkostitwixxu għajnuna. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li d-deċiżjoni kkontestata ma ssemmi xejn dwar ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-miżuri adottati fl-2009 fl-analiżi tagħha tal-miżuri nnotifikati fl-2012, il-Kummissjoni ppreċiżat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li l-miżuri tal-2009 kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

62      Għaldaqstant, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tistabbilixxi, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-miżuri nnotifikati fl-2012, jekk il-Kummissjoni kinitx marbuta tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, fl-2012, ir-Renju tad-Danimarka kellu jaffaċċja ċerti riskji li jirriżultaw mill-kontribuzzjoni ta’ kapital u mill-garanziji mogħtija fl‑2009, kif isostnu r-rikorrenti, jew jekk, kif issostni l-Kummissjoni, hija setgħetx ma tiħux inkunsiderazzjoni dan il-fatt.

63      Huwa loġiku li jitqies li operatur ekonomiku raġonevoli kien jieħu inkunsiderazzjoni l-espożizzjoni tiegħu li tirriżulta minn kontribuzzjoni ta’ kapital u minn garanzija mogħtija lil kumpannija li sussegwentement ikollha diffikultajiet finanzjarji sabiex jiddetermina jekk ikunx raġonevoli għalih li ma jaġixxix u li jħalli r-riskju possibbilment jimmaterjalizza jew jekk, min-naħa l-oħra, ikunx prudenti li jadotta ċerti miżuri sabiex jevita l-materjalizzazzjoni ta’ dan ir-riskju. Tali deċiżjoni tittieħed fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli u tal-iżviluppi prevedibbli f’dak il-mument. Din id-deċiżjoni hija influwenzata minn diversi fatturi, bħall-grad ta’ espożizzjoni (jiġifieri l-ammont tal-kontribuzzjoni ta’ kapital kif ukoll l-ammont kopert mill-garanzija), il-probabbiltà ta’ materjalizzazzjoni tar-riskju, il-possibbiltajiet li jiġu rkuprati l-fondi fil-każ ta’ likwidazzjoni tal-kumpannija, it-tul tal-proċeduri ta’ likwidazzjoni kif ukoll l-ispejjeż u r-riskji inerenti għall-adozzjoni tal-miżuri previsti u l-possibbiltajiet li l-kumpannija terġa’ ssir vijabbli.

64      Kif isostnu korrettament ir-rikorrenti, operatur ekonomiku f’sitwazzjoni bħal dik ineżami, li fiha huwa jkun ta kontribuzzjoni ta’ kapital u garanzija minn qabel lill-kumpannija kkonċernata, jixbah lil kreditur privat li jixtieq jimminimizza t-telf tiegħu pjuttost milli investitur privat li jixtieq jimmassimizza l-profitt tal-fondi li huwa jista’ jinvesti jew li jixtieq jinvesti. Fil-fatt, filwaqt li s-sempliċi inazzjoni ta’ kreditur privat jista’ jkollha konsegwenzi finanzjarji għalih, id-deċiżjoni ta’ investitur privat li jinvesti għall-ewwel darba f’kumpannija u mhux f’oħra hija essenzjalment immotivata bi prospetti ta’ profitt.

65      Operatur ekonomiku li jkollu ishma f’kumpannija li fir-rigward tagħha huwa jkun ukoll ta garanzija, jista’ raġonevolment jadotta miżuri li jimplikaw ċerti spejjeż meta dawn jippermettu li jnaqqsu kunsiderevolment, jew saħansitra li jeliminaw, ir-riskju ta’ telf tal-kapital tiegħu u tal-eżekuzzjoni tal-garanzija.

66      B’mod iktar speċifiku, jista’ jkun ekonomikament raġonevoli għar-Renju tad-Danimarka li jaċċetta miżuri, bħat-trasferiment tal-assi żvalutati, sakemm jinvolvu spejjeż limitati u jimplikaw riskji mnaqqsa u li, fl-assenza tagħhom, ikun wisq probabbli li huwa jkollu jġarrab telf ta’ ammont ikbar mill-imsemmija spejjeż.

