Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-28 ta’ Lulju 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Fővárosi Ítélőtábla - l-Ungerija) – Gazdasági Versenyhivatal vs Siemens Aktiengesellschaft Österreich

(C-102/15) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Azzjoni għall-ikrupru ta’ ammonti mħallsa indebitament – Arrikkiment indebitu – Kreditu li joriġina mir-rimbors inġustifikat ta’ multa għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Ítélőtábla

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Gazdasági Versenyhivatal

Konvenuta: Siemens Aktiengesellschaft Österreich

Dispożittiv

Azzjoni għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament ibbażata fuq l-arrikkiment indebitu, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li toriġina mir-rimbors ta’ multa imposta fil-kuntest ta’ proċedura fid-dritt tal-kompetizzjoni, ma taqax taħt il-“materji ċivili u kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali.

____________

1 ĠU C 171, 26.5.2015.