Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja) fit-3 ta’ Awwissu 2016 – Bayerische Motoren Werke AG vs Acacia Srl

(Kawża C-433/16)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Corte suprema di cassazione

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Bayerische Motoren Werke AG

Konvenuta: Acacia Srl

Domandi preliminari

Għall-finijiet tal-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, il-kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita, magħmula b’mod preliminari iżda sussidjarjament għal eċċezzjonijiet oħra proċedurali li huma wkoll preliminari u, fi kwalunkwe każ, qabel il-kwistjonijiet fil-mertu, tista’ tiġi interpretata bħala l-aċċettazzjoni tal-ġurisdizzjoni?

Il-fatt li l-Artikolu 82(4) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 ma jipprevedix qorti oħra għat-tilwim dwar azzjonijiet għal kontstatazzjoni negatttiva ħlief dik tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konvenut ikun iddomiċiljat previst fl-Artikolu 82(1) tal-istess regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li jimplika li dawn it-tilwimiet jaqgħu f’ġurisdizzjoni esklużiva?

Sabiex tingħata risposta għad-domanda [preċedenti], għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni esklużiva li jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 44/2001, b’mod partikolari l-Artikolu 22, li jiddetermina l-każijiet ta’ applikazzjoni ta’ din il-ġurisdizzjoni, li jinkludu tilwim relatat mar-reġistrazzjoni jew mal-validità ta’ privattivi, trade marks u disinni, iżda ma jinkludux tilwim relatat [ma’ azzjonijiet għal] konstatazzjoni negattiva, kif ukoll l-Artikolu 24, li jipprevedi li minbarra l-każijiet fejn il-ġurisdizzjoni tal-qorti tirriżulta minn dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament, il-konvenut ikollu l-opportunità li jaċċetta l-ġurisdizzjoni ta’ qorti oħra, u b’hekk tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita mir-rikorrenti?

Il-pożizzjoni espressa mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012 fil-Kawża C-133/11, li tikkonċerna l-applikabbiltà tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 hija ta’ natura ġenerali u assoluta applikabbli għal kwalunkwe azzjoni għal konstatazzjoni negattiva, intiża li tistabbilixxi l-assenza ta’ responsabbilità delittwali, inkluża l-azzjoni għal konstatazzjoni negattiva ta’ vjolazzjoni fil-qasam ta’ disinni Komunitarji? Konsegwentement, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 jew dik prevista fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 japplikaw f’dan il-każ, jew l-għażla tal-qorti tappartjeni lir-rikorrent?

Fil-każ fejn talbiet għal konstatazzjoni ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti u ta’ kompetizzjoni inġusta jitressqu fil-kuntest ta’ tilwima fil-qasam ta’ disinni Komunitarji li magħhom għandhom rabta ta’ konnessjoni, sa fejn l-ammissibbiltà tagħhom tippreżupponi li tintlaqa’ minn qabel l-azzjoni għal konstatazzjoni negattiva, dawn it-talbiet jistgħu jingħaqdu mat-tilwima quddiem l-istess qorti, skont interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001?

Iż-żewġ talbiet imsemmija [fid-domanda preċedenti] jikkostiwixxu każ ta’ responsabbiltà delittwali? Fil-każ ta’ risposta affermattiva, dawn it-talbiet jista’ jkollhom effett fuq l-applikabbiltà għal dan il-każ tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 (Artikolu 5(3)) jew tar-Regolament (KE) Nru 2/2006 dwar il-ġurisdizzjoni?

____________