67      Fil-fatt, fid-dawl tal-għan tar-regoli dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, ikun illoġiku li, sabiex dawn jiġu osservati, Stat Membru jkun obbligat iwettaq trasferiment ta’ fondi kunsiderevoli li jkun sar wisq probabbli għall-profitt ta’ impriża, jekk jiġi stabbilit li jista’ jevita dan l-infiq billi jadotta miżuri li għandhom inqas spejjeż, li jkun aġir ekonomikament raġonevoli.

68      Fil-każ ineżami, id-deċiżjoni kkontestata ma teżaminax l-ispejjeż tan-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ miżuri fl-2012 mir-Renju tad-Danimarka li jirriżultaw mill-kontribuzzjoni ta’ kapital ibridu tal-kategorija 1 ta’ DKK 1.9 biljun (madwar EUR 225 miljun) u mill-garanzija tal-Istat ta’ DKK 50 biljun (madwar EUR 6.31 biljun), adottati abbażi tad-Deċiżjoni C(2009) 776 finali.

69      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata applikat test ġuridiku korrett, jiġifieri l-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq, minflok eżaminat l-imsemmija miżuri fid-dawl tal-prinċipju tal-kreditur privat f’ekonomija tas-suq, indipendentement mir-riżultat li kienet tasal għalih din l-analiżi. Fil-fatt, l-aġir tar-Renju tad-Danimarka, meta dan adotta l-miżuri inkwistjoni fl-2012, ma għandux jiġi pparagunat ma’ dak ta’ investitur li jixtieq jimmassimizza l-profitt tiegħu, iżda ma’ dak ta’ kreditur li jixtieq jimminimizza t-telf li jesponi ruħu għalih f’każ ta’ inazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata għamlet użu minn qafas ta’ referenza żbaljat għall-analiżi tagħha.

70      Għandu jingħad ukoll li ma hijiex il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ din it-tilwima, li għandha tiddeċiedi dwar ir-riżultat li kienet tasal għalih l-applikazzjoni, fil-każ ineżami, mill-Kummissjoni tat-test tal-kreditur privat. Għaldaqstant, hija l-Kummissjoni li għandha tislet il-konsegwenzi rilevanti, skont test ġuridiku korrett, tal-fatt li l-miżuri tal-2009 kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat iddikjarata inkompatibbli mas-suq intern, billi tistabbilixxi possibbilment għall-finijiet ta’ din l-analiżi jekk l-għajnuna ekwivalenti kinitx ekwivalenti għall-ammont totali tal-miżuri jew għal parti minnu biss. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta l-Istat jagħti garanzija għal self bankarju lil kumpannija f’diffikultà u mingħajr korrispettiv adatt, il-garanziji għandhom jitqiesu li huma għajnuna ta’ ammont ugwali għas-self iggarantit. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din l-għajnuna ma tistax tiġi inkluża fil-kalkolu tal-ispejjeż tal-likwidazzjoni tal-kumpannija inkwistjoni għall-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2003, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑334/99, EU:C:2003:55, punt 138). F’dan il-kuntest, huwa siewi li jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni tal-2009 jirriżulta li l-iskema ta’ għajnuna kienet miftuħa għal stabbilimenti bankarji fundamentalment sani u solventi u li l-garanzija setgħet biss tingħata kontra ħlas ta’ primjum influwenzat mis-suq.

71      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta applikat test ġuridiku żbaljat.

72      L-argumenti tal-Kummissjoni msejsa fuq il-ġurisprudenza ma jistgħux jinvalidaw din il-konklużjoni.

73      L-ewwel nett, għandu jiġi ppreċiżat li s-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep (C‑224/12 P, EU:C:2014:213), li ngħatat ftit ġimgħat biss wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, tindika, fil-punti 31 sa 37 tagħha, li l-Kummissjoni ma setgħetx tirrifjuta l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq għall-modifika tal-kundizzjonijiet ta’ rimbors ta’ kontribuzzjoni ta’ kapital biss minħabba li l-kontribuzzjoni ta’ kapital inizjali kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (ara wkoll is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2012, Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, T‑29/10 u T‑33/10, EU:T:2012:98, punti 97 sa 99).

