Language of document : ECLI:EU:F:2016:179

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA
(It-Tielet Awla)

20 ta’ Lulju 2016

Kawża F‑94/13

Vincent Piessevaux

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pensjonijiet – Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal – drittijiet għall-pensjoni miksubin qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni, taħt skema nazzjonali ta’ pensjoni – Trasferiment lejn l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni – Proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz – Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà – Kunċett ta’ att li jikkawża preġudizzju – Artikolu 83 tar-Regoli ta’ Proċedura”

Suġġett:      Rikors, imressaq taħt l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li bih Vincent Piessevaux jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tat-30 ta’ Jannar 2013, li permezz tagħha ġie definittivament stabbilit, skont l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni Ewropea, id-drittijiet għall-pensjoni tar-rikorrent qabel id-dħul tiegħu fis-servizz tal-Unjoni, kif ukoll l-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tiegħu kontra l-imsemmija deċiżjoni.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli. Vincent Piessevaux għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Sommarju

Rikorsi tal-uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz fid-dawl tat-trasferiment lill-iskema tal-Unjoni tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni – Esklużjoni – Deċiżjoni li tirrikonoxxi s-snin ta’ servizz adottata wara t-trasferiment tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba – Inklużjoni

(Artikolu 270 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1), Anness VIII, Artikolu 11(2))

Fil-kuntest tal-proċedura ta’ trasferiment tad-drittijiiet għall-pensjoni, prevista fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, hija l-Awtorità tal-Ħatra, ladarba jkun twettaq it-trasferiment tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-persuna kkonċernata qabel id-dħul tiegħu fis-servizz tal-Unjoni, li jikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju u li jista’ jkun suġġett għal rikors għal annullament skont l-Artikolu 270 TFUE u tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Min-naħa l-oħra, proposta tal-akkreditazzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni, anki jekk aċċettata mill-persuna kkonċernata, ma jikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju li jista’ jkun suġġett għal rikors skont l-Artikolu 270 TFUE u tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

Fil-fatt, l-akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz ma tistax tiġi rrikonoxxuta meta l-uffiċjal jagħti l-kunsens tiegħu għat-tkomplija tal-proċedura ta’ trasferiment, lejn skema ta’ pensjoni tal-Unjoni, tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għal pensjoni miksuba preċedentement mill-persuna kkonċernata mal-korp nazzjonali ta’ pensjoni kkonċernat, kunsens li jkun ingħata mill-proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz magħmula mill-amministrazzjoni abbażi tal-ammont provviżorju tal-kapital previst mill-imsemmi korp.

F’dan ir-rigward, fl-istadju tal-proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz , l-istituzzjoni kkonċernata timpenja ruħha sempliċiment li tapplika korrettament l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni għaċ-ċirkustanzi tal-persuna interessata. Dan l-obbligu tal-istituzzjoni jirriżulta direttament mid-dispożizzjonijiet statutorji inkwistjoni, anki fin-nuqqas ta’ impenn espliċitu tal-istituzzjoni.

Għlahekk, minn dan l-impenn espress f’proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz la jirriżulta obbligu ġdid impost fuq l-istituzzjoni inkwistjoni u lanqas, konsegwentement, bidla tas-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata, b’mod partikolari peress li, anki meta l-persuna kkonċernata tagħti l-kunsens tagħha għat-trasferiment, lejn l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, id-drittijiet għal pesnjoni li tkun kisbet fi skema oħra, l-istituzzjoni li toħroġ il-proposta ma għandhiex l-obbligu korrispondenti, ladarba jseħħ it-trasferimenttal-ammont tal-kapital iddikjarat mill-korp nazzjonali tal-pensjoni, li awtomatikament jirrikonoxxi lill-persuna kkonċernata, in-numru ta’ snin ta’ servizz indikati fil-proposta inizjali fid-dawl ta’ liema l-persuna kkonċernata tkun ikkonfermat il-volontà tagħha li titrasferixxi l-imsemmi kapital lejn l-iskema ta’ pensjonijiet tal-Unjoni.

(ara l-punti 24 sa 28)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenzi tat-13 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Verile u Gjergji, T‑104/14 P, EU:T:2015:776, punti 50, 52, 53 u 74 ; Il-Kummissjoni vs Cocchi u Falcione, T‑103/13 P, EU:T:2015:777, punt 66, u Teughels vs Il-Kummissjoni, T‑131/14 P, EU:T:2015:778, punti 37, 46, 48, 49, 58 u 70