Language of document : ECLI:EU:F:2016:129

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

tal-15 ta’ Ġunju 2016

Kawża F‑55/12

Hilke Riemer-Sullivan

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pensjonijiet – Trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni nazzjonali – Proposti ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz – Att li ma jikkawżax preġudizzju – Inamissibbiltà tar-rikors – Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku – Artikolu 82 tar-Regoli tal-Proċedura ”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu Hilke Riemer-Sullivan talbet l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni Ewropea, tas-6 ta’ Marzu 2012, li tiċħad l-ilment tiegħu kontr d-“deċiżjonijiet” li jistabilixxu l-akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz, fl-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni Ewropea, tad-drittijiet tal-pensjoni miksuba fil-kuntest ta’ żewġ skemi ta’ pensjoni Ġermaniżi u, fejn ikun meħtieġ, id-“deċiżjonijiet”, tas-7 Novembru 2011, ibbażati fuq il-kalkolu tal-imsemmija akkreditazzjonijiet ta’ snin ta’ servizz.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Hilke Riemer-Sullivan għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja – Kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – Meta r-rikorrenti ma tkunx talbet lit-Tribunal sabiex jagħti sentenza fil-kontumaċja – Teħid inkunsiderazzjoni tar-risposta tal-istituzzjoni għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura – Risposta li ma ġietx ippreżentata fit-terminu impost – Assenza ta’ effett

2.      Rikorsi tal-uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz fid-dawl tat-trasferiment lill-iskema tal-Unjoni tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1) u Anness VIII, Artikolu 11(2))

1.      Meta r-rikorrenti, ma talbitx, fl-ebda mument tal-proċedura, lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jagħti sentenza fil-kontumaċja u sabiex jilqa’ t-talbiet tagħha, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-risposta tal-istituzzjoni għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, anki jekk l-imsmemija istituzzjoni ma tkunx ippreżentat ir-risposta tagħha fit-terminu impost.

(ara l-punt 12)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: is-sentenzi tat-13 ta’ Ottubru 2015 Il-Kummissjoni vs Verile u Gjergji, T‑104/14 P, EU:T:2015:776, u Teughels vs Il-Kummissjoni, T‑131/14 P, EU:T:2015:778

2.      It-talbiet għal annullament ibbażati fuq proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz għandhom jiġu interpretati, fid-dawl tat-trasferiment lejn l-iskema ta’ pensjonijiet tal-Unjoni Ewropea tad-drittijiet ta’ pensjoni miksuba fl-ambitu ta’ skema oħra, bħala li jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni finali li tirrigwarda r-rikonoxximent ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz ta’ pensjoni jekk, minn naħa, huwa stabbilit bejn il-partijiet li l-persuna kkonċernata kienet tat il-kunsens tagħha għall-kontinwazzjoni tal-proċedura ta’ trasferiment tad-drittijiet tagħha ta’ pensjoni miksuba preċedentement għad-dħul tagħha fis-servizz, filwaqt li esprimiet il-kunsens tagħha għall-proposta li ġiet ippreżentata lilha, u, min-naħa l-oħra, jekk din id-deċiżjoni finali kienet ġiet adottata qabel il-preżentata tar-rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni.

Meta d-deċiżjonijiet finali li jirrikonoxxu l-akkreditazzjonijiet ta’ snin ta’ servizz ta’ pensjoni li jirriżultaw mid-drittijiet tal-pensjoni miksuba mir-rikorrenti taħt żewġ skemi ta’ pensjoni nazzjonali kienu ġew adottati wara l-preżentata tar-rikors, dan tal-aħħar ma jistax jiġi ikklassifikat mill-ġdid bħala rikors indirizzat kontra dawn iż-żewġ deċiżjonijiet finali u għandu jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli, inkwantu indirizzat kontra atti li ma jikkawżawx preġudizzju.

(ara l-punti 22 sa 24)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: is-sentenzi tat-13 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Verile u Gjergji, T‑104/14 P, EU:T:2015:776, punti 62, 110 u 120, u Teughels vs Il-Kummissjoni, T‑131/14 P, EU:T:2015:778, punt 58