74      Huwa minnu, kif tikkonferma l-Kummissjoni, li l-kawża li tat lok għas-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep (C‑224/12 P, EU:C:2014:213), tikkonċerna l-applikabbiltà tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq (li l-Kummissjoni ma applikatx għall-modifika tal-kundizzjonijiet ta’ rimbors) pjuttost milli l-applikazzjoni konkreta tiegħu. Madankollu, hija ssostni li, sabiex tanalizza l-preżenza ta’ għajnuna f’miżura sussegwenti, il-fatt li miżura preċedenti tkun tinkludi element ta’ għajnuna ma huwiex suffiċjenti sabiex ma jittiħidx inkunsiderazzjoni l-effett tal-imsemmija miżura. Li kieku l-argument tal-Kummissjoni kien korrett, ma jkun hemm qatt lok li jiġi applikat il-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq għall-modifika sussegwenti ta’ miżuri li oriġinarjament kienet tinkludi element ta’ għajnuna. Għaldaqstant, id-deċiżjoni tagħha ma kellhiex tiġi annullata kif għamlet il-qorti tal-Unjoni fl-imsemmija kawża. Barra minn hekk, kif tindika l-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza, dak li huwa determinanti għall-analiżi tal-miżura sussegwenti, hija l-kwistjoni dwar jekk l-aġir tal-Istat jissodisfax kriterju ta’ effiċjenza ekonomika (sentenza tat-3 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep, C‑224/12 P, EU:C:2014:213, punt 36).

75      Għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ ineżami, il-Kummissjoni ma eżaminatx jekk, billi adotta l-miżuri tal-2012 minflok ippermetta l-materjalizzazzjoni tar-riskju tat-telf tal-kontribuzzjoni ta’ kapital u ta’ eżekuzzjoni tal-garanzija, ir-Renju tad-Danimarka kienx adotta aġir li jissodisfa kriterju ta’ effiċjenza ekonomika.

76      It-tieni nett, il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, EU:C:2012:318), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, fil-punt 79, li kienu biss il-benefiċċji u l-obbligi marbuta mas-sitwazzjoni tal-Istat fil-kwalità ta’ azzjonarju, bl-esklużjoni ta’ dawk li kienu marbuta mal-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika, li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq. Il-Kummissjoni, billi bbażat ruħha fuq din is-sentenza, issostni li peress li l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat kien manifestament marbut mas-sitwazzjoni tar-Renju tad-Danimarka bħala awtorità pubblika, ma hemmx lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kontribuzzjoni ta’ kapital u l-garanzija fl-analiżi tal-preżenza ta’ għajnuna fil-miżuri inkwistjoni.

77      Għandu jiġi ppreċiżat li l-kawża msemmija iktar ’il fuq kienet tikkonċerna deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tapplikax il-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq fl-eżami tagħha tal-konverżjoni ta’ dejn fiskali f’fond ta’ kapital favur kumpannija proprjetà sħiħa tal-Istat. Fl-ewwel istanza, il-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet, mingħajr kontestazzjoni min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha biss fuq kriterji purament formali, bħan-natura fiskali tal-kreditu jew ir-rikors għal liġi sabiex jiġi rrinunzjat il-kreditu, sabiex teskludi l-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq. Kuntrarjament, il-Kummissjoni kienet marbuta teżamina l-fondatezza tal-argument li r-rinunzja għall-kreditu fiskali fil-kuntest ta’ ristrutturar tal-karta tal-bilanċ u ta’ żieda fil-kapital setgħet tissodisfa dan il-kriterju. B’mod partikolari, mill-imsemmija sentenza jirriżulta li vantaġġ ekonomiku għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-kriterju tal-investitur privat, jekk fi tmiem l-evalwazzjoni globali li tista’ tkun meħtieġa, ikun jidher li, minkejja l-fatt li l-mezzi li ntużaw jappartjenu lil awtorità pubblika, l-Istat Membru kkonċernat ikun ta l-imsemmi vantaġġ fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonarju ta’ impriża proprjetà tiegħu (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 92).

78      Għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Kummissjoni kienet marbuta tieħu inkunsiderazzjoni l-kwalità ta’ azzjonarju u ta’ kreditur tal-Istat fir-rigward ta’ impriża sabiex tevalwa żieda fil-kapital fil-forma ta’ rinunzja ta’ kreditu fiskali. Barra minn hekk, minn din is-sentenza jirriżulta li l-użu ta’ mezzi ta’ awtorità pubblika ma huwiex rilevanti għall-fatt li l-Istat jista’ jitqies li jaġixxi bħala operatur ekonomiku raġonevoli. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-imsemmija sentenza ma tistax tiġi invokata insostenn tal-pożizzjoni tagħha fil-każ ineżami. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li s-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni (C‑73/11 P, EU:C:2013:32), tikkonferma li l-oriġini fiskali tad-dejn, li jirriżulta għalhekk mill-kwalità tal-Istat bħala awtorità pubblika, ma hijiex determinanti għall-esklużjoni tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-kreditur privat.

79      It-tielet nett, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Land Burgenland et vs Il‑Kummissjoni (C‑214/12 P, C‑215/12 P u C‑223/12 P, EU:C:2013:682), iċċitata mill-Kummissjoni, kienet tikkonċerna l-privatizzazzjoni ta’ bank li twettqet bi prezz li kien ħafna iktar baxx minn dak offert minn offerent ieħor. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni ċaħdet l-argument li l-offerent rebbieħ kien joffri prospetti aħjar ta’ nuqqas ta’ rikors għal garanzija legali mogħtija mil-Land (l-“Ausfallhaftung”) fil-każ ta’ waqfien ta’ pagamenti mill-bank. Il-Qorti ddeċidiet li kien b’mod korrett li l-Kummissjoni kienet irrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-garanzija legali inkwistjoni peress li, permezz tal-għoti tagħha, l-Istat kien ikollu għanijiet oħra għajr dak ta’ profitt u kien jeżerċita prerogattivi ta’ awtorità pubblika (sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Land Burgenland et vs Il‑Kummissjoni, C‑214/12 P, C‑215/12 P u C‑223/12 P, EU:C:2013:682, punti 54 sa 56).

80      Isegwi li din is-sentenza kienet tikkonċerna l-applikazzjoni konkreta ta’ dak li kien it-test korrett, jiġifieri l-prinċipju tal-bejjiegħ privat, kif ukoll il-fattturi li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ din l-applikazzjoni. Għaldaqstant, din il-kawża hija differenti minn dik fil-każ ineżami, li fiha l-Kummissjoni applikat test ġuridiku żbaljat.

81      Hija l-Kummissjoni li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tagħha tat-test ġuridiku korrett, għandha eventwalment tislet il-konsegwenzi rilevanti tas-sentenza Land Burgenland, li fiha l-garanzija inkwistjoni la kienet limitata ratione temporis u lanqas fl-ammont kopert u ma kinitx ingħatat kontra ħlas ta’ primjum jew permezz ta’ mekkaniżmu tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Land Burgenland et vs Il‑Kummissjoni, C‑214/12 P, C‑215/12 P u C‑223/12 P, EU:C:2013:682, punt 5).

82      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni kellha tanalizza l-miżuri inkwistjoni skont in-natura tagħhom, is-suġġett tagħhom u l-għanijiet tagħhom, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest tagħhom, jiġifieri t-tnaqqis tal-espożizzjoni tar-Renju tad-Danimarka li jirriżulta mill-kontribuzzjoni ta’ kapital u mill-garanzija mogħtija, minflok tapplika l-prinċipju tal-investitur privat, indipendentement mir-riżultat ta’ din l-analiżi. Peress li, bħal fil-każ ineżami, l-Istat, li huwa d-detentur ta’ parti mill-kapital ta’ bank li jinsab f’diffikultà u garanti ta’ parti mill-obbligi tal-imsemmi bank, huwa involut fi trasferiment tal-assi żvalutati, ma jistax jiġi eskluż a priori li huwa jista’ jaġixxi b’għan paragunabbli għal dak li kien ikollu kreditur privat sabiex inaqqas l-espożizzjoni tiegħu.

83      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel motiv għandu jintlaqa’.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji fil-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna mill-Istat u tal-għajnuna inkompatibbli

84      Permezz tat-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji fil-kalkolu tal-għajnuna mill-Istat u tal-għajnuna inkompatibbli. Huma jinvokaw ħames żbalji ta’ evalwazzjoni allegatament imwettqa mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward, jiġifieri żbalji li jikkonċernaw il-kalkolu tal-valur tal-assi ttrasferiti, ir-riskju li FIH issir insolventi, ir-remunerazzjoni tal-FSC għall-investiment kapitali tagħha, l-interessi dovuti lill-FSC għall-finanzjament tagħha lil NewCo u l-ammont ta’ solliev ta’ fondi azzjonarji li jirriżulta mit-trasferiment tal-assi.

85      Kif jirriżulta mill-analiżi tal-ewwel motiv, id-deċiżjoni kkontestata rrikorriet għal kuntest ta’ referenza żbaljat għall-analiżi tagħha u ma hijiex il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ din il-kawża, li għandha tiddeċiedi dwar ir-riżultat li kienet tasal għalih l-applikazzjoni ineżami (punti 69 u 70 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, ma hemmx lok għall-Qorti Ġenerali li teżamina t-tieni motiv, ibbażat fuq żball tal-kalkoli allegatament imwettqa mill-Kummissjoni, u lanqas li tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tal-ħames ilment ta’ dan il-motiv li tqajmet mill-Kummissjoni.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

86      Permezz tat-tielet motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni adatta, bi ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u tat-tielet inċiż tal-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

87      B’mod partikolari, ir-rikorrenti jirrilevaw li l-Istati Membri l-oħra u t-terzi kkonċernati ma humiex ser ikunu jistgħu jifhmu, abbażi tad-deċiżjoni kkontestata, kif il-Kummissjoni waslet għaċ-ċifri msemmija fil-premessi 97, 103, u 116 sa 117 ta’ din id-deċiżjoni. Id-deċiżjoni kkontestata ma tirreferi għal ebda valur tas-suq, u lanqas għall-valur ekonomiku reali tal-portafoll tas-self, peress li dawn il-valuri ġew ikkalkolati mill-espert estern ikkonsultat mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, din tal-aħħar ma tindikax il-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wassluha sabiex tagħżel iċ-ċifri u l-preżunzjonijiet li użat sabiex tikkalkola l-valur tas-suq u l-valur ekonomiku reali tal-portafoll tas-self. Ir-rikorrenti jallegaw ukoll li l-Kummissjoni pprovdiet deskrizzjoni ġenerali wisq tal-metodu li ntuża sabiex jiġu kkalkolati l-ammonti stabbiliti fil-premessi 93, 113 u 116 tad-deċiżjoni kkontestata.

88      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom żewġ rapporti tal-espert estern, fl-intier tagħhom. In-nota teknika u s-sunt tat-tieni rapport perizjali li ġew trażmessi lilhom huma insuffiċjenti sabiex tiġi spjegata d-deċiżjoni. Barra minn hekk, ir-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti aċċess lil ċerta informazzjoni jikkostitwixxi, fih innifsu, ksur tal-forom proċedurali sostanzjali. Anki jekk ir-rikorrenti jirrikonoxxu li l-Kummissjoni setgħet timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha b’riferiment għal perizja, dan ikun jimplika li din il-perizja tkun disponibbli għall-partijiet kollha li huma direttament ikkonċernati.

89      Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li d-deċiżjoni kkontestata ma tispjegax ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni ma aċċettatx iċ-ċifra ta’ DKK 275 miljun, indikat data li tippreċedi dik tal-għeluq tat-tranżazzjoni tat-2 ta’ Lulju 2012 u ma eżaminatx il-kwistjoni dwar jekk it-trasferiment tal-assi kienx konformi mal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq.

90      Il-Kummissjoni tikkunsidra li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

91      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, l-atti legali għandhom ikunu mmotivati. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi l-obbligu tal-amministrazzjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha.

92      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih ikun ġie adottat. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, b’tali mod li, minn naħa, il-qorti tal-Unjoni tkun tista’ twettaq l-istħarriġ tagħha tal-legalità u, min-naħa l-oħra, il-partijiet ikkonċernati ikunu jistgħu jiġu informati bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata, sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata (sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il‑Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, EU:T:2003:57, punt 278).

93      Madankollu ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi eżaminata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha iżda wkoll fid dawl tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il‑Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, EU:T:2003:57, punt 279).

94      B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta tieħu pożizzjoni dwar l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-persuni kkonċernati, iżda huwa suffiċjenti li tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni (sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen/Commission, T‑228/99 u T‑233/99, EU:T:2003:57, punt 280).

95      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti mqajma mir-rikorrenti.

96      L-ewwel nett, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq l-allegata impossibbiltà għall-Istati Membri l-oħra u għal terzi kkonċernati li jifhmu kif il-Kummissjoni kkalkolat il-valur tas-suq u l-valur ekonomiku reali tal-portafoll tas-self, u kif hija waslet għaċ-ċifri msemmija fil-premessi 97, 103 u 116 sa 117 tad-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li jintqal li r-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw allegat nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ terz. Dawn jirrikonoxxu, barra minn hekk, li l-Kummissjoni pprovdiethom b’informazzjoni rilevanti f’dan ir-rigward matul il-proċedura amministrattiva. Għandu jiġi nnotat li, kif tirrileva l-Kummissjoni, id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi deskrizzjoni konċiża tal-metodu li ntuża għall-kalkolu tal-valur tas-suq tal-assi ta’ NewCo (premessi 91 sa 93) u tal-valur reali (premessa 116).

97      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata tesponi l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom huwa bbażat ir-raġunament tal-Kummissjoni dwar il-kalkolu tal-valur tas-suq u tal-valur ekonomiku reali. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti setgħu jinvokaw, fil-kuntest tat-tieni motiv, numru ta’ argumenti intiżi li jikkontestaw il-fondatezza ta’ dawn il-kalkoli, li jindika li huma kienu f’pożizzjoni li jifhmuhom.

98      It-tieni nett, fir-rigward tal-ilmenti dwar il-perizja indipendenti, għandu jiġi ppreċiżat, preliminarjament, li l-Kummissjoni tista’ tikkonsulta esperti indipendenti jekk tqis xieraq, kif għamlet diversi drabi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, fil-każ inkwistjoni, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi kkritikata fir-rigward tal-fatt li hija bbażata fuq rapport perizjali tas-7 ta’ Ġunju 2012. Barra minn hekk, kif ġie indikat iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex limitata għar-riferiment tal-perizja indipendenti b’mod ġenerali, iżda tesponi l-kunsiderazzjonijiet essenzjali tar-raġunament tal-Kummissjoni.

99      F’dan il-kuntest, l-argument dwar ir-rifjut li ż-żewġ rapporti perizjali jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti, fl-intier tagħhom, għandu jiġi miċħud. Kif ġustament sostniet il-Kummissjoni, il-proċedura ta’ kontroll ta’ għajnuna mill-Istat hija proċedura miftuħa għall-Istat Membru li jagħti l-għajnuna. Peress li din il-proċedura ma hijiex miftuħa għall-benefiċjarju tal-għajnuna, dan tal-aħħar ma jistax jinvoka d-drittijiet ta’ difiża tiegħu (sentenza tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punti 81 u 83). Il-persuni kkonċernati għandhom biss id-dritt li jkunu involuti fil-proċedura amministrattiva sa fejn dan huwa xieraq u b’kunsiderazzjoni għaċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami (sentenza tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il‑Kummissjoni, T‑371/94 u T‑394/94, EU:T:1998:140, punt 60). Fl-aħħar nett, għandu jingħad ukoll li n-nuqqas ta’ trażmissjoni mill-Kummissjoni lil parti kkonċernata tar-rapport perizjali huwa irrilevanti għall-konstatazzjoni ta’ ksur possibbli tal-obbligu ta’ motivazzjoni (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il‑Kummissjoni, T‑349/03, EU:T:2005:221, punt 77).

100    It-tielet nett, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni dwar l-effett tas-solliev tal-kapital gross tal-miżuri ta’ ammont ta’ DKK 375 miljun minflok DKK 275 miljun, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 116 tad-deċiżjoni kkonstatata tindika li l-Kummissjoni waslet għal dan ir-riżultat fuq il-bażi ta’ informazzjoni pprovduta mill-awtorità ta’ sorveljanza Daniża, skont il-komunikazzjoni tagħha dwar l-assi żvalutati. Barra min hekk, ir-rikorrenti invokaw diversi argumenti intiżi li tiġi kkontestata l-fondatezza ta’ dan il-kalkolu fil-kuntest tal-ħames ilment tat-tieni motiv, li jindika li huma kienu f’pożizzjoni li jifhmu l-imsemmi kalkolu. B’mod partikolari, mill-punt 146 tar-rikors u mill-punt 73 tar-replika jirriżulta li huma fehmu li l-ammont tat-tnaqqis tal-fondi azzjonarji kien jirriżulta minn tnaqqis tal-marġni ta’ protezzjoni kontra riskji oħra, b’mod partikolari r-riskju tal-kreditu, ta’ DKK 10 miljuni. Għandu jkun hemm distinzjoni bejn l-obbligu ta’ motivazzjoni u l-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi, peress li din tal-aħħar tikkonċerna l-legalità fil-mertu tal-att ikkontestat (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑591/08, mhux ippubblikata, EU:T:2012:522, punt 157). Għaldaqstant, dan l-ilment ma jistax jintlaqa’.

101    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni dwar id-data ta’ referenza għall-evalwazzjoni tal-portafoll tas-self, mid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari mill-premessi 27, 29, 94 kif ukoll min-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 30 u 72 jirriżulta li l-portafoll ta’ self ġie evalwat fuq il-bażi tal-kompożizzjoni tiegħu fil-31 ta’ Diċembru 2011, billi ttieħdet inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tal-kwalità tiegħu sat-2 ta’ Lulju 2012, jiġifieri d-data tal-għeluq tat-tranżazzjoni. Mir-rapport perizjali tas-16 ta’ Settembru 2013, li tirreferi għalih id-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta b’mod partikolari li l-Kummissjoni adottat dan l-approċċ minħabba li, minkejja d-data ta’ għeluq tagħha sussegwenti, it-tranżazzjoni kienet intiża li jkollha effetti retroattivi fil-31 ta’ Diċembru 2011.

102    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, att li jikkawża preġudizzju huwa mmotivat suffiċjentement meta jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha (sentenzi tat-28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 71, u tas-6 ta’ Ottubru 2015, Technion u Technion Research & Development Foundation vs Il-Kummissjoni, T‑216/12, EU:T:2015:746, punt 97). Peress li r-rapport perizjali tas-16 ta’ Settembru 2013 ġie trażmess mill-Kummissjoni lir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva u ġie mehmuż mar-rikors, dan kien jagħmel parti minn kuntest magħruf minn dawn tal-aħħar. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

103    Il-ħames nett, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tar-rifjut tal-Kummissjoni li tapplika l-prinċipju tal-kreditur privat f’ekonomija tas-suq, huwa paċifiku li d-deċiżjoni kkontestata hija mmotiva b’applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat. Skont il-ġurisprudenza, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandha tippermetti lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità u tipprovdi lill-persuna kkonċernata bl-indikazzjonijiet neċessarji sabiex tkun tista’ tiddeċiedi jekk id-deċiżjoni hijiex fondata (sentenza tal-11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il‑Kummissjoni, 42/84, EU:C:1985:327, punt 26).

104    Għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ ineżami, il-Kummissjoni pprovdiet il-kunsiderazzjonijiet legali li huma ta’ importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni. Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din kienet ibbażata fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat, u għalhekk ippermettiet lir-rikorrenti jikkontestaw il-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità fil-kuntest tal-ewwel motiv. F’dawn iċ-ċirkustanzi, indipendentement mill-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt, hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud abbażi ta’ motivazzjoni insuffiċjenti.

105    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ispejjeż

106    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll għal dawk tar-rikorrenti, konformement mat-talbiet ta’ din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/884/UE, tal-11 ta’ Marzu 2014, dwar għajnuna mill-Istat SA.34445 (12/C) implimentata mid-Danimarka għat-trasferiment tal-assi relatati mal-proprjetà minn FIH għall-FSC, hija annullata.

2)      Il- Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Settembru 2016.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.